Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016H0818(12)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2016 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Ungerija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2016 tal-Ungerija

    ĠU C 299, 18.8.2016, p. 49–52 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 299/49


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-12 ta' Lulju 2016

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2016 tal-Ungerija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-2016 tal-Ungerija

    (2016/C 299/12)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2016. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fis-17-18 ta' Marzu 2016. Fis-26 ta' Novembru 2015, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih hija identifikat lill-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li fir-rigward tiegħu kellha ssir analiżi fil-fond.

    (2)

    Ir-rapport għal kull pajjiż tal-2016 għall-Ungerija ġie ppubblikat fis-26 ta' Frar 2016. Huwa vvaluta l-progress li għamlet l-Ungerija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fl-14 ta' Lulju 2015 u l-progress tal-Ungerija lejn il-miri nazzjonali tal-Ewropa 2020. Kien jinkludi wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Fit-8 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-analiżi fil-fond. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Ungerija ma għandha l-ebda żbilanċi makroekonomiċi. B'mod partikolari, għalkemm il-ħtieġa għolja ta' rifinanzjament tad-dejn estern u s-sehem ta' self improduttiv jibqgħu ta' tħassib, ir-riskji marbuta ma' obbligazzjonijiet esterni u interni tnaqqsu.

    (3)

    Fid-29 ta' April 2016, l-Ungerija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2016 u l-Programm ta' Konverġenza tagħha tal-2016. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (4)

    Rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet aktar dettalji dwar kif ser tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-governanza ekonomika soda.

    (5)

    Il-Programm ta' Konverġenza jindika li l-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali tar-refuġjati huwa sinifikanti u addendum tas-6 ta' Mejju jipprovdi evidenza adegwata tal-portata u n-natura ta' dawn il-kostijiet baġitarji addizzjonali. Skont il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, in-nefqa addizzjonali eliġibbli kienet tammonta għal 0,04 % tal-PDG fl-2015 u bħalissa ma huma mistennija l-ebda kostijiet inkrimentali oħra fl-2016. Id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, billi l-influss ta' refuġjati huwa avveniment ta' darba, l-impatt tiegħu fuq il-finanzi pubbliċi fl-Ungerija huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tkunx ippreġudikata billi tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-perkors tal-aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Għaldaqstant, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju għall-2015 tnaqqas biex jieħu kont ta' dawn il-kostijiet. Fir-rigward tal-2016, valutazzjoni finali, inkluż dwar l-ammonti eliġibbli, ser issir fir-rebbiegħa tal-2017 fuq il-bażi tad-data osservata kif ipprovduta mill-awtoritajiet tal-Ungerija.

    (6)

    Bħalissal-Ungerija qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u hija suġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta' Konverġenza tal-2016 tiegħu, il-Gvern qed jippjana li d-defiċit nominali jiżdied għal 2,4 % tal-PDG fl-2017 u mbagħad jonqos gradwalment għal 1,2 % sal-2020. Il-Gvern qed jippjana titjib gradwali tal-bilanċ strutturali sabiex jilħaq l-objettiv baġitarju rivedut fit-terminu medju tiegħu — defiċit ta' 1,5 % tal-PDG f'termini strutturali — sal-2019. Madankollu, id-defiċit strutturali kkalkulat mill-ġdid (4) jibqa' ogħla mill-objettiv baġitarju fit-terminu medju. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jonqos gradwalment minn 75,3 % fl-2015 għal inqas minn 65 % fl-2020. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa fil-biċċa l-kbira plawżibbli sal-2017 u jsir dejjem aktar favorevoli minn hemm 'il quddiem. Il-miżuri meħtieġa biex jiġu sostnuti l-miri tad-defiċit ippjanati mill-2017 'il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed, b'mod partikolari għal wara l-2017. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, hemm riskju għoli ta' devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament meħtieġ fl-2016 u wkoll, b'politiki mhux mibdula, fl-2016 u l-2017 meħuda flimkien. Fl-istess ħin, l-Ungerija hija prevista li tikkonforma mal-punt ta' riferiment tat-tnaqqis tad-dejn fl-2016 u fl-2017. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u filwaqt li jqis it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2016 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskju li l-Ungerija ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għaldaqstant, ser ikunu meħtieġa aktar miżuri fis-sentejn li huma sabiex tiġi żgurata l-konformità.

