Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0695

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/695 tas-17 ta' Lulju 2013 dwar l-iskema ta' għajnuna mill-istat SA.30068 C 33/2010 (ex N 700/2009) — Għajnuna lill-produtturi ta' metalli li ma fihomx ħadid għall-kostijiet tas-CO2 inklużi fil-prezz tal-elettriku (notifikata bid-dokument C(2013) 4420) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 120, 5.5.2016, p. 15–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/695/oj

5.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 120/15


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/695

tas-17 ta' Lulju 2013

dwar l-iskema ta' għajnuna mill-istat SA.30068 C 33/2010 (ex N 700/2009) — Għajnuna lill-produtturi ta' metalli li ma fihomx ħadid għall-kostijiet tas-CO2 inklużi fil-prezz tal-elettriku

(notifikata bid-dokument C(2013) 4420)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem “TFUE”), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar 'il quddiem deskritt “il-Ftehim dwar iż-ŻEE”), u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1) u wara li kkunsidrat dawn il-kummenti,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Permezz tal-ittra ddatata s-17 ta' Diċembru 2009, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar għajnuna lill-produtturi ta' metalli li ma fihomx ħadid. Fis-16 ta' Frar u d-9 ta' Lulju 2010, il-Kummissjoni talbet informazzjoni addizzjonali, li l-Ġermanja għaddiet fl-10 ta' Mejju u fil-21 ta' Settembru 2010.

(2)

Permezz tal-ittra ddatata s-17 ta' Novembru 2010 il-Kummissjoni informat lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li ser tagħti bidu għall-proċedura ta' investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE (“id-deċiżjoni tal-ftuħ”) minħabba l-miżura ta' għajnuna inkwistjoni.

(3)

Il-Ġermanja pprovdiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ fil-21 ta' Frar 2011.

(4)

Id-deċiżjoni tal-ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti dwar l-iskema.

(5)

Il-partijiet terzi ssottomettew diversi kummenti għand il-Kummissjoni. Fl-24 ta' Awwissu 2011 hija għaddiet dawn lill-Ġermanja li, min-naħa tagħha, esprimiet ruħha bl-ittra ddatata s-26 ta' Settembru 2011.

2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA

2.1.   OBJETTIV

(6)

Is-suġġett ta' din id-Deċiżjoni huwa skema li bl-għajnuna tagħha l-Ġermanja kellha l-intenzjoni tagħti għajnuna lill-produtturi ta' metalli li ma fihomx ħadid. Bil-miżura kellha tkun ikkumpensata parti mill-kostijiet indiretti tas-CO2 inklużi fil-prezz tal-elettriku, li kienu nħolqu fl-2009. Skont il-Ġermanja l-industrija tal-metalli li ma fihomx ħadid, jiġifieri l-produtturi ta' aluminju primarju (Kodiċi tan-NACE 24.42), żingu (Kodiċi tan-NACE 24.43) u ram (Kodiċi tan-NACE 24.44) kienet sabet ruħha f'diffikultajiet ekonomiċi.

(7)

Il-Ġermanja ssemmi żewġ raġunijiet għal din is-sitwazzjoni: l-ewwel nett, il-kriżi finanzjarja li faqqgħet fl-2008 wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet tas-swieq dinjija għal metalli li ma fihomx ħadid fil-London Metal Exchange (“LME”), u t-tieni, il-prezzijiet tal-elettriku fl-Unjoni kienu baqgħu fuq livell għoli minħabba l-kostijiet indiretti tas-CO2 kkawżati mill-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet (ETS). Il-kombinazzjoni ta' prezzijiet baxxi għal metalli li ma fihomx ħadid fis-suq dinji u prezzijiet tal-elettriku għoljin fl-Unjoni dgħajfet il-kompetittività tal-produtturi ta' metalli li ma fihomx ħadid fl-Unjoni meta mqabblin mal-produtturi ta' metalli li ma fihomx ħadid barra mill-Unjoni.

(8)

Il-Ġermanja ssostni li l-iżvantaġġ tal-kompetizzjoni possibbilment joħloq inċentiv għall-produtturi ta' metalli li ma fihomx ħadid sabiex inaqqsu l-kapaċità tal-produzzjoni jew sabiex jirrilokaw il-produzzjoni tagħhom f'pajjiżi barra mill-Unjoni, fejn mhumiex imposti kostijiet għoljin tas-CO2. Ir-rilokazzjoni tal-attività ta' produtturi Ġermaniżi tal-metalli li ma fihomx ħadid seta' jkollha konsegwenzi gravi għal setturi industrijali downstream (bħas-settur tal-bini, l-industrija tal-karozzi, l-industrija tal-makkinarju, l-ajruspazjali) li huma ta' importanza kbira għall-industrija Ġermaniża u Ewropea. Barra minn hekk, tali rilokazzjoni f'pajjiżi barra mill-Unjoni, fuq livell globali tispiċċa twassal għal livell ogħla ta' emissjonijiet tas-CO2, billi f'dan il-każ il-produzzjoni ta' metalli li ma fihomx ħadid titwettaq taħt obbligi relatati mas-CO2 inqas stretti minn dawk fl-Unjoni, fejn japplika livell massimu ta' emissjonijiet vinkolanti (ir-rilokazzjoni ta' emissjonijiet tas-CO2, l-hekk imsejjaħ carbon leakage).

(9)

Il-Ġermanja tikkonkludi li l-miżura intenzjonata hija mezz adattat sabiex tkun evitata rilokazzjoni ta' attività u l-effetti negattivi li din iġġib magħha għall-industrija tal-Unjoni, kif ukoll għall-isforzi tal-Unjoni sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2.

(10)

Qabel in-notifika tal-iskema preżenti, il-Ġermanja kienet wettqet in-notifika ta' skema identika (li mbagħad irtirat), li iżda riedet tiġġustifika b'titjib tal-kompetittività fir-rigward ta' prodotturi Ġermaniżi tal-metalli li ma fihomx ħadid meta mqabblin ma' produtturi fi Stati Membri oħrajn u f'pajjiżi li mhumiex parti mill-UE.

2.2.   BAŻI LEGALI

(11)

Il-bażi legali tal-iskema hija l-liġi dwar it-tieni baġit supplimentari tat-2 ta' Lulju 2009, b'mod partikolari t-titolu baġitarju 683 03, u d-Direttiva dwar il-promozzjoni tal-manifattura ta' metalli li ma fihomx ħadid, li ma jagħmlux ħsara lill-klima tas-6 ta' Awwissu 2009.

2.3.   BENEFIĊJARJI

(12)

L-għajnuna tista' tingħata lil produtturi tal-aluminju, żingu (bl-eċċezzjoni taċ-ċomb u tal-landa) u r-ram taħt il-kundizzjoni li l-faċilità ta' produzzjoni tkun tinsab fil-Ġermanja, il-produzzjoni titlob iktar minn 10 GWh ta' elettriku fis-sena u l-kostijiet tal-elettriku jammontaw għal iktar minn 15 % tal-valur miżjud gross. Il-kostijiet għall-ewwel GWh tal-konsum annwali tal-elettriku huma eżentati minn dan il-kumpens (parteċipazzjoni). Il-Ġermanja ħabbret li 11-il benefiċjarju ssottometta applikazzjoni. Skont l-informazzjoni preżenti, 80 % tal-għajnuna se tmur għand tliet produtturi tal-aluminju, filwaqt li wieħed minn dawn ([…] (*)) huwa mistenni jingħata […] % tal-għajnuna.

2.4.   L-AMMONT TAL-GĦAJNUNA U Ż-ŻMIEN STIPULAT

(13)

L-ammont totali ta' għajnuna kien mistenni jilħaq mill-inqas EUR 40 miljun u jingħata fit-tieni sitt xhur tal-2009 (3). L-iskema ta' għajnuna tinkludi klawżola ta' sospensjoni, u l-għajnuniet se jingħataw biss wara l-approvazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

2.5.   FORMA TAL-GĦAJNUNA U MEZZI TAL-FINANZJAMENT

(14)

Il-benefiċjarji kellhom japplikaw għall-għajnuna għand l-Uffiċċju Federali tal-Ekonomija u l-Kontroll tal-Esportazzjonijiet (BAFA). L-ammonti individwali ta' għajnuna jiddependu mill-konsum tal-elettriku tal-applikant rispettiv. Il-konsum tal-elettriku li huwa marbut direttament mal-proċess ta' produzzjoni biss huwa eliġibbli għall-għajnuna. Fil-każ tal-aluminju, il-kumpens jingħata biss għall-kostijiet tal-elettriku marbutin mal-elettroliżi, fil-każ ta' ram u żingu anki għal proċessi ta' produzzjoni oħrajn li jużaw ħafna elettriku (pereżempju fran bl-ark elettriku). Fil-każ taż-żingu u r-ram mhijiex possibbli distinzjoni bejn produzzjoni primarja u sekondarja u lanqas ma hija neċessarja, billi d-differenzi fl-intensità tal-elettriku huma minimi.

(15)

L-għajnuna tingħata lill-benefiċjarji fil-forma ta' għoti dirett. Din hija ffinanzjata mill-baġit federali u hija mqassma fil-forma ta' ħlasijiet ta' kumpens għall-kostijiet tas-CO2 imġarrba permezz tal-konsum tal-elettriku li jmur lil hinn minn 1 GWh fis-sena. L-għajnuna hija kkalkolata fuq il-bażi tal-konsum annwali tal-elettriku (bi tnaqqis ta' 1 GWh), li huwa mmultiplikat b'ammont predeterminat għal kull MWh, stabbilit skont is-subsetturi (aluminju, ram, żingu).

(16)

Abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-Ġermanja, dawn l-ammonti huma kkalkolati fuq il-bażi tal-kostijiet tas-CO2 li jammontaw għal EUR 19/MWh, bil-ġustifikazzjoni li dan l-ammont huwa konformi għal madwar 0,75 % tal-medja fil-prezz waqt l-allokazzjoni ta' CO2 fl-Unjoni fit-tieni nofs tal-2009, bejn wieħed u ieħor EUR 24. Minn dan l-ammont l-awtoritajiet Ġermaniżi jnaqqsu marġni ta' sikurezza ta' 10 %, b'tali mod li jistabbilixxu kumpens massimu ta' EUR 17/MWh għall-aluminju. Il-fatturi ta' kumpens għall-metalli l-oħrajn huma iktar baxxi: għaż-żingu EUR 16/MWh u għar-ram EUR 9/MWh. Iċ-ċifra eżatta skont il-benefiċjarju tiddependi fuq kemm il-benefiċjarji kkunsmaw elettriku fit-tieni nofs tal-2009, minħabba li l-għajnuna hija allokata fuq il-bażi tal-konsum attwali tal-benefiċjarji u fuq il-prezz imsemmi għal kull MWh ta' elettriku kkunsmat biex isiru l-aluminju, iż-żingu u r-ram.

(17)

F'każ li l-produzzjoni titwaqqaf jew tiġi rilokata 'l barra mill-Ġermanja qabel tmiem l-2010, il-benefiċjarji jkollhom iħallsu lura kull għajnuna li jistgħu jkunu rċevew sa dak il-punt.

3.   ID-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(18)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar ir-rikonċiljazzjoni tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern u talbet għal kummenti minn dawk kollha involuti dwar l-aspetti diversi tal-għajnuna.

(19)

Wara l-konstatazzjoni li evidentement ma huma applikabbli l-ebda oqfsa komunitarji jew direttivi speċifiċi, il-Kummissjoni eżaminat it-tliet argumenti li kienu ġew invokati mill-Ġermanja b'referenza għall-Artikolu 107(3)(b) u l-Artikolu 107(3)(c) TFUE:

(20)

L-ewwel nett, il-Ġermanja argumentat li l-għajnuna għandha tgħin lis-settur ta' metalli mingħajr ħadid sabiex jirrimedja tfixkil serju fl-ekonomija skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Għal dan l-għan il-Kummissjoni qajmet id-domanda dwar jekk it-tnaqqis tal-prezzijiet ta' metalli mingħajr ħadid fis-snin 2008/2009 għandux ikun attwalment ivvalutat bħala tfixkil serju fl-ekonomija u jekk il-produtturi ta' metalli mingħajr ħadid humiex daqshekk marbutin mas-setturi downstream, kif iddikjarat mill-Ġermanja (4).

(21)

It-tieni nett, il-Ġermanja sostniet li l-iskema notifikata tikkostitwixxi għajnuna għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, u fil-fatt għall-vantaġġ tal-produtturi Ġermaniżi tal-aluminju primarju, iż-żingu u r-ram. Fl-ewwel serje ta' argumenti, il-Ġermanja invokat li l-kostijiet indiretti tas-CO2, li kienu mgħoddija fuq il-prezzijiet tal-elettriku, kienu jġorru magħhom il-perikolu li l-produtturi ta' metalli li ma fihomx ħadid fil-Ġermanja jnaqqsu l-produttività tagħhom u possibbilment, saħansitra, jirrilokaw f'pajjiżi barra mill-Unjoni u għaldaqstant jispiċċaw jirrilokaw l-emissjonijiet tas-CO2 (carbon leakage).

(22)

Madankollu, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar aspetti varji ta' din l-argumentazzjoni:

Skontha, mhuwiex ċar jekk l-għajnuna hijiex neċessarja u adattata, billi abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja ma seta' jiġi kkonstatat l-ebda perikolu ta' rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2. Partikolarment, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda informazzjoni dwar il-kostijiet tal-benefiċjarji. Barra minn hekk, xi benefiċjarji mid-dehra ġġeneraw profitti matul il-perijodu inkwistjoni, fatt li ma jagħtix x'jifhem li dawn verament kienu esposti għal pressjoni ta' rilokazzjoni. Addizzjonalment, ma seta' jiġi kkonstatat l-ebda perikolu reali li ser jitwettqu rilokazzjonijiet f'pajjiżi barra mill-Unjoni jew miż-ŻEE (5).

