Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0632

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/632 tad-9 ta’ Lulju 2014 dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru SA. 32009 (11/C) (ex 10/N) li l-Ġermanja qiegħda tippjana li tagħti lil BMW AG għal proġett kbir ta’ investiment f’Leipzig (notifikata bid-dokument numru C(2014)4531) (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 113, 27.4.2016, p. 1–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/632/oj

    27.4.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 113/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/632

    tad-9 ta’ Lulju 2014

    dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru SA. 32009 (11/C) (ex 10/N) li l-Ġermanja qiegħda tippjana li tagħti lil BMW AG għal proġett kbir ta’ investiment f’Leipzig

    (notifikata bid-dokument numru C(2014)4531)

    (It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1),

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    (1)

    Permezz ta’ ittra datata t-30 ta’ Novembru 2010, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tagħti għajnuna reġjonali skont il-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali 2007-2013 (2) (minn hawn ’il quddiem “RAG”) lil BMW AG għal proġett ta’ investiment f’Leipzig, is-Sassonja, il-Ġermanja (3).

    (2)

    Permezz ta’ ittra datata t-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja li kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem “TFUE”) fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna notifikata.

    (3)

    Permezz ta’ ittra datata t-12 ta’ Settembru 2011, il-Ġermanja ppreżentat il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura. L-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra datata s-27 ta’ Settembru 2011.

    (4)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Diċembru 2011 (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom.

    (5)

    Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti mill-partijiet terzi interessati. Is-servizzi tal-Kummissjoni infurmaw lill-awtoritajiet Ġermaniżi b’dan il-fatt permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2012.

    (6)

    Fis-17 ta’ Jannar 2012, l-awtoritajiet Ġermaniżi emendaw in-notifika inizjali biex tiġi inkluża għajnuna addizzjonali għal element addizzjonali ta’ investiment (5) li l-benefiċjarju tal-għajnuna kien iddeċieda wara li kienet ittieħdet id-deċiżjoni li tinfetaħ l-investigazzjoni formali. Fis-17 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Ġermaniżi rtiraw dik l-emenda.

    (7)

    Permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Frar 2012, il-Ġermanja ntalbet tippreżenta aktar informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna. Il-Ġermanja ppreżentat din l-informazzjoni permezz ta’ ittri tad-29 ta’ Frar, it-23 ta’ Marzu, il-5 ta’ April, il-31 ta’ Awwissu u t-28 ta’ Settembru 2012. Fl-ittra tagħha tad-19 ta’ Lulju 2012, il-Ġermanja talbet lill-Kummissjoni biex tissospendi l-eżami tal-każ għal żmien indefinit. Il-Kummissjoni rrifjutat din it-talba permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Awwissu 2012. Wara komunikazzjoni mill-Ġermanja fis-26 ta’ Ottubru 2012 dwar żewġ attivitajiet ta’ investiment għal karozzi mhux elettriċi (ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna), il-Ġermanja ntalbet tipprovdi informazzjoni ta’ kjarifika permezz ta’ ittri tal-31 ta’ Ottubru 2012 u l-24 ta’ Jannar 2013 li għalihom il-Ġermanja wieġbet fl-14 ta’ Diċembru 2012 u fil-15 ta’ Marzu 2013, rispettivament. Il-Ġermanja ntalbet tipprovdi l-kjarifiki addizzjonali permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Lulju 2013, li għaliha l-Ġermanja wieġbet fil-5 ta’ Awwissu 2013.

    (8)

    Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Awwissu 2013 il-Ġermanja infurmat lill-Kummissjoni dwar emenda ulterjuri għall-proġett ta’ għajnuna (tnaqqis fl-ammont ta’ għajnuna u tal-intensità tal-għajnuna).

    (9)

    Il-laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi saru fit-8 ta’ Marzu, fl-14 ta’ Awwissu u fit-3 ta’ Ottubru 2012.

    2.   DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-MIŻURA NOTIFIKATA

    2.1.   Objettiv

    (10)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi beħsiebhom jippromwovu l-iżvilupp reġjonali billi jipprovdu għajnuna għall-investiment reġjonali lil BMW għat-twaqqif ta’ faċilità ġdida ta’ produzzjoni fl-impjant eżistenti ta’ BMW f’Leipzig.

    (11)

    Fid-data tan-notifika, Leipzig kienet żona megħjuna skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE; b’limitu massimu standard għall-għajnuna reġjonali għal intrapriżi kbar ta’ 30 % (6) ekwivalenti tal-għotja gross (EGħG) skont il-mappa Ġermaniża tal-għajnuna reġjonali għall-perjodu bejn l-2007-2013 (7). L-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li l-proġett ta’ investiment kien ser joħloq madwar 800 impjieg dirett ġdid fir-reġjun megħjun.

    2.2.   Il-bażi legali u l-awtorità li tagħti l-għajnuna

    (12)

    Il-bażi legali nazzjonali għall-għoti tal-għajnuna hija l-Att dwar l-Għajnuna għall-Investiment (Investitionszulagengesetz 2010) tas-7 ta’ Diċembru 2008, b’eżenzjoni ta’ kategorija skont X 167/2008 (8).

    (13)

    L-għajnuna ser tingħata mill-uffiċċju tat-taxxa ta’ Munich (Finanzamt München).

    2.3.   Il-benefiċjarju

    (14)

    Il-benefiċjarju tal-għajnuna huwa BMW AG (il-kumpanija prinċipali tal-Grupp BMW) li l-kwartieri ġenerali tiegħu huma fi Munich, il-Bavarja, il-Ġermanja. Il-Grupp BMW jiffoka fuq il-manifattura ta’ karozzi u ta’ muturi taħt il-marki kummerċjali li ġejjin: BMW, MINI u Karozzi Rolls-Royce. L-impjant f’Leipzig huwa wieħed mis-17-il faċilità ta’ produzzjoni tal-Grupp BMW; ma għandux personalità ġuridika indipendenti.

    (15)

    Peress li BMW Leipzig mhijiex entità legali indipendenti, ma setgħetx tingħata data finanzjarja separata. Fl-2009 kellha […] (*) impjegat. L-awtoritajiet Ġermaniżi taw l-informazzjoni li ġejja dwar il-Grupp BMW.

    Tabella 1

    Fatturat tal-Grupp BMW (f’miljuni ta’ EUR)

     

    2011

    2012

    2013

    Madwar id-dinja

    68 821

    76 848

    76 058

    Fiż-ŻEE

    (…)

    (…)

    (…)

    Fil-Ġermanja

    12 859

    12 186

    11 796

    Tabella 2

    Għadd ta’ impjegati tal-Grupp BMW sal-31 ta’ Diċembru ta’ sena partikolari

     

    2011

    2012

    2013

    Madwar id-dinja

    100 306

    105 876

    110 351

    Fiż-ŻEE

    (…)

    (…)

    (…)

    Fil-Ġermanja

    73 338

    76 911

    78 961

    2.4.   Il-proġett ta’ investiment

    2.4.1.   Il-proġett notifikat

    (16)

    L-għan tal-proġett ta’ investiment huwa t-twaqqif ta’ faċilità ġdida ta’ produzzjoni għall-manifattura ta’ karozzi elettriċi b’karozzerija magħmula minn materjal tal-plastik rinfurzat bil-fibra tal-karbonju. Huwa ppjanat li jiġu manifatturi ż-żewġ mudelli ġodda li ġejjin: il-mudell “i3”, imsejjaħ ukoll Vettura Mega City (minn hawn ‘il quddiem “i3” jew “MCV”), u l-mudell ta’ karozza sportiva lussuża “i8”. Skont il-benefiċjarju, dawn jirrappreżentaw prodotti kompletament innovattivi li ma ġewx manifatturati fil-passat u ser jiġu mmuntati fl-impjant ta’ Leipzig. Il-magni u l-batteriji kemm għall-i3 u għall-i8 ser jiġu prodotti fl-impjant ta’ Landshut tal-Grupp BMW, filwaqt li l-prodotti intermedji għall-karozzerija tal-fibra tal-karbonju kemm tal-mudell i3 u tal-mudell i8 ser jiġu prodotti fl-impjant ta’ Wackersdorf tal-istess grupp (u minn hemm parti minnhom jiġu konsenjati lejn Leipzig u parti minnhom lejn Landshut fejn dawn il-prodotti intermedjarji ser ikomplu jinħadmu).

    (17)

    Il-bażi tal-mudell tal-MCV (i3) huwa karozza purament elettrika mingħajr magna bil-kombustjoni, misjuqa bl-elettriku li jinħażen f’batterija, hekk imsejħa BEV (9) (Vettura tal-Elettriku bil-Batterija). Il-karozzerija hija magħmula minn materjal tal-plastik rinfurzat bil-fibra tal-karbonju; u bħala riżultat, il-piż tal-karozza ma jaqbiżx il-1,3t għal tul ta’ bejn 3,95 u 4,05 m. Il-karozza hija maħsuba għall-użu urban, bi lħuq sa 150 km mingħajr l-iċċarġjar mill-ġdid tal-batterija u b’veloċità sa 140 km/h. Il-kapaċità ta’ produzzjoni notifikata tal-i3 tal-impjant ta’ Leipzig hija ta’ [10 000–50 000] vettura fis-sena.

    (18)

    Il-mudell tal-karozza sportiva “i8” huwa karozza ibrida rikarikabbli (plug-in), PHEV (Vettura Elettrika Rikarikabbli) (10), li tibbenefika mill-vantaġġi tal-karozzerija tal-plastik rinfurzat b’fibra tal-karbonju ħafifa u kunċett aerodinamiku innovattiv. Minbarra l-magna elettrika, ser ikun fiha magna żgħira bil-kombustjoni b’3-ċilindri li ser tnaqqas l-iżvantaġġi ta’ vettura kompletament elettrika, f’sitwazzjonijiet fejn dan ikun meħtieġ: jiġifieri (1) meta d-distanza tkun itwal minn dik li tkun tista’ tkopri batterija li ma tistax tiġi rriċarġjata u, (2) meta l-veloċità mixtieqa għall-karozzi sportivi tkun ogħla minn dik li tinkiseb bil-magna elettrika. It-tul tal-karozza għandu jkun ta’ madwar 4,6 m għal piż ta’ anqas minn 1,5 t. Il-veloċità massima tal-mudell “i8” hija ta’ 250 km/h. Il-produzzjoni ta’ dan il-mudell hija inkluża fit-total ta’ [10 000–50 000] karozza elettrika li ser jiġu prodotti f’Leipzig. Se jiġi manifatturat fuq l-istess linji ta’ produzzjoni bħall-mudell MCV “i3” (il-magna bil-kombustjoni tiegħu ser tiġi manifatturata fl-impjant tal-Grupp BMW f’Hams Hall, fir-Renju Unit).

    (19)

    Fid-data tad-deċiżjoni tal-ftuħ, kien ippjanat li ż-żewġ mudelli jiġu introdotti fis-suq fl-aħħar tal-2013. Ix-xogħlijiet fuq l-investiment għall-mudell i3 bdew f’Diċembru 2009 u l-investiment tlesta fl-2013. Ix-xogħlijiet fuq l-investiment għall-mudell i8 bdew f’April 2011 u għandhom jitlestew aktar tard fl-2014.

    2.5.   L-ispejjeż eliġibbli, l-ammont tal-għajnuna u l-intensità tal-għajnuna notifikati

    (20)

    In-nefqa eliġibbli notifikata tal-investiment, kif stabbilita fid-deċiżjoni tal-ftuħ, tammonta għal EUR 392 miljun f’valur nominali (EUR 368,32 miljun f’valur skontat (11)). It-tabella hawn taħt tistabbilixxi t-tqassim tan-nefqa eliġibbli ppjanata f’termini nominali tul il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ investiment.

    Tabella 3

    Tqassim tal-ispejjeż eliġibbli ppjanati (f’miljuni ta’ EUR — valur nominali)

     

    2009

    2010

    2011

    2012

    2013

    2014

    Total

    Bini

    1

    2

    86

    40

    1

    1

    131

    Impjant/Makkinarju

    2

    3

    34

    163

    53

    6

    261

    Total

    3

    5

    120

    203

    54

    7

    392

    (21)

    Kif ġie notifikat, u stabbilit fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Ġermanja kienet beħsiebha tappoġġja l-investiment billi tagħti għajnuna għan-nefqa eliġibbli pjanata għall-perjodu bejn l-2009 u l-2014 fil-forma ta’ allowance fiskali sa total ta’ EUR 49,0 miljun, li tikkorrispondi għal intensità ta’ għajnuna ta’ 12,5 %.

    (22)

    Fil-5 ta’ Awwissu 2013, il-Ġermanja emendat in-notifika u indikat li skont il-bażi legali nazzjonali (“Investitionszulagengesetz 2010”) l-ispejjeż biss li jkunu nġarrbu sal-31 ta’ Diċembru 2013 ser ikunu eliġibbli għall-għajnuna. Għalhekk, l-ammont massimu ta’ għajnuna tnaqqas għal EUR 48,125 miljun (EUR 45 257 273 f’valur skontat), u l-intensità tal-għajnuna tinżel għal 12,29 %.

    (23)

    Il-benefiċjarju ser ikun intitolat li jnaqqas l-allowance għall-investiment is-sena wara li jkunu ġġarrbu l-ispejjeż. Bħala riżultat ta’ dan, it-tnaqqis tal-allowance ser isir skont l-iskeda li ġejja:

    Tabella 4

    Skeda għall-implimentazzjoni tal-għajnuna prevista fil-forma ta’ allowance fiskali (f’miljuni ta’ EUR f’valur nominali)

     

    2010

    2011

    2012

    2013

    2014

    2015

    Total

    Allowance għall-investiment

    0,375

    0,625

    15

    25,375

    6,750

    0,0

    48,125

    2.6.   Finanzjament tal-investiment

    (24)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi jikkonfermaw li l-kontribuzzjoni propja tal-benefiċjarju għall-investiment, li hija ħielsa minn kwalunkwe appoġġ pubbliku, taqbeż il-25 fil-mija tal-ispejjeż eliġibbli. Il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Bank Kreditanstalt fuer Wiederaufbau (KfW) taw self lill-benefiċjarju għall-proġett. Is-self tal-BEI jammonta għal EUR[…] miljun, u s-self tal-KfW jammonta għal EUR[…] miljun (12). Il-Ġermanja assigurat lill-Kummissjoni li ż-żewġ selfiet kienu ngħataw b’kundizzjonijiet tas-suq.

    2.7.   Effett ta’ inċentiv

    (25)

    Il-bażi legali nazzjonali toħloq intitolament legali awtomatiku (fejn rilevanti, soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) għall-għajnuna jekk ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet tal-liġi. Għal din l-għajnuna fiskali awtomatika m’hemmx il-ħtieġa għal deċiżjoni ta’ għoti diskrezzjonali jew konferma ta’ eliġibbiltà.

    2.8.   Żamma tal-investiment

    (26)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-proġett ta’ investiment irid jinżamm fir-reġjun megħjun inkwistjoni għal perjodu minimu ta’ ħames snin mid-data tat-tlestija tiegħu.

    2.9.   Dispożizzjonijiet ġenerali

    (27)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi impenjaw ruħhom li jippreżentaw lill-Kummissjoni:

    kopja tal-atti rilevanti li jittrattaw din il-miżura ta’ għajnuna, fi żmien xahrejn mill-għoti tal-għajnuna;

    rapport finali dettaljat, ibbażat fuq l-iskeda ta’ ħlas notifikata, fi żmien sitt xhur wara l-ħlas tal-aħħar parti tal-għajnuna.

    3.   DUBJI U RAĠUNIJIET GĦAT-TNEDIJA TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

    (28)

    Fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE, il-Kummissjoni nnotat li l-proġett ta’ għajnuna jirrispetta l-kriterji standard ta’ kompatibbiltà skont ir-RAG, u li l-ammont propost u l-intensità tal-għajnuna ma jaqbżux il-massimu permissibbli. Madankollu, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 68(a) tar-RAG, ma setgħetx tikkonferma l-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern fl-eżami preliminari.

    (29)

    Il-paragrafu 68(a) tar-RAG jitlob li fejn is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju fis-suq tal-prodott u ġeografiku rilevanti jaqbeż il-25 % qabel jew wara l-investiment, il-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni formali u tipproċedi għal valutazzjoni fil-fond tal-effett ta’ inċentiv, tal-proporzjonalità, kif ukoll tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna.

    (30)

    Għalkemm il-Ġermanja argumentat li l-investimenti li saru minn BMW AG f’Leipzig joħolqu suq ġid tal-prodott fis-sens tan-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG (13), il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dik l-opinjoni (14). Għalhekk il-Kummissjoni ddeċidiet li twettaq it-testijiet preskritti fil-paragrafu 68(a) u (b) tar-RAG. Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni l-ewwel kellha tistabbilixxi l-prodott(i) konċernat(i) mill-investiment u d-definizzjonijiet xierqa tas-suq tal-prodott u ġeografiku.