    (7)

    L-iżbilanċi finanzjarji interni tnaqqsu u s-sistema bankarja saret anqas vulnerabbli, iżda għad fadal sfidi. Sar progress konsiderevoli fit-tnaqqis tad-dejn tas-settur privat, li qabel kien l-aktar denominat f'muniti barranin. Is-self lill-unitajiet domestiċi wera sinjali ta' rkupru, iżda rkupru totali fis-self korporattiv għadu ma seħħx. Il-profittabilità tas-settur bankarju qed tirkupra, megħjuna mit-titjib fl-ambjent ekonomiku u minn moderazzjoni tal-politiki preċedenti fir-rigward tat-taxxi fuq il-banek. Madankollu, il-banek jibqgħu kawti fis-self tagħhom, ukoll jekk huma kapitalizzati sew u likwidi ħafna. L-isfida ewlenija li jibqa' għall-banek hija li jnaqqsu s-sehem li għadu għoli ta' self improduttiv li jfixkel is-self ġdid u jagħmel pressjoni fuq il-profitti. Ir-riskji ta' obbligazzjonijiet kontinġenti relatati maż-żieda fis-sjieda tal-Istat fis-settur bankarju għadhom għoljin.

    (8)

    Minkejja titjib reċenti konsiderevoli fil-politiki fiskali u fl-amministrazzjoni tat-taxxa, id-dipendenza tal-Ungerija fuq taxxi speċifiċi għas-setturi għadha xkiel potenzjali għall-investiment. Id-disinn selettiv ta' dawn it-taxxi joħloq distorsjonijiet bejn is-setturi. Filwaqt li bosta taxxi oħrajn speċifiċi għas-setturi għadhom fis-seħħ, l-imposta fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu tnaqqset b'mod sinifikanti u r-rati progressivi tat-tariffa tal-ispezzjoni tal-ikel tħassru. Il-feles ta' taxxa fuq ix-xogħol għal dawk bi dħul baxx għadu għoli, speċjalment għal dawk mingħajr tfal. Dan jista' jkollu impatt negattiv fuq l-impjegabilità tagħhom u jista' wkoll ifixkel l-investiment. Ittieħdu passi biex jitnaqqas il-feles ta' taxxa (inkluż tnaqqis ta' punt perċentwali wieħed fir-rata tat-taxxa uniformi tat-taxxa fuq l-introjtu personali u żieda tal-konċessjoni tat-taxxa għall-familji għal dawk il-kontribwenti li għandhom żewġt itfal). Madankollu, il-miżuri mhumiex immirati tajjeb biżżejjed biex ikollhom effett sinifikanti għal persuni bi dħul baxx. Hemm potenzjali biex il-piż tat-taxxa jitnaqqas minn fuq ix-xogħol u jiżdied fuq oqsma li joħolqu inqas distorsjoni għat-tkabbir. Ittieħdu bosta miżuri biex titjieb il-konformità u biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-konformità, għalkemm l-ispejjeż tal-konformità mar-regoli tat-taxxa għadhom għoljin. Minkejja t-titjib fis-snin reċenti, l-Ungerija għadha qed tħabbat wiċċha ma' sfidi fir-rigward tal-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxa. Il-Gvern ħabbar riforma istituzzjonali sostanzjali, li għandha titnieda fl-2016, li hija mmirata lejn l-effiċjenza fl-amministrazzjoni tat-taxxa.

    (9)

