EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1352

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1352 tal-4 ta' Awwissu 2016 dwar ir-Regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali ssekondati għall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/677/KE

ĠU L 219, 12.8.2016, p. 82–97 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/1352/oj

12.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 219/82


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/1352

tal-4 ta' Awwissu 2016

dwar ir-Regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali ssekondati għall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, u li tħassar id-Deċiżjoni 2004/677/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42 u 45 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1835 tat-12 ta' Ottubru 2015 li tiddefinixxi l-istatut, is-sede u r-regoli operazzjonali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tagħha,

Billi:

(1)

L-issekondar ta' esperti nazzjonali għandu jippermetti lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) sabiex tibbenefika mil-livell għoli tal-għarfien u l-esperjenza professjonali ta' dawk l-esperti, b'mod partikolari f'oqsma fejn tali għarfien espert mhuwiex disponibbli faċilment fi ħdan l-Aġenzija.

(2)

L-iskambju ta' esperjenza u għarfien professjonali fil-qasam tad-difiża, kif stabbilit fid-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835, u l-funzjonijiet ta' appoġġ relatati għandu jkun appoġġat permezz tal-assenjazzjoni temporanja ta' esperti nazzjonali ssekondati (minn hawn 'il quddiem imsejħin “EiNS”) mis-setturi pubbliċi tal-Istati Membri.

(3)

Id-drittijiet u l-obbligi tal-EiNS għandhom jiggarantixxu li huma jwettqu d-dmirijiet tagħhom fl-interess tal-Aġenzija biss.

(4)

It-terminu “sekondar” għandu jinftiehem fil-kuntest ta' din id-Deċiżjoni.

(5)

Ladarba r-regoli stabbiliti b'din id-Deċiżjoni għandhom jissostitwixxu dawk stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/677/KE (2), dik id-Deċiżjoni għandha titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Ir-regoli stabbiliti b'din id-Deċiżjoni japplikaw għall-EiNS li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 issekondati mal-Aġenzija u li huma esperti ssekondati mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri parteċipanti, fil-livell nazzjonali jew reġjonali, b'mod partikolari l-Ministeri għad-Difiża u/jew l-aġenziji, il-korpi, il-kulleġġi nazzjonali tad-difiża, l-istituti tar-riċerka tagħhom, inklużi dawk f'konformità mal-Artikolu 11(4)(b) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835.

F'konformità mal-Artikolu 11(4)(a) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835, esperti:

minn pajjiż terz li miegħu l-Aġenzija tkun ikkonkludiet arranġament amministrattiv, jew

minn organizzazzjonijiet/entitajiet b'Arranġament Amministrattiv mal-Aġenzija, dment li l-ENS huwa ċittadin minn Stat Membru jew pajjiż terz li miegħu l-Aġenzija tkun ikkonkludiet arranġament amministrattiv,

għandu jiġi ssekondat jew assenjat, skont l-Artikolu 26(1) ta' dik id-Deċiżjoni, lill-Aġenzija bil-qbil tal-Bord ta' Tmexxija, f'konformità mal-kondizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti f'dawk l-arranġamenti.

Artikolu 2

Kondizzjonijiet għas-sekondar

Sabiex jikkwalifikaw għal sekondar mal-Aġenzija, l-esperti:

1.

iridu jkunu ħadmu għal min iħaddimhom fuq bażi permanenti jew kuntrattwali għal mill-inqas 12-il xahar qabel is-sekondar tagħhom;

2.

għandhom jibqgħu fis-servizz ta' min iħaddimhom matul il-perijodu tas-sekondar u għandhom jibqgħu jitħallsu minn min iħaddem;

3.

għandu jkollhom mill-inqas tliet snin esperjenza full-time f'funzjonijiet ta' difiża, amministrattivi, xjentifiċi, tekniċi, operattivi, konsultattivi jew superviżorji rilevanti għat-twettiq tad-dmirijiet assenjati lilhom. Qabel is-sekondar, min iħaddem għandu jforni lill-Aġenzija b'dikjarazzjoni tal-impjieg tal-espert li tkopri t-tnax-il xahar preċedenti;

4.

ikunu ċittadini ta' Stat Membru parteċipanti jew jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1;

5.

għandu jkollhom għarfien profond ta' lingwa uffiċjali ta' wieħed mill-Istati Membri parteċipanti u għarfien sodisfaċenti ta' lingwa oħra minn dawn il-lingwi għat-twettiq ta' dmirijiethom.

Artikolu 3

Proċedura tal-għażla

1.   L-EiNS għandhom jintgħażlu skont proċedura miftuħa u trasparenti deċiża f'konformità mal-Artikolu 42.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(4), l-EiNS għandhom jiġu ssekondati biex jiżguraw li l-Aġenzija jkollha s-servizzi ta' persuni tal-ogħla livelli ta' abbiltà, effiċjenza, integrità u mertu. Huma għandhom jiġu ssekondati fuq bażi ġeografika kemm jista' jkun wiesgħa minn fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri parteċipanti. L-Istati Membri parteċipanti u l-Aġenzija għandhom jikkooperaw biex jiżguraw, sa fejn hu possibbli, bilanċ bejn irġiel u nisa u josservaw il-prinċipju ta' opportunitajiet ugwali.

3.   Sejħa għall-espressjoni ta' interess għandha tintbagħat lir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri parteċipanti, lil Missjonijiet ta' pajjiżi terzi, lill-organizzazzjoni jew lill-entità, kif opportun, u ppubblikati fuq is-sit web tal-Aġenzija. Is-sejħa għandha tagħti d-deskrizzjonijiet tal-karigi, il-kriterji tal-għażla u d-data tal-iskadenza għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet. Kandidati għal kariga ta' ENS jridu jiġu sponsorizzati mill-awtoritajiet, l-organizzazzjoni jew l-entità nazzjonali tagħhom. Hija meħtieġa konferma permezz ta' ittra ta' sponsorizzazzjoni indirizzata lill-Aġenzija, kemm jista' jkun possibbli sad-data tal-għeluq sa meta għandhom jaslu l-applikazzjonijiet u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard mid-data tar-reklutaġġ.