    (31)

    Peress li dan kien l-ewwel każ ta’ għajnuna reġjonali notifikata għal investiment f’vetturi elettriċi tal-passiġġieri (BEV/PHEV), fil-fażi ta’ eżami preliminari l-Kummissjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji biex tiddetermina s-swieq tal-prodott u ġeografiċi rilevanti.

    (32)

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tieħu pożizzjoni definita dwar il-kwistjoni ta’ jekk is-suq għall-karozzi elettriċi jikkostitwixxix suq indipendenti tal-prodotti, jew jekk jagħmilx parti mis-suq ġenerali tal-karozzi tal-passiġġieri mingħajr distinzjoni ta’ propulsjoni. Informazzjoni dwar is-suq ipprovduta mill-Ġermanja indikat li fl-2015, 1 % tal-karozzi kollha fiż-ŻEE ser ikunu elettriċi (15). Il-Ġermanja użat din il-figura biex tindika l-għadd ta’ karozzi reġistrati ġodda fis-segmenti tradizzjonali tas-suq tal-karozzi konvenzjonali.

    (33)

    Il-Kummissjoni ltaqgħet ukoll ma’ diffikultajiet biex tassenja l-karozzi elettriċi lil segmenti individwali tas-suq tal-karozzi tal-passiġġieri li ġew żviluppati fil-passat għal karozzi b’magna bil-kombustjoni. Il-kriterji ewlenin ta’ assenjazzjoni għas-segmentazzjoni huma t-tul u l-prezz ta’ karozza. Jidher li ħafna vetturi elettriċi jappartjenu għas-segmenti iżgħar f’termini ta’ tul, iżda għal segmenti ogħla jekk jiġu klassifikati skont il-prezz tagħhom.

    (34)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni lanqas ma setgħet tikkonkludi li kien xieraq li l-mudelli tal-karozzi elettriċi inkwistjoni jiġu assenjati għal segmenti speċifiċi tas-suq tal-karozzi konvenzjonali tal-passiġġieri, bħas-segment Ċ jew D skont il-klassifikazzjoni tal-karozzi tal-IHS Global Insight (16), is-segment magħqud Ċ u D tal-karozzi konvenzjonali, jew għal segment magħqud Ċ u D tal-“karozzi elettriċi”.

    (35)

    Barra minn hekk, fil-fażi ta’ eżami preliminari l-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi b’mod definit li s-suq rilevanti għall-karozzi elettriċi kienx dak globali jew għall-inqas usa’ miż-ŻEE.

    (36)

    Peress li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tieħu pożizzjoni finali dwar id-determinazzjoni tas-suq tal-prodott u ġeografiku rilevanti, wettqet it-test tas-sehem tas-suq fis-swieq plawsibbli kollha. L-informazzjoni dwar is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju kienet ibbażata fuq data li nġabret u ġiet ippreżentata mill-Ġermanja, billi użat is-sehem ta’ 1 % tal-karozzi elettriċi fis-segmenti tas-suq tal-karozzi konvenzjonali (ara l-premessa 32 ta’ hawn fuq) (li fl-2015 jammonta għal total ta’ 150 elf karozza purament elettriċi fiż-ŻEE), kif previst mill-istudju tad-Deutsche Bank (17). Il-Kummissjoni kkonkludiet li s-sehem tas-suq tal-benefiċjarju kien ser jaqbeż il-25 % fiż-ŻEE “suq tal-karozzi elettriċi” li ġie kkalkulat billi ġiet applikata l-istima ta’ 1 % tad-Deutsche Bank tal-proporzjon tal-bejgħ ta’ karozzi elettriċi/bejgħ ta’ karozzi konvenzjonali għas-segmenti differenti tal-karozzi konvenzjonali. Skont dan il-metodu, is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju fiż-ŻEE kien ser jaqbeż il-25 % fis-segment B, Ċ, D u E+F fl-2015 (18), u kien ser jaqbeż ukoll il-25 % tas-suq dinji fis-segment D u E+F (19).

    (37)

    Għalhekk, fil-fażi ta’ eżami preliminari l-Kummissjoni ma setgħetx teskludi li l-ishma tas-suq tal-benefiċjarju ma jaqbżux, għall-inqas f’ċerti swieq ta’ prodotti konċepibbli fiż-ŻEE (u f’ċerti segmenti tas-suq rilevanti fil-livell dinji), il-limitu stabbilit fil-paragrafu 68(a) tar-RAG. Għalhekk, fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-TFUE.

    (38)

    Kif intqal fid-deċiżjoni tal-ftuħ (20), fil-każ li l-kummenti riċevuti fil-kuntest tal-investigazzjoni formali ma jippermettux lill-Kummissjoni li tikkonkludi mingħajr ebda dubju li jew l-għajnuna tista’ tiġi eżentata mill-applikazzjoni tat-testijiet preskritti fil-paragrafu 68 tar-RAG skont in-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG, jew li l-limitu fil-paragrafu 68(a) ma jkunx inqabeż, għandha twettaq valutazzjoni fil-fond tal-proġett ta’ investiment abbażi tal-Komunikazzjoni tagħha dwar il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond ta’ għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (minn hawn ’il quddiem “IDAC”) (21).

    4.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

    (39)

    Il-Kummissjoni rċeviet biss kummenti mill-Ġermanja.

    4.1.   Kummenti mill-Ġermanja

    (40)

    Il-Ġermanja ssostni l-argument li l-karozzi elettriċi jagħmlu parti mis-suq tal-karozzi konvenzjonali. F’dak is-suq, is-sehem tas-suq tal-Grupp BMW għal kwalunkwe segmentazzjoni tas-suq tal-prodott huwa taħt il-limitu ta’ 25 %, kemm fil-livell globali u fis-suq taż-ŻEE.

    (41)

    Madankollu, il-Ġermanja targumenta wkoll li jekk il-Kummissjoni kellha tqis li l-karozzi elettriċi jikkostitwixxu suq separat tal-prodotti mill-karozzi konvenzjonali, allura għandha tiġi applikata n-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG.

    (42)

    Skont il-Ġermanja, anki jekk il-Kummissjoni ma setgħetx taqbel mal-applikazzjoni tan-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG u tqis li s-suq tal-karozzi elettriċi jikkostitwixxi suq separat tal-prodotti, l-għajnuna għandha tiġi approvata mingħajr valutazzjoni fil-fond, peress li s-sehem tas-suq tal-benefiċjarju f’dan is-suq (mhux segmentat tal-karozzi elettriċi) huwa taħt il-25 % u d-deċiżjoni tal-ftuħ ma kinitx esprimiet dubji dwar il-kriterji standard ta’ kompatibbiltà tar-RAG. Minflok, il-Kummissjoni għandha tapplika l-IDAC b’mod flessibbli.

    4.1.1.   Definizzjoni tas-suq u l-ishma tas-suq

    Is-suq rilevanti huwa s-suq globali tal-karozzi konvenzjonali

    (43)

    Il-Ġermanja targumenta li s-suq tal-prodott rilevanti għandu jiġi definit bħala s-suq tal-karozzi konvenzjonali u s-suq ġeografiku rilevanti bħala s-suq globali dinji. Hekk kif il-karozzi ibridi diġà jagħmlu llum, fil-futur il-karozzi elettriċi ser jikkompetu mal-karozzi konvenzjonali, u l-konsumaturi ser iqisu l-karozzi elettriċi u konvenzjonali bħala prodotti sostitwibbli.

    (44)

    Minkejja differenzi magħrufa fil-firxa bejn il-mudell i3 u karozzi konvenzjonali komparabbli (l-i3 irid jiġi ċċarġjat ħafna qabel jiżvojtjaw it-tankijiet tal-fjuwil), kemm l-i3 u l-karozzi konvenzjonali komparabbli jaqdu l-istess funzjoni, peress li għandhom l-istess spazju għall-passiġġieri u jilħqu l-istess veloċità. Is-sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda hija tabilħaqq aktar b’saħħitha għall-mudell i8, li jikseb l-istess firxa bħall-karozzi konvenzjonali jew ibridi. Id-differenza fil-prezz bejn il-karozzi elettriċi u konvenzjonali tista’ titnaqqas permezz ta’ sussidji għax-xerrej.

    (45)

    Skont il-Ġermanja, il-klijenti ma jagħmlux distinzjoni bejn karozzi ibridi, elettriċi jew konvenzjonali minħabba li huma konxji mill-konsegwenzi ambjentali tal-produzzjoni tal-elettriku li jintuża għall-propulsjoni ta’ karozzi elettriċi u minħabba li għandhom aspettattivi uniformi dwar l-istandards ta’ ħarsien tal-ambjent u parametri oħra għal kull tip ta’ karozza.

    (46)

    Is-suq ġeografiku rilevanti għall-karozzi elettriċi huwa s-suq dinji, peress li l-flussi kummerċjali huma mistennija li jiżviluppaw fid-direzzjonijiet kollha. Iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Istati Uniti (kif ukoll xi pajjiżi tal-UE) li jissussidjaw l-użu ta’ karozzi elettriċi u parzjalment japplikaw kwoti mandatorji għas-sehem ta’ karozzi alternattivi fis-suq globali tal-karozzi, jirrappreżentaw porzjon sinifikanti tas-suq dinji. Barra minn hekk, il-kundizzjonijiet qafas għall-kummerċ dinji fil-karozzi elettriċi huma l-istess jew aktar favorevoli minn dawk applikati għal karozzi konvenzjonali.

    (47)

    Anke kieku s-suq ġeografiku kien is-suq taż-ŻEE (għall-karozzi konvenzjonali), is-sehem tas-suq ta’ BWM AG ma jilħaqx il-limitu ta’ 25 % kemm qabel jew wara l-investiment kif ġie rikonoxxut fil-premessa 88 (22) tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    Applikabbiltà tan-nota 65 f’qiegħ il-paġna

    (48)

    Il-Ġermanja tqis li jekk il-Kummissjoni kellha tiddeċiedi li tiddefinixxi l-karozzi elettriċi bħala suq separat tal-prodotti, għandha tiġi applikata n-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG.

    (49)

    Il-Ġermanja taċċetta li minkejja l-bini innovattiv tal-karozzerija li tiddistingwi l-mudelli i3/i8 minn prodotti f’kompetizzjoni, il-benefiċjarju la huwa l-ewwel, u lanqas l-uniku produttur ta’ vetturi elettriċi. Taqbel ukoll li diġà jeżistu xi produtturi li jimmanifatturaw vetturi elettriċi u li sal-2013/2014 ser ikun hemm oħrajn li jidħlu fis-suq tal-karozzi elettriċi.

    (50)

    Madankollu, il-Ġermanja tissuġġerixxi li, għalhekk, anke jekk in-nota 65 f’qiegħ il-paġna ma tapplikax direttament għall-każ preżenti, minħabba l-filosofija u r-raġunament wara l-eżistenza ta’ din in-nota f’qiegħ il-paġna, tista’ tiġi applikata b’analoġija.

    (51)

    Skont il-Ġermanja, ir-raġunament li wassal għall-introduzzjoni tan-nota 65 f’qiegħ il-paġna fir-RAG huwa li l-ishma tas-suq inizjalment sinifikanti ta’ innovaturi u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq perjodu qasir b’riżultat ta’ dan huma anqas mill-vantaġġi li innovazzjoni vera tipprovdi għall-kompetittività u għall-kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq rilevanti. L-applikazzjoni tat-testijiet preskritti fil-paragrafu 68 tar-RAG tassumi l-eżistenza ta’ suq. Swieq ġodda ma jistgħux jissodisfaw din il-kundizzjoni; valutazzjoni fil-fond fl-applikazzjoni tal-paragrafu 68 tippenalizza lill-innovatur u twaqqaf il-ħolqien ta’ suq li jiffunzjona.

    (52)

    Il-Ġermanja tqis li s-sehem tas-suq u l-kapaċità inizjali statistikament għoljin li jinħolqu minn innovatur bikri f’suq fejn ikun hemm biss għadd żgħir ta’ mudelli offruti u fejn il-produzzjoni serjali tkun għadha kemm bdiet reċentement ma jippermettux l-applikazzjoni b’mod sinifikanti tat-testijiet tal-paragrafu 68. Skont il-Ġermanja, l-investiment inkwistjoni la jwassal għall-ħolqien ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq, u lanqas ma jwassal għall-ħolqien ta’ kapaċitajiet żejda f’suq li sejjer lura.

    (53)

    Fi ftit kliem, dan il-każ jippreżenta s-sitwazzjoni eżattali l-applikazzjoni diretta tan-nota 65 f’qiegħ il-paġna għandha l-intenzjoni li tindirizza. Għalhekk, il-Ġermanja tikkonkludi li t-testijiet tal-paragrafu 68 ma għandhomx isiru u li l-għajnuna għandha tiġi approvata mingħajr valutazzjoni fil-fond.

    Is-sehem tas-suq huwa taħt il-25 % anke fis-suq tal-karozzi elettriċi (kemm globali u taż-ŻEE)

    (54)

    Il-Ġermanja targumenta li anki kieku l-Kummissjoni kellha ssib li (1) il-karozzi elettriċi ma jagħmlux parti mis-suq tal-karozzi konvenzjonali u (2) in-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG mhijiex applikabbli, is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju fis-suq tal-karozzi elettriċi (kemm jekk ikompli jiġi segmentat jew le) huwa taħt il-25 %.

    (55)

    Il-Ġermanja tgħid li għalkemm fid-dawl tad-differenzi fil-prezzijiet u t-tulijiet tal-karozzi huwa diffiċli li s-segmentazzjoni tradizzjonali tas-suq tal-karozzi konvenzjonali tiġi applikata għas-suq tal-karozzi elettriċi, dan huwa l-mod kif jiġu stabbiliti l-previżjonijiet tal-ishma tas-suq tal-karozzi elettriċi. Din hija r-raġuni għaliex il-Ġermanja ppruvat tassenja l-mudell i3 għas-segment Ċ u D magħqud, peress li l-prezz tal-karozza jpoġġiha fis-segment D u t-tul tagħha f’Ċ. Wieħed għandu wkoll iżomm f’moħħu li l-klijenti ta’ karozzi elettriċi ġejjin mis-segmenti kollha tas-suq tal-karozzi konvenzjonali, għalhekk ma tagħmilx sens li tiġi applikata segmentazzjoni stretta tas-suq tal-karozzi elettriċi.

    (56)

    Il-Ġermanja tqis li huwa ferm probabbli li s-suq tal-karozzi elettriċi ser jiżviluppa b’mod dinamiku kemm fiż-ŻEE kif ukoll globalment: il-proporzjon ta’ karozzi elettriċi fis-suq globali tal-karozzi, kif ukoll l-għadd ta’ produtturi ser jiżdied b’mod qawwi f’temp ta’ ftit snin. Anki jekk il-benefiċjarju kellu jilħaq sehem tas-suq li jaqbeż il-25 % f’xi segmenti ta’ karozzi elettriċi, dan ma jkunx xenarju realistiku, jew ikun sempliċiment “stampa”.

    (57)

    Il-Ġermanja tipproponi li r-raġunament wara n-nota 65 f’qiegħ il-paġna għandu jiġi segwit ukoll fir-rigward ta’ dan l-aspett u li t-testijiet preskritti fil-paragrafu 68 tar-RAG ma għandhomx jiġu applikati: Is-sehem tas-suq għoli u tranżitorju ta’ innovatur għandu jitqies fid-dawl tal-iżvilupp dinamiku tas-suq, inkluż il-probabbiltà ta’ entrati ġodda fis-suq. Perspettiva differenti tfixkel l-innovazzjoni u timmina l-kompetizzjoni u l-kompetittività. Għalhekk, il-Ġermanja tipproponi li sitwazzjoni fejn fis-suq tal-karozzi elettriċi s-sehem tas-suq ta’ 25 % jinqabeż għal perjodu tranżitorju, li, bħala tali, diġà huwa mhuwiex realistiku, ma għandhiex titqies bħala fattur li jindika li jkun inqabeż il-limitu tas-sehem tas-suq ta’ 25 % fil-paragrafu 68(a) tar-RAG.

