Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2047

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2047 tat-18 ta' Novembru 2016 dwar it-tnedija fid-Danimarka tal-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar id-DNA

    ĠU L 318, 24.11.2016, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2047/oj

    24.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 318/8


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2047

    tat-18 ta' Novembru 2016

    dwar it-tnedija fid-Danimarka tal-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar id-DNA

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (2),

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-forniment ta' data personali previst skont dik id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fil-Kapitolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni ma jkunux ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji tal-Istati Membri involuti f'tali forniment.

    (2)

    L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI (3) jipprevedi li l-verifika li l-kondizzjoni ta' hawn fuq tkun ġiet issodisfata fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta' data f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI għandha ssir abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju, żjara ta' evalwazzjoni u prova pilota.

    (3)

    Id-Danimarka informat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill dwar il-fajls nazzjonali tal-analiżi tad-DNA li għalihom japplikaw l-Artikoli 2 sa 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u l-kondizzjonijiet għal tiftix awtomatizzat kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) ta' dik id-Deċiżjoni f'konformità mal-Artikolu 36(2) ta' dik id-Deċiżjoni.

    (4)

    Skont il-punt 1.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta' data u għandu jintwieġeb minn Stat Membru hekk kif huwa jemmen li huwa jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta' data.

    (5)

    Id-Danimarka lestiet il-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar l-iskambju ta' data dwar id-DNA.

    (6)

    Id-Danimarka wettqet b'suċċess prova pilota man-Netherlands.

    (7)

    Saret żjara ta' evalwazzjoni fid-Danimarka u l-grupp ta' evalwazzjoni Nederlandiż fassal rapport dwar iż-żjara ta' evalwazzjoni li ntbagħat lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill.

    (8)

    Ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sinteżi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjara ta' evalwazzjoni u tal-prova pilota fir-rigward tal-iskambju ta' data dwar id-DNA.

    (9)

    Fit-12 ta' Lulju 2016 il-Kunsill ikkonkluda li d-Danimarka kienet implimentat għalkollox id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fil-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    (10)

    Għalhekk, għall-finijiet ta' tiftix awtomatizzat ta' data dwar id-DNA, id-Danimarka għandha tkun intitolata li tirċievi u tforni data personali bis-saħħa tal-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    (11)

    Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    (12)

    L-Irlanda hi marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

    (13)

    Ir-Renju Unit hu marbut bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet tat-tiftix u l-ipparagunar awtomatizzati ta' data dwar id-DNA, id-Danimarka hija intitolata li tirċievi u tforni data personali bis-saħħa tal-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI mill-25 ta' Novembru 2016.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Novembru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    R. KALIŇÁK


    (1)  ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1.

    (2)  Opinjoni tal-25 ta' Ottubru 2016 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).


    Top