Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016H0818(13)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2016 tal-Iżvezja

    ĠU C 299, 18.8.2016, p. 53–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 299/53


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Lulju 2016

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Iżvezja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2016 tal-Iżvezja

    (2016/C 299/13)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lill-Iżvezja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

    (2)

    Ir-rapport tal-pajjiż tal-2016 għall-Iżvezja ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Iżvezja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż adottata mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress li għamlet l-Iżvezja lejn il-miri nazzjonali tagħha ta' Europa 2020. Dan lesta wkoll l-analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Iżvezja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. Partikolarment, id-dejn domestiku għoli u li qed jiżdied assoċjat mal-prezzijiet għalja tal-akkomodazzjoni u li qed ikomplu jogħlew f'kuntest ta' flussi ta' kreditu pożittivi, joħloq riskji ta' korrezzjoni diżordnata b'implikazzjonijiet għall-ekonomija reali u s-settur bankarju. Ittieħdu miżuri ta' politika fil-qasam makroprudenzjali, li madankollu jista' jkun li mhumiex suffiċjenti. Għad baqa' lakuni fil-politika fil-qasam tat-tassazzjoni relatata mal-akkomodazzjoni, l-amortizzazzjoni ipotekarja, il-funzjonament tal-provvista tal-akkomodazzjoni u s-suq tal-kera.

    (3)

    Fit-28 ta' April 2016, l-Iżvezja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tagħha u l-Programm ta' Konverġenza tal-2016 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (4)

    Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba.

    (5)

    Bħalissal-Iżvezja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2016, il-gvern qed jippjana li jilħaq bilanċ nominali ta' -0,4 % tal-PDG u li jkompli jirrispetta l-objettiv baġitarju ta' terminu medju — defiċit strutturali ta' 1 % tal-PDG — matul il-perjodu kollu tal-programm. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG mistenni li jinżel għal 42,5 % fl-2016 u jkompli jinżel għal 39,1 % fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli għall-2016 u kawt għaż-żmien ta' wara. Abbażi tat-tbassir tar-Rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li ser ikun -0,5 % fl-2016 u -0,9 % tal-PDG fl-2017, aktar mill-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Kull devjazzjoni li tista' sseħħ fil-futur ser tiġi vvalutata fid-dawl tar-rekwiżit li l-bilanċ strutturali jinżamm skont l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u filwaqt li jqis t-tbassir tar-Rebbiegħa 2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Iżvezja hija mistennija tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (6)

    Id-dejn tal-unitajiet domestiċi huwa f'livell għoli ħafna fl-Iżvezja u ilu jikber b'waħda mill-aktar rati mgħaġġla fl-Unjoni matul dawn l-aħħar għaxar snin. Il-proporzjon tad-dejn tal-unitajiet domestiċi mal-introjtu disponibbli annwali kien ta' 175 % fl-2015 skont l-istimi tar-Riksbank (il-Bank Ċentrali tal-Iżvezja), u b'relazzjoni mal-PDG kien ta' 87 %. L-Iżvezja għandha waħda mill-ogħla inċentivi tat-taxxa għal sjieda tal-akkomodazzjoni fl-Unjoni minħabba t-taxxi relattivament baxxi fuq il-proprjetà, u tnaqqis għal imgħax għoli ta' self ipotekarju. Il-livell għoli tad-dejn tal-unitajiet domestiċi jikkostitwixxi riskju għall-istabbiltà makroekonomika. Il-Gvern ħa xi passi biex irażżan id-dejn tal-unitajiet domestiċi, inkluż leġislazzjoni li għandha l-għan li timponi rekwiżiti mandatorji ta' amortizzament fuq self ipotekarju, li l-Parlament adotta fit-23 ta' Marzu 2016. L-adozzjoni ta' din il-miżura ewlenija ddewmet b'mod sinifikanti minħabba kwistjonijiet li tqajmu dwar il-mandat legali tal-awtorità makroprudenzjali tal-Iżvezja li tintroduċi dan ir-rekwiżit. Hemm riskju li miżuri oħrajn li jistgħu jkunu meħtieġa biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi dejjem jiżdiedu tal-Iżvezja jiddewmu bl-istess mod sakemm ma jiġix rivedut il-qafas legali dwar il-kompetenza tal-awtorità makroprudenzjali. Fl-aħħar nett, il-gvern ma ħa l-ebda azzjoni biex jaġġusta l-inċentivi fiskali billi, pereżempju, inaqqas id-deduċibbiltà mit-taxxa tal-imgħax ipotekarju jew jirrevedi t-tassazzjoni fuq il-proprjetà.

    (7)