    (58)

    Fir-rigward l-affidabbiltà tad-data dwar l-ishma tas-suq, il-Ġermanja tenfasizza li ma ġiet stabbilita ebda segmentazzjoni separata tas-suq tal-karozzi elettriċi u li l-unika stima tal-figuri tas-suq li teżisti għall-2015 hija l-istudju ta’ Deutsche Bank li jmur lura għall-2008. F’dan l-istudju kien stmat li fl-2015 il-parti tal-karozzi elettriċi fis-suq globali tal-karozzi ser tkun ta’ 1 %; il-Ġermanja użat din il-figura għall-istima tagħha tas-sehem tas-suq tal-benefiċjarju dwar is-segment magħqud Ċ-D tal-karozzi elettriċi. Il-Ġermanja tassumi wkoll li probabbilment il-biċċa l-kbira tal-karozzi elettriċi ser jiġu offruti fis-segmenti A sa Ċ, u li għalhekk il-proporzjon tal-karozzi elettriċi fis-segment globali tal-karozzi A sa Ċ ser ikun ogħla (jiġifieri ta’ madwar 2,5 % – għalkemm dan ma setax jiġi sostnut minn studji indipendenti). Dan waħdu juri li l-istima tal-Kummissjoni tas-sehem tas-suq tal-Grupp BMW hija għolja wisq u mhijiex plawsibbli. Barra minn hekk, tinnota li konsulenzi bħal Deutsche Bank u Boston Consulting Group ibassru li sal-2020 il-proporzjon ta’ karozzi elettriċi fis-suq globali tal-karozzi ser jilħaq it-3 %, li għal darb’oħra ser iwassal għal tnaqqis fis-sehem tas-suq tal-Grupp BMW. Fl-aħħar nett, il-Ġermanja targumenta li fil-każ li tiġi stabbilita sistema ta’ segmentazzjoni tal-karozzi elettriċi li talloka mudelli b’mod ċar għal segment, huwa mistenni li s-sehem tas-suq tal-Grupp BMW f’suq saturat ser isir komparabbli mas-sehem tas-suq eżistenti tiegħu fis-suq tal-karozzi konvenzjonali, jiġifieri bejn [0–8 %] u [1–9 %].

    (59)

    L-awtoritajiet Ġermaniżi jirreferu wkoll għal żewġ studji aktar reċenti, u jargumentaw li dawn juru li s-sehem tas-suq tal-benefiċjarju qatt mhu ser jaqbeż il-limitu tas-suq ta’ 25 %, peress li jipprevedu għadd ħafna ogħla ta’ karozzi fis-suq minn studji preċedenti. L-ewwel studju, intitolat “Pjan Direzzjonali Ewropew – L-Elettrifikazzjoni tat-Trasport bit-Triq (minn hawn ’il quddiem “l-istudju dwar il-Pjan Direzzjonali”) (23), jindika li sal-2020, fl-UE jista’ jkun hemm 5 miljun vettura elettrika (inklużi vetturi ibridi rikarikabbli), u abbażi tas-suppożizzjoni li jintlaħqu skoperti teknoloġiċi ewlenin, ċart tidher li tipprevedi madwar miljun karozza bħal dawn fl-2016. L-istudju l-ieħor minn April 2011, intitolat “Impatti ta’ Vetturi Elettriċi – Riżultat 1 – Ħarsa ġenerali lejn il-Vetturi Elettriċi fis-suq u li qegħdin jiġu żviluppati”, (minn hawn ’il quddiem “ir-rapport Delft”), kien tħejja għall-Kummissjoni dwar l-impatt ta’ vetturi elettriċi fis-suq (24).

    4.1.2.   L-applikazzjoni tal-IDAC

    (60)

    Dwar l-applikazzjoni tal-IDAC, il-Ġermanja tressaq l-argumenti li ġejjin:

    (a)

    Peress li l-limiti tas-sehem tas-suq ma nqabżux, ma hemm l-ebda raġuni biex issir il-valutazzjoni fil-fond tal-miżura;

    (b)

    F’investigazzjoni formali, il-fokus huwa esklussivament fuq l-eliminazzjoni ta’ dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura li jkunu qamu matul il-fażi preliminari, u mhux fuq il-valutazzjoni tal-kriterji ta’ kompatibbiltà li jkunu diġà ġew eżaminati matul il-fażi preliminari u li f’dak l-istadju ma jkunu qajmu ebda dubji. Fid-deċiżjoni li tiftaħ l-investigazzjoni formali l-Kummissjoni ma kienet esprimiet l-ebda dubji dwar il-konformità tal-miżura mal-kriterji standard ta’ kompatibbiltà tar-RAG, inkluż l-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tagħha; l-investigazzjoni formali kienet infetħet biss għaliex il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi b’mod konklussiv li kien inqabeż il-limitu tas-sehem tas-suq fil-paragrafu 68(a) tar-RAG;

    (c)

    Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni “kondizzjonali” (25) li tawtorizza l-għajnuna – mingħajr valutazzjoni fil-fond – skont in-nota f’qiegħ il-paġna għall-paragrafu 56 tal-IDAC, bil-kundizzjoni li kull sena l-benefiċjarju jippreżenta data dwar l-iżvilupp tas-sehem tiegħu f’suq segmentat bil-mod tradizzjonali.

    (d)

    Fid-dawl tal-effetti pożittivi importanti tal-għajnuna (teknoloġija ġdida, favur l-ambjent u innovazzjoni, il-ħolqien ta’ volum sinifikanti ta’ impjiegi), il-Kummissjoni għandha jew ma tapplikax l-IDAC, jew tal-inqas tqis ir-“rekwiżit ta’ proporzjonalità”: il-paragrafu 9 tal-IDAC jgħid li l-valutazzjoni dettaljata ta’ miżura għandha tkun proporzjonata mad-distorsjoni potenzjali li tista’ tiġi kkawżata mill-għajnuna. Il-Ġermanja targumenta li ma tista’ tkun mistennija ebda distorsjoni notevoli tal-kompetizzjoni. Il-benefiċjarju javvanza fuq il-kompetizzjoni billi jassumi rwol ta’ pijunier permezz ta’ investiment innovattiv u b’riskju għoli.

    (e)

    Il-Ġermanja ssostni wkoll li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża T-304/08 (26) titlob lill-Kummissjoni li teżerċita d-diskrezzjoni wiesgħa tagħha skont it-Trattat tal-KE biex tivverifika jekk il-benefiċċji mistennija tal-għajnuna f’termini ta’ żvilupp reġjonali jegħlbux id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt tal-proġett issussidjat fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (f)

    Il-Ġermanja tirreferi għan-nota f’qiegħ il-paġna għall-paragrafu 56 tal-IDAC (27), u hija tal-fehma li l-awtorità tal-Kummissjoni biex ma tapprovax għajnuna abbażi tal-IDAC hija limitata għall-porzjon tal-ammont tal-għajnuna notifikata li jaqbeż il-limitu għal notifika.

    4.1.3.   Valutazzjoni fil-fond tal-miżura

    4.1.3.1.   Effetti pożittivi tal-għajnuna

    (61)

    Il-Ġermanja tindika li l-istrateġija għal vetturi aktar nodfa u effiċjenti fl-enerġija hija parti mill-istrateġija Ewropa 2020. Il-White paper tal-Kummissjoni dwar Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti (28) tistabbilixxi l-objettiv biex sal-2030 is-sehem tal-karozzi konvenzjonali fis-suq globali tal-karozzi jitnaqqas b’50 %, u biex sal-2050 dawn jiġu kompletament eliminati fiċ-ċentri tal-bliet.

    (62)

    Il-Ġermanja tikkontribwixxi għal dawn l-objettivi: l-għan tagħha huwa li sal-2020 tpoġġi miljun vettura elettrika fit-toroq, u saħansitra 100 000 vettura bħal dawn sal-2014. Il-Ġermanja trid issir suq ewlieni għall-mobilità elettrika. Peress li dawn il-miri għadhom ma ntlaħqux, hemm il-ħtieġa ta’ aktar sforzi. L-investiment inkwistjoni jikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-objettivi Ewropej u Ġermaniżi.

    (63)

    Il-proġett ta’ investiment jippromwovi wkoll l-objettivi tar-rakkomandazzjonijiet proposti f’rapport tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar Teknoloġiji Abilitanti Ewlenin (HLG KET) li jenfasizza r-riskju li l-Ewropa tista’ taqa’ lura fil-kompetizzjoni internazzjonali dwar il-lokazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kapaċità insuffiċjenti tagħha li “tittrasforma” għarfien teknoloġiku fi prodotti kummerċjabbli.

    (64)

    It-“tiratura kbira” ta’ karozza elettrika flimkien ma’ karozzerija tal-fibra tal-karbonju, li s’issal-ebda manifattur ieħor tal-karozzi ma jagħmel, jistgħu jaċċelleraw il-bidla teknoloġika u jippromwovu l-kompetizzjoni fis-suq rilevanti.

    (65)

    Il-Ġermanja tqis li l-proġett ta’ investiment jikkontribwixxi biex l-Ewropa żżomm postha bħala mexxejja fit-tul fl-industrija tal-karozzi.

    (66)

    Il-Ġermanja tkompli tgħid li l-proġett jikkontribwixxi għall-objettivi tal-programm operattiv tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għas-Sassonja (29).

    (67)

    L-istati federali ġodda tal-Ġermanja għad għandhom inqas impjanti tal-manifattura tal-karozzi minn dawk qodma. Appoġġ għal dan l-investiment għandu jnaqqas id-differenzi bejn l-istati federali qodma u dawk ġodda.

    (68)

    Il-PDG per capita tas-Sassonja għadu taħt il-medji Ġermaniżi u tal-UE: ir-rata tal-qgħad xorta għadha ogħla mill-medja Ġermaniża. L-investiment joħloq 800 impjieg dirett ġdid.

    (69)

    L-investiment iżid ukoll l-impjieg indirett fir-reġjun. Il-benefiċjarju qiegħed jippjana li jikkonkludi aktar kuntratti ma’ fornituri mir-reġjun. Dan ser iwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi primarjament għall-ħaddiema bi kwalifiki għolja li huma impjegabbli fil-pożizzjonijiet tekniċi ġodda ta’ katina tal-provvista ġdida u mibdula. It-tlestija b’suċċess tal-investiment huwa mistenni li jiġi segwit minn aktar investimenti tal-benefiċjarju fil-lokazzjoni ta’ Leipzig.

    (70)

    Il-produzzjoni l-ġdida ser twassal għat-taħriġ tal-ħaddiema f’oqsma ġodda, bħal tekniċi speċjalizzati fit-teknoloġija tal-plastik u tal-gomma relatata ma’ materjal rinforzat bil-fibri. Peress li ser tiżdied id-domanda għal speċjalisti li kapaċi jaħdmu fl-industrija tal-karozzi elettriċi, is-Sassonja tista’ tiżviluppa f’lokazzjoni attraenti għal din il-forza tax-xogħol speċjalizzata.

    (71)

    L-investiment ser ikollu wkoll effetti pożittivi ta’ raggruppament (jiġifieri jiġu attirati aktar investimenti fir-reġjun fl-industrija tal-karozzi). Il-benefiċjarju diġà huwa attiv f’ACOD (30), l-alleanza kluster tal-karozzi tal-Ġermanja tal-Lvant, li għażlet lir-reġjun ta’ Leipzig bħala r-reġjun fejn għandha tiġi promossal-mobilità elettrika. F’termini ta’ investiment speċifiku minn impriżi oħra li mhumiex relatati, il-Ġermanja rreferiet għal SB-Li-Motive, produttur tal-batterija tal-joni tal-litju li qiegħed jippjana li jinvesti fir-reġjun.

    (72)

    Huwa probabbli li l-impriżi li mhumiex relatati mal-Grupp BMW ser jibbenefikaw minn tixrid ta’ għarfien; barra minn hekk, il-benefiċjarju jipprevedi kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Università ta’ Dresden, fejn jistgħu jiġu segwiti studji relatati mal-industrija tal-karozzi.

    4.1.3.2.   Adegwatezza tal-għajnuna

    (73)

    Il-Ġermanja tirreferi għall-fatt li l-għajnuna mogħtija abbażi tal-“Investitionszulagengesetz” hija eżentata min-notifika taħt ir-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (31) (minn hawn ‘il quddiem “GBER”) li waħedha din diġà turi l-adegwatezza tagħha.

    (74)

    Il-Ġermanja tqis li l-għajnuna reġjonali hija strument xieraq biex jitnaqqsu l-iżvantaġġi ekonomiċi tar-reġjun. Miżuri alternattivi, bħal proġetti infrastrutturali, ma jiksbux riżultati paragunabbli, peress li r-reġjun diġà għandu infrastruttura ferm żviluppata, inkluż ajruport internazzjonali.

    (75)

    Pakkett ta’ miżuri ġenerali ma kienx biżżejjed biex jintlaħqu l-miri ta’ mobilità elettrika (100 000 karozza elettrika fl-użu sal-2014 u miljun karozza elettrika fl-użu sal-2020), stabbiliti kemm minn inizjattivi Ġermaniżi (32) u Ewropej.

    4.1.3.3.   Effett ta’ inċentiv/Xenarju kontro-fattwali

    (76)

    Il-Ġermanja tqis li l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna ma jistax jiġi valutat esklużivament abbażi ta’ analiżi tax-xenarju 1 jew tax-xenarju 2 (33), peress li l-investiment huwa proġett speċjali b’karattru ferm innovattiv, fejn kienet ġiet analizzata kemm ir-rata interna ta’ redditu tal-proġett u kien sar tqabbil tal-vantaġġi/żvantaġġi ta’ lokazzjonijiet possibbli (inkluż il-konsiderazzjoni ta’ miżuri possibbli ta’ għajnuna mill-istat). Għalhekk, il-Ġermanja ppreżentat informazzjoni għaż-żewġ xenarji.

    Xenarju 1:

    (77)

    F’analiżi tax-xenarju 1, l-Istat Membru jrid juri li l-għajnuna tipprovdi inċentiv għall-benefiċjarju biex jadotta deċiżjoni ta’ investiment favur proġett li, mingħajr l-għajnuna, ma kienx ikun profittabbli għall-kumpanija fi kwalunkwe lokazzjoni.

    (78)

    Il-Ġermanja ppreżentat informazzjoni, li tgħid li mingħajr l-għajnuna r-rata interna ta’ redditu (IRR) tal-proġett hija ta’ [0–8 %], u ta’ [1–9 %] bl-għajnuna. Il-kalkoli sottostanti assumew ċiklu tal-ħajja ta’ seba’ snin, ma ħadux inkunsiderazzjoni l-ispejjeż tal-bidu, l-ispejjeż tal-ippjanar u l-ispejjeż tal-iżvilupp tal-proġett, u kienu bbażati fuq produzzjoni annwali ta’ [40 000–120 000] karozza (il-volum minimu normal ta’ produzzjoni applikat mill-benefiċjarju għal karozzi konvenzjonali żgħar u ta’ daqs medju), minflok fuq l-[10 000–50 000] karozza ppjanati għal dan il-proġett. Din l-IRR hija sinifikament inqas mill-mira tipika tar-ROCE (34) ta’ 26 % meħtieġa mill-benefiċjarju għal proġetti ta’ karozzi konvenzjonali, u l-ispiża medja peżata tal-kapital (WACC) tiegħu ta’ 12 %.

    (79)

    Madankollu, il-benefiċjarju ddeċieda li jwettaq l-investiment. Minkejja l-profittabbiltà baxxa tiegħu, il-benefiċjarju qies li l-proġett jippermettilu li jiżgura l-pożizzjoni twila u qawwija tiegħu fil-kompetizzjoni internazzjonali għal żmien twil. Il-Ġermanja tenfasizza l-karattru tal-investiment bħala proġett pilota, u tirreferi għar-riskji kbar li jinvolvi li jirriżultaw mill-użu ta’ fibri tal-karbonju bħala materja prima għall-karozzerija, it-teknoloġija mhux ittestjata tal-produzzjoni, l-iskala żgħira tal-produzzjoni, u l-inċertezzi tad-domanda.

    Xenarju 2:

    (80)

    Il-Ġermanja ppreżentat informazzjoni biex turi li l-għajnuna għandha effett ta’ inċentiv biex iġġib il-proġett ta’ investiment lir-reġjun megħjun fil-mira. Fin-nuqqas tal-għajnuna, l-investiment kien isir f’żona mhux megħjuna.

    Differenza fil-kost/Konsiderazzjonijiet strateġiċi

    (81)

    Abbażi ta’ dokumenti tal-kumpanija li jmorru lura għal Diċembru 2009, bħal dak li ġie diskuss waqt konversazzjoni informali […] tal-maniġers, sommarju ta’ analiżi li ġie ppreżentat għal laqgħa tal-bord u dokument li jirreġistra deċiżjoni tal-bord dwar id-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni, il-Ġermanja uriet li kienu ġew ikkunsidrati għadd ta’ postijiet għall-investiment. Dawn il-postijiet kienu jinkludu Munich (35), […], l-Istati Uniti/il-Kanada, il-Messiku, u ċ-Ċina.

    (82)

    Dawn id-dokumenti jirreferu biss għall-investiment fil-mudell i3. Id-deċiżjoni biex anke l-mudell i8 jiġi prodott fuq l-istess linja tal-produzzjoni bħall-i3 kienet ittieħdet biss fl-2011. Il-Ġermanja ma nnotifikat ebda nefqa eliġibbli addizzjonali jew għajnuna għall-produzzjoni tal-i8, u lanqas ma ppreżentat ebda dokument dwar il-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni għal-lokazzjoni tal-investiment fl-i8.