4.   Fil-każ ta' EiNS u ta' esperti nazzjonali f'taħriġ professjonali (minn hawn ''il quddiem imsejħin “EiNTP”) mingħajr spejjeż, l-Aġenzija tista' tiddeċiedi li ENS għandu jintgħażel mingħajr ma jiġu segwiti l-proċeduri tal-għażla stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

5.   Is-sekondar ta' esperti għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti speċifiċi u l-kapaċità baġitarja tal-Aġenzija.

6.   L-Aġenzija għandha toħloq fajl individwali għall-ENS. Dak il-fajl għandu jinkludi informazzjoni amministrattiva rilevanti.

Artikolu 4

Proċedura amministrattiva għas-sekondar

Is-sekondar għandu jiġi implimentat permezz ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija u r-Rappreżentanza Permanenti jew il-Missjoni tal-Istat Membru kkonċernat, l-organizzazzjoni jew l-entità, kif opportun. Il-post ta' ssekondar u l-grupp ta' funzjoni li l-ENS ser ikun qed jagħmel parti minnhom, fil-grupp ta' funzjonijiet ta' amministraturi (minn hawn 'il quddiem “AD”) jew fil-grupp ta' funzjonijiet ta' assistenti (minn hawn 'il quddiem “AST”), għandhom ikunu indikati fl-Iskambju ta' Ittri. Fl-iskambju ta' ittri għandhom jissemmew ukoll id-Direttorat/l-Unità li fiha jkun issekondat l-ENS, u deskrizzjoni dettaljata tal-kompiti li għandu jwettaq l-ENS. Kopja tar-regoli applikabbli għall-EiNS issekondati mal-Aġenzija għandha tiġi mehmuża mal-Iskambju ta' Ittri.

Artikolu 5

Perijodu tas-sekondar

1.   Il-perijodu tas-sekondar għandu jkun minimu ta' xahrejn u massimu ta' tliet snin. Jista' jiġġedded suċċessivament għal perijodu totali ta' mhux aktar minn erba' snin.

Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali, fuq talba tad-Direttur rilevanti u wara qbil minn qabel ta' min iħaddem, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija jista' jawtorizza estensjoni waħda jew aktar tas-sekondar lil hinn mill-massimu ta' erba' snin imsemmi fl-ewwel subparagrafu, sa sentejn addizzjonali.

2.   Il-perijodu tas-sekondar għandu jiġi ffissat mill-bidu fl-Iskambju ta' Ittri previst fl-Artikolu 4. L-istess proċedura għandha tapplika fil-każ ta' kwalunkwe tiġdid, estensjoni tal-perijodu tas-sekondar jew it-tibdil tal-kariga.

3.   ENS li jkun diġà ġie ssekondat ma' Aġenzija jista' jerġa' jiġi ssekondat, wara konsultazzjoni mal-amministrazzjoni nazzjonali ta' oriġini, dment li l-ENS ikompli jissodisfa l-kondizzjonijiet għas-sekondar imsemmija fl-Artikolu 2 fil-limitu massimu definit fl-Artikolu 11(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835.

Artikolu 6

L-obbligi ta' min iħaddem

Matul il-perijodu tas-sekondar, min iħaddem l-ENS għandu jkompli:

(a)

iħallas is-salarju tal-ENS;

(b)

ikun responsabbli għad-drittiijiet soċjali kollha tal-ENS, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni u l-pensjoni; u

(c)

soġġett għall-punt (d) tal-Artikolu 10(2), iżomm l-istatus amministrattiv tal-ENS jew bħala uffiċjal permanenti jew aġent kuntrattwali u jinforma lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija dwar kwalunkwe bidla fl-istatus amministrattiv tal-ENS jew bħala uffiċjal permanenti jew aġent kuntrattwali tal-persunal.

Artikolu 7

Dmirijiet

1.   L-EiNS għandhom jassistu lill-membri tal-persunal tal-Aġenzija u jwettqu l-kompiti u d-dmirijiet assenjati lilhom mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija.

2.   Filwaqt li jqis il-kompożizzjoni tal-persunal tal-Aġenzija u, b'mod partikolari, ir-rwol tagħhom bħala kontribut lejn ir-riżultati tal-Aġenzija, il-Kap Eżekuttiv jista' jafda ENS bi dmirijiet maniġerjali jekk hekk ikun meħtieġ fl-interessi tas-servizz.

Fi kwalunkwe każ, ENS m'għandux ikun jista' jorbot legalment lill-Aġenzija.

3.   ENS jista' jieħu sehem f'missjonijiet u laqgħat. Madankollu, il-Kap Eżekuttiv jista' jiddeċiedi li jillimita l-parteċipazzjoni tal-ENS f'missjonijiet u laqgħat biss sabiex:

(a)

jakkumpanja membru tal-persunal tal-Aġenzija; jew

(b)

jekk ikun waħdu, jattendi bħala osservatur jew unikament għal finijiet ta' informazzjoni.

4.   L-Aġenzija għandha żżomm ir-responsabbiltà unika għall-approvazzjoni tar-riżultati ta' kompiti mwettqin mill-ENS.

5.   L-Aġenzija, min iħaddem l-ENS u l-ENS għandhom jagħmlu kull sforz biex jevitaw kwalunkwe konflitt ta' interess attwali jew potenzjali b'rabta mad-dmirijiet tal-ENS matul is-sekondar. Għal dak il-għan, l-Aġenzija għandha tinforma, fi żmien tajjeb, lill-ENS u lil min iħaddem bid-dmirijiet maħsubin u għandha titlob lil kull wieħed minnhom biex jikkonferma bil-miktub li ma jaf bl-ebda raġuni li għaliha l-ENS m'għandux jingħata dawk id-dmirijiet.

L-ENS għandu jintalab b'mod partikolari biex jiddikjara kwalunkwe konflitt potenzjali bejn iċ-ċirkostanzi tal-familja tiegħu (partikolarment l-attivitajiet professjonali ta' membri tal-familja viċini jew estiżi, jew kwalunkwe interess finanzjarju importanti tiegħu stess jew ta' membri tal-familja) u d-dmirijiet proposti waqt is-sekondar.