Mhuwiex ċar ukoll jekk l-għajnuna, li kienet ristretta għat-tieni nofs tal-2009, jistax ikollha effett ta' inċentiv għall-benefiċjarji sabiex iżommu s-siti ta' produzzjoni tagħhom fil-Ġermanja (6).

Lil hinn minn dan, il-Kummissjoni kkontestat l-adegwatezza tal-iskema billi l-Ġermanja ma kinitx ittrażmettiet evidenzi suffiċjenti li ma jistax ikun hemm kumpens eċċessiv (7).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha dubji fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi milqutin mill-iskema, billi ma jistax jiġi eskluż li l-għajnuna ġġib magħha distorsjonijiet kompetittivi serji, b'mod partikolari għall-iżvantaġġ tal-produtturi ta' metalli mhux tal-ħadid fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni/taż-ŻEE, partikolarment jekk dawn kellhom vantaġġ naturali fir-rigward tas-sit minħabba li setgħu jakkwistaw l-elettriku b'mod iktar kosteffikaċi (8).

(23)

Fit-tieni serje ta' argumenti tagħha, il-Ġermanja spjegat li l-iskema tikkostitwixxi għajnuna sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, li permezz tagħha huwa mmirat li jiġi evitat it-telf ta' impjiegi fl-industrija tal-metalli mingħajr ħadid u fis-setturi downstream. Il-Kummissjoni kellha dubji partikolarment dwar jekk il-prevenzjoni tat-telf ta' impjiegi tistax tiġi vvalutata bħala għan ta' interess komuni, dwar jekk l-attivitajiet ekonomiċi downstream kinux verament affettwati serjament u jekk l-għajnuna mill-Istat tikkostitwixxix mezz xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan (9).

4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI U MIN-NAĦA TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(24)

Bejn it-3 ta' Mejju u t-13 ta' Mejju 2011 kienu sottomessi 12-il kumment għand il-Kummissjoni:

Sitta minnhom kienu joriġinaw mingħand produtturi ta' metalli mhux tal-ħadid, li kienu applikaw għal għajnuniet ([…], […], […], […] u […]) jew li kienu jippossjedu sussidjarja li kienet benefiċjarju potenzjali ([…]). […], […] u […] huma produtturi tal-aluminju. […] timmanifattura r-ram u […] iż-żingu.

Barra minn hekk, ħames assoċjazzjonijiet ta' impriżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom, tlieta minnhom rappreżentanti tal-industrija kimika fil-livell Ġermaniż: l-Assoċjazzjoni tal-industrija kimika, l-Assoċjazzjoni tal-Produtturi Industrijali ta' Enerġija Elettrika (VIK) u l-Assoċjazzjoni għall-Kummerċ tal-Metall (WVM), u tnejn kienu rappreżentanti tal-industrija tax-xogħol tal-metall fil-livell Ewropew: Euroalliages u Eurométaux.

Kien hemm stqarrija li waslet mingħand trade union Ġermaniża, it-trade union industrijali Industriegewerkschaft Bergbau, Chemie, Energie (IG BCE).

(25)

Kollox ma' kollox, il-partijiet interessati kollha kienu favur il-miżura ta' għajnuna (10). Huma argumentaw li l-perikolu ta' rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 diġà kien ġie rikonoxxut permezz ta' dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni u li, għaldaqstant, ma teżisti l-ebda neċessità li tkun ipprovduta prova għal dan. Anki li kieku kienet meħtieġa prova, l-eżistenza ta' tali perikolu għall-industrija tal-metalli li ma fihomx ħadid tista' titqies bħala li kienet teżisti, billi s-settur jaġixxi bħala l-prenditur tal-prezzijiet fis-suq dinji u l-fornituri tal-elettriku diġà kienu għaddew il-kostijiet tas-CO2 qabel l-2013 (jiġifieri qabel ma kienu se jkunu applikabbli l-Linji gwida dwar ċerti miżuri ta' għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra wara l-2012 — “Linji Gwida ETS”).

(26)

Barra minn hekk, huma kienu tal-fehma li l-għajnuna għandha effett ta' inċentiv billi s-sempliċi tħabbira ta' din l-iskema serviet bħala inizjattiva għal xi produtturi sabiex iżommu l-produzzjoni tagħhom. Finalment, huma kkonstataw b'ħeġġa li l-għajnuna ma toħloqx distorsjoni għall-kompetizzjoni iżda tirrimedja distorsjoni tal-kompetizzjoni serja, dovuta għall-iskema tal-Unjoni, f'paragun ma' produtturi f'pajjiżi barra mill-Unjoni/miż-ŻEE. Bħala sostenn għal din l-istqarrija, xi wħud mill-benefiċjarji potenzjali u assoċjazzjoni waħda ta' impriżi kkummentaw li l-prezzijiet tal-elettriku fl-Ewropa kienu jitqarrbu b'tali mod li r-rilokazzjoni ma kinitx ser isseħħ fi ħdan l-Unjoni, iżda barra mill-Unjoni. Xi wħud mill-partijiet interessati, bħal pereżempju t-trade union Ġermaniża, madankollu jidhru li huma tal-fehma li l-produtturi fil-Ġermanja kienu ser ikunu milqutin iktar bis-saħħa mill-ispejjeż indiretti tal-ETS meta mqabblin ma' produtturi fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni, fejn il-prezzijiet kienu miżmuma baxxi permezz ta' kuntratti fit-tul.

5.   KUMMENTI MILL-ĠERMANJA

(27)

Fil-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-ftuħ il-Ġermanja, għal darba oħra, saħħet il-fehma tagħha li l-iskema ta' għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern. Iż-żewġ motivi għall-iskema — jiġifieri l-kriżi finanzjarja u ekonomika u l-kumpens għal setturi u subsetturi li fihom kien hemm ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 — kellhom jiġu rikonoxxuti mill-Unjoni bħala fatturi li jeħtieġu jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt il-kontroll tal-għajnuniet mill-Istat.

(28)

Il-Ġermanja partikolarment argumentat għal darba oħra li l-perikolu ta' rilokazzjoni relatat mal-emissjonijiet tas-CO2 diġà kien ġie meqjus permezz ta' dritt tal-Unjoni eżistenti fir-rigward tal-benefiċjarji fis-sena 2009, b'mod partikolari permezz tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) u tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE (12), u li, fi kwalunkwe każ, il-Ġermanja diġà kienet ipprovdiet provi suffiċjenti għall-eżistenza ta' dan il-perikolu. Dan il-fenomenu seta' jiġi identifikat ukoll permezz tal-għeluq ta' stabbilimenti l-iktar reċenti kemm fil-Ġermanja kif ukoll fir-Renju Unit. Barra minn hekk, il-Ġermanja ddeskriviet l-iskema ta' għajnuna bħala mezz adattat għall-prevenzjoni ta' rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2, billi l-alternattivi msemmijin fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-Kummissjoni huma inqas effettivi.

(29)

Apparti dan, il-Ġermanja baqgħet iżżomm mal-fehma tagħha li l-għajnuna, partikolarment fid-dawl tal-perijodu qasir ta' applikazzjoni ta' sitt xhur, kienet adattata. Filwaqt li hija ammettiet li l-miżura tista' toħloq kumpens eċċessiv, hija għamlet referenza għall-fatt li għalhekk kien previst marġni ta' sikurezza ta' 10 % u ritenzjoni bażika (li tammonta għall-kostijiet indiretti għal 1 GWh ta' konsum). Barra minn hekk, iddikjarat li hija lesta sabiex, abbażi ta' proposta korrispondenti mill-Kummissjoni, twettaq emendi fil-kalkolu tal-ammonti ta' għajnuna. Finalment, il-Ġermanja rreferiet għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-kompetittività tal-industriji tal-metalli tat-22 ta' Frar 2008 — Kontribut għall-iżvilupp u l-istrateġija tal-impjiegi tal-UE, kif ukoll għall-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Ottubru 2010 — Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni li tpoġġi l-Kompetittività u s-Sostenibbiltà fix-Xena Prinċipali, li fihom il-Kummissjoni kienet enfasizzat kemm huwa importanti li tinżamm il-kompetittività tal-industrija tax-xogħol tal-metall u tas-setturi b'użu intensiv tal-enerġija b'mod ġenerali (13).

(30)

Filwaqt li indirizzat it-trattazzjonijiet min-naħa tal-partijiet interessati, il-Ġermanja enfasizzat li ħadd ma esprima tħassib minħabba distorsjonijiet eventwali tal-kompetizzjoni fis-suq intern iżda, għall-kuntrarju, il-partijiet interessati kollha, partikolarment ukoll l-assoċjazzjonijiet ta' impriżi li rrappreżentaw kompetituri possibbli tal-benefiċjarji fil-livell nazzjonali u Ewropew, saħqu li huma favur il-miżura. Il-partijiet interessati ppreżentaw ukoll informazzjoni u argumenti addizzjonali li kkonfermaw li għall-industriji tal-metalli li ma fihomx ħadid kien hemm il-perikolu tar-rilokazzjoni relatat mal-emissjonijiet tas-CO2 fit-tieni nofs tal-2009.

6.   EVALWAZZJONI TAL-GĦAJNUNA

(31)

Il-Kummissjoni eżaminat il-miżura proposta f'konformità mal-Artikolu 107 et seq TFUE u l-Artikolu 61 et seq tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (14). Wara investigazzjoni tal-argumenti ppreżentati mill-Ġermanja u minn partijiet interessati oħrajn, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-valutazzjoni tagħha tal-iskema notifikata fid-deċiżjoni tal-ftuħ tibqa' valida billi ma kienu ppreżentati l-ebda elementi ġodda li setgħu jwasslu għal tibdil tal-valutazzjoni, bla ħsara għall-ispjegazzjonijiet fis-segwenti.

6.1.   L-EŻISTENZA TA' GĦAJNUNA MILL-ISTAT

(32)

Miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE jekk ikunu ssodisfati l-erba' kundizzjonijiet li ġejjin: l-ewwel nett, il-miżura trid tagħti vantaġġ lir-riċevituri. It-tieni nett, il-miżura trid tkun iffinanzjata mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat. It-tielet, il-miżura tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produzzjonijiet. Ir-raba', il-miżura tista' taffettwa ħażin il-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(33)

Kif sostniet il-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, l-iskema ta' għajnuna tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet kollha (15). L-għajnuna toriġina minn riżorsi tal-Istat, billi hija ffinanzjata mill-baġit federali tal-Ġermanja. Hija tagħti vantaġġ lill-benefiċjarji billi ttaffi l-ispejjeż “li normalment huma inklużi fil-baġit tal-impriża” (16) (jiġifieri l-kostijiet tal-elettriku). Il-miżura hija selettiva billi tingħata biss lil benefiċjarji li jappartjenu għal setturi stabbiliti minn qabel (settur tal-aluminju, ram u żingu), filwaqt li fi ħdan dawn is-setturi hija ristretta b'mod ulterjuri għal konsumaturi finali li jużaw ħafna elettriku (klijenti li jikkunsmaw iktar minn 10 GWh fis-sena). Hija adattata sabiex tirrestrinġi l-kummerċ bejn l-Istati Membri u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi l-benefiċjarji huma attivi f'kategorija industrijali fejn teżisti l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni. Independentement minn jekk jeżistix attwalment il-kummerċ b'metalli partikolari li ma fihomx ħadid bejn l-Istati Membri, il-produtturi mill-Unjoni jinsabu f'kompetizzjoni ma' xulxin fis-suq dinji, u kwalunkwe vantaġġ li huwa mogħti lil wieħed minnhom jista' potenzjalment iwassal għal nuqqas fil-bejgħ tal-oħrajn jew ifixkel iż-żieda fil-bejgħ.

(34)

Għaldaqstant, il-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan mhuwiex qiegħed jiġi miċħud mill-Ġermanja u l-partijiet interessati.

6.2.   LEĠITTIMITÀ TAL-GĦAJNUNA

(35)

Fil-proposta ta' liġi għall-implimentazzjoni tal-iskema notifikata, wieħed jaqra li l-pagament tal-għajnuna jitwettaq biss wara l-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Permezz tan-notifika tal-miżura ta' għajnuna qabel l-implimentazzjoni tagħha, il-Ġermanja ssodisfatt l-obbligu tagħha skont l-Artikolu 108(3) TFUE.

6.3.   KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA MAS-SUQ INTERN

(36)

Billi fil-każ tal-miżura hija kkonċernata għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni trid teżamina jekk din hijiex kompatibbli mas-suq intern. B'devjazzjoni mill-projbizzjoni ġenerali ta' għajnuna skont l-Artikolu 107(1) TFUE, għajnuna tista' tittieħed inkunsiderazzjoni bħala kompatibbli mas-suq intern jekk tkun taqa' taħt waħda mill-kategoriji msemmijin fl-Artikolu 107(3).

(37)

Il-Ġermanja tikkunsidra l-iskema bħala għajnuna kompatibbli mas-suq intern u argumentat li l-iskema ta' għajnuna għandha tgħin sabiex tirrimedja tfixkil serju fl-ekonomija ta' Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

(38)

Barra minn hekk, il-Ġermanja targumenta li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, billi permezz tal-għajnuna għandu jkun iffaċilitat l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi.

(39)

Fil-każ ta' kwistjonijiet relatati mal-għajnuna, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 107(3) TFUE (17), fil-prinċipju għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, u hija ppubblikat linji gwida u komunikazzjonijiet li jistipulaw il-kriterji li abbażi tagħhom, tipi partikolari ta' għajnuniet, jistgħu jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern. Skont ġurisprudenza stabbilita, permezz tal-linji gwida u l-komunikazzjonijiet ippubblikati fil-qasam tal-kontroll ta' għajnuna, il-Kummissjoni hija marbuta b'tali mod li dawn ma jiddevjawx mid-dispożizzjonijiet tat-TFUE u jiġu aċċettati mill-Istati Membri (18).