    (83)

    Skont id-dokumenti ppreżentati, tqabbil bejn il-postijiet differenti kien sar abbażi ta’ sensiela ta’ fatturi kwantitattivi u kwalitattivi, bħall-ispejjeż ta’ investiment (36), il-prossimità għall-produzzjoni tal-plastik u tal-plastiks tal-fibra tal-karbonju, il-possibbiltà li jiġu evitati investimenti f’żoni ġodda, id-diffikultajiet lingwistiċi, in-nuqqas ta’ protezzjoni tal-għarfien, id-distanza miċ-ċentru tal-iżvilupp u l-loġistika. F’għażla minn qabel, […] (37), l-Istati Uniti/il-Kanada, il-Messiku, u ċ-Ċina kienu ġew eliminati abbażi ta’ kombinazzjoni ta’ dawn il-fatturi, u l-għażla ġiet ristretta għal Leipzig u Munich.

    (84)

    La fi Munich u lanqas f’Leipzig mhu ser ikun hemm il-bżonn ta’ investiment f’żona ġdida; f’dawn il-postijiet l-investiment mhux ser jiġi affettwat minn diffikultajiet lingwistiċi, nuqqas ta’ protezzjoni tal-għarfien, diffikultajiet loġistiċi, jew distanza twila miċ-ċentru tal-iżvilupp tal-Grupp BMW fi Munich. Tabilħaqq l-aktar spiża baxxa ta’ investiment kienet tiġġarrab fi Munich, li kien ukoll ser ikun l-eqreb wieħed għaċ-ċentru tal-iżvilupp tal-Grupp BMW. Min-naħa l-oħra, Leipzig jibbenefika minn possibiltajiet faċli ta’ estensjoni tal-kapaċità li jippermettu lill-benefiċjarju li jżid il-produzzjoni malajr għal [50 000–90 000] elf vettura elettrika fis-sena mingħajr spejjeż sostanzjali addizzjonali.

    (85)

    Il-Ġermanja tispjega li l-kalkoli għall-għażla tal-lokazzjoni kienu bbażati fuq volum ta’ produzzjoni annwali ta’ [10 000–50 000] karozza, l-użu tal-WACC ta’ 12 % bħala fattur ta’ skontar, u kienu jinkludu l-ispejjeż tal-investiment tal-prodott, l-ispejjeż tal-investiment strutturali, l-ispejjeż tal-ippjanar u tal-bidu, l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-ispejjeż tal-provvista, l-ispejjeż fissi, l-hekk imsejħa spejjeż ta’ “dħul/ħruġ” (spejjeż loġistiċi u tariffi internazzjonali għal vjeġġi). Dawn il-kalkoli jiddataw minn Diċembru 2009 u juru li, mingħajr l-għajnuna, il-lokazzjoni tal-proġett ta’ investiment fi Munich kienet ser tkun ta’ EUR 17-il miljun anqas mil-lokazzjoni tiegħu f’Leipzig.

    (86)

    F’termini ta’ konsiderazzjonijiet strateġiċi, il-Ġermanja semmiet vantaġġi relatati mal-istrateġija ta’ provvista tal-benefiċjarju, mingħajr ma pprovdiet aktar dettalji. L-ebda wieħed mill-vantaġġi identifikati għal-lokazzjoni ta’ Leipzig u/jew ta’ Munich ma ġie espress f’termini monetarji.

    Rwol tal-għajnuna mill-Istat

    (87)

    Il-Ġermanja targumenta li l-għajnuna kienet ta’ importanza kruċjali għad-deċiżjoni tal-lokazzjoni. Fid-dawl tad-differenza fl-ispiża bejn iż-żewġ postijiet, l-investiment mingħajr l-għajnuna ma kienx iseħħ f’Leipzig. Skont il-Ġermanja, ġie ppruvat li l-għajnuna tat inċentiv biex l-investiment isir f’Leipzig.

    (88)

    Il-kalkoli tal-ispiża nnifisha tal-investiment ma jinkludux miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Madankollu l-Ġermanja tenfasizza li l-kunsiderazzjoni ta’ sussidji possibbli kellha rwol ċentrali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjoni (38), u tinsisti li l-bord tad-diretturi (Vorstand) ta’ BMW AG kien iddeċieda li jillokalizza l-investiment f’Leipzig fid-dawl tal-EUR 50 miljun mistennija bħala għajnuna mill-Istat. Tabilħaqq, żewġ tabelli mehmuża mas-sommarju li ġie ppreżentat lill-bord ta’ BMW AG għall-fini tad-deċiżjoni tagħha dwar il-lokazzjoni jelenkaw id-diversi ammonti ta’ għajnuna u intensitajiet ta’ għajnuna li, bħala prinċipju, kienu ser ikunu disponibbli fid-diversi lokazzjonijiet, inkluż […]. Fl-aħħar nett, id-dokument tal-bord jgħid b’mod ċar li bħala ammont, l-għajnuna mill-Istat/l-miżura ta’ sussidju li ser tkun disponibbli f’[…], fil-Messiku, fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina ma kinitx ser tkun biżżejjed biex tikkumpensa lill-benefiċjarju għall-iżvantaġġ biex jillokalizza l-investiment f’dawn il-postijiet.

    4.1.3.4.   Proporzjonalità

    (89)

    Skont il-paragrafu 32 tal-IDAC, f’sitwazzjoni ta’ xenarju 1 l-għajnuna normalment titqies proporzjonali jekk, bis-saħħa tal-għajnuna, ir-redditu fuq l-investiment ikun konformi mar-rata ta’ redditu normali applikata mill-kumpanija fi proġetti oħra ta’ investiment, bil-kost kapitali tal-kumpanija fuq bażi globali jew b’redditu ġeneralment osservat fl-industrija konċernata.

    (90)

    Il-Ġermanja tammetti li l-ammont tal-għajnuna huwa altru milli suffiċjenti biex tintlaħaq ir-rata ta’ redditu li normalment tinkiseb fi proġetti oħra ta’ investiment tal-benefiċjarju, iżda għal darb’oħra ssostni li permezz tad-deċiżjoni tagħha kienu ġew segwiti kunsiderazzjonijiet oħra ta’ natura strateġika (ara l-premessi 79 u 84 ta’ hawn fuq).

    (91)

    Minkejja l-formulazzjoni tal-paragrafu 33 tal-IDAC, li jqis li f’sitwazzjoni ta’ xenarju 2 il-miżura ta’ għajnuna tkun proporzjonata jekk tkun ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż netti tal-kumpanija benefiċjarja biex tinvesti fir-reġjun megħjun u l-ispejjeż netti biex tinvesti fir-reġjun(i) alternattiv(i)”, il-Ġermanja targumenta li l-ammont sħiħ ta’ għajnuna ta’ madwar EUR 50 miljun li ġie notifikat fl-2009 huwa proporzjonat. Tabilħaqq, il-Ġermanja hija tal-fehma li l-Kummissjoni, fil-valutazzjoni tagħha dwar jekk id-differenza bejn l-ispejjeż netti tal-investiment fiż-żewġ postijiet ta’ Leipzig u Munich tissodisfax ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità skont l-IDAC jew le, ma għandhiex tqis l-iżvantaġġi stmati f’termini ta’ spejjeż ta’ EUR 17-il miljun tal-lokazzjoni ta’ Leipzig meta mqabbla mal-lokazzjoni ta’ Munich, kif ġie identifikat mill-bord ta’ BMW AG f’Diċembru 2009, iżda tiddeċiedi abbażi ta’ kost konkret ta’ investiment imġarrab mill-benefiċjarju fl-implimentazzjoni tal-proġett ta’ investiment, jiġifieri wara li jkun tlesta l-investiment inizjali (39).

    (92)

    Skont il-Ġermanja, il-proporzjonalità ma teħtieġx li tiġi ppruvata abbażi tal-istess dokumenti li abbażi tagħhom kien intwera l-effett ta’ inċentiv. Il-Ġermanja tikkwota l-paragrafu 35 tal-IDAC, li jgħid li l-Istat Membru jrid “juri l-proporzjonalità [tal-miżura ta’ għajnuna] abbażi ta’ dokumentazzjoni xierqa, bħalma hija (enfasi miżjuda) dik imsemmija fil-paragrafu 26”.

    (93)

    Il-Ġermanja tirreferi wkoll għal dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-“Prinċipji komuni għal valutazzjoni ekonomika tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87.3” li kien ġie ippubblikat mid-DĠ Kompetizzjoni ftit tas-snin ilu. Il-Ġermanja tirreferi għal dan id-dokument insostenn tal-argument tagħha li filwaqt li fil-każ tal-effett ta’ inċentiv il-verifika tiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk kienx hemm bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju bħala riżultat tal-għajnuna, il-proporzjonalità tal-miżura ta’ għajnuna trid tkun ibbażata fuq valutazzjoni aktar dettaljata tal-effett tal-miżura fuq il-kompetizzjoni, li trid tiffoka fuq jekk l-ammont tal-għajnuna huwiex ogħla mill-minimu neċessarju (40).

    (94)

    Sabiex issostni l-argument tagħha, il-Ġermanja tikkwota wkoll il-paragrafu 107 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-396/08, Freistaat Sachsen kontra l-Kummissjoni. Skont il-Ġermanja, dak il-paragrafu jgħid li “fil-qafas tal-verifika ta’ proporzjonalità [ta’ miżura ta’ għajnuna], iridu jingħataw l-elementi kollha li huma utli għall-valutazzjoni tal-miżura (41)“. Il-Ġermanja tirreferi wkoll għal din il-kawża insostenn tal-argument tagħha li, għall-fini tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna partikolari, il-Kummissjoni hija awtorizzata tqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi u attwali kollha rilevanti għall-benefiċjarju (42). Il-Ġermanja temmen li, għall-fini tal-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tuża verżjoni aġġornata tad-dokumenti li abbażi tagħhom kien ġie stabbiliti l-effett ta’ inċentiv.

    (95)

    Barra minn hekk, il-Ġermanja tissuġġerixxi li l-IDAC ma fih ebda dispożizzjoni li tiddefinixxi l-mument li għalih trid tiġi stabbilita proporzjonalità, u hija tal-fehma li l-valutazzjoni tal-proporzjonalità mhijiex marbuta mal-bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju meta jieħu d-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni.

    (96)

    Barra minn hekk, minbarra l-effett ta’ inċentiv, l-element deċiżiv mhuwiex jekk id-dokument kienx diġà jeżisti meta kienet ġiet adottata d-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni tal-investiment, iżda – skont il-paragrafu 35 tal-IDAC – li d-dokument huwa “adattat” għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità.

    (97)

    Il-Ġermanja tqis li ma jkunx xieraq li bħala l-bażi għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità tal-għajnuna jintuża d-dokument li kien diġà ntuża biex jipprova l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna. Għandu jitqies it-tibdil possibbli fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi, b’mod partikolari l-fatt li mid-deċiżjoni oriġinali dwar il-lokazzjoni, ġew adottati aktar deċiżjonijiet dwar l-investiment (il-produzzjoni tal-i8).

    (98)

    Għalhekk, il-Ġermanja ssostni li skont il-każistika, u sabiex jiġi żgurat li l-proporzjonalità tal-għajnuna tiġi valutata b’mod ekonomikament sinifikanti, għandhom jintużaw dokumenti aktar reċenti. Barra minn hekk dan l-approċċ ikun konformi mal-prattika f’oqsma oħra, eż f’każijiet ta’ monitoraġġ ex-post tal-għajnuna.

    (99)

    Data aktar riċenti tal-kumpanija u tas-suq tipprovdi stampa aktar preċiża dwar l-iżvantaġġ tal-kost nett reali ta’ Leipzig.

    (100)

    Il-Ġermanja tqis li d-dokument tal-bord li kien identifika d-differenza ta’ EUR 17-il miljun fil-kost bejn iż-żewġ lokazzjonijiet ma fihx biżżejjed informazzjoni għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità, minħabba li pereżempju, ma fihx analiżi tal-kostijiet/benefiċċji bħal dik deskritta fil-Qafas Komunitarju għall-għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-karozzi tal-1997 (43). Id-dokument tal-bord kien jirrifletti biss informazzjoni selettiva bbażata fuq ċerti suppożizzjonijiet u ċifri dwar il-kostijiet u l-benefiċċji. Sabiex il-proporzjonalità tiġi valutata abbażi tad-differenza reali fil-kost bejn iż-żewġ lokazzjonijiet, iridu jiġu kkunsidrati suppożizzjonijiet oħra u ċifri oħra dwar il-kostijiet/benefiċċji.

    (101)

    Il-Ġermanja għalhekk issostni li mal-ispejjeż ta’ EUR 17-il miljun li kienu ġew stmati f’Diċembru 2009, għandhom jiżdiedu spejjeż addizzjonali ta’ EUR 29 miljun, stabbiliti sa Settembru 2012, bħala spejjeż addizzjonali riżultat tal-għażla tal-post f’Leipzig.

    (102)

    Il-Ġermanja ppreżentat dokument imħejji f’Settembru 2012 li jelenka dawk l-iżvantaġġi ulterjuri f’termini ta’ spejjeż (44) (mhumiex qegħdin jitqiesu l-ispejjeż addizzjonali li kieku kienu jinħolqu fiż-żewġ lokazzjonijiet):

    (a)

    L-estensjoni tal-bini għall-assemblaġġ tal-mudell i3, biex jiġi akkomodat ukoll l-assemblaġġ tal-mudell i8: EUR […] miljun;

    (b)

    L-estensjoni ta’ bini għall-bini tal-karozzerija għall-mudell i3 u i8 (eż. għall-manifattura ta’ komponenti aktar kumplessi tal-karozzerija): EUR […] miljun;

    (c)

    Fi stadju aktar avvanzat tal-iżvilupp tal-prodott, kien hemm bżonn ta’ riallokazzjoni tal-ħolqien tal-valur bejn iż-żewġ lokazzjonijiet, li kien jinvolvi l-estensjoni tal-bini ta’ assemblaġġ: EUR […] miljun;

    (d)

    Il-[…] kellhom jiġu provduti minn fornitur; iżda issa qegħdin jiġu prodotti minn BMW AG f’bini ġdid f’Leipzig li ma kienx oriġinarjament ippjanat. Il-lokazzjoni ta’ Munich setgħet tiġi fornuta mill-impjant fil-qrib tal-benefiċjarju f’Landshut. L-ispiża għall-bini tal-bini l-ġdid: EUR […] miljun;

    (e)

    Minħabba l-produzzjoni addizzjonali, kien hemm bżonn ta’ investimenti addizzjonali f’loġistika mhux relatata mal-produzzjoni (45) (faċilità għat-tifi tan-nar u vetturi speċjali li jġorru tagħmir għat-tifi tan-nar, faċilità għar-rimi tal-iskart, eċċ.). Dawn l-investimenti kienu jkunu anqas sinifikanti fi Munich, li diġà għandu kapaċitajiet estiżi: EUR […] miljun.

    (f)

    Il-prodotti li jkomplu jiġu żviluppati jeħtieġu proċess tal-kontroll tal-kwalità li huwa aktar ikkumplikat milli kien ippjanat, li dan jeħtieġ investiment addizzjonali f’tagħmir għall-kontroll tal-kwalità, li kieku kien ikun diġà disponibbli fi Munich: EUR […] miljun.

    (g)

    Fl-aħħar nett, l-introduzzjoni ta’ strateġija loġistika ġdida fl-impjanti kollha tal-benefiċjarju tikkawża spejjeż ogħla f’Leipzig milli fi Munich: EUR […] miljun.

    4.1.3.5.   Effetti negattivi

    (103)

    Fir-rigward tal-effetti potenzjalment negattivi tal-għajnuna fis-suq tal-prodott rilevanti, il-Ġermanja tillimita l-argumenti tagħha għall-effetti li huma rilevanti f’sitwazzjoni ta’ xenarju 2. Hija tinnota li skont il-paragrafu 40 tal-IDAC, fejn l-investiment kien isir anke mingħajr l-għajnuna, u fejn l-għajnuna hija proporzjonata, l-għajnuna nfisha ma għandha l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni; b’mod partikolari, kwalunkwe żieda fis-saħħa fis-suq tal-benefiċjarju ser isseħħ ukoll anke mingħajr l-għajnuna. Barra minn hekk, fid-dawl tal-politiki li jippromwovu l-elettromobbiltà, is-suq mhuwiex sejjer lura, u l-għajnuna mhijiex ser tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ strutturi ineffiċjenti tas-suq. Il-Ġermanja tqis li n-nuqqas ta’ kummenti mill-kompetituri jappoġġja din il-valutazzjoni.