Min iħaddem u l-ENS għandhom jimpenjaw ruħhom biex jinnotifikaw lill-Aġenzija dwar kwalunkwe tibdil fiċ-ċirkostanzi matul is-sekondar li jista' jagħti lok għal kwalunkwe konflitt ta' interess.

6.   Fejn l-Aġenzija tikkunsidra li n-natura tal-kompiti fdati lill-ENS teħtieġ prekawzjonijiet tas-sigurtà partikolari, għandha tinkiseb approvazzjoni tas-sigurtà qabel l-ENS jiġi ssekondat.

Artikolu 8

Drittijiet u obbligi tal-esperti nazzjonali ssekondati

1.   Matul il-perijodu tas-sekondar, ENS għandu jaġixxi b'integrità. B'mod partikolari:

(a)

l-ENS għandu jaqdi d-dmirijiet assenjati u jaġixxi biss bl-interess tal-Kunsill fi ħsiebu.

B'mod partikolari, fl-eżerċizzju tad-dmirijiet tagħhom, l-ENS ma għandhom jaċċettaw l-ebda struzzjonijiet minn min iħaddimhom, kwalunkwe gvern, kwalunkwe persuna, kumpanija privata jew korp pubbliku oħrajn jew iwettqu xi attività għalihom;

(b)

l-ENS għandu jastjeni minn kwalunkwe azzjoni, u b'mod partikolari kwalunkwe espressjoni pubblika ta' opinjoni, li tista' tirrifletti fuq il-pożizzjoni tagħhom fl-Aġenzija;

(c)

kwalunkwe ENS għandu jinforma lis-superjuri tiegħu fejn l-ENS, fil-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu, jintalab jagħti deċiżjoni dwar it-trattament jew l-eżitu ta' materja li għandu interess personali fiha l-ENS liema interess jista' jfixkel l-indipendenza tiegħu;

(d)

l-ENS m'għandux, kemm jekk waħdu kif ukoll jekk flimkien ma' oħrajn, jippubblika jew jikkawża li jiġi ppubblikat kwalunkwe test li jittratta x-xogħol tal-Unjoni Ewropea mingħajr ma jkun kiseb permess f'konformità mal-kondizzjonijiet u r-regoli fis-seħħ fl-Aġenzija. Il-permess għandu jiġi miċħud biss fejn il-pubblikazzjoni maħsuba tista' tkun ta' preġudizzju għall-interessi tal-Aġenzija jew tal-Unjoni;

(e)

id-drittijiet kollha fi kwalunkwe xogħol magħmul minn ENS fil-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu għandhom ikunu l-proprjetà tal-Aġenzija;

(f)

ENS għandu jirresjedi fil-post tas-sekondar jew mhux 'il bogħod aktar minn dak li huwa kompatibbli mal-prestazzjoni xierqa tal-attivitajiet assenjati;

(g)

ENS għandu jassisti u jagħti parir lis-superjur li għalih huwa assenjat u għandu jkun responsabbli lejn is-superjur tiegħu għall-prestazzjoni tal-kompiti fdati lilu;

2.   Kemm matul u wara l-perijodu tas-sekondar, ENS għandu jeżerċita l-ogħla diskrezzjoni fir-rigward tal-fatti u l-informazzjoni kollha li jsir konxju tagħhom matul, jew b'rabta mal-prestazzjoni tad-dmirijiet tiegħu. L-ENS m'għandux jiżvela, fi kwalunkwe forma, lil kwalunkwe persuna mhux awtorizzata kwalunkwe dokument jew informazzjoni li għadhom mhux magħmulin pubbliċi b'mod legali, u l-ENS lanqas m'għandu jużahom għal vantaġġ personali.

3.   Meta jintemm is-sekondar, l-ENS għandu jkompli jkun marbut bl-obbligu li jaġixxi b'integrità u diskrezzjoni fl-eżerċiżju ta' dmirijiet ġodda assenjati lilu u fl-aċċettazzjoni ta' ċerti karigi jew vantaġġi.

Għal dak l-għan, fit-tliet snin wara l-perijodu tas-sekondar, l-ENS għandu jinforma lill-Aġenzija minnufih bi kwalunkwe dmirijiet jew kompiti li x'aktarx jagħtu lok għal konflitt ta' interess marbut mal-kompiti mwettqa mill-ENS matul il-perijodu tas-sekondar.

4.   L-ENS għandu jkun soġġett għar-regoli ta' sigurtà fis-seħħ fl-Aġenzija, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data u r-regoli tal-protezzjoni tan-netwerk tal-Aġenzija. L-ENS għandu jkun soġġett ukoll għar-regoli li jirregolaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Aġenzija.

5.   Nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1, 2 u 4 ta' dan l-Artikolu matul il-perijodu tas-sekondar għandu jintitola lill-Aġenzija biex ittemm is-sekondar ta' ENS f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 10(2).

6.   L-ENS għandu jinnotifika minnufih lis-superjur tiegħu bil-miktub jekk matul is-sekondar l-ENS isir jaf dwar fatti li jagħtu lok għal preżunzjoni tal-eżistenza ta':

(a)

attività illegali possibbli, inkluż frodi jew korruzzjoni, li tkun ta' detriment għall-interessi tal-Aġenzija; jew

(b)

imġiba relatata mal-qadi tad-dmirijiet professjonali li tista' tikkostitwixxi nuqqas serju ta' konformità mal-obbligi tal-membri tal-persunal tal-Aġenzija jew tal-EiNS.

Dan il-paragrafu għandu japplika wkoll fil-każ ta' nuqqas serju ta' konformità ma' obbligu simili min-naħa ta' membru tal-persunal jew kwalunkwe persuna oħra fis-servizz ta' istituzzjoni tal-Unjoni jew li twettaq xogħol għaliha.

7.   Meta s-superjur jirċievi notifika kif imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, is-superjur għandu jieħu l-miżuri previsti fl-Artikolu 27 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1351 (3) (minn hawn 'il quddiem imsejħa r-“Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija”). L-Artikoli 27, 28 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija għandhom japplikaw għas-superjur skont it-termini tal-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni. Dawk id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw ukoll mutatis mutandis għall-ENS ikkonċernat, biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-ENS jiġu rrispettati.