(40)

Qabelxejn irid jiġi kkonstatat li l-għajnuniet mill-Istat, li l-Ġermanja tixtieq tagħti lill-produtturi ta' metalli mingħajr ħadid, jistgħu jiġu kklassifikati bħala għajnuna operazzjonali, jiġifieri bħala “għajnuna intiża biex teħles lil impriża mill-ispejjeż li din kien ikollha normalment tħallas fil-kuntest tat-tmexxija kurrenti tagħha jew tal-attivitajiet normali tagħha” (19). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, tali għajnuniet jibdlu l-kundizzjonijiet kummerċjali “sa punt kuntrarju għall-interess komuni” (20) u, fil-prinċipju, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala kompatibbli mas-suq intern.

(41)

Madankollu, f'sitwazzjonijiet iddefiniti b'mod ċar, eċċezzjonalment, tista' tingħata għajnuna operazzjonali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se teżamina l-miżura proposta dwar il-kompatibilità tagħha. Qabelxejn irid jiġi eżaminat jekk l-għajnuna notifikata taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' xi linja gwida jew komunikazzjoni, jew għadd ta' dawn. Jekk dan ikun il-każ, fl-eżerċitar tas-setgħa diskrezzjonali tagħha skont l-Artikolu 107(3) TFUE, il-Kummissjoni hija marbuta permezz tal-linji gwida jew komunikazzjonijiet rispettivi. Jekk dan ma jkunx il-każ, imbagħad il-Kummissjoni jkollha tiċċara jekk l-għajnuna tistax tittieħed inkunsiderazzjoni bħala direttament kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) u/jew tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.

6.3.1.   Linji gwida, Oqfsa u Regolamenti Speċifiċi

(42)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni kienet diġà eskludiet l-applikazzjoni ta' xi wħud mil-Linji gwida, pereżempju l-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuniet mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar tal-impriżi f'diffikultà (21), li japplikaw għal impriżi f'diffikultajiet, partikolarment tali li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti skont id-dritt nazzjonali għall-introduzzjoni ta' proċedimenti kollettivi, li jippresupponu l-insolvenza tad-debitur. Fl-iskema ta' għajnuna notifikata mill-Ġermanja, madankollu, impriżi li għalihom saret l-applikazzjoni jew li għalihom kienu introdotti proċedimenti ta' insolvenza huma esklużi b'mod espliċitu mill-għajnuna (22), u l-Ġermanja ma tatx x'tifhem li impriżi f'diffikultà jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala benefiċjarji potenzjali tal-miżura b'xi mod ieħor skont it-tifsira ta' dawn il-Linji Gwida.

(43)

Anki l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (23) kienet eskluża mill-Kummissjoni. Huwa minnu li r-Regolament (KE) Nru 800/2008 jinkludi qafas għal tipi partikolari tal-għajnuna għall-investiment jew l-impjiegi, madankollu l-iskema notifikata ma kienet taqa' taħt l-ebda minn dawn id-derogi (24).

(44)

Fil-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali (25), il-Kummissjoni waslet għall-fehma li l-ebda mid-dispożizzjonijiet f'dawn il-Linji Gwida ma jagħmlu referenza għar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2. Għaldaqstant, il-possibbiltà li Stat Membru jingħata għajnuniet għall-prevenzjoni tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2  (26), mhijiex koperta minn dawn il-Linji Gwida.

(45)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-iskema ta' għajnuna ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Qafas Komunitarju Temporanju għal miżuri ta' għajnuna mill-Istat biex isostnu l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali (“Qafas Temporanju”) (27) li kien ġie żviluppat sabiex “jiġi żblukkat is-self mill-banek lill-kumpaniji u b'hekk tiġi garantita l-kontinwità tal-aċċess tagħhom għall-finanzjament”. Hija waslet għal dan ir-riżultat għaliex, kif kienet ammettiet il-Ġermanja stess (28), bil-miżura mhijiex immirata simplifikazzjoni tal-aċċess ta' benefiċjarji potenzjali għal mezzi ta' finanzjament.

(46)

F'dak li jirrigwarda l-Linji Gwida għall-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013 (29), il-Kummissjoni rrappreżentat il-fehma li, fil-mument attwali, il-miżura ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-Linji Gwida (30). Mill-objettiv tagħha jista' jiġi derivat b'mod ċar li l-miżura notifikata mhijiex intiża biex tneħħi żvantaġġi tipiċi f'reġjuni li fihom il-benefiċjarji għandhom is-sede tagħhom (bħalma huwa livell ta' għejxien partikolarment baxx jew densità tal-popolazzjoni baxxa).

(47)

Billi la min-naħa tal-Ġermanja u lanqas minn partijiet interessati oħrajn ma kienet sottomessa informazzjoni addizzjonali dwar l-applikazzjoni possibbli tar-Regolament (KE) Nru 800/2008, tal-Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali, tal-Qafas Komunitarju Temporanju jew tal-Linji Gwida għall-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-2007-2013, il-Kummissjoni ma tara ebda raġuni li tiddevja mill-valutazzjoni oriġinali tagħha.

(48)

Fiż-żmien wara d-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni ppubblikat il-Linji Gwida ETS (31). Fit-Taqsima 3.1 ta' dawn il-Linji Gwida huma elenkati l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat għall-kumpens parzjali tal-ispejjeż EU ETS, li huma mgħoddija fuq il-prezzijiet tal-elettriku (“spejjeż indiretti tal-EU ETS”). Madankollu, fil-punt 6 tal-Linji Gwida l-kamp ta' applikazzjoni huwa ddefinit kif ġej: “Ladarba d-dispożizzjonijiet introdotti mid-Direttiva 2009/29/KE se jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2013, l-għajnuna mill-Istat ma tistax titqies meħtieġa sabiex jitnaqqas kwalunkwe piż li jirriżulta minn din id-Direttiva qabel din id-data. Bħala konsegwenza, il-miżuri koperti minn dawn il-Linji Gwida jistgħu jiġu awtorizzati biss għall-kosti imġarrba fl-1 ta' Jannar 2013 jew wara dik id-data”. Il-kamp ta' applikazzjoni tal-Linji Gwida huwa ristrett għat-tielet perijodu tal-iskambju ta' kwoti fl-UE (“ETS-3”) li jibda fl-2013, billi minn naħa waħda ma kienet ippreżentata l-ebda evidenza ċara għand il-Kummissjoni għall-eżistenza tar-rilokazzjoni tas-CO2 sa minn qabel dan il-perijodu u, min-naħa l-oħra, l-informazzjoni miġbura flimkien kif ukoll l-istudji preżenti taw x'jifhmu li dan it-tali perikolu seta' sar realtà bit-tnaqqis tal-livelli massimi ta' emissjonijiet fil-każ tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-EU ETS u b'żieda fit-tranżizzjoni minn allokazzjoni mingħajr ħlas lejn l-irkanti.

(49)

Għaldaqstant il-Kummissjoni waslet għar-riżultat li l-miżura ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni ta' xi Linji gwida.

6.3.2.   Artikolu 107(3)(b) TFUE

(50)

Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-Kummissjoni tista' tiddikjara għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern jekk hija maħsuba “sabiex tirrimedja tfixkil serju fl-ekonomija ta' Stat Membru”. Tfixkil serju fl-ekonomija ta' Stat Membru huwa kull tfixkil li jwassal għal diffikultajiet ekonomiċi u soċjali serji u li għandu effett fuq l-ekonomija sħiħa tal-Istat Membri kkonċernat u mhux biss fuq l-ekonomija ta' wieħed mir-reġjuni tiegħu jew f'partijiet tat-territorju tiegħu. Billi din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi eċċezzjoni, hija għandha tiġi interpretata b'mod strett (32).

(51)

Il-Ġermanja ddikjarat li l-kriżi ekonomika tal-2008 wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet tas-swieq dinjiji għal metalli li ma fihomx ħadid fil-London Metal Exchange (LME), filwaqt li l-prezzijiet tal-elettriku tal-industrija baqgħu fuq livell għoli, partikolarment minħabba l-iskema tal-ETS. Għalhekk, il-produtturi ta' metalli li ma fihomx ħadid huma l-prendituri tal-prezzijiet fis-sens li ma għandhomx possibbiltà li jkollhom influwenza fuq il-prezzijiet LME jew li jgħaddu l-kostijiet ogħla ta' produzzjoni għal fuq il-klijenti tagħhom. Fid-dawl tal-kooperazzjoni mill-qrib tagħhom u tad-dipendenza reċiproka ma' setturi downstream (b'mod partikolari l-industrija tal-karozzi u s-settur tal-elettronika), madankollu, it-tnaqqis fil-kapaċità jew saħansitra r-rilokazzjoni ta' stabbilimenti kien ikollhom konsegwenzi gravi fuq setturi oħrajn tal-ekonomija. Il-Ġermanja tallega li hemm il-perikolu tat-telf irriversibbli ta' ktajjen tal-valur sħaħ, kawża tal-kriżi.

(52)

Partijiet interessati oħrajn ingħaqdu mal-argumenti tal-Ġermanja u wissew dwar it-telf ta' kapaċitajiet fil-produzzjoni ta' metalli li ma fihomx ħadid. F'dan il-kuntest […] tirreferi għad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom l-industrija Ewropea fil-każ tal-provvista b'ħamriji rari miċ-Ċina u tikkonstata li, possibbilment, is-setturi downstream li jeħtieġu metalli mingħajr ħadid jinsabu quddiem diffikultajiet simili jekk ma jkunux ippreservati l-kapaċitajiet ta' produzzjoni fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, partijiet interessati bħal […] għamlu referenza għall-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-produtturi ta' metalli mingħajr ħadid u l-klijenti downstream tagħhom fl-iżvilupp ta' prodotti ġodda u l-promozzjoni tal-innovazzjoni. Huma jinsabu inkwetati li dan il-potenzjal ta' innovazzjoni jista' jintilef b'mod irriversibbli jekk ma tkunx iffaċilitata l-produzzjoni ta' metall mingħajr ħadid.

(53)

Fis-sena 2009, il-Kummissjoni adottat il-Qafas Komunitarju Temporanju (33). Kif diġà kien ikkonstatat fil-premessa 45, b'dan il-Qafas il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-kriżi finanzjarja kienet tfisser tfixkil serju fl-ekonomija tal-Istati Membri filwaqt li dan it-tfixkil kien jikkonsisti kemm minn influwenza diretta, kawża tal-kriżi, fuq is-settur bankarju kif ukoll mill-konsegwenzi indiretti tagħha fuq l-ekonomija reali, minħabba l-fatt li l-impriżi kellhom diffikultajiet isibu aċċess affordabbli għall-finanzjament. Madankollu, dan mhuwiex it-tfixkil li l-Ġermanja riedet tirrimedja bl-iskema.

(54)

F'dak li jirrigwarda d-domanda dwar jekk il-qagħda ekonomika tal-produtturi ta' metalli mingħajr ħadid fit-tieni nofs tal-2009 għandhiex tiġi vvalutata bħala taqlib serju skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, il-proċedura ta' investigazzjoni formali ma sabet l-ebda evidenza dwar l-eżistenza ta' tali taqlib. Il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-dispożizzjoni stipulata fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE għandha tiġi interpretata b'mod strett, u dan b'tali mod li għandu jiġi eliminat kwalunkwe taqlib ta' dimensjoni kbira li minnu huma milqutin għadd ta' setturi tal-ekonomija jew inkella setturi li l-funzjonament tagħhom huwa partikolarment importanti għall-ekonomija totali minħabba r-rilevanza sistemika tagħhom. F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Unjoni Ewropea ddeċidiet li t-taqlib ikkonċernat irid jolqot lill-ekonomija kollha tal-Istat Membru kkonċernat, u mhux biss l-ekonomija ta' wieħed mir-reġjuni tiegħu jew partijiet mit-territorju tiegħu (34). Għaldaqstant il-Kummissjoni ddeċidiet, li taqlib ekonomiku sostanzjali ma jiġix eliminat permezz ta' għajnuna, li l-iskop tagħha hu, “li jiġu eliminati diffikultajiet ta' benefiċjarju wieħed […] minflok il-fergħa ekonomika kollha” (35). Minn din il-ġurisprudenza wieħed jista' jikkonkludi li l-Artikolu 107(3)(b) jeħtieġ tfixil ta' dimensjoni partikolari. Sa issa ma kienet ipprovduta l-ebda evidenza li parti sinifkanti tal-ekonomija Ġermaniża kellha tbati taħt tfixkil serju. Barra minn hekk, mhuwiex ċar kif għandu jittaffa tfixkil serju fl-ekonomija ta' Stat Membru billi sempliċement jingħataw għajnuniet mill-Istat lil 11-il benefiċjarju.

