Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2100

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2100 tat-30 ta' Novembru 2016 li tiddetermina li s-sospensjoni temporanja tad-dazji tad-dwana preferenzjali stabbilita taħt il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, mhix xierqa għall-importazzjoni tal-banana li toriġina mill-Perù għas-sena 2016

C/2016/7708

ĠU L 326, 1.12.2016, pp. 16–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2100/oj

1.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/16


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2100

tat-30 ta' Novembru 2016

li tiddetermina li s-sospensjoni temporanja tad-dazji tad-dwana preferenzjali stabbilita taħt il-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, mhix xierqa għall-importazzjoni tal-banana li toriġina mill-Perù għas-sena 2016

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

Mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana ġie introdott bil-Ftehim ta' Kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, li japplika provviżorjament bejn il-partijiet fir-rigward tal-Kolombja u l-Perù mill-1 ta' Awwissu 2013 u mill-1 ta' Marzu 2013 rispettivament.

(2)

Skont dan il-mekkaniżmu, u skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013, ġaladarba jinqabeż volum ta' skattar definit għall-importazzjonijiet ta' banana friska (intestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta' Jannar 2012) minn wieħed mill-pajjiżi konċernati, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta' implimentazzjoni li jista' jissospendi temporanjament id-dazju doganali preferenzjali applikat fuq l-importazzjonijiet tal-banana friska għal dak il-pajjiż jew jiddetermina li tali sospensjoni mhix xierqa.

(3)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tittieħed skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

(4)

L-importazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea ta' banana friska li joriġinaw fil-Perù qabżu l-limitu ta' 90 000 tunnellati metriċi definit mill-Ftehim imsemmi hawn fuq fl-24 ta' Ottubru 2016.

(5)

F'dan il-kuntest, skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) Nru 19/2013, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-impatt tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-qagħda tas-suq tal-Unjoni għall-banana sabiex tiddeċiedi jekk id-dazju doganali preferenzjali għandux jiġi sospiż. Għal dan l-għan il-Kummissjoni eżaminat l-effett tal-importazzjonijiet ikkonċernati fuq il-livell tal-prezzijiet fl-Unjoni, l-iżvilupp tal-importazzjonijiet minn sorsi oħra u l-istabbiltà ġenerali tas-suq tal-Unjoni għal banana friska.

(6)

L-importazzjonijiet ta' banana friska mill-Perù rrappreżentaw 4,3 % tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni Ewropea ta' banana friska suġġetti għall-mekkaniżmu tal-istabbilizzazzjoni tal-banana meta dawn qabżu l-livell limitu tagħhom għall-2016. Barra minn dan, fuq il-bażi tal-perjodu Jannar — Awwissu 2016, il-Perù jirrappreżenta biss 2 % tal-importazzjonijiet totali tal-banana friska fl-Unjoni Ewropea. Ibbażati fuq projezzjoni tal-importazzjonijiet sal-aħħar tal-2016 u b'mod li jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-importazzjonijiet ta' kull xahar s'issa fl-2016, huwa improbabbli li l-importazzjonijiet tal-banana mill-Perù jaqbżu t-2 % tal-importazzjonijiet totali għas-sena sħiħa tal-2016, jiġifieri l-livell tal-importazzjonijiet annwali jkun jikkorrispondi għal dak tal-2015.

(7)

Il-prezz tal-importazzjonijiet mill-Perù kien bħala medja EUR 718 għal kull tunnellata għall-ewwel tmien xhur tal-2016, li huwa 13 % ogħla mill-prezzijiet medji ta' importazzjonijiet totali tal-banana friska fl-UE.

(8)

L-importazzjonijiet ta' banana friska minn pajjiżi esportaturi kbar tradizzjonali oħra li magħhom l-UE wkoll għandha Ftehim ta' Kummerċ Ħieles, b'mod notevoli l-Kolombja, il-Costa Rica u l-Panama, baqgħu sa Ottubru 2016 fil-biċċa l-kbira taħt il-livelli limitu definiti għalihom fil-mekkaniżmi ta' stabbilizzazzjoni komparabbli, u dawn segwew tendenzi u valuri tal-unitajiet simili matul dawn l-aħħar erba' snin. Pereżempju l-livell ta' importazzjonijiet mill-Kolombja u l-Costa Rica kienu rispettivament 792-il elf tunnellata u 521 elf tunnellata taħt il-limiti definiti f'Ottubru 2016, li huwa konsiderevolment ogħla mil-livell tal-iskattar totali għall-Perù għal sena sħiħa (90 elf tunnellata).

(9)

Il-prezz bl-ingrossa medju tal-banana fuq is-suq tal-Unjoni fil-bidu ta' Ottubru 2016 (EUR 903/tunnellata) ma rreġistrax tibdil notevoli kkumparat mal-prezzijiet medji bl-ingrossa tal-banana safra għax-xhur ta' qabel.

(10)

Għaldaqstant la hemm indikazzjoni li l-istabbiltà tas-suq tal-Unjoni kienet disturbata mill-importazzjonijiet ta' banana friska mill-Perù li jeċċedu l-volum ta' importazzjoni ta' skattar annwali definit, u lanqas li dan kellu xi impatt sinifikanti fuq is-sitwazzjoni tal-produtturi tal-UE.

(11)

Fl-aħħar nett, ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' theddida ta' deterjorament serju jew deterjorament serju għall-produtturi fir-reġjuni periferiċi tal-UE f'Ottubru 2016.

(12)

Abbażi tal-eżaminazzjoni ta' hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sospensjoni tad-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjoni tal-banana li toriġina mill-Perù mhix xierqa,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Is-sospensjoni temporanja tad-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjonijiet tal-banana friska kklassifikata taħt l-intestatura 0803 90 10 tan-Nomenklatura Magħquda tal-Unjoni Ewropea u li toriġina mill-Perù mhijiex xierqa matul is-sena 2016.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Novembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)   ĠU L 17, 19.1.2013, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Top