Artikolu 9

Sospensjoni tas-sekondar

1.   Fuq talba bil-miktub tal-ENS jew ta' min iħaddem, u bi qbil ma' dan tal-aħħar, l-Aġenzija tista' tawtorizza sospensjonijiet tas-sekondar u tispeċifika t-termini applikabbli. Matul sospensjoni:

(a)

l-allowances imsemmijin fl-Artikolu 19 ma jkunux jistgħu jitħallsu;

(b)

l-ispejjeż imsemmijin fl-Artikolu 20 għandhom jitħallsu biss jekk is-sospensjoni tkun fuq it-talba tal-Aġenzija;

2.   L-Aġenzija għandha tinforma lil min iħaddem u lir-Rappreżentanza Permanenti jew lill-Missjoni tal-Istat ikkonċernat.

Artikolu 10

Terminazzjoni ta' perijodi ta' sekondar

1.   Soġġett għall-paragrafu 2, is-sekondar jista' jiġi tterminat fuq it-talba tal-Aġenzija jew ta' min iħaddem l-ENS, dment li tingħata notifika ta' tliet xhur. Jista' jiġi terminat ukoll fuq it-talba tal-ENS dment li jingħata l-istess perijodu ta' notifika u soġġett għall-qbil ta' min iħaddem u tal-Aġenzija.

2.   F'ċerti ċirkostanzi eċċezzjonali, is-sekondar jista' jiġi tterminat mingħajr notifika:

(a)

minn min iħaddem l-ENS, jekk l-interessi essenzjali ta' min iħaddem jeħtieġu hekk;

(b)

permezz ta' ftehim reċiproku bejn l-Aġenzija u min iħaddem, fuq it-talba tal-ENS liż-żewġ partijiet, jekk l-interessi essenzjali personali jew professjonali tal-ENS jeħtieġu hekk;

(c)

mill-Aġenzija fil-każ li l-ENS jonqos b'mod gravi milli jħares l-obbligi tiegħu stabbilitif'din id-Deċiżjoni. L-Aġenzija għandha tikkonsulta lir-Rappreżentanza Permanenti jew lill-Missjoni tal-Istat ikkonċernat u tieħu kont ta' kwalunkwe kummenti rċevuti fid-dawl tad-deċiżjoni tagħha;

(d)

mill-Aġenzija fil-każ tat-terminazzjoni tal-istatus amministrattiv tal-ENS jew bidla fih bħala uffiċjal permanenti jew bħala aġent kuntrattwali tal-persunal ta' min iħaddem. L-ENS għandu l-ewwel jingħata l-opportunità biex jippreżenta osservazzjonijiet.

3.   Fil-każ ta' terminazzjoni skont il-punt (c) tal-paragrafu 2, l-Aġenzija għandha tikkonsulta minnufih lil min iħaddem u lir-Rappreżentanza Permanenti jew lill-Missjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

KAPITOLU II

Kondizzjonijiet tax-xogħol

Artikolu 11

Sigurtà soċjali

1.   Qabel ma jibda l-perijodu tas-sekondar, min jimpjega għandu jiċċertifika lill-Aġenzija li, matul il-perijodu tas-sekondar, l-ENS ser jibqa' soġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-amministrazzjoni pubblika nazzjonali jew l-organizzazzjoni jew l-entità, li timpjega lill-ENS. Għal dak il-għan, l-amministrazzjoni pubblika rilevanti għandha tipprovdi lill-Aġenzija l-attestazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ id-“Dokument portabbli A1”). L-organizzazzjoni jew l-entità għandha tipprovdi lill-ENS ċertifikat ekwivalenti għad-Dokument portabbli A1 u għandha tagħti prova li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli tipprevedi l-ħlas tal-ispiża tal-kura tas-saħħa mġarrba barra mill-pajjiż.

2.   Mill-bidu tas-sekondar tiegħu, l-ENS għandu jiġi kopert mill-Aġenzija kontra r-riskju ta' inċident. L-Aġenzija għandha tipprovdi lill-ENS b'kopja tat-termini ta' din il-kopertura fil-jum li fih l-ENS jirrapporta lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija biex ilesti l-formalitajiet amministrattivi relatati mas-sekondar.

3.   Meta, fil-kuntest ta' missjoni li fiha jkun qed jipparteċipa l-ENS skont it-termini tal-Artikoli 7(2) u 29 tkun meħtieġa assigurazzjoni addizzjonali jew speċifika, l-ispejjeż rilevanti għandhom jiġġarrbu mill-Aġenzija, jew mill-amministrazzjoni nazzjonali tal-oriġini f'każ ta' ENS u EiNTP mingħajr ħlas, wara li jiġi kkonsultat l-Istat Membru kkonċernat fir-rigward tal-missjoni.

Artikolu 12

Ħinijiet tax-xogħol

1.   L-ENS għandu jkun soġġett għar-regoli li jkunu fis-seħħ fl-Aġenzija fir-rigward tal-ħinijiet tax-xogħol, skont ir-rekwiżiti tal-kariga li l-ENS jkun ġie assenjat fl-Aġenzija.

2.   L-ENS għandu jaħdem fuq bażi full-time matul il-perijodu tas-sekondar. Fuq talba ġustifikata kif xieraq minn Direttorat u sakemm din tkun kompatibbli mal-interessi tal-Aġenzija, l-Aġenzija tista' tawtorizza ENS jaħdem fuq bażi part-time, wara li jinkiseb il-qbil ta' min iħaddem.

3.   Fejn jiġi awtorizzat xogħol part-time, l-ENS għandu jaħdem għal mill-inqas nofs il-ħin normali tax-xogħol.

Artikolu 13

Assenza għal raġunijiet ta' mard jew inċident

1.   Fil-każ ta' assenza minħabba mard jew inċident, ENS għandu javża lis-superjur tiegħu malajr kemm jista' jkun, filwaqt li jiddikjara l-indirizz preżenti tiegħu. L-ENS għandu jipproduċi ċertifikat mediku jekk ikun assenti għal aktar minn tlett ijiem konsekuttivi u jista' jintalab jagħmel eżami mediku mħejji mill-Aġenzija.