    Sar progress limitat fir-rigward tal-promozzjoni tal-kompetizzjoni u t-trasparenza fl-akkwist pubbliku (pereżempju, billi ġie adottat l-Att dwar l-Akkwist Pubbliku l-ġdid, li l-konformità tiegħu mad-dritt tal-UE għad trid tiġi vvalutata), filwaqt li bidliet regolatorji imprevedibbli u l-piż amministrattiv ifixklu n-negozju u l-investiment privat. In-numru għoli ta' proċeduri nnegozjati mingħajr pubblikazzjoni, u għotjiet ta' kuntratti b'offerta waħda, juru li l-livell baxx ta' kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku għadu jippersisti. F'Mejju 2016, il-Gvern ippreżenta strateġija għall-akkwist elettroniku. L-implimentazzjoni u l-impatt tagħha fuq it-titjib tal-effiċjenza u t-trasparenza jeħtieġ li jiġu mmonitorjati u jibqa' r-riskju ta' korruzzjoni. Ikunu meħtieġa bidliet sabiex il-Programm Nazzjonali ta' Azzjoni kontra l-Korruzzjoni (National Anti-Corruption Action Programme — NAP) il-ġdid tal-2015-2018 isir aktar effikaċi fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fl-applikazzjoni ta' sanzjonijiet dissważivi. Il-Gvern ma ġeddidx l-impenn preċedenti tiegħu li jirrevedi l-liġi tal-informaturi tal-2013, li hija nieqsa minn dispożizzjonijiet li jipproteġu b'mod adegwat lill-informaturi mir-ritaljazzjoni. Il-pjanijiet tal-PNA għar-reviżjoni tas-sistema tad-dikjarazzjoni tal-assi huma nieqsa mill-ambizzjoni u emendi leġislattivi ġodda li għaddew fl-2015 introduċew xi restrizzjonijiet oħra għall-aċċess pubbliku għall-informazzjoni. Il-Gvern ħa passi biex inaqqas il-piż amministrattiv, iżda r-regolamenti restrittivi tal-Ungerija fis-setturi tas-servizzi u ambjent regolatorju volatili għadhom ta' tħassib għan-negozji u b'hekk joħolqu inċertezza għall-investituri. Restrizzjonijiet għall-istabbiliment u operazzjonali fuq is-settur tal-bejgħ bl-imnut jikkostitwixxu ostakli sinifikanti għad-dħul u għall-espansjoni. Il-mark-ups fis-settur tal-bejgħ bl-imnut Ungeriż huma t-tielet l-ogħla fl-Unjoni u żdiedu kontinwament għal dawn l-aħħar għaxar snin filwaqt li l-indikatur tal-effiċjenza allokattiva huwa fost l-aktar baxxi fl-Unjoni.

    (10)

    L-iżviluppi reċenti tas-suq tax-xogħol huma favorevoli fl-Ungerija, u l-qgħad niżel għal-livelli ta' qabel il-kriżi. Il-ħolqien tal-impjiegi fis-settur privat qed jiżdied, iżda l-iskema tax-xogħlijiet pubbliċi kkontribwiet ukoll għat-tnaqqis tal-qgħad. L-iskema hija l-politika attiva tas-suq tax-xogħol ewlenija fl-Ungerija. Il-kost baġitarju tagħha żdied b'aktar minn erba' darbiet matul l-aħħar ħames snin. Madankollu, l-iskema ma jidhirx li ttejjeb biżżejjed l-integrazzjoni mill-ġdid tal-parteċipanti fis-suq tax-xogħol miftuħ. Fl-ewwel nofs tal-2015, ir-rata ta' ħruġ b'suċċess mill-iskema lejn impjieg regolari kienet ta' 13,1 %, iżda madwar 60 % tal-parteċipanti li ħarġu minnha f'dak il-perjodu rritornaw lura għall-iskema fi żmien 180 jum. Dan joħloq riskju sinifikanti li l-parteċipanti jinqabdu fl-iskema, b'mod partikolari ħaddiema b'livell baxx ta' kompetenzi u persuni f'reġjuni żvantaġġati. Minkejja li l-iskema hija mmirata lejn dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, lejn il-ħaddiema b'livell baxx ta' kompetenzi u lejn il-persuni qiegħda li jgħixu f'żoni żvantaġġati, 47 % tal-parteċipanti fl-2015 kellhom edukazzjoni sekondarja jew terzjarja. Il-proporzjon ta' persuni qiegħda involuti f'xogħlijiet pubbliċi huwa wkoll sinifikanti f'kontej bi swieq tax-xogħol bi prestazzjoni tajba. Ir-riforma reċenti tas-servizz tal-impjieg pubbliku huwa probabbli li tagħmlu inqas effikaċi. Il-kumplessità amministrattiva tal-arranġamenti ta' ġestjoni — attwalment ir-responsabilità għas-servizz pubbliku tal-impjiegi hija mifruxa bejn erba' ministeri — tista' tikkomprometti b'mod sinifikanti t-tmexxija effettiva u orjentazzjoni akbar lejn ir-riżultati. It-tul massimu tal-benefiċċji tal-qgħad (tliet xhur) huwa l-aktar wieħed baxx fl-Unjoni u huwa ħafna iqsar miż-żmien medju meħtieġ biex jinstab impjieg. L-indikaturi tal-faqar qed jitjiebu, iżda għadhom għoljin, speċjalment fost dawk l-aktar żvantaġġati, b'mod partikolari r-Rom u t-tfal. L-adegwatezza u l-kopertura tal-assistenza soċjali jibqgħu sfida u r-riformi reċenti jistgħu jirrestrinġu aktar il-kundizzjonijiet tal-aċċess għal numru ta' benefiċċji.