    (104)

    Il-Ġermanja tenfasizza wkoll li mhuwiex probabbli li d-domanda tal-benefiċjarju għall-fibra tal-karbonju ser twaqqaf l-aċċess tal-kompetituri għall-provvista tal-fibra tal-karbonju, peress li hemm għadd ta’ fornituri tal-fibra tal-karbonju fis-suq u, skont analisti indipendenti, kemm id-domanda u l-provvista tal-fibra tal-karbonju huma mistennija jiżdiedu, fejn il-provvista futura tal-anqas tkun ugwali għad-domanda futura. Għalhekk, il-benefiċjarju ma għandux saħħa fis-suq f’dan is-suq tad-dħul.

    (105)

    L-uniku vantaġġ temporanju li l-benefiċjarju jista’ jikseb fis-suq jinsab fl-għarfien li ser jikseb fil-[…]. Madankollu, fid-dawl tad-diversi parteċipanti fil-[…], l-opportunità għad-dħul jew għall-kooperazzjoni fis-suq hija dejjem disponibbli.

    5.   VALUTAZZJONI

    5.1.   Eżistenza ta’ għajnuna

    (106)

    Sabiex miżura tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, il-kundizzjonijiet li ġejjin iridu jiġu ssodisfati fuq bażi kumulattiva: (i) l-għajnuna trid tingħata permezz ta’ att ta’ Stat Membru jew minn riżorsi tal-Istat, (ii) trid tagħti vantaġġ ekonomiku lill-impriżi (iii) il-vantaġġ irid ikun selettiv, u (iv) il-miżura tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (107)

    L-appoġġ finanzjarju ser jingħata mill-awtoritajiet Ġermaniżi fil-forma ta’ allowance fiskali għall-investiment. Għalhekk l-appoġġ jista’ jitqies bħala mogħti mill-Istat Membru u permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (108)

    Peress li l-għajnuna qiegħda tingħata lil kumpanija unika, BMW AG, il-miżura hija selettiva.

    (109)

    L-għajnuna ser tnaqqas il-piż tal-kumpanija minn spejjeż li normalment kien ikollha ġġarrab f’kondizzjonijiet normali tas-suq meta twaqqaf il-faċilità ta’ produzzjoni u, għalhekk, l-impriża tibbenefika minn vantaġġ ekonomiku fuq il-kompetituri tagħha.

    (110)

    L-għajnuna ser tingħata mill-awtoritajiet Ġermaniżi għal investiment li ser iwassal għall-manifattura ta’ karozzi elettriċi u ibridi tal-passiġġieri. Peress li karozzi elettriċi u ibridi huma soġġetti għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, huwa probabbli li l-appoġġ mogħti ser jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (111)

    Il-vantaġġ ekonomiku mogħti lil BMW AG fuq il-kompetituri tagħha għall-produzzjoni ta’ oġġetti li huma soġġetti għall-kummerċ intra-UE għandu l-potenzjal li jfixkel jew jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni.

    (112)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-miżura notifikata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat lil BMW AG fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    5.2.   Legalità tal-miżura ta’ għajnuna

    (113)

    Billi nnotifikaw il-miżura ta’ għajnuna ppjanata qabel ma daħħluha fis-seħħ, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrispettaw l-obbligu tagħhom skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE u rrispettaw l-obbligu ta’ notifika individwali skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

    5.3.   Bażi legali għall-valutazzjoni

    (114)

    Peress li l-bażi legali nazzjonali għall-għoti tal-għajnuna, l-Investitionszulagengesetz, toħloq dritt legali (soġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) tal-benefiċjarju għall-għajnuna għan-nefqa mġarrba qabel l-1 ta’ Jannar 2014, l-għajnuna tista’ titqies li ngħatat qabel (46) Lulju 2014. Peress li l-għan tal-għajnuna huwa l-promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali, ir-RAG tikkostitwixxi l-bażi għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tas-sezzjoni 4.3, relatati ma’ proġetti kbar ta’ investiment, u l-kriterji għall-valutazzjoni fil-fond ta’ għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment stabbiliti fl-IDAC.

    5.4.   Konformità tal-miżura mal-kriterji standard ta’ kompatibbiltà tar-RAG

    (115)

    Kif il-Kummissjoni dikjarat fid-deċiżjoni tal-ftuħ, l-għajnuna notifikata għall-investiment ta’ BMW AG tissodisfa l-kriterji ġenerali ta’ kompatibbiltà tar-RAG: tissodisfa l-kriterju formali ta’ effett ta’ inċentiv, il-benefiċjarju mhuwiex ditta f’diffikultà, l-għajnuna qiegħda tingħata għal investiment inizjali fil-forma tad-diversifikazzjoni ta’ stabbiliment eżistenti fi prodotti ġodda addizzjonali, l-ispejjeż eliġibbli huma definiti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti, il-benefiċjarju qegħdin jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja mir-riżorsi propji ta’ mill-inqas 25 % tal-ispejjeż eliġibbli, u l-benefiċjarju impenja ruħu li jżomm l-investiment fir-reġjun għal perjodu minimu ta’ ħames snin. Barra minn hekk, fil-valur attwali l-ammont totali tal-għajnuna ma jaqbiżx l-intensità massima ta’ għajnuna mill-Istat permissibbli skont ir-regoli dwar il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis kif stabbiliti fil-paragrafu 67 tar-RAG.

    5.5.   Applikabbiltà tan-nota 65 f’qiegħ il-paġna

    (116)

    Skont in-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG, jekk Stat Membru juri li l-benefiċjarju tal-għajnuna joħloq suq ġid tal-prodott, ma jkollhomx għalfejn isiru t-testijiet preskritti fil-paragrafu 68(a) u (b) tar-RAG, u l-għajnuna tiġi awtorizzata sal-ammont imnaqqas ta’ għajnuna stabbilit skont l-iskala fil-paragrafu 67 tar-RAG.

    (117)

    Ir-raġunament tan-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG huwa biex jiġi rikonoxxut li meta jinħoloq suq ġid tal-prodott, it-testijiet preskritti fil-paragrafu 68(a) u (b) ma jservu l-ebda skop utli minħabba li, qabel jitlesta l-investiment, is-suq ta’ referenza ma jkunx għadu jeżisti. Id-ditta li toħloq is-suq ġdid tal-prodott ser jikseb sehem għoli ħafna minn dak is-suq, probabbilment għolja daqs 100 %. It-test tal-paragrafu 68(b) li jkejjel iż-żieda fil-kapaċità f’suq li l-prestazzjoni tiegħu tkun anqas mil-livell standard ma setax isir peress li t-tkabbir tas-suq matul il-perjodu ta’ referenza ta’ ħames snin li kien meħtieġ mhuwiex disponibbli.

    (118)

    Il-Kummissjoni tinnota li filwaqt li BMW AG setgħet kienet l-ewwel manifattur tal-karozzi tal-elettriku li applikat formalment għal għajnuna reġjonali, xi kompetituri kienu diġà bdew il-produzzjoni qabel BMW AG, u jista’ jkun oħrajn li dalwaqt jibdew.

    (119)

    Il-Ġermanja taċċetta li diġà jeżistu xi produtturi tal-karozzi li jimmanifatturaw vetturi elettriċi u li sal-2013/2014 ser ikun hemm oħrajn fis-suq. Madankollu, issostni li anki jekk in-nota 65 f’qiegħ il-paġna ma tistax tiġi applikata direttament għall-każ, tista’ tiġi applikata għalih b’analoġija.

    (120)

    L-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Ġermaniżi b’appoġġ tal-applikazzjoni tan-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG mhumiex konvinċenti biżżejjed biex jiġġustifikaw eżenzjoni mit-testijiet preskritti fil-paragrafu 68 tar-RAG. In-nota 65 f’qiegħ il-paġna tapplika għal sitwazzjoni fejn il-benefiċjarju joħloq suq ġid tal-prodott. Il-produzzjoni ta’ prodott innovattiv mhux neċessarjament tinvolvi l-ħolqien ta’ suq ġid tal-prodott.

    (121)

    Meta, bħal fil-każ attwali, il-prodotti diġà offruti fis-suq minn kompetituri li jikkompetu mal-prodott innovattiv ġdid manifatturat minn BMW AG, is-suq tal-prodott rilevanti ma jkunx magħmul esklussivament mill-prodott innovattiv prodott mill-benefiċjarju, iridu jiġu kunsidrati wkoll il-prodotti offruti mill-kompetituri. Jekk in-nota 65 f’qiegħ il-paġna tista’ tkopri għajnuna mogħtija lil BMW AG, għandha tkopri wkoll għajnuna reġjonali mogħtija lill-kompetituri tagħha li joffru karozzi tal-elettriku fis-suq. Għalhekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li f’dan il-każ in-nota 65 f’qiegħ il-paġna ma tistax tapplika, u li jridu isiru t-testijiet skont 68(a) u (b).

    5.6.   L-applikazzjoni ta’ testijiet dwar is-sehem tas-suq u ż-żieda fil-kapaċità preskritti fil-paragrafu 68(a) u (b) tar-RAG

    (122)

    Il-Kummissjoni trid tiddeċiedi jekk il-kummenti li waslu bi tweġiba għad-deċiżjoni tal-ftuħ jippermettux li jiġi eskluż mingħajr dubju li l-limitu tat-test f’68(a) inqabeż, u li għalhekk m’hemmx bżonn li fl-investigazzjoni formali ssir valutazzjoni fil-fond. Kif il-Kummissjoni diġà spjegat fil-premessi 93 sa 99 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, f’dan il-każ it-test tal-paragrafu 68(b) tar-RAG mhuwiex rilevanti, peress li s-suq tal-karozzi elettriċi qiegħed jikber u l-kapaċità li nħolqot għall-produzzjoni tal-mudell i3 jew tal-i8s mhijiex problematika.

    (123)

    Jekk abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi li s-sehem fis-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna jaqbeż il-limitu ta’ 25 % fis-suq tal-prodott u ġeografiku rilevanti, it-test tal-paragrafu 68(a) tar-RAG jiskatta valutazzjoni fil-fond. Meta ma tkunx tista’ tintlaħaq definizzjoni konklużiva dwar is-suq tal-prodott jew ġeografiku rilevanti, il-valutazzjoni fil-fond tiġi skattata jekk jintwera li s-sehem tas-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna jaqbeż il-limitu ta’ 25 % f’tal-anqas suq plawsibbli rilevanti wieħed li jista’ jiġi affettwat mill-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tenfasizza li deċiżjoni li ssir valutazzjoni fil-fond ma tippreġudikax il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern.

    5.6.1.   Definizzjoni tas-suq u s-sehem tas-suq

    5.6.1.1.   Suq tal-prodott rilevanti

    Karozzi konvenzjonali u elettriċi jappartjenu għall-istess suq tal-prodott?

    (124)

    Fl-eżami preliminari l-Ġermanja kienet argumentat li l-karozzi elettriċi jagħmlu parti mis-suq tal-karozzi konvenzjonali tal-passiġġieri, u li l-mudell i3 (vettura purament elettrika) għandu jiġi attribwit lis-segment konvenzjonali Ċ jew D, jew kombinazzjoni tagħhom, u li l-i8 (karozza ibrida) għandu jiġi attribwita lis-segment F skont il-klassifikazzjoni tal-IHS Global Insight.

    (125)

    Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni spjegat li, fid-dawl tan-nuqqas ta’ sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista u l-grad limitat ta’ sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda, ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi jekk il-karozzi elettriċi jikkostitwixxux suq tal-prodott indipendenti jew le jew jekk jagħmlux parti mis-suq tal-karozzi konvenzjonali mingħajr distinzjoni dwar it-tip ta’ propulsjoni. Barra minn hekk ma setgħetx tistabbilixxi jekk, f’każ li jkun hemm suq separat għall-karozzi elettriċi, dan is-suq separat tal-karozzi elettriċi jistax ikompli jiġi segmentat, u jekk iva, jekk is-segmentazzjoni applikata fis-suq tal-karozzi konvenzjonali tistax tiġi applikata lil dan is-suq separat tal-karozzi elettriċi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi jekk il-mudelli inkwistjoni għandhomx jiġu assenjati lis-segment Ċ jew D jew lis-segment Ċ u D kombinat għall-mudell i3, u lis-segment F għall-mudell i8.

    (126)

    Kif deskritt fil-premessi 43 sa 45 hawn fuq, fil-kummenti tagħha l-Ġermanja argumentat li bħall-karozzi ibridi llum, il-karozzi elettriċi ser jikkompetu mal-karozzi konvenzjonali u ser jitqiesu mill-konsumaturi bħala sostitwibbli. Argumentat ukoll li, minkejja l-kwistjoni ta’ firxa, hemm sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda bejn il-mudell i3 u l-i8 u l-karozzi konvenzjonali, peress li l-għan ġenerali ta’ kemm il-karozzi elettriċi u konvenzjonali huwa t-trasport tal-passiġġieri, u li d-differenza fil-prezz bejn karozzi elettriċi u karozzi konvenzjonali komparabbli tista’ titnaqqas permezz ta’ sussidji għall-konsumatur.

    (127)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-ebda parti terza ma kienet ipprovdiet kummenti dwar il-kwistjoni ġenerali ta’ jekk is-suq tal-karozzi konvenzjonali huwiex is-suq tal-prodott rilevanti għall-karozzi elettriċi u ibridi. Peress li l-Kummissjoni ma għandhiex biżżejjed informazzjoni biex tiddeċiedi dwar il-kwistjoni dwar jekk it-tipi differenti kollha ta’ karozzi elettriċi u ibridi inġenerali jagħmlux parti mis-suq tal-karozzi konvenzjonali, iddeċidiet li tħalli miftuħa l-kwistjoni ta’ jekk karozzi elettriċi u ibridi jagħmlux parti mis-suq ġenerali tal-karozzi.

    Is-segmenti Ċ jew D tal-karozzi konvenzjonali u s-segmenti E2 jew F tal-karozzi konvenzjonali huma s-swieq tal-prodott rilevanti għall-fini ta’ dan il-każ?

    (128)

    Kif indikat fil-premessa 123 hawn ta’ fuq, il-valutazzjoni fil-fond ser issir jekk ikun inqabeż il-limitu tas-sehem tas-suq ta’ 25 % f’mill-inqas wieħed mis-swieq plawsibbli, għal xi wieħed miż-żewġ mudelli konċernati. Għalhekk, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni teżamina biss il-kwistjoni dwar jekk mingħajr ebda dubju l-mudell i3 jagħmilx parti mis-segment Ċ jew D tas-suq tal-karozzi konvenzjonali, mingħajr ma tidħol ukoll fil-kwistjoni ta’ jekk il-mudell i8 jagħmilx parti mis-segment E2/F. Għalhekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li tillimita l-eżami tagħha għall-kwistjoni ta’ jekk il-mudell i3 jagħmilx parti mis-segment Ċ jew D tal-karozzi konvenzjonali jew le.

    (129)

    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-uniku suq tal-prodott rilevanti għall-mudell i3 għandux ikun is-suq tal-karozzi konvenzjonali (segment Ċ jew D) jew le, il-Kummissjoni ma tistax telimina d-dubju li kienet esprimiet fid-deċiżjoni tagħha biex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. L-ewwel nett, ma wasal l-ebda kumment minn partijiet terzi matul il-proċedura. It-tieni nett, kif ammettiet il-Ġermanja (ara l-premessa 55 ta’ hawn fuq), huwa diffiċli li jiġu applikati l-kriterji tradizzjonali ta’ segmentazzjoni peress li hemm diskrepanza bejn il-prezzijiet u t-tul ta’ vetturi elettriċi u l-istess parametri ta’ vetturi konvenzjonali li jappartjenu għal segment tradizzjonali partikolari.

    (130)

    Barra minn hekk, ma ngħatat ebda informazzjoni biex jiġu eliminati d-dubji tal-Kummissjoni dwar jekk hemmx grad suffiċjenti ta’ sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda (47) bejn il-mudell tal-vettura purament elettrika i3 u karozza konvenzjonali. Jidher li fil-letteratura rilevanti hemm kunsens (48) dwar is-sinifikanza tad-differenza fil-firxa (jiġifieri l-kapaċità tas-sewwieq li jsuq il-karozza mingħajr ma jerġa’ jiċċarġjaha/jagħtiha l-fjuwil), fil-ħin neċessarju biex jerġa’ jċċarġjaha, fid-disponibbiltà ta’ postijiet fejn jista’ jerġa’ jsir ir-riċarġjar, u fit-tul tal-ħajja ta’ batteriji ta’ EV. Pereżempju l-mudell i3, ser ikollu bżonn jerġa’ jiġi ċċarġjat wara sewqan ta’ sempliċiment 150 km. Għalhekk, abbażi tal-informazzjoni li għandha disponibbli, il-Kummissjoni mhijiex konvinta li hemm biżżejjed sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda bejn il-mudell i3 u l-mudelli konvenzjonali fis-segmenti Ċ u D sabiex dawn jitqiesu li jagħmlu parti mill-istess suq tal-prodott.