2.   Fejn assenza minħabba mard jew inċident ta' mhux aktar minn tlett ijiem taqbeż total ta' 12-il jum matul perijodu ta' 12-il xahar, ENS għandu jintalab jipproduċi ċertifikat mediku għal kwalunkwe assenza oħra minħabba mard jew inċident.

3.   Fejn assenza minħabba mard jew inċident taqbeż xahar jew il-perijodu tas-servizz imwettaq mill-ENS, skont liema wieħed hu l-itwal, l-allowances imsemmijin fl-Artikolu 19(1) u (2) għandhom jiġu sospiżi awtomatikament. Dan il-paragrafu m'għandux japplika fil-każ ta' mard konness mat-tqala. Assenza minħabba mard jew inċident ma tistax tiġi estiża iktar mit-tul ta' żmien tas-sekondar tal-persuna kkonċernata.

4.   Madankollu, jekk l-ENS ikun vittma ta' korriment relatat max-xogħol li jseħħ matul il-perijodu tas-sekondar l-ENS għandu jkompli jirċievi, b'mod sħiħ, l-allowances previsti fl-Artikolu 19(1) u (2) matul il-perijodu li matulu dak l-ENS ma jkunx fi stat tajjeb għax-xogħol sa tmiem il-perijodu tas-sekondar.

Artikolu 14

Leave annwali, leave speċjali u btajjel

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti f'din id-Deċiżjoni, l-ENS għandu jkun soġġett għar-regoli fis-seħħ fl-Aġenzija fir-rigward tal-leave annwali, il-leave speċjali u l-btajjel.

2.   Il-leave huwa soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-unità li lilha huwa assenjat l-ENS.

3.   B'applikazzjoni ġustifikata kif xieraq minn min iħaddem, jistgħu jingħataw sa jumejn leave speċjali addizzjonali f'perijodu ta' 12-il xahar mill-Aġenzija. It-talbiet jiġu eżaminati fuq il-bażi tal-każijiet individwali.

4.   Il-jiem ta' leave annwali li ma jittieħdux sa l-aħħar tal-perijodu tas-sekondar għandhom jintilfu.

5.   ENS li l-perijodu tas-sekondar tiegħu jkun inqas minn sitt xhur jista' jingħata leave speċjali, abbażi ta' applikazzjoni motivata u soġġett għal deċiżjoni mill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija. Dak il-leave speċjali ma jistax jaqbeż it-tlett ijiem għall-perijodu kollu tas-sekondar. Qabel jagħti tali leave, id-Direttur ikkonċernat għandu jikkonsulta minn qabel mal-Unità tar-Riżorsi Umani (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“Unità tar-RU”) tal-Aġenzija.

Artikolu 15

Leave speċjali għal taħriġ

Minkejja l-Artikolu 14(3), EiNS li l-perijodu tas-sekondar tagħhom ikun ta' sitt xhur jew aktar jistgħu jingħataw mill-Aġenzija leave speċjali addizzjonali għall-finijiet ta' taħriġ minn min iħaddem, soġġett għal applikazzjoni motivata kif xieraq minn min iħaddem bil-ħsieb li l-ENS jiġu integrati mill-ġdid.

Artikolu 16

Leave tal-maternità u tal-paternità

1.   ENS għandu jkun soġġett għar-regoli fis-seħħ fl-Aġenzija fir-rigward tal-leave tal-maternità u tal-paternità.

2.   Fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' min iħaddem tagħti leave tal-maternità itwal, fuq it-talba tal-ENS u wara l-qbil minn qabel ta' min iħaddem, is-sekondar għandu jiġi sospiż għall-perijodu li jaqbeż dak mogħti mill-Aġenzija. F'dak il-każ, għandu jiżdied perijodu ekwivalenti għas-sospensjoni fi tmiem is-sekondar, jekk l-interessi tal-Aġenzija jiġġustifikawh.

3.   Minkejja paragrafu 1, l-ENS jista' japplika għal sospensjoni tas-sekondar biex jiġi kopert il-perijodu kollu permess għal leave tal-maternità, wara qbil minn qabel ma' min iħaddem. F'dak il-każ, għandu jiżdied perijodu ekwivalenti għas-sospensjoni fi tmiem is-sekondar, jekk l-interessi tal-Aġenzija jiġġustifikawh.

4.   Paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw ukoll f'każijiet ta' adozzjoni.

5.   ENS li qed tredda' tista' fuq talba, abbażi ta' ċertifikat mediku li jivverifika l-fatt, tingħata leave speċjali għal massimu ta' erba' ġimgħat mit-tmiem tal-leave tal-maternità tagħha, perijodu li matulu għandha tirċievi l-allowances stipulati fl-Artikolu 19.

Artikolu 17

Ġestjoni u kontroll

Il-ġestjoni u l-kontroll tal-ħinijiet tax-xogħol u l-assenzi għandhom ikunu xogħol l-Unità tar-Riżorsi Umani u d-Direttorat jew l-unità li jkun assenjat magħha l-ENS, skont ir-regoli u l-proċeduri fis-seħħ fl-Aġenzija.

KAPITOLU III

Allowances u spejjeż

Artikolu 18

Kalkolu tal-allowances u tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar

1.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, il-postijiet ta' reklutaġġ, ta' sekondar u ta' ritorn ta' ENS għandhom jiġu determinati mill-Aġenzija f'termini tal-pożizzjoni ġeografika ta' dawk il-postijiet abbażi tal-latitudni u l-lonġitudni tagħhom, kif ikkalkulati mill-Unità tar-RU.

2.   Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

il-post ta' reklutaġġ għandu jkun il-post fejn l-ENS wettqu d-dmirijiet tagħhom għal min jimpjegahom qabel is-sekondar.

(b)

il-post tas-sekondar għandu jkun Brussell;

(c)

il-post tar-ritorn għandu jkun il-post fejn l-ENS ser iwettaq l-attività ewlenija tiegħu wara tmiem is-sekondar.

Il-post ta' reklutaġġ għandu jiġi determinat fl-Iskambju ta' Ittri msemmi fl-Artikolu 4.

3.   Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, ċirkostanzi li jirriżultaw minn xogħol magħmul minn EiNS għal Stat barra minn dak tal-post tas-sekondar m'għandhomx jitqiesu.