(55)

L-argument li t-tnaqqis fil-produzzjoni fil-Ġermanja ta' metalli li ma fihomx ħadid ikollu konsegwenzi massivi fuq l-industriji downstream, sa ċertu punt jikkontradixxi l-konstatazzjoni ppreżentata mill-partijiet interessati l-oħrajn:produttur wieħed ta' metalli li ma fihomx ħadid iddeskriva l-intensità tal-kummerċ tal-produzzjoni ta' metalli mingħajr ħadid fil-Ġermanja u fl-Ewropa, u f'dan ir-rigward kien enfasizzat li l-produtturi Ewropej, meta mqabblin mal-kompetituri extra-Ewropej, għad għandhom il-vantaġġ tal-viċinanza tal-klijenti. Filwaqt li tal-aħħar ikollhom iwettqu investimenti fl-imħażen għall-provvista tas-suq Ewropew, l-impriżi Ewropej, minħabba l-viċinanza spazjali għall-istabbilimenti tal-klijenti tagħhom, jistgħu jimmanifatturaw fuq ordni mingħand il-klijent. Madankollu, il-produttur, li qajjem dan l-argument kellu tħassib li dan il-vantaġġ jista' jisfaxxa fix-xejn fiż-żmien qrib minħabba kostijiet tal-enerġija li kienu qegħdin jogħlew filwaqt li kien hemm kostijiet addizzjonali relattivament baxxi għall-klijenti. Tabilħaqq, li kieku l-kostijiet tal-elettriku kellhom verament jibqgħu jiżdiedu fl-Ewropa. il-klijenti setgħu jibdew jitħajru dejjem iżjed li jixtru l-metalli mingħajr ħadid mingħand produtturi f'pajjiżi terzi (li jkollhom jittrasportaw il-prodotti tagħhom lejn l-Ewropa u jżommuhom f'imħażen) minflok mingħand produtturi fl-Unjoni. Abbażi ta' din il-fehma, il-fergħat downstream tal-ekonomija, fil-prinċipju, ikunu f'sitwazzjoni li jistgħu jagħmlu użu mis-suq dinji mingħajr ma tkun ipperikolata l-eżistenza tagħhom. Anki s-sempliċi possibbiltà ta' rilokazzjoni tas-sit min-naħa ta' produtturi preliminari tagħti x'tifhem li l-industriji downstream pjuttost jistgħu jistrieħu fuq fornituri barra mill-Ġermanja.

(56)

Fi kwalunkwe każ, il-Ġermanja ma elenkatx biżżejjed evidenza li tipprovdi l-konklużjoni li d-diffikultajiet ekonomiċi tat-tliet setturi ekonomiċi inkwistjoni għandhom tali dimensjoni jew impatt fuq is-setturi marbutin magħhom sal-punt li s-sitwazzjoni eżaminata tikkostitwixxi taqlib serju fl-ekonomija ta' Stat Membru skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

6.3.3.   L-Artikolu 107(3)(c) TFUE

(57)

Fl-Artikolu 107(3)(c) TFUE, wieħed jaqra li “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista' titqies bħala kompatibbli mas-suq intern. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tista' tiddikjara għajnuniet mill-Istat bħala kompatibbli mas-suq intern, jekk l-għajnuna tkun qiegħda ssegwi objettiv ta' interess komuni (36), jekk hija meħtieġa sabiex jintlaħaq dan l-objettiv (37) u jekk ma tbiddilx il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt fejn tkun kuntrarju għall-interess komuni.

(58)

Skont il-prassi stabbilita tal-Kummissjoni (38), il-miżuri jistgħu jiġu ddikjarati bħala kompatibbli mas-suq intern direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, sa fejn dawn ikunu meħtieġa u adattati u l-kontribut pożittiv għar-realizzazzjoni tal-objettiv li huwa ta' interess ġenerali jegħleb l-effetti negattivi għall-kummerċ u l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li huwa adattat li jiġu eżaminati d-domandi li ġejjin:

(1)

Il-miżura ta' għajnuna li hija ppjanata għandha objettiv ta' interess komuni definit b'mod ċar?

(2)

L-istrument ta' għajnuna huwa adattat sabiex jirrealizza l-objettiv ta' interess komuni? Partikolarment:

(a)

il-miżura tal-għajnuna hija strument xieraq u meħtieġ, jiġifieri hemm strumenti oħrajn, iktar adattati?

(b)

Jeżisti effett ta' inċentiv, jiġifieri l-għajnuna timmodifika l-imġiba tal-kumpaniji?

(c)

Il-miżura ta' għajnuna hija proporzjonali, jiġifieri l-istess bidla fl-imġiba tista' tinkiseb b'inqas għajnuna?

(3)

Id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-konsegwenzi għall-kummerċ huma limitati fid-dimensjonijiet tagħhom, b'tali mod li r-riżultat finali jkun pożittiv?

(59)

Il-Ġermanja ċċitat żewġ linji ta' argumenti fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE: minn naħa waħda, il-Ġermanja argumentat li l-għajnuna hija neċessarja sabiex ikun evitat l-għeluq ta' stabbilimenti fil-Ġermanja minħabba rilokazzjonijiet lejn stati terzi li ma jappartjenux lill-ETS u li ma jġarrbux kostijiet tas-CO2 komparabbli (prevenzjoni tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2. Min-naħa l-oħra, din spjegat li l-għajnuna hija neċessarja biex tkun evitata r-rilokazzjoni tas-sit tal-produzzjoni lejn stati terzi, li tkun żvantaġġuża kemm għall-istruttura industrijali kif ukoll għall-impjiegi (prevenzjoni tat-telf ta' impjiegi).

6.3.3.1   Prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2

L-objettiv ta' interess komuni

(60)

Il-ħarsien tal-ambjent huwa rikonoxxut bħala għan ta' interess komuni. Billi l-liġi ambjentali fl-Unjoni tista' twassal sabiex l-emissjonijiet tas-CO2 jkunu rrilokati lejn partijiet oħrajn tad-dinja, fejn dawn jibqgħu jikkostitwixxu perikolu għall-ambjent, il-prevenzjoni ta' tali rilokazzjoni tas-CO2 tista' tittieħed inkunsiderazzjoni bħala parti mill-ħarsien tal-ambjent. Dan kien espress b'mod ċar f'dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni, b'mod partikolari fid-Direttiva 2009/29/KE (39), li fil-premessa 27 tagħha huwa stabbilit dan li ġej:

“L-Istati Membri jistgħu jqisu meħtieġ li jagħtu kumpens temporanju lil ċerti istallazzjonijiet li jkunu ġie determinat li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' carbon leakage relatat ma' emissjonijiet ta' gassijiet serra trasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku għal dawn l-ispejjeż. Tali appoġġ għandu jingħata biss fejn ikun meħtieġ u proporzjonat u għandu jiżgura li jinżammu l-inċentivi tal-iskema Komunitarja biex tiġi ffrankata l-enerġija u biex jistimula bidla fid-domanda minn dik għall-elettriku “griż” għal dik għall-elettriku ‘aħdar’.”

(61)

Barra minn hekk, il-prevenzjoni tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 kienet rikonoxxuta fil-Linji Gwida ETS (40) bħala mira ambjentali, partikolarment fil-punti 7 u 8:

“7.

Skont l-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva tal-ETS, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna mill-Istat favur is-setturi jew is-subsetturi li jitqiesu li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju minħabba l-kosti relatati mal-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra ttrasferiti fil-prezzijiet tal-elettriku (minn hawn 'il quddiem “kosti indiretti tal-emissjonijiet”), sabiex jikkumpensaw għal dawn il-kosti skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għall-finijiet ta' dawn il-Linji Gwida, “ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju” tiddeskrivi l-prospettiva ta' żieda fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra globali, meta l-kumpaniji jċaqalqu l-produzzjoni barra mill-Unjoni, għax ma jkunux jistgħu jittrasferixxu ż-żidiet tal-kosti kkawżati mill-ETS tal-UE lill-klijenti tagħhom mingħajr telf sinifikanti tas-sehem mis-suq.

8.

L-indirizzar tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju għandu għan ambjentali, ġaladarba l-għajnuna jkollha l-għan li tiġi evitata żieda fl-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra minħabba ċ-ċaqliq tal-produzzjoni 'l barra mill-Unjoni, fin-nuqqas ta' ftehim internazzjonali vinkolanti dwar it-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra. Fl-istess waqt, l-għajnuna għall-kosti indiretti tal-emissjonijiet jista' jkollha impatt negattiv fuq l-effiċjenza tal-ETS tal-UE. Jekk ma jkollhiex għan preċiż, l-għajnuna sserraħ lill-benefiċjarji mill-kosti indiretti tal-emissjonijiet tagħhom, u b'hekk tkun qiegħda tillimita l-inċentivi għal tnaqqis fl-emissjonijiet u għall-innovazzjoni fis-settur. Bħala riżultat ta' dan, il-kosti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ikollhom jitħallsu prinċipalment minn setturi oħrajn tal-ekonomija. Barra minn hekk, tali għajnuna mill-Istat tista' twassal għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern, b'mod partikolari meta impriżi fl-istess settur ikunu ttrattati b'mod differenti fi Stati Membri differenti minħabba restrizzjonijiet baġitarji differenti. Għaldaqstant, dawn il-Linji Gwida jeħtieġ li jindirizzaw tliet għanijiet speċifiċi: l-imminimizzar tar-riskju tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju, iż-żamma tal-għan tal-ETS tal-UE għal dekorbanizzazzjoni kosteffiċjenti u tnaqqis tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.”

(62)

Il-prevenzjoni tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2, għalhekk, tista' tintrabat mal-preservazzjoni tal-ambjent u partikolarment mal-protezzjoni tal-klima bħala għan ta' interess komuni.

Mezz xieraq u meħtieġ

(63)

L-għajnuna mogħtija trid tkun mezz xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv segwit. Mezz huwa xieraq u meħtieġ jekk ma jkun hemm l-ebda mezzi oħrajn li jfixklu l-kompetizzjoni, li bihom jistgħu jintlaħqu l-istess riżultati.

(64)

Sabiex fil-każ preżenti jkun jista' jiġi ddeterminat jekk il-pagament tal-għajnuna huwiex meħtieġ u adegwat fil-qafas tal-miżura notifikata, l-ewwel nett irid jiġi pprovat li fis-setturi eliġibbli għall-għajnuna (il-produzzjoni tal-aluminju, ir-ram u ż-żingu fil-Ġermanja) verament kien jeżisti l-perikolu tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 fit-tieni nofs tal-2009.

(65)

Il-Ġermanja argumentat li l-perikolu tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 diġà kien ġie rikonoxxut għas-sena 2009, fil-fatt permezz tad-Deċiżjoni 2010/2/UE (41). Il-perikolu kien diġà preżenti fit-tieni perijodu ta' skambju tal-kwoti (2008-2012, “ETS-2”), u t-tranżizzjoni lejn it-tielet perijodu ta' skambju tal-kwoti ma kien jikkostitwixxi l-ebda “qabża kwalitattiva”.

(66)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni fakkret, fost l-oħrajn, li fid-Direttiva 2009/29/KE (42) l-Istati Membri kienu ftiehmu li jintroduċu l-mekkaniżmu ta' azzjoni preventiva kontra rilokazzjonijiet tas-CO2 biss mill-2013. Dan deher li kien iġġustifikat billi mill-2013 kellu jibda japplika limitu massimu iktar strett għal emissjonijiet tas-CO2 li, filwaqt li apparti minn hekk, meta l-fatturi l-oħra kollha jibqgħu l-istess, probabbilment iwassal għal prezzijiet tas-CO2 iktar għoljin minn dawk ta' qabel (43). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li d-dibattitu dwar il-perikolu tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 fit-tieni perjodu ta' skambju tal-kwoti (2008-2012) ma wera l-ebda riżultat konklużiv fir-rigward tad-dimensjoni ta' dan il-perikolu. Studju iktar reċenti jindika l-possibbiltà tal-eżistenza tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tal-aluminju għas-sena 2009, madankollu mhux għall-produzzjoni tar-ram u ż-żingu. Fi kwalunkwe każ, deher li huwa adegwat li jkunu stabbiliti kriterji uniformi madwar l-Unjoni għal tali għajnuniet (44). Tali kriterji jinsabu fil-Linji Gwida ETS għat-tielet perijodu ta' skambju tal-kwoti.

(67)

L-istess bħall-Ġermanja, il-partijiet interessati wkoll jargumentaw li l-perikolu tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 fl-industriji tal-metalli li ma fihomx ħadid diġà kien ġie rikonoxxut permezz tal-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2009/29/KE kif ukoll permezz tad-Deċiżjoni 2010/2/UE. Għalhekk, in-neċessità ta' verifika separata, li għaliha għamlet referenza l-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, kienet iddubitata minn dawn.

(68)

Barra minn hekk, uħud mill-partijiet interessati enfasizzaw b'ħeġġa li l-verifika ma għandhiex tkun immaniġġjata b'mod wisq strett: fid-dawl tal-konstatazzjoni tal-Kummissjoni inkluża fid-deċiżjoni tal-ftuħ, li l-benefiċjarji l-iktar importanti baqgħu profitabbli matul il-perijodu ta' għajnuna ppjanat (45), uħud minn dawn il-produtturi ta' metalli mingħajr ħadid enfasizzaw li, fir-realtà, il-fergħat Ġermaniżi tagħhom għandhom profitabbiltà relattivament baxxa u parzjalment ma kinux jilħqu r-rendiment li huwa aċċettabbli għal din it-tip ta' fergħa tal-ekonomija, u li għaldaqstant kien ikun wisq limitat li l-ħtieġa u l-effett ta' inċentiv ta' għajnuna jkunu rikonoxxuti biss jekk il-benefiċjarju jinsab qrib il-falliment.

(69)

Lil hinn minn dan, xi produtturi, pereżempju […], […], […] u […], iddikjaraw li fil-każ tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 mhijiex ikkonċernata biss il-kwistjoni jekk fl-aħħar mill-aħħar ikunx hemm għeluq ta' siti tal-produzzjoni u l-emigrazzjoni lejn pajjiż mhux fl-UE. Għall-kuntrarju, id-domanda hija wisq iktar jekk il-benefiċjarji humiex lesti li jinvestu fil-fergħat Ġermaniżi tagħhom jew jekk humiex qegħdin jiddistanzaw ruħhom minn dawn. Il-miżura notifikata tħeġġeġ l-investiment u b'mod partikolari l-prospettiva ta' għajnuna hija inċentiv għall-manutenzjoni tal-produzzjoni u għal investimenti sinifikanti fil-fabbriki ġewwa l-Ġermanja.