    (131)

    Barra minn hekk, mhuwiex qiegħed jiġi kontestat li ma teżisti l-ebda sostitwibbiltà (49) min-naħa tal-provvista bejn il-prodott tal-karozza elettrika inkwistjoni (il-mudell i.3) u l-karozzi konvenzjonali, peress li vetturi b’karozzerija tal-plastik rinfurzat bil-karbonju ma jistgħux jiġu prodotti fuq linji ta’ produzzjoni adattati għall-produzzjoni ta’ vetturi konvenzjonali.

    (132)

    Għalhekk il-Kummissjoni mhijiex konvinta li l-mudell i3 jagħmel parti mis-segment Ċ jew D tas-suq tal-karozzi konvenzjonali.

    Is-segment kombinat Ċ u D tal-karozzi elettriċi huwa s-suq tal-prodott rilevanti għall-i3?

    (133)

    Fl-eżami preliminari l-Ġermanja argumentat li minflok ma jiġu eżaminati segmenti individwali tal-karozzi elettriċi, is-suq tal-prodott rilevanti għandu jkun segment kombinat, magħmul mis-segmenti Ċ u D tal-karozzi elettriċi (50). Fid-deċiżjoni tal-ftuħ il-Kummissjoni kienet qajmet dubji jekk din il-kombinazzjoni ta’ segmenti kinitx xierqa (51) u matul il-fażi ta’ investigazzjoni formali ma wasal l-ebda kumment minn partijiet terzi.

    (134)

    F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni hija tal-fehma li s-swieq plawsibbli tal-prodott għandhom jinkludu l-aktar livell baxx li għalih hemm statistika disponibbli, li fil-każ attwali, jfisser is-suq tal-karozzi elettriċi, kif segmentat skont is-segmentazzjoni konvenzjonali. Għalhekk, u f’konformità mal-prattika ġenerali, il-Kummissjoni tirrifjuta li s-segment kombinat Ċ+D tal-karozzi elettriċi huwa l-aktar livell baxx ta’ suq plawsibbli tal-prodott (52). Fil-fatt, kieku t-test tal-paragrafu 68(a) tar-RAG kellu jiġi applikat biss għal segmenti kombinati, anki jekk il-benefiċjarju jkun attur dominanti f’wieħed mis-segmenti individwali konċernati, tkun tista’ tiġi evitata valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna, minħabba l-ishma tas-suq aktar baxxi li jżomm fis-segmenti individwali l-oħra li ġew kombinati. Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax teskludi mingħajr dubju li s-suq tal-prodott rilevanti għall-mudell i3 huwa s-segment individwali Ċ jew D tas-suq tal-karozzi elettriċi.

    5.6.1.2.   Suq ġeografiku rilevanti għall-karozzi elettriċi

    (135)

    Biex twettaq it-test tal-paragrafu 68(a), il-Kummissjoni trid tistabbilixxi s-suq ġeografiku xieraq li għalih ser twettaq l-analiżi dwar is-sehem tas-suq. Fid-deċiżjoni tal-ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk dan is-suq ġeografiku huwiex akbar mis-suq taż-ŻEE.

    (136)

    Il-Ġermanja ssostni li s-suq ġeografiku għall-karozzi elettriċi għandu jiġi definit bħala s-suq globali, u enfasizzat li ċ-Ċina, il-Ġappun u l-Istati Uniti tal-Amerka (kif ukoll xi pajjiżi tal-UE), fejn hemm livelli konsiderevoli ta’ sussidji pubbliċi disponibbli għal dawn il-vetturi, għandhom porzjon sinifikanti tas-suq dinji. Barra minn hekk, il-flussi kummerċjali ser jiżviluppaw fid-direzzjonijiet kollha, u l-kundizzjonijiet qafas għall-kummerċ dinji fil-karozzi elettriċi huma l-istess jew aktar favorevoli milli għall-karozzi konvenzjonali.

    (137)

    L-avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq b’mod ġenerali tgħid li “l-eżerċizzju ta’ definizzjoni ta’ suq jikkonsisti fl-identifikazzjoni ta’ sorsi alternattivi effettivi ta’ provvista għall-klijenti tal-impriżi involuti kemm f’termini ta’ prodotti/servizzi u tal-post ġeografiku tal-fornituri” (53). L-avviż ikompli jgħid li fir-rigward tad-definizzjoni ta’ swieq ġeografiċi rilevanti, hemm fatturi oħra li jistgħu jiġu eżaminati wkoll, bħall-preżenza lokali, il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-preżenza jew in-nuqqas ta’ barrieri regolatorji, ir-regolamenti ta’ prezzijiet, it-tariffi, il-kwoti eċċ. (54) Fl-aħħar nett, il-flussi kummerċjali jistgħu anke jkunu utli bħala indikazzjoni supplimentari dwar l-importanza tal-fatturi tad-domanda u tal-provvista (55).

    (138)

    L-argument tal-awtoritajiet Ġermaniżi b’appoġġ tad-definizzjoni tas-suq ġeografiku għall-karozzi elettriċi bħala globali ma fihx data dettaljata dwar il-fatturi deskritti fl-avviż.

    (139)

    L-argument waħdu li l-kummerċ ser jiżviluppa fid-direzzjonijiet kollha, mhuwiex biżżejjed biex jipprova li jeżisti suq ġeografiku akbar miż-ŻEE. Fil-fatt, jista’ jkun hemm vjeġġi bejn iż-ŻEE u reġjuni oħra, iżda dan ma jfissirx li s-swieq huma integrati fis-sens li l-kundizzjonijiet tas-suq (eż. il-prezzijiet) f’suq wieħed jinfluwenzaw il-kundizzjonijiet tas-suq fl-ieħor. Fil-qosor, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni għaliex għandha tiddevja mill-prattika standard tagħha f’każijiet ta’ għajnuna mill-Istat, li huwa li tqis li s-suq tal-karozzi huwa jew is-suq taż-ŻEE jew akbar. Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata, il-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li teskludi mingħajr dubju li s-suq ġeografiku għall-karozzi elettriċi (jew għall-karozzi ibridi) huwa s-suq taż-ŻEE.

    (140)

    Fl-aħħar nett, kif ġie spjegat fil-premessa 36 ta’ hawn fuq, pereżempju fis-segment D, is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju jaqbeż il-25 % anke fis-suq dinji tal-karozzi elettriċi. Għalhekk, konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ suq dinji għall-karozzi elettriċi mhijiex determinanti għall-kwistjoni dwar jekk is-sehem tal-benefiċjarju fis-suq (tal-prodott u ġeografiku) jaqbiżx il-25 %.

    5.6.1.3.   L-ishma tas-suq tal-benefiċjarju

    Is-suq tal-karozzi konvenzjonali

    (141)

    Is-sehem tas-suq ta’ BWM AG fi kwalunkwe segment tas-suq tal-karozzi konvenzjonali tal-passiġġieri, irrispettivament mid-definizzjoni sottostanti tas-suq ġeografiku, ma jaqbiżx il-limitu ta’ 25 %.

    Is-suq tal-karozzi elettriċi

    (142)

    Abbażi tal-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja, kif ukoll ta’ studji li saru minn sorsi indipendenti bħad-Deutsche Bank, il-Kummissjoni tifhem l-argument tal-Ġermanja dwar is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju fis-suq kollu tal-karozzi (purament) elettriċi li huwa kif ġej: […] minn 150 00 ([…] %), jiġifieri li f’suq tal-karozzi elettriċi mingħajr segmentazzjoni, is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju mhuwiex probabbli li ser jaqbeż il-limitu tas-suq ta’ 25 %, li jkun jeħtieġ il-bejgħ ta’ aktar minn 37 500 vettura elettrika minn total ta’ 150 000.

    (143)

    Fi preżentazzjoni bikrija fil-fażi tal-investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Ġermaniżi argumentaw li studju mill-2008 li kien sar minn Deutsche Bank kien qal li fl-2015 madwar 1 % tal-karozzi kollha ser ikunu elettriċi, li dan iwassal għal total ta’ 150 elf karozza purament elettrika fiż-ŻEE fl-2015 (56). Din kienet ukoll il-figura li l-Ġermanja użat biex tikkalkula l-porzjon ta’ karozzi elettriċi fis-segmenti tal-karozzi konvenzjonali fil-kuntest ta’ eżami preliminari (57). L-ishma tas-suq tal-benefiċjarju kalkulati fuq din il-bażi kienu proġettati li fl-2015 kienu ser jaqbżu l-25 % fis-suq taż-ŻEE fis-segmenti B, Ċ, D u E2+F (58).

    (144)

    Fi preżentazzjoni aktar tard fil-fażi ta’ investigazzjoni formali, il-Ġermanja rreferiet għal żewġ studji aktar riċenti, l-istudju dwar il-Pjan Direzzjonali u r-rapport Delft, li jingħad li jbassru għadd aktar għoli ta’ karozzi (jiġifieri 5 miljuni fl-UE sal-2020) fis-suq tal-vetturi elettrifikati milli kien previst minn studji preċedenti (59).

    (145)

    Il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-informazzjoni miksuba minn dawn ir-rapporti bħala prova xierqa b’sostenn tal-argument tal-Ġermanja, għar-raġunijiet li ġejjin:

    (a)

    L-ewwel nett, il-previżjoni tal-istudju dwar il-Pjan Direzzjonali li sal-2020 fis-suq tal-UE ser ikun hemm 5 miljun vettura elettrika, tirreferi għal kull tip ta’ vettura li tal-anqas tipprovdi 50 km ta’ awtonomija purament elettrika bħalma huma vetturi kompletament elettriċi u ibridi rikarikabbli. Ir-rapport ma fihx previżjoni dwar l-għadd ta’ vetturi purament elettriċi, li abbażi tagħha kien ikun possibbli li jiġi kalkolat is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju.

    (b)

    It-tieni nett, il-figura ta’ 5 miljun vettura elettrika fl-2020 ġiet proposta abbażi tas-suppożizzjoni ottimista li ser ikunu ntlaħqu skoperti teknoloġiċi kbar f’termini ta’ sistemi tal-ħażna tal-enerġija, teknoloġiji ta’ sistemi ta’ mototrażmissjoni, soluzzjonijiet tal-integrazzjoni tas-sistema, infrastrutturi tal-grilji, sistemi ta’ sikurezza u infrastrutturi tat-toroq, sabiex il-vetturi elettriċi jipprovdu firxa komparabbli ma’ dik tal-karozzi konvenzjonali. Xenarju anqas ottimist li ġie preżentat ukoll fl-istudju dwar il-Pjan Direzzjonali, li jirrifletti żvilupp “evoluzzjonarju”, mingħajr skoperti teknoloġiċi kbar, jipprevedi li sal-2025 id-daqs tas-suq ta’ karozzi purament elettriċi u ibridi ser ikun ta’ miljun, u suq ta’ sempliċiment madwar 100 000 karozza sal-2016 (60). Għalhekk l-istudju dwar il-Pjan Direzzjonali ma jbiddilx il-figuri inizjalment ippreżentati li ħarġu mill-istudju ta’ Deutsche Bank, li huma rilevanti għall-valutazzjoni tas-sehem tas-suq tal-benefiċjarju tal-għajnuna fis-suq tal-karozzi purament elettriċi.

    (146)

    Is-sezzjoni tar-rapport Delft li ġie preżentat mill-Ġermanja ma fihx informazzjoni numerika dwar previżjonijiet dwar is-sehem tas-suq fil-paġni li għamlet referenza għalihom. Għalhekk, mhuwiex ċar għaliex il-Ġermanja qieset li dawn il-paġni tar-rapport kienu rilevanti għall-kwistjonijiet diskussi.

    (147)

    Il-Kummissjoni tixtieq tindika li, attwalment, il-previżjonijiet dwar il-pożizzjoni futura ta’ vetturi elettriċi fis-suq huma diverġenti ħafna. Pereżempju, ir-rapport Delft innifsu fih għadd ta’ stimi dwar l-għadd ta’ karozzi elettriċi li mistennija jkunu (61) fis-suq fl-2015 u l-proporzjon tagħhom fis-suq globali tal-karozzi. L-istimi huma marbuta ma’ xenarji differenti (62). Skont stima waħda, pereżempju, skont l-aktar xenarju pożittiv li fih il-vetturi elettriċi jaqbdu sew, l-istudju jipprevedi li fl-2015 fl-UE ser ikun hemm madwar 30 000 karozza purament elettrika reġistrati ġodda. Skont l-aktar xenarju pessimist, ser ikun hemm biss 10 000 karozza purament elettrika reġistrati ġodda, u skont l-aktar xenarju realistiku, ser ikun hemm 20 000 karozza purament elettrika reġistrati ġodda fl-UE fl-2015 (63). Ir-rapport ibassar l-eżistenza ta’ 100 000 karozza purament elettrika fl-UE-27 fl-2015 (64).

    (148)

    Għandu jiġi nnotat li hemm stimi indipendenti li jidhru li jissuġġerixxu li s-sehem tas-suq ta’ 1 % li l-istudju ta’ Deutsche Bank juża bħala l-proporzjon ta’ karozzi purament elettriċi fis-suq tal-karozzi globali fl-2015 huwa għoli wisq. Pereżempju, rapport mill-2014 intitolat “The xEV Industry insider Report  (65) jgħid li fl-2020 il-vetturi purament elettriċi ser ikunu qegħdin jirrappreżentaw 0,6 % biss tas-suq dinji totali. Ma hemm ebda raġuni biex wieħed jemmen li ħames snin qabel is-sena indikata f’din il-previżjoni, jiġifieri fl-2015, il-perċentwali ta’ karozzi purament elettriċi fis-suq globali tal-karozzi ser jilħaq għoli ta’ 0,6 %.

    (149)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-ebda stima fir-rapporti l-aktar riċenti ma tipprevedi għadd akbar ta’ karozzi purament elettriċi fl-2015 mill-istudju ta’ Deutsche Bank li abbażi tiegħu kienu ġew ikkalkulati l-ishma tas-suq tal-benefiċjarju. Mill-eżistenza ta’ diverġenzi fil-previżjonijiet il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ishma futuri tas-suq tal-karozzi elettriċi fl-2015 u lil hinn, fiż-ŻEE u madwar id-dinja, ma jistgħux jiġu previsti b’ċertezza.

    5.6.1.4.   Konklużjoni dwar it-test tas-sehem tas-suq

    (150)

    Fil-qosor, l-evidenza ppreżentata mill-Ġermanja, flimkien ma’ informazzjoni minn sorsi indipendenti, ma turix li fl-2015 is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju mhuwiex se jaqbeż il-25 %, f’mill-inqas xi suq plawsibbli ta’ prodott fiż-ŻEE u fis-segment dinji D (66). Din il-konklużjoni ntlaħqet billi ġiet applikata l-istima ta’ Deutsche Bank li l-bejgħ tal-karozzi elettriċi ser jirrappreżenta 1 % tal-bejgħ tal-karozzi fid-diversi segmenti tas-suq tal-karozzi konvenzjonali. Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-premessa 147 ta’ hawn fuq, sehem tas-suq li jaqbeż il-25 % f’suq mhux segmentat tal-karozzi elettriċi taż-ŻEE (abbażi tal-previżjonijiet ta’ 10 000, 20 000 u 30 000 karozza purament elettrika fiż-ŻEE fl-2015) jista’ jiġi stabbilit ukoll abbażi ta’ sorsi indipendenti oħra.

    (151)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tiddeċiedi li twettaq il-valutazzjoni fil-fond tal-miżura ta’ għajnuna notifikata abbażi tal-IDAC.

    5.7.   Dwar l-applikabbiltà tal-IDAC

    (152)

    Skont il-paragrafu 68 tar-RAG, meta jkunu ġew issodisfati l-kondizzjonijiet rilevanti stabbiliti f’dak il-paragrafu, il-Kummissjoni tapprova għajnuna għall-investiment reġjonali biss wara verifika dettaljata, wara l-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu [108](2) tat-Trattat, li l-għajnuna hija meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment u li l-benefiċċji tal-miżura ta’ għajnuna jegħlbu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett tal-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-gwida rilevanti, imħabbra fin-nota 63 f’qiegħ il-paġna tar-RAG, hija mogħtija mill-IDAC.

    (153)

    Fir-rigward tal-argument tal-Ġermanja li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha tiffoka esklussivament fuq l-eliminazzjoni ta’ dubji serji u mhux fuq kriterji ta’ kompatibbiltà li diġà ġew eżaminati taħt ir-RAG (67), il-Kummissjoni trid tenfasizza li d-disinn tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli għall-valutazzjoni ta’ għajnuna notifikata għal proġetti kbar ta’ investiment reġjonali nħolqot b’tali modi li r-riżultati tat-test tas-sehem tas-suq tal-benefiċjarju stabbilit fil-paragrafu 68(a) tar-RAG huma ta’ importanza kritika. Jekk is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju fis-suq tal-prodott u ġeografiku rilevanti jaqbeż il-limitu stabbilit fit-test tal-paragrafu 68(a), ma jistax ikun hemm preżunzjoni pożittiva dwar ir-riżultat tat-test tal-ibbilanċjar.