Artikolu 19

Allowances

1.   L-ENS għandu jkollu dritt, matul iż-żmien tas-sekondar, għal allowance ta' sussistenza ta' kuljum skont l-istess kriterji bħall-allowance ta' espatrijazzjoni għall-Aġenti Temporanji msemmija fl-Artikolu 4 ta' Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija. Jekk dawk il-kriterji jiġu sodisfatti, l-allowance ta' sussistenza ta' kuljum għandha tkun EUR 128,67. Inkella, tkun ta' EUR 32,18. Għandha tkun ekwivalenti għall-allowance mħallsa lil espert nazzjonali issekondat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-ENS għandu jkollu dritt, matul il-perijodu tas-sekondar tiegħu, għal allowance addizzjonali ta' kull xahar imħallsa skont it-tabella ta' hawn taħt:

Distanza ġeografika bejn il-post ta' reklutaġġ u l-post ta' sekondar (km)

Ammont f'EUR

0-150

0,00

> 150

82,70

> 300

147,03

> 500

238,95

> 800

385,98

> 1 300

606,55

> 2 000

726,04

3.   L-allowances imsemmija f'paragrafi 1 u 2 huma maħsuba biex ikopru wkoll l-ispejjeż imġarrba tat-tneħħija ta' EiNS u kwalunkwe spiża tal-ivvjaġġar annwali mġarrba waqt il-perijodu tas-sekondar. Għandhom jitħallsu għal perijodi ta' missjoni, leave annwali, leave tal-maternità, tal-paternità jew għall-adozzjoni, leave speċjali u btajjel mogħtija mill-Aġenzija, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 14, 15 u 16. Fejn ikun awtorizzat xogħol part-time, l-ENS għandu jkun intitolat għal allowances imnaqqsa fuq bażi prorata.

4.   Meta l-ENS jibda l-perijodu tas-sekondar, l-ENS għandu jirċievi ammont minn qabel ekwivalenti għal 75 jum tal-allowance ta' sussistenza, u wara dan għandu jieqaf l-intitolament għal kwalunkwe allowance oħra bħal din matul il-perijodu korrispondenti. Jekk is-sekondar għall-Aġenzija jintemm qabel l-iskadenza tal-perijodu meqjus għall-kalkolu ta' l-ammont mogħti minn qabel, l-ENS għandu jkun obbligat li jrodd lura l-ammont korrispondenti għall-parti li tibqa' ta' dak il-perijodu.

5.   Meta jsir l-Iskambju ta' Ittri previst fl-Artikolu 4, min iħaddem għandu jgħarraf lill-Aġenzija bi kwalunkwe ħlas li jkun irċieva l-ENS simili għal dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu. Kwalunkwe ammonti bħal dawn għandhom jitnaqqsu mill-allowances korrispondenti mħallsa mill-Aġenzija lill-ENS.

6.   L-aġġornament tar-remunerazzjoni u l-allowances adottati bl-applikazzjoni tal-Artikolu 60 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija għandu japplika awtomatikament għall-allowances ta' kull xahar u ta' sussistenza fix-xahar ta' wara l-adozzjoni tagħhom mingħajr effett retroattiv. Wara l-adattament, l-ammonti l-ġodda ser jiġu ppubblikati fis-serje C ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Spejjeż tal-ivvjaġġar

1.   L-ENS għandu jkollu dritt għal rimborż b'rata fissa għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu stess fil-bidu tas-sekondar.

2.   Ir-rimborż b'rata fissa għandu jkun ibbażat fuq allowance għal kull kilometru ta' distanza ġeografika bejn il-post ta' reklutaġġ u l-post ta' sekondar. L-allowance kilometrika għandha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 7 ta' Anness IV tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija.

3.   L-ENS għandu jkollhom dritt għal rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom stess għall-post tar-ritorn fi tmiem is-sekondar. Ir-rimborż ma jistax ikun għal somma ogħla minn dik li għaliha l-ENS kien ikun intitolat kieku l-ENS rritorna għall-post tar-residenza tiegħu.

4.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar għall-membri tal-familja tal-EiNS ma jiġux rimborżati.

Artikolu 21

Missjonijiet u spejjeż ta' missjoni

1.   L-ENS jista' jintbagħat fuq missjoni.

2.   L-ispejjeż ta' missjoni għandhom jiġu rimborżati skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Aġenzija.

Artikolu 22

Taħriġ

L-ENS għandu jkun intitolat li jattendi korsijiet ta' taħriġ organizzati mill-Aġenzija, jekk l-interessi tal-Aġenzija jitolbu dan. Filwaqt li tiġi kkunsidrata b'mod partikolari l-karriera professjonali tagħhom wara s-sekondar, l-interessi raġonevoli tal-ENS għandhom jiġu kkunsidrati meta tittieħed deċiżjoni dwar il-permess biex jattendu korsijiet.

Artikolu 23

Dispożizzjonijiet amministrattivi

1.   L-ENS għandu jirrapporta lill-Unità rilevanti tar-Riżorsi Umani fl-ewwel jum tas-sekondar biex ilesti l-formalitajiet amministrattivi meħtieġa. L-ENS għandhom jibdew jassumu d-dmirijiet tagħhom fl-ewwel jew fis-16-il jum tax-xahar.

2.   Il-pagamenti għandhom isiru mill-Aġenzija f'euro.

KAPITOLU IV

Esperti fuq sekondar mingħajr spejjeż

Artikolu 24

Esperti fuq sekondar mingħajr spejjeż

1.   ENS jista' jiġi sekondat mal-Aġenzija bħala ENS mingħajr spejjeż matul il-perijodu tas-sekondar.

Dan is-sekondar ma għandux jinvolvi l-ħlas tal-ebda allowance jew spiża għall-Aġenzija ħlief, fejn xieraq, dawk previsti fl-Artikolu 25.

2.   L-Artikoli 18, 19 u 20 ma għandhomx japplikaw għal EiNS mingħajr spejjeż.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, l-imġiba ta' esperti fuq ENS mingħajr spejjeż għandha dejjem tirrifletti l-fatt li l-ENS mingħajr spejjeż huwa sekondat mal-Aġenzija u ma għandha qatt tirrifletti ħażin fuq il-pożizzjoni tagħhom fl-Aġenzija.