(70)

Madankollu, dawn l-argumenti mhumiex konvinċenti. L-ewwel nett, id-dikjarazzjoni li l-perikolu tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 kien diġà rikonoxxut fid-Direttiva 2009/29/KE għat-tieni nofs tal-2009 mhijiex korretta. L-Artikolu 10a(6) tad-Direttiva 2009/29/KE jistabbilixxi dan li ġej: “L-Istati Membri jistgħu wkoll jadottaw miżuri finanzjarji favur is-setturi jew is-subsetturi determinati li jkunu esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-ispejjeż relatati mal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett serra li jidhru fil-prezzijiet tal-elettriku, sabiex ikun hemm kumpens għal dawk l-ispejjeż u kull fejn dawn il-miżuri finanzjarji jkunu konformi mar-regoli tal-għajnuna statali applikabbli u li jiġu adottati f'dan il-qasam.” Allura, l-Artikolu 10a(6) mhuwiex prova għar-riskju tar-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2, iżda jipprovdi sempliċement li għajnuna mill-Istat hija possibbli sa fejn ġie stabbilit tali riskju. Barra minn hekk, id-Direttiva 2009/29/KE tqis biss l-ETS-3, jiġifieri l-perijodu wara l-2013.

(71)

L-istess jgħodd għad-Deċiżjoni 2010/2/UE (46), li tinkludi reġistru tas-setturi u subsetturi li jitqiesu li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju — iżda dan biss mill-2013 wara d-dħul fis-seħħ tat-tielet fażi tal-iskema tal-Unjoni. Meta wieħed iqis din il-bażi, hija ma tipprovax li fl-2009 kien hemm ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju.

(72)

Qabelxejn, madankollu, l-objettiv tad-Deċiżjoni 2010/2/UE kien jikkonsisti fl-istabbiliment ta' reġistru ta' dawk is-setturi u subsetturi li huma eliġibbli għall-allokazzjoni ta' kwoti mingħajr ħlas tal-EU ETS. Tali allokazzjoni mingħajr ħlas ta' kwoti hija pprovduta fl-Artikolu 10a(12) tad-Direttiva 2009/29/KE. Id-Deċiżjoni 2010/2/UE hija bbażata fuq l-Artikolu 10a(13) tad-Direttiva 2009/29/KE li, min-naħa tagħha, tagħmel referenza ċara għall-Artikolu 10a(12). Billi l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta' kwoti hija miżura għat-tnaqqis tal-kostijiet diretti tas-CO2 li jġarrbu s-setturi industrijali milqutin (pereżempju permezz tal-attività proprja ta' produzzjoni), id-Deċiżjoni ma tistax tkun involuta fid-determinazzjoni tas-setturi u subsetturi li possibbilment jeħtieġu kumpens għall-kostijiet indiretti tas-CO2  (47).

(73)

F'konformità mal-Linji Gwida ETS, il-Kummissjoni hija tal-fehma li miżura ta' għajnuna tista' tkun meħtieġa u xierqa biss sabiex tkun evitata rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2 minħabba l-kostijiet indiretti relatati mal-emissjonijiet tas-CO2 jekk ikunu ssodisfatti mill-inqas tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett trid tingħata prova li l-benefiċjarji potenzjali tal-għajnuna, minħabba l-kostijiet tal-elettriku, iġorru parti sinifikanti tal-kostijiet indiretti tas-CO2 mgħoddija lilhom permezz tal-prezzijiet tal-elettriku. It-tieni, dawn il-kostijiet indiretti tas-CO2 jridu jikkostitwixxu parti sinifikanti mill-kostijiet ta' produzzjoni tal-benefiċjarji. It-tielet, il-benefiċjarji ma jistgħux ikunu f'qagħda li jittrasferixxu dawn il-kostijiet għal fuq il-klijenti. Anki jekk stess dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, xorta waħda jkollu jiġi pprovat li ser isiru tibdiliet fil-produzzjoni jew inkella r-rilokazzjonijiet tal-produzzjoni lejn pajjiżi barra mill-UE/miż-ŻEE, jiġifieri li l-produzzjoni tispiċċa temigra lejn pajjiżi b'rekwiżiti inqas stretti fir-rigward tat-tnaqqis ta' emissjonijiet. Produzzjonijiet li jkunu sfurzati jirrilokaw fi ħdan l-EU ETS ma jikkostitwixxux rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2.

(74)

Minkejja li l-biċċa l-kbira tal-kwoti tal-EU ETS kienet allokata mingħajr ħlas lill-ġeneraturi tal-elettriku, rigward l-ewwel kundizzjoni l-Ġermanja argumentat li l-impriżi tad-distribuzzjoni tal-elettriku diġà kienu inkludew il-kostijiet tas-CO2 fil-prezzijiet fl-2009 bħala spiża ta' opportunità u għaddewhom għal fuq il-klijenti. Filwaqt li l-kwoti użati fil-ġenerazzjoni tal-elettriku kienu mogħtijin mingħajr ħlas, xorta waħda kellhom “prezz” sa ċertu punt billi, fil-prinċipju, dawn setgħu jinbiegħu. Din l-ispiża ta' opportunità kienet inkluża fil-prezz u mgħoddija lill-klijenti.

(75)

Fir-rapport tagħha dwar il-valutazzjoni tal-impatt rigward il-Linji Gwida ETS (Impact Assessment Report), il-Kummissjoni wkoll waslet għall-konklużjoni li fit-tieni perijodu ta' skambju tal-kwoti (2008-2012) il-ġeneraturi tal-elettriku setgħu jgħaddu l-parti l-kbira mill-kostijiet tas-CO2 tagħhom, anki jekk, skont l-istimi, dawn ma kinux 100 % tagħhom (48).

(76)

Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni għandu jiġi nnotat li l-Ġermanja ma pprovdiet l-ebda informazzjoni speċifika dwar is-sehem tal-kostijiet indiretti tas-CO2 fil-kostijiet totali tal-benefiċjarji għall-produzzjoni.

(77)

Il-Ġermanja għaddiet informazzjoni ġenerali dwar is-sehem tal-kostijiet tal-elettriku fil-kostijiet totali: fil-produzzjoni tar-ram is-sehem tal-kostijiet ta' enerġija u elettriku fil-kostijiet ta' produzzjoni jammonta bejn 13 % u iktar minn 40 %. Fil-produzzjoni taż-żingu dawn jikkonsistu fi kważi 50 %, għall-aluminju 46 %. Il-Kummissjoni tikkonstata li ma kinitx użata definizzjoni uniformi tal-kostijiet totali għall-benefiċjarji differenti, hekk li ċ-ċifri ma jistgħux jitqabblu ma' xulxin. Barra minn hekk, il-Ġermanja ppreżentat ċifri dwar il-kostijiet indiretti tas-CO2 ta' erba' benefiċjarji (f'EUR/MWh): dawn ivarjaw minn […] EUR/MWh (għal produttur tar-ram) sa […] EUR/MWh (għal produttur taż-żingu); fil-produzzjoni tal-aluminju dawn ivarjaw bejn […] EUR/MWh sa […] EUR/MWh. Għall-benefiċjarji l-oħrajn ma kinux ppreżentati dettalji.

(78)

[…] bħala waħda mill-partijiet interessati li fl-istess waqt huma benefiċjarji, argumentat li fl-2009, il-kostijiet indiretti tas-CO2 ammontaw għal […] EUR/MWh, li jikkorrispondu għal […] % tal-kostijiet tal-produzzjoni totali tagħha. […] iddikjarat li l-kostijiet tal-elettriku jikkonsistu f'madwar […] % tal-fatturat.

(79)

Abbażi ta' din l-informazzjoni mhux speċifika, il-Kummissjoni ma tistax tiddetermina b'mod sigur jekk it-tieni kundizzjoni kinitx issodisfata.

(80)

Barra minn hekk, kif diġà ntqal fil-premessa 75, apparentement il-kostijiet tas-CO2 mhumiex ittrasferiti fit-totalità tagħhom għal fuq il-prezzijiet tal-elettriku. Id-dimensjoni tat-trasferiment relatat mal-kostijiet tas-CO2 fil-biċċa l-kbira tiddependi mit-tip ta' kuntratt u mill-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt. Għalhekk, id-dettalji ta' […] jindikaw li, fil-perjiodu kkonċernat (minn Lulju sa Diċembru tal-2009), is-sehem relatat mal-kostijiet tas-CO2 fil-prezz tal-elettriku kien b'mod sinifikanti taħt il-prezz forward ta' sena tal-kwoti għall-2009.

(81)

Sabiex jagħtu prova li fl-2009 kien hemm il-perikolu tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2, il-Ġermanja u diversi partijiet interessati għamlu referenza għal dejta li l-Kummissjoni kienet ġabret bħala preparazzjoni għal-Linji Gwida ETS. Madankollu, din l-informazzjoni ma tistax tkun użata biex tingħata evidenza għall-perikolu ta' rilokazzjoni tal-industrija Ġermaniża fis-sena 2009. L-ewwel nett, l-analiżi tal-Kummissjoni inkluża fir-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt hija bbażata fuq dejta li ġiet aggregata fil-livell Ewropew. Għaldaqstant, għall-investigazzjoni tar-riskju potenzjali ta' rilokazzjoni fil-każ ta' fergħat individwali tal-industrija fil-livell tal-Istati Membri, dawn jistgħu jintużaw biss b'mod limitat.

(82)

Madankollu, id-dikjarazzjonijiet fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt jirreferu, b'mod konsistenti, għall-ETS-3 u mhumiex applikabbli għall-2009. Minbarra dan, ix-xenarji differenti ta' riskju fir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt kienu bbażati fuq il-fehma li fl-ETS-3 kien se jkun hemm tnaqqis tal-limiti massimi tal-emissjonijiet u tranżizzjoni lejn l-irkant, u ma kinux jirriflettu s-sitwazzjoni fis-sena 2009 (49).

(83)

Għalhekk il-Kummissjoni ma kienet ippreżentata bl-ebda provi konklużivi rigward is-sehem attwali tal-kostijiet indiretti tas-CO2 fil-kostijiet ta' produzzjoni.

(84)

Fir-rigward tat-tielet kundizzjoni, jiġifieri l-kwistjoni tal-possibbiltà tat-trasferiment tal-kostijiet indiretti tas-CO2 tal-benefiċjarji lejn il-klijenti tagħhom, il-Ġermanja u diversi partijiet interessati ddikjaraw li l-benefiċjarji ma kellhomx influwenza fuq il-prezz tal-metall. Billi l-produzzjoni tal-metalli li ma fihomx ħadid tikkostitwixxi suq dinji, il-formazzjoni tal-prezzijiet isseħħ fil-London Metal Exchange (LME). Għalhekk, il-produtturi ma għandhomx mezzi biex jgħollu l-prezzijiet mingħajr ma jitilfu ishma minħabba dan.

(85)

L-informazzjoni trażmessa għandha t-tendenza li tikkonferma li t-tielet kundizzjoni hija ssodisfatta billi l-produtturi ma jistgħux jgħaddu żidiet sinifikanti fil-kostijiet, minħabba l-fatt li l-kompetizzjoni sseħħ fil-livell globali u hija attwata prinċipalment permezz tal-prezz.

(86)

Kollox ma' kollox, il-Kummissjoni kkonstatat li l-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja u l-partijiet interessati ma tipprovdi l-ebda evidenza konklużiva li, minħabba proporzjon għoli tal-kostijiet indiretti tas-CO2 fil-kostijiet ta' produzzjoni, il-benefiċjarji potenzjali kienu qegħdin jirriskjaw ir-rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet tas-CO2. Għaldaqstant, ma ġiex ipprovat li l-miżura kienet meħtieġa u adegwata sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni, jiġifieri l-prevenzjoni ta' rilokazzjoni relatata mal-emissjonijiet- tas-CO2.

Effett ta' inċentiv

(87)

L-għajnuniet mill-Istat għandhom effett ta' inċentiv jekk il-benefiċjarju jibdel l-imġiba tiegħu b'ħarsa lejn il-kisba tal-objettiv ta' interess komuni. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji, fost l-oħrajn, dwar jekk l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-miżura notifikata hijiex verament l-element determinanti sabiex tikkonvinċi lill-benefiċjarji li jżommu l-produzzjoni tagħhom fil-Ġermanja. Independentement minn jekk ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 kienx reali u preżenti fl-2009, il-perijodu ta' żmien tal-miżura, li fil-prinċipju kienet tikkonċerna biss it-tieni nofs tal-2009, instab li kien qasir wisq biex iħalli influwenza rispettiva fuq id-deċiżjonijiet ta' investiment (50).

(88)

Il-Ġermanja targumenta li bl-iskema kellu jittaffa l-piż għaż-żmien bejn is-sena l-iktar iebsa tal-kriżi fl-2009 u s-sena 2013 meta setgħet tiġi introdotta skema ta' sostenn fit-terminu twil fuq il-bażi tal-Linji Gwida ETS. Barra minn hekk, kemm il-Ġermanja kif ukoll diversi partijiet interessati saħqu li anki s-sempliċi tħabbira tal-miżura notifikata kellha l-effett li żżomm il-kapaċitajiet ta' produzzjoni fis-sena 2009 (51). Wieħed mill-benefiċjarji, […], ippreżenta dokumenti interni bħala evidenza f'dan ir-rigward, li s-sempliċi tħabbira mill-Gvern Federali tabilħaqq evitat l-għeluq tal-faċilità ta' produzzjoni tiegħu fil-Ġermanja.

