Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1968

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1968 tad-9 ta' Novembru 2016 li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta mal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fl-Ungerija (notifikata bid-dokument C(2016) 7245) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE )

    C/2016/7245

    ĠU L 303, 10.11.2016, p. 23–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/12/2016; Imħassar b' 32016D2122

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1968/oj

    10.11.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 303/23


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1968

    tad-9 ta' Novembru 2016

    li tikkonċerna ċerti miżuri protettivi marbuta mal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 fl-Ungerija

    (notifikata bid-dokument C(2016) 7245)

    (Il-verżjoni Ungeriża biss hija awtentika)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar veterinarju u żootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikulari l-Artikolu 10(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva tal-għasafar, li tinkludi t-tjur. L-infezzjonijiet bil-vajrusis tal-influwenza avjarja fit-tjur domestiċi jagħtu lok għal żewġ forom ta' dik il-marda li jingħarfu mill-virulenza tagħhom. Ġeneralment, it-tip b'patoġeniċità baxxa jwassal għal sintomi ħfief biss, filwaqt li t-tip b'patoġeniċità għolja jirriżulta f'rati għoljin ferm ta' mwiet fil-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet tat-tjur. Dik il-marda jista' jkollha impatt serju fuq il-profittabbiltà tat-trobbija tat-tjur.

    (2)

    Minkejja li l-influwenza avjarja tinstab primarjament fl-għasafar, l-infezzjoni bil-vajrus kawżattiv okkorriet okkażjonalment u taħt ċerti ċirkostanzi fil-bnedmin ukoll.

    (3)

    F'każ ta' tifqigħa tal-influwenza avjarja, hemm ir-riskju li l-aġent patoġeniku jista' jinxtered f'azjendi agrikoli oħrajn fejn jinżammu t-tjur jew għasafar oħrajn miżmuma fil-magħluq. B'hekk, jista' jinxtered minn Stat Membru għal Stati Membri oħrajn jew għal pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ fit-tjur ħajjin jew f'għasafar oħrajn miżmuma fil-magħluq jew fil-prodotti tagħhom.

    (4)

    Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri preventivi marbutin mas-sorveljanza u mad-detezzjoni bikrija tal-influwenza avjarja u l-miżuri minimi ta' kontroll li għandhom jiġu applikati f'każ ta' tifqigħa ta' dik il-marda fit-tjur jew f'għasafar oħrajn miżmuma fil-magħluq. Dik id-Direttiva tipprevedi l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza f'każ ta' tifqigħa tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja.

    (5)

    L-Ungerija nnotifikat lill-Kummissjoni dwar tifqigħa tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H5N8 f'azjenda agrikola fit-territorju tagħha fejn jinżammu tjur jew għasafar oħra miżmuma fil-magħluq u ħadet il-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE, inkluż l-istabbiliment ta' żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza.

    (6)

    Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri u ħarġet sodisfatta li l-fruntieri taż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza, stabbiliti mill-awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru, jinsabu 'l bogħod biżżejjed minn kwalunkwe azjenda agrikola fejn ġiet ikkonfermata tifqigħa.

    (7)

    Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn għall-kummerċ fl-Unjoni u biex jiġi evitat li pajjiżi terzi jimponu ostakli mhux iġġustifikati għall-kummerċ, jeħtieġ li jiġu definiti malajr fil-livell tal-Unjoni, b'kollaborazzjoni mal-Istat Membru affettwat, iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti fl-Ungerija.

    (8)

    Għaldaqstant, iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fl-Ungerija, fejn qed jiġu applikati l-miżuri ta' kontroll għas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Direttiva 2005/94/KE, għandhom jiġu ddefiniti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u għandu jiġi ffissat it-tul ta' żmien ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni.

    (9)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Ungerija għandha tiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fil-Partijiet A u B tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2016.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Novembru 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Vytenis ANDRIUKAITIS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

    (2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

    (3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).


    ANNESS

    PARTI A

    Iż-żona ta' protezzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1:

    ISO Kodiċi tal-pajjiż

    Stat Membru

    Kodiċi

    (jekk disponibbli)

    Isem

    Id-data sa meta dan jibqa' applikabbli skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2005/94/KE

    HU

    L-Ungerija

     

    L-erja li tinkludi:

     

     

     

     

    Il-partijiet tad-distrett ta' Orosháza tal-kontea ta' Békés u l-partijiet tad-distrett ta' Makó tal-kontea ta' Csongrád li jinsabu f'radjus ta' 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N46.39057; E20.74251; issuplimentati bl-erjas kompletament mibnija tal-lokalitajiet ta' Tótkomlós u Nagyér

    27.11.2016

    PARTI B

    Iż-żona ta' sorveljanza kif imsemmija fl-Artikolu 1:

    ISO Kodiċi tal-pajjiż

    Stat Membru

    Kodiċi

    (jekk disponibbli)

    Isem

    Id-data sa meta dan jibqa' applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

    HU

    L-Ungerija

     

    L-erja li tinkludi:

     

     

     

     

    L-erja tal-partijiet tad-distretti ta' Orosháza u Mezőkovácsháza tal-kontea ta' Békés u l-erja tal-partijiet tad-distrett ta' Makó tal-kontea ta' Csongrád lil hinn mill-erja deskritta fiż-żona ta' protezzjoni u fir-radjus ta' 10 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N46.39057; E20.74251; issuplimentati bl-erjas kompletament mibnija tal-lokalitajiet ta' Békéssámson, Kaszaper, Végegyháza u Mezőhegyes

    6.12.2016

     

    Il-partijiet tad-distrett ta' Orosháza tal-kontea ta' Békés u l-partijiet tad-distrett ta' Makó tal-kontea ta' Csongrád li jinsabu f'radjus ta' 3 kilometri, bil-koordinati tal-GPS iċċentrati fuq N46.39057; E20.74251; issuplimentati bl-erjas kompletament mibnija tal-lokalitajiet ta' Tótkomlós u Nagyér

    28.11.2016-6.12.2016


    Top