    (154)

    Is-suġġeriment tal-Ġermanja li l-għajnuna tiġi approvata mingħajr valutazzjoni fil-fond, soġġett għall-preżentazzjoni annwali ta’ provi relatati mas-sehem tas-suq (68) tal-benefiċjarju ma jidhirx prattiku, peress li jista’ jkun impossibbli li l-effetti negattivi tal-għajnuna jissewwew b’mod effettiv.

    (155)

    Fir-rigward tal-argument li skont il-paragrafu 9 tal-IDAC, il-valutazzjoni dettaljata tal-Kummissjoni għandha tkun proporzjonata għad-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni u għalhekk ma tapplikax għal każijiet fejn ma jkunx hemm “distorsjoni notevoli tal-kompetizzjoni” u fejn il-benefiċjarju jidħol għal investiment innovattiv u ta’ riskju għoli (69) il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ “distorsjoni notevoli” ma ġiex ippruvat, u li għajnuna ta’ 50 miljun għal investiment ta’ 400 miljun għandha potenzjal notevoli li tgħawweġ il-kompetizzjoni.

    (156)

    Il-Kummissjoni tqis li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2012 fil-Kawża T-304/08, Smurfit Kappa vs Il-Kummissjoni (70) ma tistax tiġi interpretata bħala impożizzjoni ta’ obbligu fuq il-Kummissjoni biex ma tapplikax l-IDAC f’każijiet bħal dan attwali. Pjuttost is-sentenza tirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq valutazzjoni sostantiva f’sitwazzjonijiet fejn l-effetti pożittivi tal-għajnuna reġjonali ma jegħlbux b’mod ovvju l-effetti negattivi possibbli, anki meta ma jkunux inqabżu l-limiti fil-paragrafu 68 tar-RAG.

    5.8.   Valutazzjoni fil-fond

    (157)

    F’dan il-każ, il-Kummissjoni trid tivvaluta fid-dettall, abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-IDAC, jekk l-għajnuna hijiex meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment u jekk il-benefiċċji tal-miżura ta’ għajnuna jegħlbux id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    5.8.1.   Adegwatezza tal-għajnuna

    (158)

    Skont il-paragrafu 18 tal-IDAC, sempliċiment “miżuri li għalihom l-Istat Membru jkun ikkunsidra għażliet politiċi oħra, u li għalihom ikunu ġew stabbiliti l-vantaġġi li jintuża strument selettiv bħalma hija l-għajnuna mill-Istat għal kumpanija speċifika, jitqiesu li jikkostitwixxu strument xieraq”.

    (159)

    Il-Ġermanja ppreżentat biżżejjed evidenza (71) biex turi li l-iżviluppi infrastrutturali u miżuri ġenerali oħra waħedhom mhumiex biżżejjed biex inaqqsu d-disparitajiet reġjonali fil-Ġermanja. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura ta’ għajnuna hija strument xieraq biex jiġi segwit l-objettiv ta’ żvilupp reġjonali fir-reġjun megħjun konċernat.

    5.8.2.   Effett ta’ inċentiv/Xenarju kontrofattwali

    (160)

    Peress li hemm ħafna raġunijiet għaliex kumpanija tillokalizza f’reġjun partikolari, anke mingħajr l-ebda għoti ta’ għajnuna, il-paragrafu 19 et seq. tal-IDAC jeħtieġ li l-Kummissjoni tivverifika fid-dettall li l-għajnuna hija meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment. L-għan ta’ din il-valutazzjoni dettaljata huwa sabiex jiġi determinat jekk l-għajnuna verament tikkontribwixxix għall-bidla fl-imġiba tal-benefiċjarju, tant li jidħol għal investiment (addizzjonali) fir-reġjun megħjun konċernat.

    (161)

    L-IDAC jgħid li l-effett ta’ inċentiv jista’ jiġi ppruvat f’żewġ xenarji possibbli: fin-nuqqas ta’ għajnuna, ma jseħħ ebda investiment, peress li l-investiment ma jkunx profittabbli għall-kumpanija fi kwalunkwe lokazzjoni (xenarju 1), fin-nuqqas ta’ għajnuna, l-investiment jseħħ fl-lokazzjoni oħra tal-UE (xenarju 2).

    (162)

    Għalhekk l-Istat Membru jrid jagħti evidenza ċara li l-għajnuna effettivament kellha impatt fuq id-deċiżjoni ta’ investiment jew fuq l-għażla tal-lokazzjoni. Il-Kummissjoni trid tistabbilixxi li x-xenarji kontrofattwali proposti huma realistiċi.

    (163)

    L-IDAC iqiegħed l-oneru tal-provi dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ inċentiv fuq l-Istat Membru. Il-paragrafi 24 u 25 tal-IDAC jindikaw li l-Istat Membru jista’ jagħti prova tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna billi jipprovdi dokumenti tal-kumpanija li juru li 1) l-investiment ma kienx ikun profittabbli mingħajr l-għajnuna u ma kienet prevista l-ebda lokazzjoni oħra għall-investiment, jew 2) li kien sar tqabbil bejn il-kostijiet u l-benefiċċji fir-rigward tal-għażla tal-post tal-investiment fir-reġjun megħjun u l-għażla ta’ lokazzjoni alternattiva. L-Istat Membru huwa mistieden jibbaża ruħu fuq rapporti finanzjarji, pjanijiet interni ta’ direzzjoni tan-negozju u dokumenti li jelaboraw id-diversi xenarji ta’ investiment.

    (164)

    Mingħajr ma provdiet ebda evidenza dokumentata li turi li din l-analiżi kienet saret qabel id-deċiżjoni ta’ investiment, il-Ġermanja l-ewwel bħala tentattiv argumentat li l-effett ta’ inċentiv għandu jiġi valutat fil-kuntest tax-xenarju 1 fis-sens tal-paragrafu 22 tal-IDAC. L-Istat Membru jrid juri li l-għajnuna tipprovdi inċentiv għall-benefiċjarju biex jadotta deċiżjoni pożittiva ta’ investiment għaliex l-investiment, li mingħajr l-għajnuna ma jkunx profittabbli għall-kumpanija fi kwalunkwe lokazzjoni, jista’ jseħħ fir-reġjun megħjun. L-informazzjoni ppreżentata mill-Ġermanja turi li l-ammont ta’ għajnuna mill-Istat meħtieġ ser iżid ir-rata interna ta’ redditu tal-proġett b’1 % biss, (li ser jgħolli l-IRR minn [0–8] % għal [1–9] %), li jkun sinifikament aktar baxx kemm mill-mira interna ta’ 25 % tar-ROCE, jew mill-medja ponderata tal-kost kapitali tal-benefiċjarju (WACC) ta’ 12 %.

    (165)

    Huwa ovvju li ż-żieda marġinali fir-rata interna ta’ redditu li, anke bl-għajnuna, hija ferm aktar baxxa mill-valur referenzjarju tal-kumpanija, ma tippermettix li ssir konklużjoni li l-għajnuna pprovdiet effett ta’ inċentiv biex isir l-investiment.

    (166)

    Huwa wkoll ċar li d-deċiżjoni ta’ investiment fil-manifattura ta’ karozzi elettriċi kienet ibbażata fuq objettiv strateġiku aktar fit-tul tal-benefiċjarju li jiżviluppa teknoloġiji innovattivi ewlenin bil-għan li jintlaħqu l-istandards ta’ mobbiltà tal-futur, u biex ikunu adattati għall-użu fil-produzzjoni tal-massa industrijali. Dan l-objettiv intwera wkoll mill-fatt li, fl-2009, il-benefiċjarju u s-sidien tiegħu daħlu f’alleanza strateġika ma’ SGL Carbon, kumpanija involuta fil-produzzjoni ta’ materjal tal-fibra tal-karbonju.

    (167)

    Il-fatt li l-effett ta’ inċentiv ma ġiex ippruvat f’kuntest ta’ xenarju 1, madankollu, ma jfissirx li l-effett ta’ inċentiv ma jistax jiġi ppruvat f’kuntest ta’ xenarju 2.

    (168)

    Tabilħaqq, aktar tard l-awtoritajiet Ġermaniżi argumentaw li l-għajnuna lill-benefiċjarju taqa’ taħt ix-xenarju 2, u ppreżentaw il-lokazzjoni ta’ Munich bħala lokazzjoni alternattiva għal Leipzig.

    (169)

    Valutazzjoni tal-effett ta’ inċentiv, f’sitwazzjoni ta’ xenarju 2 għandha l-għan li tipprova li l-miżura ta’ għajnuna pprovdiet inċentiv għall-benefiċjarju biex jillokalizza l-investiment fir-reġjun fil-mira minflok f’reġjun ieħor, minħabba li l-għajnuna tikkumpensa għall-iżvantaġġi u l-ispejjeż netti marbuta mal-lokazzjoni fir-reġjun megħjun.

    (170)

    Kif ġie spjegat hawn fuq fil-premessa 81, il-prova tal-Ġermanja tal-effett ta’ inċentiv f’sitwazzjoni ta’ xenarju 2 (għall-mudell i3) hija bbażata fuq dokumenti li jmorru lura għal Diċembru 2009, bħall-minuti li rreġistraw id-deċiżjoni tal-bord (Vorstandsbeschluss vom 15. Dezember 2009). Minn dawn id-dokumenti, huwa evidenti li inizjalment kienu ġew ikkunsidrati għadd ta’ lokazzjonijiet għall-investiment, iżda li kważi kollha (inkluż l-aktar importanti, […]) (72) kienu ġew eliminati mit-tqabbil finali abbażi ta’ raġunijiet strateġiċi speċifiċi, bħall-ħtieġa ta’ investiment f’żona ġdida, id-distanza mis-sit tal-produzzjoni tal-plastik rinfurzat bil-fibra tal-karbonju, id-diffikultajiet lingwistiċi, in-nuqqas ta’ protezzjoni tal-għarfien, distanza twila wisq miċ-ċentru tal-iżvilupp tal-benefiċjarju, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-loġistika. Sakemm ġiet adottata d-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni, l-alternattivi kienu tnaqqsu għal żewġ lokazzjonijiet li ngħataw kunsiderazzjoni serja: Leipzig u Munich. Id-dokumenti deċiżivi preżentati lill-bord ta’ BMW AG f’Diċembru 2009 jgħidu li – ikkalkulat fuq ċiklu tal-ħajja ta’ […]-sena – mingħajr l-għajnuna, il-proġett kien jiġi jiswa EUR 17-il miljun anqas fi Munich milli f’Leipzig.

    (171)

    Element ieħor li l-kumpanija kienet qieset waqt li kienet qiegħda tiddeċiedi dwar il-lokazzjoni tal-investiment kienet il-possibbiltà strateġika fit-tul li fil-futur tiġi estiża l-kapaċità ta’ produzzjoni. Leipzig kien joffri l-possibbiltà li l-kapaċità ta’ produzzjoni tiġi rduppjata minn [10 000–50 000] oġġett fis-sena għal [50 000–90 000] oġġett fis-sena, filwaqt li din l-estensjoni ma tqisitx fattibbli fi Munich. Skont id-dokumenti preżentati mill-Ġermanja, il-kumpanija ma kinitx ikkwantifikat dan il-fattur strateġiku f’termini monetarji.

    (172)

    Id-dokumenti juru wkoll li d-disponibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 50 miljun kienet ġiet analizzata bi tħejjija għad-deċiżjoni dwar l-investiment/lokazzjoni.

    (173)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li, abbażi ta’ dawn id-dokumenti kontemporanji u ġenwini, il-Ġermanja kienet uriet b’suċċess li d-disponibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat kienet wasslet għad-deċiżjoni biex l-investiment fil-produzzjoni tal-mudell i3 isir f’Leipzig minflok fi Munich.

    5.8.3.   Proporzjonalità

    (174)

    F’sitwazzjoni ta’ xenarju 2, il-paragrafu 33 tal-IDAC jgħid li l-miżura ta’ għajnuna “titqies li hija proporzjonali jekk tkun ugwali għad-differenza bejn il-kostijiet netti għall-kumpanija benefiċjarja biex tinvesti fir-reġjun megħjun u l-kostijiet netti biex tinvesti fir-reġjun(i) alternattiv(i)”.

    (175)

    Kif ġie spjegat hawn fuq, fid-dokumenti li jmorru lura għal Diċembru 2009, il-Ġermanja wriet li d-differenza fil-kost bejn iż-żewġ postijiet (jiġifieri Leipzig u Munich) kienet tammonta għal EUR 17-il miljun, kif kienet ġiet identifikata fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni dwar l-investiment/lokazzjoni u kienet ikkalkolata fuq ċiklu tal-ħajja ta’ seba’ snin. Il-kumpanija kienet ikkalkulat din id-differenza fil-kost abbażi tal-kost tal-investiment fil-prodott, l-investiment strutturali, l-ispejjeż ta’ ppjanar u tal-bidu, l-ispejjeż tal-produzzjoni, l-ispejjeż tal-provvista, l-ispejjeż fissi, l-ispejjeż ta’ “dħul/ħruġ”, bħal spejjeż loġistiċi u tariffi internazzjonali għal vjeġġi. Għalhekk il-Kummissjoni tqis li l-Ġermanja wriet li għajnuna ta’ EUR 17-il miljun hija l-ammont minimu meħtieġ biex tbiddel id-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna, u għalhekk hija proporzjonata mal-objettiv ta’ żvilupp reġjonali intiż mill-għajnuna. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis li l-possibbiltà ta’ estensjoni strateġika li mhijiex disponibbli fi Munich ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għat-test tal-proporzjonalità tal-għajnuna notifikata, peress li ssir rilevanti biss fuq medda ta’ żmien twila ħafna, lil hinn miċ-ċiklu tal-ħajja ta’ seba’ snin tal-proġett ta’ investiment inkwistjoni.

    (176)

    Aktar tard il-Ġermanja (73) argumentat li l-ammont kollu inizjalment notifikat ta’ EUR 50 miljun f’għajnuna mill-Istat huwa proporzjonat minħabba li mas-EUR 17-il miljun identifikati f’Diċembru 2009 iridu jiżdiedu EUR 29 miljun addizzjonali fi spejjeż bħala l-iżvantaġġ marbut mal-lokazzjoni tal-investiment f’Leipzig. L-ispejjeż addizzjonali ta’ EUR 29 miljun inqalgħu qabel l-aħħar tal-2012, jiġifieri wara li kienet ittieħdet id-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni u l-investiment u kien diġà beda x-xogħol fuq il-proġett.

    (177)

    Il-Ġermanja tiġġustifika dan l-ammont billi targumenta li l-proporzjonalità tal-għajnuna ma għandhiex għalfejn tintwera abbażi tal-istess dokumenti li kienu wrew l-effett ta’ inċentiv. Skont il-Ġermanja, il-Kummissjoni għandha tqis ukoll informazzjoni oħra dwar spejjeż, marbuta ma’ spejjeż li ntefqu fir-reġjun megħjun wara li kienet ittieħdet id-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni tal-investiment.

    (178)

    Il-Kummissjoni tinnota li d-dokumenti preżentati mill-Ġermanja f’Settembru 2012 li jelenkaw l-ispejjeż addizzjonali (74) la huma ġenwini u lanqas kontemporanji għal kwalunkwe deċiżjoni ta’ investiment, peress li kienu stabbiliti biss f’Settembru 2012.

    (179)

    Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argument tal-awtoritajiet Ġermaniżi li l-proporzjonalità ma għandhiex tiġi deċiża esklużivament abbażi ta’ dokumenti li jirriflettu s-sitwazzjoni fiż-żmien meta kienet saret id-deċiżjoni rilevanti dwar il-lokazzjoni/investiment għar-raġunijiet li ġejjin:

    (180)

    Huwa minnu li l-paragrafu 35 tal-IDAC, li jiddeskrivi t-tipi ta’ dokumenti xierqa biex jippruvaw proporzjonalità, ma jeħtieġx litteralment li l-proporzjonalità tintwera abbażi tal-istess [enfasi miżjuda] dokumenti bħal dawk li abbażi tagħhom ġie ppruvat l-effett ta’ inċentiv, iżda abbażi ta’ dokumenti bħal [enfasi miżjuda] dawk deskritti fil-paragrafu 26 tal-IDAC. Madankollu, il-formulazzjoni tal-paragrafu 35 ma tistax tiġi interpretata li tippermetti li l-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tal-għajnuna jiġu ppruvati abbażi ta’ dokumenti li fihom ċifri kompletament differenti dwar l-iżvantaġġi u l-ispejjeż netti marbuta mal-lokazzjoni tal-investiment fir-reġjun megħjun. B’mod partikolari, ma tippermettix l-użu ta’ dokumenti li jagħtu dettalji ta’ spejjeż li jkunu tfaċċaw diversi snin wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni rilevanti dwar l-investiment/lokazzjoni.