(89)

Il-Kummissjoni tikkonstata li l-informazzjoni preżenti hija kontradittorja għall-effett ta' inċentiv tal-għajnuna. Minn naħa waħda, il-produzzjoni ta' metalli mingħajr ħadid hija negozju ċikliku fejn rilanċ ekonomiku jista' jwassal għal żidiet sinifikanti fil-produzzjoni, b'tali mod li fil-każ ta' domanda li qed tonqos ikun hemm kapaċità eċċessiva (52). Min-naħa l-oħra, il-problema tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2, li kienet ir-raġuni għal din il-miżura, tinsab f'relazzjoni mal-politika tal-ambjent u se tibqa' eżistenti irrispettivament mill-problemi eventwali ta' kapaċità eċċessiva. Kif ikkummentaw diversi mill-partijiet interessati, ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 tista' tkun ipprevenuta biss jekk l-impriżi jsibu sigurtà fit-terminu twil, jiġifieri kundizzjonijiet stabbli għat-tul, għaliex dan biss jista' jikkonvinċihom iwettqu investimenti għaż-żamma tas-siti ta' produzzjoni Ewropej tagħhom fl-għaxar snin sa għoxrin sena li ġejjin.

(90)

Fih innifsu huwa pjuttost dubjuż jekk — kif jargumentaw xi wħud mill-partijiet interessati — għajnuna operazzjonali hijiex verament l-istrument xieraq sabiex l-operaturi tas-suq ikunu inkoraġġuti jwettqu investimenti sinifikanti (meta mqabbla, pereżempju, ma' promozzjoni mmirata tal-investiment). Anki li kieku dan huwa minnu, il-miżura ta' għajnuna xorta waħda mhijiex allinjata għal influwenza tal-kundizzjonijiet kummerċjali għal perijodu twil tal-produtturi ta' metalli mingħajr ħadid. L-uniku effett tagħhom jikkonsisti fit-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-benefiċjarji fil-fażi tal-kapaċità eċċessiva, filwaqt li kompetituri oħrajn iridu jkampaw mal-problema ta' kapaċità eċċessiva bil-mezzi tagħhom stess. Barra minn hekk, il-kummenti tal-partijiet interessati dwar l-effetti pożittivi tal-għajnuna, jikkonfermaw li l-miżura iktar taħdem kontra t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku milli tikkontribwixxi għas-soluzzjoni tal-problema strutturali potenzjali, li l-miżuri għall-ħarsien ambjentali jġibu magħhom żieda fil-kostijiet tal-elettriku li twassal għar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2.

(91)

Billi l-miżura kellha tkun implimentata biss fit-tieni nofs tal-2009 u kemm is-sitwazzjoni tas-suq tal-produtturi ta' metalli mingħajr ħadid kif ukoll il-prezzijiet forward tal-kwoti tal-Unjoni varjaw ħafna qabel u wara dan il-perijodu, il-Kummissjoni tqis li huwa improbabbli li sussidju li huwa ferm ristrett mil-lat temporali, ikun xieraq sabiex ikollu influwenza kruċjali fuq l-istrateġiji għal perijodu medju u twil tal-benefiċjarji fir-rigward taż-żamma u tal-espansjoni eventwali tal-kapaċitajiet fl-Unjoni. Addizzjonalment, skont il-fehma tal-Kummissjoni kien prevedibbli għall-benefiċjarji potenzjali li, l-ewwel nett l-approvazzjoni tal-iskema min-naħa tal-Kummissjoni kienet se tieħu ammont sostanzjali ta' żmien u li, it-tieni, fl-ETS-3 xorta waħda kien se jkun hemm disponibbli qafas ta' appoġġ. Dan u l-fatt li sa issal-ebda mill-benefiċjarji ma kien ġie attwalment iddekummissjonat u rrikolat, iwassal il-Kummissjoni għall-konklużjoni li l-kontinwazzjoni tal-operat tal-faċilitajiet ta' produzzjoni tal-metalli mingħajr ħadid kienet influwenzata minn fatturi oħrajn aktar milli mill-perspettiva tal-iskema notifikata. Id-dokumenti interni ppreżentati minn […] jagħtu x'jifhmu li, għall-kuntrarju, il-promozzjoni fit-terminu twil (li tibda fl-2009 u li tmur lil hinn mill-2013) hija fattur kruċjali.

(92)

Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonstata li l-effett ta' inċentiv tal-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-miżura ma ġiex ipprovat.

Proporzjonalità

(93)

Miżura ta' għajnuna mill-Istat tkun proporzjonali jekk l-għajnuna mogħtija lill-benefiċjarji tinżamm għal minimu li huwa suffiċjenti għall-ksib tal-objettiv ta' interess komuni. Għaldaqstant, il-benefiċjarji ma jistgħux jingħataw iktar għajnuna minn dik meħtieġa għall-kopertura tal-piż finanzjarju li għandu jitnaqqas fid-dawl tal-objettiv ta' interess komuni.

(94)

Il-Ġermanja tinvoka li l-metodoloġija tagħha teskludi kumpens eċċessiv tal-benefiċjarji u li xorta waħda jingħata biss kumpens parzjali. L-ewwel nett, il-Ġermanja tipprevedi l-applikazzjoni ta' ritenzjoni li tammonta għall-kostijiet indiretti tas-CO2 li jkunu ġew imġarrba permezz tal-konsum ta' 1 GWh ta' elettriku, b'tali mod li benefiċjarju jiġi kkumpensat biss għall-kostijiet indiretti tas-CO2 li jmorru lil hinn minn dan l-ammont. It-tieni, il-Ġermanja tenfasizza li l-ammont tal-għajnuna kien se jitnaqqas b'marġni ta' sikurezza ta' 10 %. It-tielet, permezz tal-istabbiliment ta' ammonti differenti tal-għajnuna għat-tliet metalli differenti, huwa żgurat li l-ibbilanċjar ikun limitat għal minimu.

(95)

B'mod ġenerali, il-partijiet interessati qablu mal-pożizzjoni tal-Ġermanja (53), bi ftit minnhom saħansitra favur kumpens totali tal-kostijiet indiretti tas-CO2.

(96)

Madankollu, il-metodoloġija tidher li hija mimlija żbalji f'iktar minn aspett wieħed. L-ewwel nett, dan jikkonċerna l-korrettezza tad-determinazzjoni tal-kostijiet indiretti tas-CO2. Il-Ġermanja tapplika l-prezz forward tal-EUA għas-sena 2009 (EUR 24/t CO2) bħala punt ta' tluq u, filwaqt li titlaq mill-emissjonijiet medji tas-CO2 ta' impjant marġinali fil-Ġermanja (0,8 t CO2/MWh (54)), tassumi li l-parti tal-kostijiet indiretti tas-CO2 inklużi fil-kostijiet tal-elettriku hija ta' EUR 19 għal kull MWh. Min-naħa l-oħra, il-Ġermanja rrikonoxxiet li l-proporzjon attwali tal-kostijiet tas-CO2 fil-kostijiet tal-elettriku ta' benefiċjarju se jvarjaw dejjem skont il-ftehimiet ta' konsenja rispettivi tiegħu billi, bħala regola ġenerali, l-impriżi kkonċernati, fi żmien partikolari, kienu kkonkludew kuntratti fit-terminu twil fuq il-bażi ta' prezzijiet tal-elettriku u tal-EUA fissi. Dan kien ikkonfermat ukoll permezz tal-argumenti tal-partijiet interessati. Uħud mill-partijiet interessati kkummentaw li impriżi li jakkwistaw l-elettriku tagħhom fil-qafas ta' kuntratti għal perijodu twil huma attwalment protetti fil-konfront ta' prezzijiet tas-CO2 indiretti fl-elettriku. Addizzjonalment, l-argumenti ta' […] jixhdu li ma kinux ittrasferiti l-kostijiet kollha tas-CO2 fuq il-prezzijiet tal-elettriku. Is-suppożizzjoni li l-kostijiet indiretti tas-CO2 jammontaw għal EUR 19/MWh ma tiħux inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkostanza u ma teskludix neċessarjament kumpens eċċessiv. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonstata li l-Ġermanja ma rnexxilhiex tagħti prova b'mod konvinċenti li t-tnaqqis ta' 10 % kien suffiċjenti għall-prevenzjoni ta' kumpens eċċessiv, billi l-Ġermanja ma kinitx investigat id-dimensjoni tat-termini fejn jiġu mgħoddija l-kostijiet tas-CO2 għal fuq il-prezzijiet tal-elettriku. B'mod partikolari, il-Ġermanja ma indikatx kif kienu stabbiliti dawn l-10 %. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet tal-partijiet interessati jixhdu li t-tnaqqis ta' 10 % mhuwiex suffiċjenti sabiex ikun evitat kumpens eċċessiv.

(97)

It-tieni nett, fl-isforzi tagħha biex tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet differenti fil-produzzjoni tal-aluminju, iż-żingu u r-ram, il-Ġermanja ddeċidiet, għal raġunijiet li mhumiex ċari li, wara t-tnaqqis ta' marġni ta' sikurezza ta' 10 %, l-aluminju għandu jingħata l-ogħla kumpens (EUR 17/MWh), filwaqt li s-sussidju għaż-żingu u r-ram kellu jkun inferjuri (EUR 16 u EUR 9/MWh rispettivament). Għalkemm jaf jagħti l-każ li l-produzzjoni ta' aluminju primarju kienet milquta iktar bis-saħħa mill-kriżi ekonomika meta mqabbla ma', pereżempju, il-produzzjoni tar-ram, xorta waħda ma jistax jiġi derivat b'mod suffiċjenti mill-informazzjoni tal-Ġermanja kif kienu stabbiliti l-ammonti differenti ta' għajnuna. Fl-istess waqt, ftit minn din l-informazzjoni tixhed b'mod ċar li l-benefiċjarju prinċipali kien se jkun ingħata kumpens eċċessiv (55). Minħabba n-nuqqas ta' spjegazzjoni preċiża dwar l-ammonti ta' għajnuna għaż-żingu u r-ram, barra minn hekk, huwa dubitabbli kemm dawn jistgħu jipprovdu kontribut effettiv fis-setturi kkonċernati għall-prevenzjoni ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2.

(98)

Filwaqt li tassumi dan, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li l-iskema ma tistax toffri garanzija li l-kumpens ikun limitat għall-minimu neċessarju.

Distorsjoni tal-kompetizzjoni u indeboliment tal-kummerċ u t-test tal-ibbilanċjar

(99)

Sabiex l-għajnuna mill-Istat tkun kompatibbli mas-suq intern, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-indeboliment tal-kummerċ ikkawżati permezz tal-għajnuna jridu jkunu limitati, b'tali mod li l-bilanċ totali b'ħarsa lejn l-objettiv ta' interess komuni jkun pożittiv.

(100)

Il-Ġermanja targumenta li l-iskema ma twassalx għal distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni u li, għaldaqstant, il-bilanċ totali huwa wieħed pożittiv. L-ewwel nett, il-Ġermanja tagħmel referenza għall-objettiv segwit mill-iskema, li tappoġġja pilastru fundamentali tal-industrija Ewropea kif ukoll li tevita r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u t-telf tan-know-how industrijali. It-tieni, il-Ġermanja tisħaq li l-iskema tikkostitwixxi bilanċ għal żvantaġġ ikkawżat minħabba l-ETS, u għaldaqstant tirrestawra l-kompetizzjoni ġusta minflok toħloq distorsjonijiet.

(101)

Min-naħa tal-partijiet interessati kien sostnut li l-perikolu ta' distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern, fi kwalunkwe każ, kien baxx billi l-iskema kellha ttaffi żvantaġġ tal-produtturi li jinsabu fl-Unjoni f'kompetizzjoni ma' produtturi barra mill-Unjoni. Lanqas ma kienet se tiġi mfixkla l-kompetizzjoni bejn is-setturi, billi s-settur ta' metalli li ma fihomx ħadid diġà kien wettaq għadd ta' sforzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 u kien sar iktar effiċjenti mil-lat ta' enerġija. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-elettriku fi ħdan l-Unjoni/taż-ŻEE kienu l-istess, jew tal-inqas kienu qrib xulxin, b'tali mod li għall-produtturi Ġermaniżi ma kienx jagħmel sens li jirrilokaw il-faċilitajiet ta' produzzjoni tagħhom fi Stati Membri oħrajn tal-UE/taż-ŻEE.

(102)

Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li l-argument li l-iskema mhijiex se ġġib magħha distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni iżda li, kollox ma' kollox, se jkollha effett pożittiv, mhuwiex aċċettabbli. F'dan il-kuntest għandu jiġi mfakkar li, fil-każ ta' kwistjonijiet relatati mal-għajnuna, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 107(3) TFUE, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa.

(103)

L-ewwel nett, din il-forma ta' għajnuna tappartjeni għat-tipi ta' appoġġ mill-Istat li l-aktar joħolqu tfixkil. Fis-sentenza Siemens il-Qorti spjegat li “għajnuna tal-operat, jiġifieri, għajnuna intenzjonata biex isserraħ impriża mill-ispejjeż li normalment kien ikollha tagħmel tajjeb għalihom hija stess fit-tmexxija tagħha ta' kuljum jew fl-attivitajiet ordinarji tagħha, bħala prinċipju ma taqax fil-kamp ta' applikazzjoni tal-[Artikolu 107(3) TFUE]”, billi “l-effett ta' din l-għajnuna bħala prinċipju huwa li joħloq tagħwiġ fil-kompetizzjoni fis-setturi fejn tingħata, filwaqt li minkejja kollox tkun inkapaċi, min-natura tagħha stess, li tilħaq [objettiv ta' interess komuni]” (56).

(104)

Bl-istess mod, fil-Kawża C-86/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li “l-għajnuna inkwistjoni, li ngħatat mingħajr kundizzjonijiet speċifiċi u unikament skont il-kwantitajiet utilizzati, għandha titqies bħala għajnuna operazzjonali lill-impriżi kkonċernati u li, bħala tali, affettwat il-kundizzjonijiet tal-kummerċ sa punt kuntrarju għall-interess komuni” (57).

