Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D1345

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1345 tal-4 ta' Awwissu 2016 dwar standards minimi tal-kwalità tad-dejta għal rekords ta' marki tas-swaba' tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (notifikata bid-dokument C(2016) 4988)

    C/2016/4988

    ĠU L 213, 6.8.2016, p. 15–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/01/2021; Imħassar b' 32021D0031 Id-data tat-tmiem tal-validità hija bbażata fuq id-data tal-pubblikazzjoni tal-att li jħassar li jidħol fis-seħħ fid-data tan-notifika tiegħu. L-att li jħassar kien innotifikat iżda d-data tan-notifika mhix disponibbli fil-EUR-Lex – minflok hija użata d-data tal-pubblikazzjoni.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/1345/oj

    6.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 213/15


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1345

    tal-4 ta' Awwissu 2016

    dwar standards minimi tal-kwalità tad-dejta għal rekords ta' marki tas-swaba' tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II)

    (notifikata bid-dokument C(2016) 4988)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (1), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 22 tiegħu,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (2), u b'mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 22 tagħha,

    Billi:

    (1)

    Is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) bdiet topera fid-9 ta' April 2013 meta r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI saru applikabbli.

    (2)

    Is-SIS II tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti, bħall-pulizija u l-gwardji tal-fruntiera, sabiex jidħlu u jikkonsultaw twissijiet dwar ċerti kategoriji ta' persuni u oġġetti mfittxija jew neqsin. Għal allerti dwar persuni, id-dejta minima hija l-isem, is-sess, referenza għad-deċiżjoni li wasslet għall-allert, u l-azzjoni li għandha tittieħed. Barra minn hekk, meta jkunu disponibbli, għandhom jiżdiedu ritratti u marki tas-swaba'.

    (3)

    Is-SIS II tippermetti l-ħżin u l-ipproċessar tal-marki tas-swaba' biex tiġi kkonfermata l-identità tal-persuni li jkunu nstabu bħala riżultat ta' tfittxija alfanumerika. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta' Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' (AFIS) fis-SIS II għandha tippermetti l-identifikazzjoni ta' persuni abbażi tal-marki tas-swaba' tagħhom.

    (4)

    Il-kwalità, il-preċiżjoni u l-kompletezza tar-rekords tal-marki tas-swaba' huma l-fatturi ewlenin għas-suċċess biex is-SIS II tilħaq il-potenzjal sħiħ tagħha. Minħabba ż-żieda tal-input u l-ipproċessar tar-rekords tal-marki tas-swaba' fis-SIS II, u l-inklużjoni futura ta' AFIS fis-SIS II, huwa meħtieġ li jiġu definiti l-istandards ta' kwalità minima tad-dejta għal rekonds tal-marki tas-swaba' użati għall-identifikazzjoni u l-verifika bijometriċi.

    (5)

    Aktar speċifikazzjonijiet għandhom jiġu żviluppati aktar tard meta jiġu definiti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati tas-Sistema għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' Awtomatizzata (AFIS) futura.

    (6)

    Il-format tal-input tal-marki tas-swaba' fis-SIS II, li għandu jkun ibbażat fuq standard ta' Istitut Nazzjonali tal-Istandards u t-Teknoloġija, ma jiffurmax parti minn din id-deċiżjoni. Għandu jiġi definit fid-Dokument ta' Kontroll tal-Interface.

    (7)

    Id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-dejta personali u s-sigurtà tad-dejta fis-SIS II huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI li japplikaw ugwalment għall-ipproċessar tal-marki tas-swaba' fis-SIS II. B'mod partikolari, kull ipproċessar ta' marki tas-swaba' huwa marbut mas-sistema tal-ipproċessar awtorizzata skont l-Artikoli 22(c) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. L-ipproċessar tal-marki tas-swaba' fis-SIS II irid jikkonforma wkoll mad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli dwar il-ħarsien tad-dejta li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) li se tiġi sostitwita bir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (5) li ser tiġi sostitwita bid-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    (8)

    Minħabba li r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, innotifikat permezz ta' ittra tal-15 ta' Ġunju 2007 it-traspożizzjoni ta' dan l-acquis fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka tipparteċipa fid-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI. Għalhekk hija marbuta li timplimenta din id-Deċiżjoni.

    (9)

    Ir-Renju Unit ma jiħux sehem fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 li bħala konsegwenza ma jistax ifittex u jdaħħal allerti dwar ċaħda ta' dħul jew soġġorn rigward ċittadini ta' pajjiżi terzi. Ir-Renju Unit qiegħed jieħu sehem f'din id-Deċiżjoni sa fejn ma tikkonċernax l-allerti b'relazzjoni mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, f'konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (7).

    (10)

    L-Irlanda ma tiħux sehem fir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 li bħala konsegwenza ma tistax tfittex u ddaħħal allerti dwar ċaħda ta' dħul jew soġġorn rigward ċittadini ta' pajjiżi terzi. L-Irlanda qiegħda tieħu sehem f'din id-Deċiżjoni sa fejn ma tikkonċernax l-allerti b'relazzjoni mal-Artikoli 24 u 25 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006, f'konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u mal-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (8).