    (11)

    Il-prestazzjoni medja ta' studenti Ungeriżi f'ħiliet bażiċi kienet taħt il-medja tal-UE fil-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (Programme for International Student Assessment — PISA) tal-OECD għall-2012 u l-proporzjon ta' dawk li kisbu riżultati baxxi żdied bejn l-2009 u l-2012. L-influwenza tal-isfond soċjoekonomiku u l-post fejn tkun tinsab l-iskola fuq il-prestazzjoni edukattiva hija fost l-aktar qawwija fl-Unjoni. Is-selettività tas-sistema edukattiva tkabbar id-differenzi fil-prestazzjoni bejn l-istudenti f'tipi differenti ta' skejjel u dawn id-differenzi jikbru maż-żmien. In-nuqqas ta' aċċess ugwali għal edukazzjoni ordinarja ta' kwalità hija partikolarment akuta għar-Rom. Bl-eċċezzjoni ta' edukazzjoni bikrija tat-tfal, fejn kien hemm titjib sinifikanti f'dawn l-aħħar snin, għad baqa' differenzi kbar bejn ir-rati ta' tlestija tal-edukazzjoni minn studenti Rom u dawk li mhumiex Rom fil-livelli edukattivi kollha, jiġifieri dak primarju, sekondarju u terzjarju. It-tluq bikri mill-iskola għadu għoli fost ir-Rom. L-Ungerija introduċiet għadd ta' miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw b'mod aktar effettiv il-prestazzjoni baxxa. Madanakollu, dettalji importanti dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri mhumiex disponibbli, u għalhekk kien diffiċli li wieħed jevalwa l-impatt potenzjali tagħhom. Approċċ sistematiku għall-promozzjoni ta' edukazzjoni ordinarja inklużiva għad irid jiġi żviluppat. Il-pjan imħabbar ta' implimentazzjoni għall-istrateġija tat-tluq bikri mill-iskola għad irid jiġi ppubblikat. It-transizzjoni bejn forom u stadji differenti tal-edukazzjoni għadha diffiċli u l-implimentazzjoni ta' riformi reċenti fl-edukazzjoni vokazzjonali għandhom ikunu mmirati lejn l-iffaċilitar tat-transizzjonijiet.

    (12)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ungerija u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2016. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Ungerija fi snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Ungerija, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata input fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) ta' hawn taħt.

    (13)

    Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2016 u l-2017 biex:

    1.

    Fid-dawl tar-riskju għoli ta' devjazzjoni sinifikanti, tikseb aġġustament fiskali annwali ta' 0,3 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju fit-terminu medju fl-2016 u ta' 0,6 % tal-PDG fl-2017 sakemm l-objettiv baġitarju fit-terminu medju ma jkunx irrispettat bi sforz iżgħar, billi tieħu l-miżuri strutturali neċessarji.

    2.

    Tkompli tnaqqas taxxi speċifiċi għas-setturi u tnaqqas il-feles ta' taxxa għal dawk bi dħul baxx. Issaħħaħ it-trasparenza u l-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku permezz tal-akkwist elettroniku, permezz ta' żieda fil-pubblikazzjoni tas-sejħiet għall-offerti u permezz ta' titjib ulterjuri tal-qafas ta' kontra l-korruzzjoni. Ittejjeb l-ambjent regolatorju fis-settur tas-servizzi u dak tal-bejgħ bl-imnut billi tindirizza r-regolamenti restrittivi u tiżgura l-prevedibbiltà.

    3.

    Tiffaċilita t-transizzjoni mill-iskema tax-xogħlijiet pubbliċi għas-suq tax-xogħol primarju u ssaħħaħ politiki attivi oħra tas-suq tax-xogħol. Ittejjeb l-adegwatezza u l-kopertura tal-assistenza soċjali u l-benefiċċji tal-qgħad. Tieħu miżuri biex ittejjeb ir-riżultati edukattivi u biex iżżid il-parteċipazzjoni ta' gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari r-Rom, fl-edukazzjoni ordinarja inklużiva.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Lulju 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. KAŽIMÍR


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).

    (4)  Il-bilanċ strutturali kif ikkalkulat mill-ġdid mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni fil-programm ta' konverġenza, skont il-metodoloġija maqbula b'mod komuni.

    (5)  Taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


    Top