(105)

Anki l-Kummissjoni segwiet dan l-approċċ, b'mod partikolari f'relazzjoni ma' sussidji għall-kopertura tal-kostijiet tal-elettriku fis-settur tal-aluminju (58).

(106)

It-tħassib kollu li kien ġie mqajjem fil-każijiet ta' dak iż-żmien huwa preżenti hawnhekk ukoll: l-għajnuna tikkonsisti f'sussidju mogħti lill-produtturi kkonċernati bl-iskop tat-tnaqqis tal-kostijiet tal-elettriku tagħhom. Kif kien ikkonfermat minn partijiet interessati, il-kostijiet tal-elettriku huma wieħed mill-komponenti l-iktar importanti tal-kostijiet ta' produzzjoni fis-setturi li jaqgħu taħt l-iskema u, apparti dan, wieħed mill-iktar fatturi importanti tal-produzzjoni fejn teżisti kompetizzjoni bejn il-produtturi.

(107)

Barra minn hekk, l-għajnuna hija mogħtija għal kull MWh ikkunsmata u għalhekk għandha konsegwenzi diretti fuq il-kompetittività tal-impriżi eliġibbli għall-għajnuna fil-każ ta' kull unità li jipproduċu wara li tkun ġiet ikkunsmata l-ewwel GWh. Addizzjonalment, l-għajnuna mhijiex marbuta ma' punt ta' riferiment tal-effiċjenza. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għajnuna lanqas biss hija marbuta mal-kostijiet attwali tas-CO2 tal-benefiċjarji, li hija inkluża fil-prezzijiet tal-elettriku. Saħansitra din tista' tnaqqas l-inċentiv li jkunu applikati proċeduri tal-produzzjoni iktar effiċjenti fir-rigward tal-enerġija.

(108)

Minbarra dan, il-Kummissjoni mhijiex tal-fehma li l-iskema ta' għajnuna mhijiex ser twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fl-Unjoni. Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni li, l-ewwel nett, diġà kienu ttieħdu miżuri rimedjali bħal pereżempju l-allokazzjoni mingħajr ħlas ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-EU ETS (59). Minkejja li dan il-mekkaniżmu ma jiffokax b'mod speċifiku fuq il-kostijiet li jirriżultaw mill-ETS, huwa xorta waħda naqqas il-piż minn fuq l-industrija. It-tieni nett, jeżisti riskju għoli ħafna li l-miżura jkollha effett negattiv fuq il-kompetizzjoni billi hija mogħtija ad hoc u barra minn kull qafas armonizzat u peress li tapplika biss fuq livell nazzjonali, u għalhekk hija ta' vantaġġ biss għal dawk l-impriżi stabbiliti fl-Istat Membru kkonċernat.

(109)

L-argument imressaq mill-Ġermanja u wħud mill-partijiet interessati, li l-miżura ma tistax tagħmel ħsara lill-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni billi, fil-prinċipju, din hija mmirata lejn ir-restawr ta' kompetizzjoni ġusta fil-konfront ta' kompetituri barra mill-Unjoni, jonqos milli jindirizza l-problema. Jekk assistenza hija mogħtija lill-produtturi Ġermaniżi biss sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tagħhom fil-konfront ta' kompetituri minn stati terzi, fl-istess waqt jeżisti r-riskju li l-pożizzjoni tagħhom tissaħħaħ ukoll fil-konfront tal-kompetituri tagħhom li jinsabu fl-Unjoni (60). Dan l-argument huwa msaħħaħ mill-fatt li, skont l-iskema, il-benefiċjarji kien ikollhom iħallsu lura l-għajnuna jekk huma jagħlqu s-sit tal-produzzjoni jew jirrilokaw l-operat f'pajjiż barra mill-Ġermanja (jiġifieri mhux biss f'każ ta' rilokazzjoni 'l barra mill-Unjoni jew miż-ŻEE).

(110)

Anki l-argumentazzjoni li l-produtturi Ġermaniżi tal-metalli li ma fihomx ħadid xorta waħda ma kinux ser jirrilokaw il-produzzjoni fi Stati Membri oħrajn tal-UE/taż-ŻEE fid-dawl tal-livell komparabbli tal-prezz tal-elettriku, ma tantx hija konvinċenti. Distorsjonijiet fil-kompetizzjoni fis-suq intern ma għandhomx jitkejlu biss abbażi ta' jekk siti tal-produzzjoni kinux rilokati lejn Stati Membri oħrajn. Distorsjonijiet ta' dan it-tip ikunu qegħdin iseħħu diġà jekk iż-żamma tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni hija possibbli fi Stat Membru permezz ta' għajnuniet mill-Istat, peress li dan għandu impatti retroattivi fuq ir-rendiment tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni fi Stati Membri oħrajn. Filwaqt li l-Ġermanja hija s-sit ta' produzzjoni l-iktar importanti fl-Unjoni għal uħud mill-produtturi kkonċernati tal-metalli li ma fihomx ħadid, xorta waħda mhijiex l-uniku wieħed (61), b'tali mod li, fil-probabbiltà kollha, l-għajnuna kienet ser tgħawweġ il-kompetizzjoni bejn produtturi fir-reġjun sħiħ tal-Unjoni u taż-ŻEE. Waqt in-notifika preċedenti tal-iskema, il-Ġermanja kienet saħansitra ddikjarat li l-produtturi Ġermaniżi huma wkoll żvantaġġati fil-konfront ta' kompetituri fi Stati Membri oħrajn.

(111)

Lil hinn minn dan il-Kummissjoni tqis il-perikolu li skema bħal din inkwistjoni tista' twassal għall-perikolu ta' kompetizzjoni ta' sussidji bejn l-Istati Membri, għal liema raġuni l-kompetizzjoni fis-suq intern kienet tkun mgħawġa b'mod sostanzjali minħabba l-possibbiltajiet finanzjarji differenti tal-Istati Membri. Dan il-perikolu huwa partikolarment evidenti fil-każ preżenti billi għall-2009 ma jeżisti l-ebda qafas armonizzat li jistipula l-kundizzjonijiet li l-Istati Membri kollha għandhom josservaw.

(112)

Għaldaqstant, anki jekk ikun ġie rikonoxxut għan ta' interess komuni — bħall-għan tal-politika ambjentali, li tkun evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 — xorta waħda jrid ikun żgurat li l-konsegwenzi, ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni, tal-miżuri ta' għajnuna jkunu limitati għal minimu, filwaqt li jkunu ppreservati l-istess kundizzjonijiet għall-atturi tas-suq kollha li jappartjenu għas-suq intern.

(113)

Wieħed mill-għanijiet speċifiċi li kien segwit bl-adozzjoni tal-Linji Gwida ETS (minbarra l-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u l-preservazzjoni tal-effiċjenza tal-ETS), kien il-minimizzazzjoni ta' distorsjonijiet fis-suq intern (62). Tali distorsjonijiet jistgħu jirriżultaw mhux biss fis-setturi individwali tal-ekonomija, iżda anki bejniethom: jekk Stat Membru jiddeċiedi li jadotta miżuri ta' appoġġ li japplikaw biss għal xi setturi, is-setturi li ma ġewx assisti, possibbilment, ser ikollhom iġorru tagħbija ikbar sabiex il-miri tal-emissjonijiet tal-Istat Membru rispettiv ikunu jistgħu jiġu milħuqa. Madankollu, kif kien diġà spjegat fil-premessa 48, l-iskema Ġermaniża ma taqax taħt il-Linji Gwida tal-ETS. Dawn japplikaw biss għat-tielet perijodu ta' skambju tal-kwoti.

(114)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonstata li filwaqt li l-iskema ta' għajnuna tista' twassal għal indeboliment sinifikanti tal-kundizzjonijiet kummerċjali, lanqas ma huwa ċar kemm din se jkollha effett pożittiv. B'mod partikolari, minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-premessa 63 et seq, il-Ġermanja ma rnexxielha tipprovdi l-ebda evidenza konvinċenti li l-miżura notifikata kienet adegwata u meħtieġa.

(115)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-bilanċ globali tal-miżura notifikata mhuwiex wieħed pożittiv billi l-iskema tista' ġġib magħha distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni fis-suq intern għal metalli li ma fihomx ħadid, filwaqt li l-effetti pożittivi tal-iskema mhumiex ipprovati b'mod konvinċenti.

Konklużjoni fir-rigward tal-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2

(116)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura ma tikkostitwixxi l-ebda mezz meħtieġ u adegwat li permezz tiegħu tista' tkun ipprevenuta r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 b'mod ibbilanċjat u li, fi kwalunkwe każ, tista' timmodifika l-kundizzjonijiet kummerċjali b'tali mod negattiv li jmur kontra l-interess komuni. Għaldaqstant hija ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(117)

Anki jekk il-Ġermanja, kif offriet li tagħmel, kellha temenda l-iskema permezz ta' emenda jew bidla fil-metodu tal-kalkolu tal-għajnuna, sabiex tieħu inkunsiderazzjoni t-tħassib tal-Kummissjoni fir-rigward tal-proporzjonalità, dan xorta waħda ma kien jibdel xejn fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni f'dak li jikkonċerna n-nuqqas tal-ħtieġa u tal-adegwatezza u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni. Fuq kollox ma kienx ġie pprovat ir-riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 għas-sena 2009, u l-iskema kien se jibqa' jkollha effetti negattivi għall-kompetizzjoni.

6.3.3.2   Żgurar ta' impjiegi

(118)

Barra minn hekk, il-Ġermanja enfasizzat li t-tnaqqis ta' impjiegi fil-Ġermanja għandu jiġi evitat, li jispiċċa jseħħ kemm fl-industrija tal-metalli li ma fihomx ħadid kif ukoll fil-fergħat tal-ekonomija downstream jekk il-produtturi tal-metalli li ma fihomx ħadid inaqqsu l-kapaċitajiet tagħhom jew jirrilokaw il-produzzjoni lejn pajjiżi terzi.

(119)

Fid-deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar jekk il-prevenzjoni tar-rilokazzjonijiet tas-siti tal-produzzjoni, bl-iskop tal-iżgurar ta' impjiegi, tistax diġà tiġi vvalutata bħala objettiv ta' interess komuni. Madankollu, fi kwalunkwe każ, hija ddubitat l-argument imressaq mill-Ġermanja, li l-industrija tal-metalli li ma fihomx ħadid kienet ġarrbet xokk esoġenu li għandu jitqies bħala falliment tas-suq, li min-naħa tiegħu kien se jwassal għal telf ta' impjiegi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddubitat jekk għajnuna operazzjonali għall-prevenzjoni ta' rilokazzjoni tas-siti ta' produzzjoni tal-impriżi kinitx il-mezz li jgħawweġ il-kompetizzjoni bl-inqas mod sabiex ikunu żgurati l-impjiegi, billi, bħala regola ġenerali, l-għajnuniet għat-titjib tal-qagħda tas-suq tax-xogħol huma mfasslin fuq miżuri sostenibbli bħat-titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-impjegati jew il-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-finanzjament għal investimenti ġodda (63).

(120)

Abbażi tal-argumentazzjoni ta' diversi mill-partijiet interessati, fid-dawl tal-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008 u tal-kostijiet indiretti tas-CO2, kien eżistenti r-riskju reali li l-produzzjoni tal-metalli li ma fihomx ħadid ma kinitx se titkompla fl-Ewropa.

(121)

Il-Kummissjoni tfakkar li la fil-prassi deċiżjonali tagħha u lanqas fil-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni ma hemm każ fejn l-allegat riskju ta' rilokazzjoni tas-sit ta' produzzjoni lejn pajjiżi barra mill-Unjoni kien aċċettat waħdu bħala motivazzjoni għall-għoti ta' għajnuna mill-Istat (64). Billi l-Ġermanja ma ressqet l-ebda motivazzjoni konvinċenti, il-Kummissjoni tqis li mhuwiex meħtieġ għaliha li tiddevja mill-prassi deċiżjonali tagħha.

(122)

Anki f'każ ta' rikonoxximent ta' tali objettiv, skont il-fehma tal-Kummissjoni xorta waħda ma jkunux ġew issodisfatti l-kriterji l-oħrajn ta' kompatibbiltà. Fil-fatt, miżura hija kompatibbli mas-suq intern biss jekk ikun ġie pprovat li hija toffri inċentiv ċar lill-benefiċjarji sabiex dawn jibdlu l-imġiba tagħhom b'konformità mar-riżultati mixtieqa.

(123)

Madankollu, kif kien diġà sostnut fil-premessa 87 et seq, fid-dawl tal-perijodu qasir ta' għajnuna (inqas minn sitt xhur) u l-allegati problemi strutturali fis-settur ikkonċernat, il-Kummissjoni ma tqisx li huwa pprovat li l-miżura ta' għajnuna kienet se tinfluwenza l-imġiba tal-benefiċjarji.

(124)

Barra minn hekk, għajnuna mill-Istat trid tkun limitata għall-minimu li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb l-objettiv ta' interess komuni. Allura, fil-każ preżenti, l-iskema notifikata kien ikollha tiżgura li l-għajnuna hija limitata għal dak l-ammont li huwa neċessarju għall-prevenzjoni tat-telf ta' impjiegi.