    Is-suq Żvediż tal-akkomodazzjoni jibqa' sors potenzjali ta' instabbiltà. Il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni żdiedu kważi b'mod kostanti matul dawn l-aħħar 20 sena, b'mod partikolari fiż-żoni metropolitani ta' Stokkolma u ta' Gothenburg. Il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni baqgħu jogħlew mhux biss minħabba fatturi fundamentali b'saħħithom, bħal żieda fl-introjtu disponibbli, iżda wkoll minħabba l-ineffiċjenzi strutturali tas-suq tal-akkomodazzjoni. Il-provvista tal-akkomodazzjoni hija mxekkla minn użu ineffettiv tal-istokk eżistenti tal-akkomodazzjoni, livell għoli ta' kontroll fuq il-kera, kompetizzjoni dgħajfa fis-settur tal-kostruzzjoni, nuqqas ta' disponibbiltà ta' art għal kostruzzjoni ġdida u proċeduri twal u kumplessi għall-ippjanar. L-istruttura eżistenti tat-tranżazzjoni tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali minn bejgħ ta' proprjetà immobbli jillimita l-potenzjal ta' użu aktar effiċjenti tal-istokk eżistenti tal-akkomodazzjoni. L-ineffiċjenzi strutturali jirriżultaw f'nuqqas ta' investiment fl-akkomodazzjoni u nuqqas mifrux ta' akkomodazzjoni, u jikkontribwixxu għaż-żieda persistenti fil-prezzijiet tal-akkomodazzjoni. In-nuqqas ta' akkomodazzjoni disponibbli u bi prezz affordabbli jillimita wkoll il-mobilità tas-suq tax-xogħol u huwa ostaklu għall-integrazzjoni effettiva tal-immigranti fis-suq tax-xogħol. Il-Gvern ħa xi miżuri, inkluża żieda fil-finanzjament pubbliku għall-investimenti fis-settur tal-akkomodazzjoni u ssimplifika xi proċeduri tal-ippjanar. F'Diċembru 2015, inkjesta dwar il-kompetizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni ħarġet b'serje ta' miżuri possibbli, bħaż-żieda fit-trasparenza fil-qasam tal-kuntratti tal-akkomodazzjoni pubblika. Madankollu, il-Gvern ma għamel l-ebda progress fir-riforma tas-sistema li tistabbilixxi l-kera.

    (8)

    Minkejja l-prestazzjoni relattivament tajba tal-investiment, l-Iżvezja qed tiffaċċa sfidi li jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-kompetittività fit-tul tal-pajjiż. B'mod partikolari, l-ineffiċjenzi strutturali tas-suq tal-akkomodazzjoni jxekklu l-investiment f'dan il-qasam. Investiment fl-infrastruttura biex titjieb il-konnettività fiż-żoni urbani u bejniethom mhux suffiċjenti minħabba l-limitazzjonijiet ikkawżati minn nuqqas ta' akkomodazzjoni.

    (9)

    F'dawn l-aħħar għaxar snin l-Iżvezja esperjenzat l-akbar tnaqqis fil-prestazzjoni edukattiva taż-żgħażagħ ta' 15-il sena mill-pajjiżi kollha tal-OECD fl-istħarriġ PISA u issa għandha prestazzjoni taħt il-medja tal-UE kif ukoll taħt dik tal-OECD. Riżultati li qed imorru għall-agħar fl-edukazzjoni skolastika qed jheddu li jpoġġu pressjoni fuq il-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-Iżvezja fuq terminu twil. Differenza kbira bejn il-prestazzjoni ta' studenti bi sfond ta' migrazzjoni u dawk li ma għandhomx sfond ta' migrazzjoni tkabbar l-isfida fl-edukazzjoni. Dan id-differenza jixirqilha attenzjoni partikolari fid-dawl tal-għadd kbir ta' żgħażagħ migranti li għadhom kif waslu u li jridu jiġu integrati fis-sistema edukattiva. Mekkaniżmi ta' finanzjament tal-iskejjel mhux ċari flimkien ma' monitoraġġ mhux sistematiku tal-użu tal-fondi fil-livelli differenti tas-sistema skolastika jtellfu milli r-riżorsi jintużaw b'mod effiċjenti. Il-Gvern poġġa għad-dispożizzjoni fondi addizzjonali biex ittejjeb ir-riżultati u l-ugwaljanza skolastiċi, u qed jieħu passi biex jintegra l-migranti ġodda fis-sistema edukattiva.

    (10)

    L-influss kbir ta' refuġjati tas-sena l-oħra għandu għadd ta' konsegwenzi soċjali u ekonomiċi għall-Iżvezja. Filwaqt li fit-terminu l-qasir, l-influss tar-refuġjati huwa mistenni li jżid in-nefqa pubblika u li ser joħloq domanda domestika akbar, u b'hekk jgħolli l-PDG, l-effett fuq terminu medju fuq l-impjiegi u t-tkabbir jiddependi fuq l-integrazzjoni b'suċċess tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol u soċjali, inkluż permezz ta' appoġġ edukattiv. Din il-kwistjoni hija 'l fuq ħafna fl-aġenda politika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istat Membru u ser tiġi mmonitorjata u analizzata mill-qrib, inkluż fir-rapport tal-pajjiż tal-2017.

    (11)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Iżvezja u ppublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Iżvezja fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Iżvezja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjoni Nru (1) hawn taħt.

    (12)

    Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza u huwa tal-opinjoni (4) li l-Iżvezja hija mistennija tikkonforma mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    (13)

    Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni Nru (1) ta' hawn taħt.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja tieħu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:

    1.

    Tindirizza ż-żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi billi taġġusta l-inċentivi fiskali, b'mod partikolari billi tillimita gradwalment id-deduċibbiltà tat-taxxa fuq il-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki jew billi żżid it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà. Tiżgura li l-awtorità makroprudenzjali jkollha l-mandat legali biex timplimenta miżuri li jissalvagwardjaw l-istabbiltà finanzjarja fil-ħin. Trawwem l-investiment fl-akkomodazzjoni u ttejjeb l-effiċjenza tas-suq tal-akkomodazzjoni, inkluż billi tintroduċi aktar flessibbiltà fl-istipular tal-prezzijiet tal-kiri u billi tirrevedi l-istruttura tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali sabiex tiffaċilita aktar tranżazzjonijiet fl-akkomodazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. KAŽIMÍR


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (4)  Taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top