Artikolu 25

Missjonijiet

1   Jekk ENS mingħajr spejjeż jipparteċipa f'missjonijiet f'post minbarra l-post tas-sekondar, l-ENS mingħajr spejjeż għandu jiġi rimborżat skont ir-regoli fis-seħħ għar-rimborż tal-missjonijiet li jinvolvu uffiċjali, ħlief fejn ikun sar arranġament ieħor bejn l-Aġenzija u min iħaddem.

2.   Jekk, b'rabta ma' missjoni, tingħata assigurazzjoni speċjali għal 'riskji kbar' mill-Aġenzija għall-uffiċjali, din il-faċilità għandha tapplika wkoll għal ENS mingħajr spejjeż li jipparteċipa fl-istess missjoni.

3.   ENS mingħajr spejjeż li jipparteċipa f'missjoni barra t-territorju tal-UE għandu jkun soġġett għall-arranġamenti ta' sigurtà fis-seħħ fl-Aġenzija għal missjonijiet bħal dawn.

Artikolu 26

L-EiNS mingħajr spejjeż m'għandhomx jiġu inklużi fil-pjan ta' stabbiliment tal-persunal. Madankollu, għal raġunijiet ta' trasparenza u informazzjoni, in-numru tagħhom għandu jiġi rrappurtat lill-Bord ta' Tmexxija bħala parti mir-Rappurtar Annwali tal-Kap Eżekuttiv.

KAPITOLU V

EiNS imħallsa minn baġits assoċjati ma' proġetti jew programmi ad hoc

Artikolu 27

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika wkoll għal EiNS li l-allowances tagħhom jitħallsu minn baġits assoċjati ma' Proġetti jew Programmi ad hoc tal-Aġenzija, imsemmijin fl-Artikoli 19 u 20 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835 (minn hawn 'il quddiem imsejħa “EiNS ad hoc”).

Artikolu 28

EiNS ad hoc għandhom jiġu assenjati esklussivament lil Proġetti jew Programmi ad hoc li l-baġit tagħhom jiffinanzja l-allowances u l-ispejjeż tagħhom.

Ir-reklutaġġ ta' EiNS ad hoc għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel mill-Istati Membri kontribwenti rilevanti, abbażi ta' proposta li tinkludi l-abbozz ta' avviż ta' post battal assoċjat ma' kull kariga, minn wieħed jew iktar mill-Istati Membri kontribwenti jew mill-Aġenzija.

Artikolu 29

L-EiNS ad hoc m'għandhomx jiġu inklużi fil-pjan ta' stabbiliment tal-persunal. Madankollu, għal raġunijiet ta' trasparenza u informazzjoni, in-numru tagħhom għandu jiġi rrappurtat lill-Bord ta' Tmexxija bħala parti mir-Rappurtar Annwali tal-Kap Eżekuttiv.

Artikolu 30

Baġits assoċjati ma' proġetti u programmi ad hoc li jkopru l-allowances u l-ispejjeż ta' EiNS ad hoc jistgħu jkunu magħmula minn kontribuzzjonijiet minn pajjiżi terzi li jieħdu sehem fi proġetti u programmi bħal dawn, skont l-Artikolu 26(5) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1835.

Minkejja d-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1, dawn il-kontribuzzjonijiet m'għandhomx jintitolaw liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi kkonċernati li jitqiesu bħala eliġibbli fi proċeduri ta' reklutaġġ ta' EiNS ad hoc.

KAPITOLU VI

Esperti nazzjonali f'taħriġ professjonali

Artikolu 31

Dispożizzjonijiet u definizzjoniet ġenerali

EiNTP huma EiNS li jidħlu fl-Aġenzija għal skopijiet ta' taħriġ professjonali.

Artikolu 32

Għan tat-taħriġ professjonali

1.   L-għan tat-taħriġ professjonali huwa:

(a)

biex jagħti esperjenza lill-EiNTP tal-metodi ta' ħidma u l-proġetti tal-Aġenzija;

(b)

biex ikunu jistgħu jiksbu esperjenza prattika u jifhmu l-ħidma ta' kuljum tal-Aġenzija u biex jingħataw l-opportunità li jaħdmu f'ambjent multikulturali u multilingwu;

(c)

biex il-persunal ta' amministrazzjonijiet nazzjonali, b'mod partikolari l-Ministeru tad-Difiża, ikun jista' jpoġġi fil-prattika l-għarfien li kiseb fl-istudji tiegħu, partikolarment fl-oqsma ta' responsabbiltà rispettivi tiegħu.

2.   Min-naħa tagħha, l-Aġenzija tibbenefika mill-kontribut ta' nies li jistgħu joffru perspettiva ġdida u għarfien aġġornat li ser jarrikixxu l-ħidma ta' kuljum tal-istituzzjoni u tibni netwerk ta' nies b'esperjenza diretta tal-proċeduri tagħha.

Artikolu 33

Eliġibbiltà

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, bl-esklużjoni ta' paragrafu 3, għandhom japplikaw b'analoġija għall-EiNTP.

Artikolu 34

Tul ta' żmien tat-taħriġ professjonali

1.   It-taħriġ professjonali għandhom idumu bejn tliet xhur u 24 xahar. It-tul ta' żmien għandu jiġi stabbilit mill-bidu u jista' jiġi estiż għal raġunijiet ġustifikati kif xieraq fiż-żmien massimu ta' 24 xahar.

2.   ENTP jista' jlesti sessjoni waħda biss ta' taħriġ professjonali.

Artikolu 35

Organizzazzjoni tat-taħriġ professjonali

Matul it-taħriġ professjonali EiNTP għandhom jiġu ssorveljati minn konsulent tat-taħriġ. Il-konsulent tat-taħriġ irid jinforma lill-Unità tar-Riżorsi Umani bi kwalunkwe avveniment sinifikanti matul it-taħriġ professjonali (b'mod partikolari l-assenzi, mard, inċidenti jew interruzzjoni) li jkun jaf jew li jkun ġie infurmat dwaru mill-ENTP.

L-EiNTP iridu jobdu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-konsulent tat-taħriġ tagħhom, is-superjuri tagħhom fid-Direttorat jew is-servizz li huma sekondati lilu u l-Unità tar-Riżorsi Umani.