(125)

Kif kien ikkonstatat, il-miżura notifikata mhijiex mezz proporzjonali għall-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2, billi ma tipprevedix arranġamenti ta' sigurtà li huma suffiċjenti kontra kumpens eċċessiv (ara l-premessa 93 et seq). Din il-konstatazzjoni tapplika hawnhekk ukoll, billi kemm il-prevenzjoni ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 kif ukoll il-prevenzjoni ta' telf ta' impjiegi għandhom is-sigurtà tal-kapaċità ta' produzzjoni bħala d-denominatur komuni. F'każ li jirriżulta kumpens eċċessiv fir-rigward tal-ewwel objettiv (għaliex l-għajnuna ma tkunx f'relazzjoni adegwata mal-objettiv tal-preservazzjoni tal-kapaċità ta' produzzjoni), ikun hemm kumpens eċċessiv ukoll fir-rigward tat-tieni objettiv.

(126)

Hawnhekk tapplika l-istess motivazzjoni li kienet diġà elenkata fil-premessa 99 et seq, li l-bilanċ totali tal-miżura huwa wieħed negattiv f'dak li jirrigwarda l-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2: għajnuna operazzjonali għall-kopertura tal-ispejjeż operattivi li impriża jkollha ġġorr normalment, pjuttost toħloq distorsjonijiet għall-kompetizzjoni u, fil-prinċipju, ma tistax tkun iġġustifikata; f'dan il-kuntest huwa insinifikanti liema objettiv ta' interess komuni jkun qiegħed jiġi segwit (jekk hijiex il-prevenzjoni tat-telf ta' impjiegi jew il-prevenzjoni tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2). Il-fatt li l-għajnuna kienet se tingħata ad hoc u barra minn qafas armonizzat, jikkonferma din il-konklużjoni. Kieku l-miżura ġiet approvata, din setgħet twassal għat-telf ta' impjiegi fi Stati Membri oħrajn filwaqt li tiskatta kompetizzjoni tas-sussidji fl-Unjoni.

7.   KONKLUŻJONI

(127)

Abbażi ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet il-Kummissjoni tikkonstata li l-iskema notifikata ma tistax titqies bħala kompatibbli mas-suq intern.

(128)

Billi l-għajnuna ma tħallsitx ma hemmx bżonn ta' talba għal ħlas lura.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja għandha l-intenzjoni li timplimenta mis-6 ta' Awwissu 2009 fil-qafas tad-Direttiva notifikata dwar il-promozzjoni tal-produzzjoni ta' metalli li ma fihomx ħadid, mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

Għaldaqstant, l-imsemmija għajnuna ma tistax tiġi implimentata.

Artikolu 2

Il-Ġermanja għandha tieħu ħsieb li tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, dwar il-miżuri li hija se tieħu sabiex tikkonforma ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Lulju 2013.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22.

(2)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(*)  Sigriet kummerċjali.

(3)  Fil-każ tal-indikazzjoni taċ-ċifri hija kkonċernata sempliċement stima preliminari. L-ammont reali jkun jiddependi mill-konsum tal-benefiċjarji u mid-disponibbiltà ta' fondi baġitarji. Mill-Ġermanja kien imsemmi ammont konkret: ta' EUR 47,2 miljun.

(4)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 92 et seq.

(5)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22,il-premessa 51 et seq.

(6)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 69.

(7)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 71 et seq.

(8)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22,il-premessa 75.

(9)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 76 et seq.

(10)  Madankollu, uħud mill-partijiet interessati esprimew ruħhom f'sens iktar komprensiv u appellaw għal promozzjoni fit-terminu twil. Huma esprimew rakkomandazzjonijiet konkreti kif din il-promozzjoni għandha tkun imfassla permezz tal-Linji Gwida ETS (li dak iż-żmien kienu għadhom fil-preparazzjoni tagħhom). Sadanittant il-Linji Gwida ETS ġew adottati (ĠU C 158, 5.6.2012, p. 4).

(11)  Id-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE għat-titjib u l-estensjoni tal-iskema Komunitarja għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra (ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63).

(12)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/2/UE tal-24 ta' Diċembru 2009 li tiddetermina, skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, lista ta' setturi u subsetturi meqjusa li huma esposti għal riskju sinifikanti ta' rilaxx tas-CO2 (ĠU L 1, 5.1.2010, p. 10).

(13)  COM(2008) 108 final u COM(2010) 614 final.

(14)  L-istimi mwettqin hawnhekk huma bbażati fuq it-TFUE kif ukoll il-Ftehim dwar iż-ŻEE. Għal raġunijiet ta' sempliċità, madankollu, issir referenza biss għad-dispożizzjonijiet tat-TFUE.

(15)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 29 et seq.

(16)  Is-Sentenza tal-15 ta' Marzu 1994, Banco Exterior de España/Ayuntamento de Valencia, C-387/92, il-Ġabra 1994, p. I-877, il-punti 12 u 13.

(17)  Sentenza tal-21 ta' Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-142/87, Ġabra 1990, I-959, punt 56, u sentenza tal-11 ta' Lulju 1996, SFEI et vs Il-Kummissjoni, C-39/94, Ġabra 1996, I-3547, punt 36.

(18)  Sentenza tal-24 ta' Marzu 1993, CIRFS et vs Il-Kummissjoni, C-313/90, Ġabra 1993, I-1125, punt 36; sentenza tal-15 ta' Ottubru 1996, IJssel-Vliet vs Minister van Economische Zaken, C-311/94, Ġabra 1996, I-5023, punt 43; sentenza tas-26 ta' Ottubru 2002, Spanja vs Il-Kummissjoni, C-351/98, Ġabra 2002, I-8031, punr 53.

(19)  Kawża T-459/93 Siemens v Il-Kummissjoni [1995] Ġabra II-1675, punt 48.

(20)  Kawża C-86/89 L-Italja v Il-Kummissjoni [1990] Ġabra I-3891, punt 18.

(21)  ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2. L-applikazzjoni ta' dawn il-linji gwida kienet estiża permezz ta' komunikazzjoni iktar reċenti (ĠU C 296, 2.10.2012, p. 3).

(22)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 36.

(23)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta' Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta' għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

(24)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 39.

(25)  ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1.

(26)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 41 et seq.

(27)  ĠU C 83, 7.4.2009, p. 1.

(28)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 40.

(29)  ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

(30)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 37 et seq.

(31)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 10.

(32)  Kawżi Magħquda T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen u Volkswagen AG v Il-Kummissjoni [1999] Ġabra II-3663, punt 167; Setenza tat-30 ta' Settembru 2003, Kawża C-301/96 Il-Ġermanja v Il-Kummissjoni [2003] Ġabra I-9919, punt 106.

(33)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 27.

(34)  Sentenza tal-15 ta' Diċembru 1999, Kawżi Magħquda T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen u Volkswagen AG v iI-Kummissjoni [1999] Ġabra II-3663, punt 167.

(35)  Kawża NN 25/2008 (ex CP 15/2008) WestLB Risikoabschirmung, Il-Ġermanja (http://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases/225266/225266_1154234_37_2.pdf, il-premessa 41.

(36)  Is-Sentenza tal-14 ta' Jannar 2009, Kawża T-162/06 Kronoply v Il-Kummissjoni [2009] Ġabra 2009, II-1, b'mod partikolari l-punti 65, 66, 74 u 75.

(37)  Ara s-Sentenza tas-7 ta' Ġunju 2001, Agrana Zucker und Stärke vs Il-Kummissjoni, T-187/99, Ġabra 2001, II-1587, il-punt 74; is-Sentenza tal-14 ta' Mejju 2002, Graphischer Maschinenbau vs Il-Kummissjoni, T-126/99, Ġabra 2002, II-2427, il-punti 41-43; is-Sentenza tal-15 ta' April 2008, Nuova Agricast Srl vs Ministero delle Attività Produttive, C-390/06, Ġabra 2008, I-2577, il-punti 68-69.

(38)  Il-Qafas Komunitarju għall-Għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni, ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1, it-Taqsima 1.3; Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali, ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1, it-Taqsima 1.3.

(39)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 11.

(40)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 10.

(41)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 12.

(42)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 39.

(43)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 53.

(44)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 54.

(45)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 64.

(46)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 41.

(47)  Inkella kien ikun hemm sitwazzjoni fejn is-setturi, li huma elenkati fid-Deċiżjoni 2012/2/UE sempliċement minħabba l-emissjonijiet diretti tas-CO2 jiġu kkumpensati wkoll għall-kostijiet indiretti tas-CO2 tagħhom.

(48)  Impact Assessment Report accompanying the document Guidelines on certain State aid measures in the context of Greenhouse Gas Emission Allowance Trading Scheme, 22.5.2012, SWD(2012) 130 final, http://ec.europa.eu/competition/sectors/energy/impact_assessment_main%20report_en.pdf, p. 16.

(49)  Saħansitra, fir-rigward tal-perijodu qabel it-tnaqqis tal-limitu massimu, il-Kummissjoni għamlet referenza għall-fatt li l-awturi ma kienu sabu l-ebda evidenza empirika mill-analiżi dwar il-carbon leakage għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 (“carbon leakage literature [did] not find empirical proof of carbon leakage”), ara l-Impact Assessment Report, nota ta' qiegħ il-paġna 48, p. 13.

(50)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 69.

(51)  Il-Gvern Ġermaniż kien ħabbar li l-iskema kienet se tiġi introdotta ladarba tiġi approvata mill-Kummissjoni Ewropea.

(52)  ECORYS, Competitiveness of the EU Non-Ferrous Metals Industries, 5. April 2011, http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/metals-minerals/files/fn97624_nfm_final_report_5_april_en.pdf, p. 31.

(53)  Fost l-oħrajn, waħda mill-partijiet interessati — assoċjazzjoni ta' impriżi — saħqet li l-produzzjoni tar-ram hija inqas intensiva mil-lat ta' enerġija meta mqabbla mal-produzzjoni tal-aluminju, u li għalhekk huwa adegwat li jitħallas biss nofs l-ammont ta' kumpens (EUR 9/MWh) mogħti għall-aluminju (EUR 17/MWh).

(54)  Apparentement hija kkonċernata ċifra rrawndjata fuq il-bażi ta' valur iktar preċiż li l-Ġermanja ddikjarat fil-kuntest tal-proċedura ta' notifika, jiġifieri 0,75 t karbonju/MWh.

(55)  Kif indika […], li huwa produttur tal-aluminju, fis-sena 2009 l-kostijietindiretti tas-CO2 tiegħu ammontaw għal EUR […]/MWh, għal valur li jinsab b'mod sinifikanti taħt l-ammont ta' għajnuna ta' EUR 17/MWh li għandu jkun validu fil-qafas tal-iskema ta' għajnuna għall-produzzjoni tal-aluminju.

(56)  Il-Kawża T-459/93 Siemens v Il-Kummissjoni [1995] Ġabra II-1675, punt 48.

(57)  Is-sentenza tas-6 ta' Novembru 1990, Kawża C-86/89 L-Italja vs Il-Kummissjoni [1990] Ġabra I-3891, punt 18. Ara wkoll is-sentenza tal-14 ta' Frar 1990, Kawża C-301/87 Franza vs Il-Kummissjoni [1990] Ġabra I-307, punt 50.

(58)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 86/60/KEE tal-14 ta' Diċembru 1985 dwar l-għajnuna li l-Art ta' Rheinland-Palatinat tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tat lil manifattur tal-aluminju primarju f'Ludwigshafen (ĠU L 72, 15.3.1986, p. 30); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/460/KE tad-19 ta' Novembru 2009 dwar Għajnuna mill-Istat C 38/A/04 (ex NN 58/04) u C 36/B/06 (ex NN 38/06) implimentata mill-Italja favur Alcoa Trasformazioni (ĠU L 227, 28.8.2010, p. 62); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/339/UE tat-13 ta' Lulju 2011 dwar l-għajnuna mill-istat Nru SA.26117 — C 2/10 (ex NN 62/09) mogħtija mill-Greċja lil Aluminium of Greece SA (notifikata bid-dokument numru C(2011) 4916) (ĠU L 166, 27.6.2012, p. 83). Ara wkoll il-Kawża SA 33624 (ex 2011/CP) dwar tariffi preferenzjali tal-elettriku lil ALRO Slatina S.A. (ĠU C 268, 5.9.2012, p. 21).

(59)  Skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/87/KE, fit-tieni perijodu ta' skambju tal-kwoti l-Istati Membri “għandhom jallokaw mill-inqas 90 % tal-kwoti mingħajr ħlas”.

(60)  Sentenza tal-14 ta' Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C-301/87, Ġabra 1990, I-307, punt 50.

(61)  Fis-sena 2009, il-Ġermanja, Spanja, Franza u l-Italja kienu l-erba' produtturi ta' quddiem tal-aluminju fost l-Istati Membri tal-UE. L-ikbar produtturi tal-aluminju primarju tas-sena 2009 kienu Franza, Spanja, in-Netherlands u l-Ġermanja (filwaqt li l-Ġermanja kienet madankollu pproduċiet l-ikbar ammonti mill-2000 sal-2008). Fil-każ tal-produzzjoni tar-ram il-Ġermanja u l-Polonja kienu jinsabu minn ta' quddiem fl-2009, segwiti minn Spanja, il-Belġju, il-Lussemburgu u l-pajjiżi Skandinavi. L-ikbar produtturi taż-żingu huma Spanja, il-Finlandja u n-Netherlands. Ara ECORYS, Competitiveness of the EU Non-Ferrous Metals Industries, 5 April 2011, http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/metals-minerals/files/fn97624_nfm_final_report_5_april_en.pdf, p. 43 et seq.

(62)  Ara Impact Assessment Report, nota ta' qiegħ il-paġna 48, p. 22.

(63)  ĠU C 111, 9.4.2011, p. 22, il-premessa 77 et seq.

(64)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/408/KE tal-20 ta' Novembru 2007 dwar l-għajnuna tal-Istat C 36/A/06 (ex NN 38/06) implimentata mill-Italja favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche (ĠU L 144, 4.6.2008, p. 37, il-premessa 145). Ara wkoll id-Deċiżjoni 2010/460/KE, il-premessa 244.


Top