    (11)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011 rispettivament.

    (12)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (10).

    (13)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont il-Ftehim iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (11), li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt G tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (12) u mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (13).

    (14)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (14), li jaqa' fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (15) u l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (16).

    (15)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Dejta ta l-opinjoni tiegħu fis-27 ta' Ġunju 2016.

    (16)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 67 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-istandards minimi tal-kwalità tad-dejta stabbiliti fl-Anness għandhom japplikaw għar-rekords tal-marki tas-swaba' kollha użati fis-SIS II.

    2.   Il-format tal-input tal-marki tas-swaba' użat fis-SIS II, li ma jikkonformax mal-istandards stabbiliti fl-Anness, għandhom ikunu rifjutati mis-Sistema Ċentrali tas-SIS II (CS-SIS) u m'għandhomx jintużaw jew jinħażnu.

    3.   Il-format tal-input tal-marki tas-swaba' li jkunu konformi u li fihom marki tas-swaba' taħt il-limitu tal-kwalità m'għandhomx jiddaħħlu fis-Sistema Awtomatizzata għall-Identifikazzjoni tal-Marki tas-Swaba' biex jippermetti tiftix. Dawn il-fajls għandhom jiġu maħżuna fis-SIS II u jistgħu jintużaw biss biex jikkonfermaw l-identità ta' persuna skont l-Artikoli 22(b) tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Dimitris AVRAMOPOULOS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4.

    (2)  ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63.

    (3)  Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta' Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta' data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f'materji kriminali (ĠU L 350, 30.12.2008, p. 60).

    (6)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (9)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (11)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita' Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-żvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (13)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunita' Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-żvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

    (14)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (15)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat b'mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

    (16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


    ANNESS

    1.   OBJETTIV

    Dan l-anness jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi relatati mal-istandards u l-formati tal-input li għandhom jiġu ssodisfati meta tittieħed u tiġi trażmessa dejta bijometrika (marki tas-swaba') lis-SIS II.

    2.   FORMAT TAL-FAJL U TAL-KOMPRESSJONI

    Il-format tal-input tal-immaġni tal-marki tas-swaba' (u d-dejta alfanumerika li takkumpanjahom) għandu jkun konformi mal-format binarju ANSI/NIST (1). Il-format tal-input tal-marki tas-swaba' fis-SIS II għandu jkun ibbażat fuq l-istandard tan-NIST u għandu jsir parti mid-Dokument ta' Kontroll tal-Interface tas-SIS II (SIS II ICD). Id-definizzjoni speċifika tas-SIS NIST biss (ibbażata fuq verżjoni speċifika tal-format ANSI/NIST) għandha tintuża u tiġi infurzata.

    3.   APPARAT

    L-AFIS tas-CS-SIS għandha tkun kompatibbli u interoperabbli ma' dejta osservata b'apparat live-scan fuq livell nazzjonali li jkun jista' jieħu u jaqsam sa għaxar marki tas-swaba' individwali; irrumblati, ċatti jew it-tnejn li huma.

    L-AFIS tas-CS-SIS għandha tkun kompatibbli u interoperabbli ma' marki tas-swaba' “bil-linka”, miksuba qabel id-data ta' din id-Deċiżjoni; irrumblati, ċatti jew it-tnejn li huma, li mbagħad jiġu skenjati diġitalment bil-kwalità u r-riżoluzzjoni rilevanti.

    3.1.   Il-format u r-riżoluzzjoni tal-immaġni

    Is-Sistema Ċentrali tas-SIS II (CS-SIS) għandha tirċievi immaġnijiet tal-marki tas-swaba' ta' riżoluzzjoni nominali ta' 1 000 dpi jew ta' 500 dpi u b'256 livell ta' griż.

    Immaġnijiet ta' 500 dpi għandhom jintbagħtu bl-użu tal-format WSQ filwaqt li immaġnijiet ta' 1 000 dpi jridu jkunu f'JPEG2000 (JP2).

    4.   REKWIŻITI

    Ir-rekwiżiti li ġejjin iridu jiġu ssodisfati għall-użu ma' apparat live-scan u paper-scan:

    4.1.   Kwalità

    L-AFIS tas-CS-SIS għandha tistabbilixxi limiti tal-kwalità għall-aċċettazzjoni ta' marki tas-swaba'. Għandha titwettaq spezzjoni fuq il-kwalità lokalment mill-Istati Membri qabel ma jintbagħtu l-immaġnijiet lis-SIS II, li jridu jkunu skont l-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu definiti skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-Artikolu 67 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

    L-immaġnijiet tal-marki tas-swaba' li ma jissodisfawx il-limiti tal-kwalità ddeterminati mill-AFIS tas-CS-SIS m'għandhomx jiddaħħlu għal tiftix awtomatizzat, iżda għandhom jiġu maħżuna fis-SIS biex jikkonfermaw l-identità ta' persuna skont il-punt (b) tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u l-punt (b) tal-Artikolu 22 tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.