L-EiNTP għandhom jitħallew jattendu laqgħat, sakemm ma jkunux ristretti jew kunfidenzjali u l-ENTP ma jkollux approvazzjoni tas-sigurtà, jirċievu dokumentazzjoni u jieħdu sehem fl-attivitajiet tad-dipartiment li lilu huma ssekondati.

Artikolu 36

Sospensjoni tat-taħriġ professjonali

Fuq it-talba bil-miktub tal-ENTP jew min iħaddmu, u bi qbil minn qabel ta' dan tal-aħħar, il-Kap Eżekuttiv jista' jawtorizza sospensjoni qasira ħafna mit-taħriġ professjonali jew it-tmiem bikri tiegħu. L-ENTP jista' jerġa' lura biex ilesti l-perijodu li jkun fadal tat-taħriġ professjonali, iżda biss sa tmiem dak il-perijodu. It-taħriġ ma jista' jiġi estiż taħt l-ebda ċirkustanza.

Artikolu 37

Kondizzjonijiet tax-xogħol u remunerazzjoni

1.   L-Artikoli 2(3), 3, 5, 18, 19 u 20 m'għandhomx japplikaw għall-EiNTP.

2.   L-EiNTP għandhom jitqiesu bħala EiNS mingħajr spejjeż fit-tifsiratal-Kapitolu IV. Għandhom jibqgħu jitħallsu minn min iħaddimhom mingħajr ma jitħallas l-ebda kumpens finanzjarju mill-Aġenzija.

L-Aġenzija m'għandhiex taċċetta talbiet għal għotjiet jew miżati jew ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar jew oħrajn ħlief ir-rimborż tal-ispejjeż ta' missjoni mġarrba bħala parti mit-taħriġ professjonali.

Artikolu 38

Rapporti u ċertifikati ta' attendenza

EiNTP li lestew il-perijodu stipulat ta' taħriġ professjonali għandhom jimlew ir-rapporti ta' evalwazzjoni mitluba mill-Unità tar-Riżorsi Umani fi tmiem it-taħriġ tagħhom. Il-konsulenti tat-taħriġ ukoll għandhom jimlew ir-rapport ta' evalwazzjoni rilevanti.

Soġġett għat-tlestija ta' dawk ir-rapporti, EiNTP li jkunu lestew it-taħriġ professjonali tagħhom għandhom jirċievu ċertifikat li juri d-dati tat-taħriġ professjonali tagħhom u d-dipartiment fejn ikun sar.

Artikolu 39

L-EiNTP m'għandhomx jiġu inklużi fil-pjan ta' stabbiliment tal-persunal. Madankollu, għal raġunijiet ta' trasparenza u informazzjoni, in-numru tagħhom għandu jiġi rrappurtat lill-Bord ta' Tmexxija bħala parti mir-rappurtar annwali tal-Kap Eżekuttiv.

KAPITOLU VII

Ilmenti

Artikolu 40

Ilmenti

Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltajiet li jinbdew proċedimenti wara li jieħu kariga, skont il-kondizzjonijiet u l-limiti ta' żmien stipulati fl-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kull ENS jista' jressaq ilment lill-Awtorità Awtorizzata li Tikkonkludi Kuntratti (minn hawn 'il quddiem imsejħa l-“AATK”) ta' impjieg responsabbli skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija dwar att mill-AATK skont din id-Deċiżjoni li jaffettwa ħażin lill-ENS, bl-eċċezzjoni ta' atti li jirriżultaw direttament minn deċiżjonijiet meħuda minn min iħaddem.

L-ilment għandu jitressaq fi żmien xahrejn. Il-perijodu għandu jibda mid-data ta' notifika tad-deċiżjoni lill-persuna konċernata, iżda fl-ebda każ aktar tard mid-data meta din tal-aħħar tkun irċeviet tali notifika. L-AATK għandha tavża lill-persuna konċernata b'deċiżjoni motivata fi żmien erba' xhur mid-data meta jkun tressaq l-ilment. Jekk fi tmiem dak il-perijodu l-ENS ma jkunx irċieva risposta għall-ilment, l-ilment għandu jitqies li jkun ġie miċħud b'mod impliċitu.

KAPITOLU VIII

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 41

Dispożizzjoni ta' informazzjoni

Ir-Rappreżentanzi Permanenti tal-Istati Membri kollha għandhom jinżammu infurmati kull sena bl-għadd ta' EiNS fl-Aġenzija. Din l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll:

(a)

iċ-ċittadinanzi tal-EiNS sekondati minn organizzazzjoni jew entità kif imsemmi fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1;

(b)

kwalunkwe eċċezzjoni għall-proċedura ta' selezzjoni skont l-Artikolu 3(3);

(c)

l-assenjazzjoni tal-EiNS kollha;

(d)

kwalunkwe sospensjoni u tmiem bikri ta' sekondar ta' EiNS skont l-Artikoli 9 u 10;

(e)

l-aġġornament annwali tal-allowances tal-EiNS skont l-Artikolu 19.

Artikolu 42

Delegazzjoni ta' setgħat

Is-setgħat kollha mogħtija lill-Aġenzija skont din id-Deċiżjoni għandhom jitħaddmu mill-AATK

Artikolu 43

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2004/677/KE hija b'dan imħassra. Madankollu, l-Artikoli 15 sa 19 tagħha għandhom jibqgħu japplikaw għall-EiNS li jitolbu dan għal sekondar li jkun għaddej fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 44.

Artikolu 44

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika għal kull sekondar ġdid, għal kull tiġdid jew estensjoni ta' sekondar mill-ewwel jum tax-xahar wara d-dħul fis-seħħ tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

M. LAJČÁK


(1)  ĠU L 266, 13.10.2015, p. 55.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/677/KE tal-24 ta' Settembru 2004 dwar ir-Regoli applikabbli għall-esperti nazzjonali u l-persunal militari ssekondati lill-Aġenzija tad-Difiża Ewropea (ĠU L 310, 7.10.2004, p. 64).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1351 tal-4 ta' Awwissu dwar ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (ara l-paġna 1 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).


Top