Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0715(01)

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ġunju 2016 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabilità

    C/2016/3780

    ĠU C 257, 15.7.2016, p. 3–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2017

    15.7.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 257/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-17 ta’ Ġunju 2016

    li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar is-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabilità

    (2016/C 257/03)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Bil-ħsieb li ttejjeb strutturalment l-arkitettura tal-ġestjoni tad-dejta tal-Unjoni għall-kontroll tal-fruntieri u s-sigurtà, b’mod partikolari billi tindirizza n-nuqqasijiet u l-lakuni fl-għarfien tas-sistemi ta’ informazzjoni fil-livell tal-Unjoni, f’konformità mal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Sistemi ta’ Informazzjoni Aktar Intelliġenti u b’Saħħithom għall-Fruntieri u s-Sigurtà” (1), il-Kummissjoni teħtieġ li titlob l-għarfien espert tal-esperti ta’ livell għoli f’korp konsultattiv.

    (2)

    Għaldaqstant jeħtieġ li jitwaqqaf grupp ta’ esperti ta’ livell għoli fil-qasam tas-Sistemi ta’ Informazzjoni u l-Interoperabilità, u jiġu definiti l-kompiti u l-istruttura tiegħu.

    (3)

    Dan il-grupp għandu jgħin fl-iżvilupp ta’ strateġija konġunta sabiex il-ġestjoni tad-dejta fl-Unjoni ssir aktar effettiva u effiċjenti, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-dejta, biex tipproteġi l-fruntieri esterni tagħha u ssaħħaħ is-sigurtà interna. Il-grupp għandu jkollu perspettiva wiesgħa u komprensiva dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u l-infurzar tal-liġi, b’kont meħud tar-rwoli, r-responsabbiltajiet u s-sistemi tal-awtoritajiet doganali rilevanti.

    (4)

    Il-grupp għandu jkun iffurmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mill-awtoritajiet kompetenti tal-membri assoċjati taż-żona Schengen li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, mill- Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA), mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), mill- Aġenzija tal-Unjoni Ewropa għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (CTC).

    (5)

    Għandhom jiġu stabbiliti r-regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-grupp.

    (6)

    Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    (7)

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2017. Fi żmien propizju, il-Kummissjoni se tikkunsidra kemm hu xieraq li tingħata estensjoni.

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Suġġett

    Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar Sistemi ta’ Informazzjoni u Interoperabbiltà (“il-Grupp”), huwa b’dan stabbilit.

    Artikolu 2

    Kompiti

    Il-kompiti tal-grupp huma:

    (a)

    li jagħti pariri u jgħin lill-Kummissjoni biex tintlaħaq l-interoperabilità u l-interkonnessjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni u ġestjoni tad-dejta għall-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà;

    (b)

    biex jiżviluppa viżjoni strateġika ġenerali dwar l-interoperabilità u l-interkonnessjoni tas-sistemi ta’ informazzjoni u għal ġestjoni tad-dejta aktar effettiva u effiċjenti għall-fruntieri u s-sigurtà fl-Unjoni, inklużi l-proposti ta’ azzjonijiet ta’ segwitu konkreti għall-Kummissjoni għal żmien qasir, medju u fit-tul biex tipproteġi l-fruntieri esterni tagħha u ttejjeb is-sigurtà interna permezz ta’ qsim aħjar ta’ informazzjoni;

    (c)

    biex joħloq kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-interoperabilità u l-interkonnessjoni ta’ sistemi ta’ informazzjoni u ġestjoni tad-dejta għall-ġestjoni tal-fruntieri u s-sigurtà fl-Unjoni.

    Artikolu 3

    Sħubija

    (1)   Il-grupp għandu jkun iffurmat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, mill-awtoritajiet kompetenti tal-membri assoċjati taż-żona Schengen li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea, mill-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (eu-LISA), mill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta’ Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropa għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) u l-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu (CTC).

    (2)   Il-membri tal-grupp jinnominaw lir-rappreżentanti ta’ livell għoli. Kull rappreżentant ta’ livell għoli jista’ jkun akkumpanjat minn espert wieħed fi skambju ta’ informazzjoni sabiex ikun hemm livell għoli ta’ kompetenza teknika.

    Artikolu 4

    President

    Il-grupp għandu jkun ippresedut mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u Affarijiet Interni tal-Kummissjoni.

    Artikolu 5

    Ħidma

    (1)   Il-grupp għandu jaġixxi fuq it-talba tal-President tiegħu skont ir-regoli orizzontali tal-Kummissjoni dwar il-gruppi ta’ esperti (“ir-regoli orizzontali”) (3).

    (2)   Il-laqgħat tal-grupp għandhom, fil-prinċipju, jinżammu fi Brussell.

    (3)   Id-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u Affarijiet Interni tal-Kummissjoni (iktar ‘il quddiem “DĠ Home”) għandu jipprovdi servizzi segretarjali. Uffiċjali minn direttorati oħra tal-Kummissjoni b’interess fil-proċedimenti jistgħu jattendu l-laqgħat tal-grupp u tas-sottogruppi tiegħu.