    Jekk fajl mhux konformi mas-SIS NIST jiġi miċħud, għandu jintbagħat messaġġ awtomatiku li jispjega l-kwistjoni lill-Istat Membru.

    Jekk il-fajl tas-SIS NIST ikun konformi mal-ICD, iżda l-kontenut ikun ta' kwalità insuffiċjenti għall-finijiet ta' identifikazzjoni f'AFIS, għandu jintbagħat messaġġ awtomatiku lill-Istat Membru li jiċċara li l-marki tas-swaba' ma jistgħux jintużaw għal finijiet ta' identifikazzjoni (reġistrazzjoni jew tiftix). Dan il-mekkaniżmu jipprovdi l-opportunità biex l-Istat Membru jerġa' jieħu l-immaġnijiet u jibgħat sett ġdid lis-sistema ċentrali.

    Il-limiti tal-kwalità jistgħu jiġu modifikati fil-futur.

    L-awtorità maniġerjali għandha tipprovdi, iżżomm u taġġorna għodda għall-kontroll tal-kwalità u twassalha lill-Istati Membri sabiex ikun żgurat l-istess livell ta' kontroll tal-kwalità u biex tiġi evitata dejta ta' kwalità baxxa.

    5.   L-UŻU TAL-MARKI TAS-SWABA' GĦAL ĦŻIN U INSERZJONI

    L-AFIS tas-CS-SIS iddaħħal fil-bażi tad-dejta bijometrika l-immaġnijiet tal-marki tas-swaba' 'il fuq mil-limitu tal-kwalità l-aktar b'immaġni waħda għal kull tip ta' saba' (identifikazzjoni NIST 1 sa 10), li jfisser minn immaġni waħda sa għaxar immaġni ċatti u wieħed sa għaxar marki tas-swaba' rrumblati. Kull immaġni tal-marki tas-swaba' għandha tkun immarkata sew dwar liem saba' turi. Marki tas-swaba' neqsin jew infaxxati għandhom dejjem jiġu identifikati kif meħtieġ kif speċifikat mis-SIS II ICD skont l-istandard NIST. Kull immaġni tal-marki tas-swaba' għandha tinżamm mis-CS-SIS, biex b'hekk marki tas-swaba' miċħuda jintużaw għall-finijiet ta' verifika. Bħala eċċezzjoni, immaġni tal-marki tas-swaba' parzjali (ta' kwalità baxxa) jistgħu jinħażnu u jiddaħħlu, meta dawn ikunu jikkonċerna persuni neqsin.

    6.   L-UŻU TAL-MARKI TAS-SWABA' GĦAL IDENTIFIKAZZJONI U TIFTIX BIJOMETRIĊI

    L-AFIS tas-CS-SIS tagħmel tfittxijiet bijometriċi (identifikazzjonijiet bijometriċi) bl-użu tal-immaġnijiet tal-marki tas-swaba' 'l fuq mil-limitu tal-kwalità u l-aktar b'immaġni waħda għal kull tip ta' saba' (identifikazzjoni NIST 1 sa 10). Kull immaġni tal-marki tas-swaba' għandha tkun immarkata sew dwar liem saba' turi. Marki tas-swaba' neqsin jew infaxxati għandhom dejjem jiġu identifikati kif meħtieġ kif speċifikat mis-SIS II ICD skont l-istandard NIST.

    7.   L-UŻU TAL-MARKI TAS-SWABA' GĦAL VERIFIKI BIJOMETRIĊI

    L-AFIS tas-CS-SIS tkun kapaċi twettaq verifiki bijometriċi bi kwalunkwe numru ta' marki tas-swaba' ċatti jew irrumblati bejn wieħed sa għaxra. Kull fajl tan-NIST ikun fih l-iktar immaġni waħda għal kull tip ta' saba' (identifikazzjoni NIST 1 sa 10). L-użu tal-“permutazzjonijiet” (2) għandu jitwettaq għal verifiki mill-AFIS tas-CS-SIS, ikun xi jkun l-immarkar tal-marki tas-swaba'. Marki tas-swaba' neqsin jew infaxxati għandhom dejjem jiġu identifikati kif meħtieġ kif speċifikat mis-SIS II ICD skont l-istandard NIST.


    (1)  American National Standard for Information Systems / National Institute of Standards and Technology.

    (2)  Il-permutazzjonijiet jiggwidaw lill-AFIS tas-CS-SIS biex jitwettqu verifiki ripetittivi bejn il-marka/i tas-swaba' tas-sors u l-marki kollha tas-swaba' disponibbli (l-aktar għaxra) sakemm jew issir verifika pożittiva jew il-marki kollha tas-swaba' disponibbli jkunu ġew eżaminati mingħajr ma jkunu pproduċew verifika pożittiva.


    Top