    (4)   Bi ftehim ma’ DĠ Home, il-grupp jista’, b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, jiddeċiedi li jiftaħ il-laqgħat tiegħu għall-pubbliku.

    (5)   Il-minuti dwar id-diskussjoni ta’ kull punt fuq l-aġenda u l-opinjonijiet mogħtija mill-grupp għandhom ikunu siewja u sħaħ. Il-minuti għandhom jitħejjew mis-segretarjat taħt ir-responsabbilità tal-President.

    (6)   Il-grupp għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti tiegħu b’kunsens. F’każ ta’ vot, ir-riżultat tal-vot għandu jkun deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri. Il-membri li jkunu vvutaw kontra għandhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet jew ir-rapporti.

    Artikolu 6

    Sottogruppi

    (1)   Id-DĠ HOME jista’ jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta’ termini ta’ referenza definiti mill-Kummissjoni. Is-sottogruppi għandhom joperaw f’konformità mar-regoli orizzontali u jirrapportaw lura lill-grupp. Dawn għandhom jiġu xolti malli jinlaħaq l-għan tal-mandat tagħhom.

    (2)   Il-membri tal-grupp jinnominaw lir-rappreżentanti ta’ kull sottogrupp.

    Artikolu 7

    L-esperti mistiedna

    Il-President tal-grupp jista’ jistieden esperti b’kompetenza speċifika dwar suġġett fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp jew tas-sottogrupp fuq bażi ad hoc.

    Artikolu 8

    Osservaturi

    (1)   Individwi, organizzazzjonijiet u korpi pubbliċi jistgħu jingħataw status ta’ osservatur, f’konformità mar-regoli orizzontali, bi stedina diretta tal-President.

    (2)   L-organizzazzjonijiet/entitajiet pubbliċi maħtura bħala osservaturi għandhom jinnominaw lir-rappreżentanti tagħhom.

    (3)   L-osservaturi u r-rappreżentanti tagħhom jistgħu jkunu awtorizzati mill-President biex jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-grupp u jipprovdu għarfien espert. Madankollu, ma jkollhomx id-dritt tal-vot u m’għandhomx jieħdu sehem fit-tfassil ta’ rakkomandazzjonijiet jew pariri tal-grupp.

    Artikolu 9

    Regoli ta’ proċedura

    Fuq proposta minn u bi qbil ma’ DĠ HOME, il-grupp għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu, abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura għall-gruppi ta’ esperti, f’konformità mar-regoli orizzontali.

    Artikolu 10

    Is-segretezza professjonali u l-immaniġġjar ta’ informazzjoni klassifikata

    Il-membri tal-grupp u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna, għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà fir-rigward tal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, stabbiliti fid-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 (4) u 2015/444 (5). F’każ li dawn l-obbligi ma jiġux irrispettati, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

    Artikolu 11

    Trasparenza

    (1)   Il-grupp u s-sottogruppi tiegħu għandhom jiġu rreġistrati fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħrajn (“ir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti”).

    (2)   F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kompożizzjoni, l-isem tal-membri, inklużi l-awtoritajiet tal-Istati Membri, kif ukoll tal-osservaturi għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi tal-esperti.

    (3)   Id-dokumenti rilevanti kollha (bħalma huma l-aġendi, il-minuti u s-sottomissjonijiet tal-parteċipanti) għandhom ikunu disponibbli fir-Reġistru tal-gruppi ta’ esperti jew inkella permezz ta’ ħolqa mir-Reġistru għal sit web apposta, fejn ikun jista’ jinsab dan it-tagħrif. L-aċċess għal siti web speċifiċi ma għandux ikun soġġett għar-reġistrazzjoni tal-utent jew xi restrizzjoni oħra. B’mod partikolari, l-aġenda u d-dokumenti ta’ sfond rilevanti oħra għandhom jiġu ppubblikati fi żmien xieraq qabel il-laqgħa, segwiti minn pubblikazzjoni f’waqtha tal-minuti. L-eċċezzjonijiet għall-pubblikazzjoni għandhom jiġu previsti biss meta d-divulgazzjoni ta’ dokument iddgħajjef il-protezzjoni ta’ interess pubbliku jew privat kif iddefinit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

    Artikolu 12

    Spejjeż tal-laqgħat

    (1)   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

    (2)   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-parteċipanti fl-attivitajiet tal-grupp u tas-sottogruppi għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni. Ir-rimborż għandu jsir f’konformità mar-regoli applikati mill-Kummissjoni u fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati lis-servizzi tal-Kummissjoni skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

    Artikolu 13

    Applikabbiltà

    Din id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2017.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Dimitris AVRAMOPOULOS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ April 2016 dwar Sistemi ta’ Informazzjoni Aktar Intelliġenti u b’Saħħithom għall-Fruntieri u s-Sigurtà — COM(2016) 205.

    (2)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p 1).

    (3)  C(2016) 3301.

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 41).

    (5)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).

    (6)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).


    Top