    (181)

    Huwa wkoll minnu li fl-IDAC ma hemm ebda dispożizzjoni espliċita li tispeċifika l-punt fiż-żmien li għandu jiġi kkunsidrat għall-valutazzjoni tal-proporzjonalità. Bl-istess mod, ma hemm l-ebda dispożizzjoni espliċita marbuta mal-punt preċiż fiż-żmien li jrid jittieħed inkunsiderazzjoni għall-valutazzjoni tal-effett ta’ inċentiv. Madankollu, huwa ovvju li l-figuri rilevanti għad-determinazzjoni tal-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna fuq id-deċiżjoni dwar l-investiment/lokazzjoni jridu jkunu disponibbli u invokati qabel tkun saret dik id-deċiżjoni. Dan huwa r-raġuni għaliex il-paragrafu 26 tal-IDAC, li jiddeskrivi t-tipi ta’ dokumenti xierqa biex jiġi ppruvat l-effett ta’ inċentiv, jirreferi għal “dokumenti (…) ippreżentati lil kumitat ta’ investiment [enfasi miżjuda] (…) li jelaboraw fuq id-diversi xenarji ta’ investiment (…)”. Huma eżattament dawn it-tip ta’ dokumenti, li ġew ippreżentati lill-bord tal-benefiċjarju u li kien fihom id-diversi xenarji ta’ investiment u l-figuri rilevanti għal kull wieħed minnhom li l-Kummissjoni eżaminat f’dan il-każ. Dawk id-dokumenti juru li l-iżvantaġġi marbuta mal-lokazzjoni tal-investiment f’Leipzig kien ġew stmati għal EUR 17-il miljun qabel kienet ittieħdet id-deċiżjoni biex tintgħażel dik il-lokazzjoni.

    (182)

    Barra minn hekk, il-loġika inerenti ta’ analiżi ta’ xenarju 2 hija li minn perspettiva ex ante, jiġifieri qabel issir id-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni tal-investiment, l-ispejjeż addizzjonali li ser jiġġarrbu minħabba li l-investiment ikun ser isir fil-lokazzjoni fil-mira fejn, fin-nuqqas tal-għajnuna, l-investiment ma kienx isir, għandhom jiġu kumpensati minn għajnuna mill-Istat. Madankollu, il-prinċipju tal-proporzjonalità jimplika wkoll li għajnuna li taqbeż dak li huwa meħtieġ biex tittieħed id-deċiżjoni biex l-investiment jiġi lokalizzat fiż-żona megħjuna trid titqies bħala superfluwa, peress li tikkostitwixxi flus b’xejn lill-benefiċjarju li ma jservu l-ebda skop li jkun kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    (183)

    Il-paragrafu 33 tal-IDAC espliċitament jipprevedi li biex l-għajnuna tkun proporzjonata, trid tkun ugwali għad-differenza bejn l-ispejjeż netti fil-lokazzjonijiet alternattivi. Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna tista’ biss titqies proporzjonata jekk ma taqbiżx l-ammont li kien meħtieġ biex twassal lill-benefiċjarju tal-għajnuna biex jieħu d-deċiżjoni li jwettaq investiment f’lokazzjoni partikolari.

    (184)

    Kuntrarjament għal dak li argumentat il-Ġermanja, id-dokument ta’ konsultazzjoni tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2007 dwar il-Prinċipji komuni għal valutazzjoni ekonomika tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87.3, li ġie ppubblikat ftit snin ilu mid-DĠ Kompetizzjoni, ma jobbligax soluzzjoni differenti. Il-paragrafu 41 tad-dokument ta’ konsultazzjoni, li fi kwalunkwe każ ma jorbotx lill-Kummissjoni, pjuttost jappoġġja approċċ li jiffoka fuq l-evitar ta’ għajnuna li teċċedi l-ammont neċessarju li jingħata għal proġett ta’ investiment. B’mod ċar jgħid li f’każijiet li jaqgħu taħt il-valutazzjoni dettaljata ta’ linji gwida eżistenti, għandu jiġi verifikat jekk l-intensità tal-għajnuna hijiex għolja wisq u l-istess riżultat ma setax jinkiseb b’inqas għajnuna. Jekk, bħal fil-każ preżenti, jiġi ppruvat li meta kienet saret id-deċiżjoni biex l-investiment isir f’Leipzig (jiġifieri meta nbeda l-investiment) kien hemm sempliċiment differenza ta’ EUR 17-il miljun bejn il-kost ta’ investiment f’Leipzig u fi Munich, allura għajnuna li taqbeż dak l-ammont hija superfluwa wkoll skont id-dokument ta’ konsultazzjoni invokat mill-Ġermanja.

    (185)

    Lanqas is-sentenza Freistaat Sachsen vs. Il-Kummissjoni ma ġġiegħel lill-Kummissjoni li tieħu d-deċiżjoni tagħha abbażi ta’ dokumenti li l-Istat Membru jqis li huma “xierqa” fis-sens tal-paragrafu 35 tal-IDAC (75) iżda li ma setgħux ikunu li ddeterminaw id-deċiżjoni tal-benefiċjarju tal-għajnuna biex iwettaq l-investiment f’lokazzjoni partikolari.

    (186)

    Fir-rigward tal-ispejjeż addizzjonali li rriżultaw b’rabta mal-estensjoni tal-investiment li saret wara li kienet ittieħdet id-deċiżjoni inizjali ta’ investiment f’Diċembru 2009, il-Kummissjoni tixtieq tesprimi t-tħassib li ġej dwar ċerta informazzjoni li l-Ġermanja preżentat f’Settembru 2012, fil-kuntest tal-investigazzjoni formali:

    (187)

    L-ispejjeż addizzjonali marbuta mal-kapaċità ta’ produzzjoni għall-mudell i8 ma kinux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-investiment deċiż fl-2009, peress li d-deċiżjoni dwar il-produzzjoni tal-i8 kienet saret biss kmieni fl-2011. Id-deċiżjoni rilevanti tal-bord hija deċiżjoni separata mid-deċiżjoni dwar il-lokazzjoni/investiment dwar il-produzzjoni tal-mudell i3. Barra minn hekk, id-deċiżjoni dwar il-produzzjoni tal-mudell i8 ma kinitx teħtieġ għażla biex l-investiment isir f’Leipzig jew f’lokazzjoni alternattiva (xenarju 2), iżda sempliċiment deċiżjoni dwar jekk jiġix prodott il-mudell i8 jew le (xenarju 1). Fil-fatt, fid-dawl tal-għadd żgħir ta’ karozzi li kienu ser jiġu prodotti, id-deċiżjoni ta’ investiment kienet tagħmel sens ekonomiku biss meta l-produzzjoni kienet tiddependi fuq il-fatt li l-faċilitajiet ta’ produzzjoni jitwaqqfu f’Leipzig. Tabilħaqq, bi tweġiba għal talba għal informazzjoni l-Ġermanja qalet li l-volum ta’ investiment oriġinarjament ippjanat ma kienx ser jiġi affettwat (76) u l-Kummissjoni ma taf dwar l-ebda talba għal għajnuna addizzjonali għal xi spejjeż addizzjonali ta’ investiment marbuta mal-produzzjoni tal-mudell i8.

    (188)

    Il-Kummissjoni hija tal-fehma li fir-rigward tal-porzjon tal-għajnuna li jkopri l-kost ta’ investiment li ma kienx ġie inkluż fin-notifika ma jista’ jintwera l-ebda effett ta’ inċentiv jew proporzjonalità.

    (189)

    Għalhekk il-Kummissjoni ma tistax tikkonferma l-proporzjonalità tal-għajnuna għall-investiment reġjonali fl-ammont ta’ EUR 45 257 273 (f’valur skontat). Tikkonkludi li l-porzjon tal-ammont tal-għajnuna notifikata li jaqbeż is-EUR 17-il miljun, (jiġifieri EUR 28 257 273) jikkostitwixxi riżorsi li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju li ma jgħinux biex jintlaħaq xi wieħed mill-objettivi enumerati fl-Artikolu 107(3) tat-Trattat. Barra minn hekk, tqis li l-għoti ta’ din l-għajnuna addizzjonali fl-ammont ta’ EUR 28 257 273 kien ser ikollu effetti negattivi, jiġifieri ferm distortivi fuq il-kompetizzjoni, peress li jista’, b’mod partikolari, jiskoraġġixxi lill-kompetituri milli jinvestu fi prodotti simili, u b’hekk jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni ta’ investiment privat fis-suq rilevanti.

    5.8.4.   Effetti pożittivi tal-għajnuna

    (190)

    Skont l-IDAC, l-Istat Membru jrid jissostanzja l-kontribut tal-proġett ta’ investiment megħjun għall-iżvilupp tar-reġjun (77), u l-Kummissjoni tista’ tapprova l-għajnuna biss jekk, minbarra li tipprovdi inċentiv għall-investiment u li tkun proporzjonali, l-effetti pożittivi tagħha jegħlbu l-effetti negattivi tagħha (78).

    (191)

    Il-Kummissjoni tqis li l-Ġermanja wriet b’suċċess li l-għajnuna fl-ammont ta’ EUR 17-il miljun ser ikollha kontribut pożittiv għall-iżvilupp reġjonali (79).

    5.8.5.   Effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni

    (192)

    Skont il-paragrafu 40 (80) tal-IDAC, f’analiżi ta’ xenarju 2, fejn l-investiment kien isir anke mingħajr l-għajnuna, u l-għajnuna hija proporzjonata, l-għajnuna ma għandha l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni, peress li l-fatturi preeżistenti, bħas-sehem għoli tas-suq tal-benefiċjarju, jibqgħu l-istess.

    (193)

    Il-Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tikkonferma l-effett ta’ inċentiv tal-għajnuna u l-proporzjonalità tal-għajnuna fl-ammont ta’ EUR 17-il miljun. Jekk l-għajnuna tkun limitata għal dan l-ammont, ma jkollha ebda effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni.

    5.8.6.   Effetti negattivi tal-għajnuna fuq il-kummerċ

    (194)

    L-għajnuna reġjonali għandha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, peress li tinkoraġġixxi lill-impriżi biex jillokalizzaw l-investiment f’żoni megħjuna ta’ ċerti Stati Membri milli f’postijiet alternattivi fi Stati Membri oħra. Madankollu, il-proġett ta’ investiment f’Leipzig ma ddevjax investiment minn żona megħjuna oħra fi Stat Membru differenti, u lanqas minn żona ugwalment żvantaġġata fil-Ġermanja. Is-sit f’[…] kien ġie eskluż bħala post alternattiv minħabba konsiderazzjonijiet kwalitattivi u strateġiċi fi stadju aktar bikri ta’ ppjanar. Għalhekk, l-għajnuna ma tmurx kontra l-objettivi ta’ koeżjoni stabbiliti fit-Trattat. Barra minn hekk, peress li l-investiment ma jinvolvix ir-rilokazzjoni ta’ impjant eżistenti f’Leipzig, il-paragrafu 54 tal-IDAC ma japplikax għall-għajnuna notifikata.

    5.8.7.   Ibbilanċjar tal-effetti pożittivi u negattivi tal-għajnuna

    (195)

    Wara li ġie stabbilit li l-għajnuna tipprovdi inċentiv għat-twettiq tal-investiment fir-reġjun konċernat u hija proporzjonata biex jiġi segwit dak l-objettiv jekk tiġi limitata għall-ammont ta’ EUR 17-il miljun, huwa meħtieġ li l-effetti pożittivi tal-għajnuna jiġu bbilanċjati mal-effetti negattivi tagħha.

    (196)

    Il-valutazzjoni kkonfermat li l-miżura ta’ għajnuna li tammonta għal EUR 17-il miljun attirat proġett ta’ investiment lejn reġjun żvantaġġat li huwa eliġibbli għal għajnuna reġjonali skont l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE. L-investiment joffri kontribut importanti għall-iżvilupp reġjonali bil-ħolqien ta’ 800 impjieg dirett. Peress li d-deċiżjoni biex l-investiment jiġi lokalizzat f’Leipzig ma taffettwax reġjun bl-istess intensità jew b’limitu ogħla ta’ intensità ta’ għajnuna, il-miżura ta’ għajnuna ma tmurx kontra l-objettivi ta’ koeżjoni. Il-Kummissjoni tqis li huwa aktar ta’ benefiċċji għall-koeżjoni fl-Unjoni li jiġi attirat investiment lejn reġjun ifqar milli kieku l-istess investiment kien isir f’reġjun aktar żviluppat.

    (197)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-effetti pożittivi tal-għajnuna fl-ammont ta’ EUR 17-il miljun jegħlbu l-effetti negattivi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u kwalunkwe effett soċjali u ekonomiku negattiv fil-post alternattiv, li huwa reġjun aktar żviluppat u vantaġġat.

    (198)

    Skont il-paragrafu 68 tar-RAG, u fid-dawl tal-valutazzjoni fil-fond li saret abbażi tal-IDAC, il-Kummissjoni tqis li l-Ġermanja wriet b’suċċess il-kontribut pożittiv tal-għajnuna fl-ammont ta’ EUR 17-il miljun għall-iżvilupp reġjonali. Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna limitata għall-ammont ta’ EUR 17-il miljun hija meħtieġa biex tipprovdi effett ta’ inċentiv għall-investiment f’Leipzig u li l-benefiċċji tal-miżura ta’ għajnuna jegħlbu d-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    5.8.8.   Possibbiltà li tingħata għajnuna sal-limitu tan-notifika stabbilit fil-GBER

    (199)

    Il-Kummissjoni tirrifjuta l-argument imressaq mill-Ġermanja, li jgħid li l-awtorità tal-Kummissjoni li teżamina l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni skont l-IDAC hija limitata għall-porzjon tal-ammont tal-għajnuna mitluba li huwa ogħla mil-limitu tan-notifika stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-GBER.

    (200)

    Il-Kummissjoni trid tiftakar l-obbligu tagħha li, abbażi ta’ valutazzjoni aktar dettaljata mwettqa skont l-IDAC, tivverifika l-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità ta’ miżuri ta’ għajnuna li għalihom tapplika dik il-valutazzjoni fil-fond, jiġifieri għajnuna reġjonali notifikabbli mogħtija għal proġetti kbar ta’ investiment li jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti stabbiliti fir-RAG.

    (201)

    Fir-rigward tal-possibbiltà li l-Ġermanja tagħti għajnuna lil BMW AG sal-livell tal-limitu tan-notifika stabbilit fl-Artikolu 6(2) tal-GBER, li f’dan il-każ ikun ta’ EUR 22,5 miljun, huwa importanti li jiġi nnotat li l-formulazzjoni tan-nota f’qiegħ il-paġna għall-paragrafu 56 tal-IDAC tgħid biss li l-Istat Membru jżomm dik il-possibbiltà. Min-nota f’qiegħ il-paġna invokata mill-Ġermanja ma jsegwix li l-Kummissjoni nnifisha hija obbligata tawtorizza l-għoti ta’ għajnuna reġjonali sal-ammont li huwa eżentat minn notifika taħt skema dwar l-eżenzjoni ta’ kategorija.

    (202)

    Għalhekk il-Kummissjoni hija intitolata li tivvaluta l-effett ta’ inċentiv u l-proporzjonalità tal-ammont kollu tal-għajnuna notifikata mill-Ġermanja, u li tikkonstata li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern biss jekk tkun limitata għal EUR 17-il miljun.

    6.   KONKLUŻJONI

    (203)

    Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-ammont ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali li l-Ġermanja beħsiebha timplimenta favur BMW AG huwa kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(a) tat-TFUE sal-ammont massimu ta’ EUR 17-il miljun.

    (204)

    M’hemm l-ebda indikazzjoni dwar l-applikabbiltà ta’ xi waħda mid-derogi l-oħra mill-projbizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat fl-Artikolu 107 tat-TFUE, u lanqas li l-awtoritajiet Ġermaniżi kienu invokaw xi deroga bħal din.

    (205)

    Għalhekk il-porzjon ta’ EUR 28 257 273 tal-għajnuna notifikata li l-Ġermanja beħsiebha tagħti lil BMW AG hija inkompatibbli mas-suq intern.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja qiegħda tippjana li timplimenta favur investiment ta’ BMW AG f’Leipzig, li tammonta għal EUR 45 257 273 hija kompatibbli mas-suq intern biss jekk tkun limitata għal ammont ta’ EUR 17-il miljun (fi prezzijiet tal-2009); l-ammont lil hinn minn dan (EUR 28 257 273) huwa inkompatibbli mas-suq intern.

    Għalhekk l-għajnuna tista’ tiġi implimentata biss sal-ammont ta’ EUR 17-il miljun.

    Artikolu 2

    Il-Ġermanja tippreżenta lill-Kummissjoni:

    fi żmien xahrejn mill-għoti tal-għajnuna, kopja tal-atti rilevanti li jittrattaw din il-miżura ta’ għajnuna;

    fi żmien sitt xhur wara l-ħlas tal-aħħar parti tal-għajnuna, ibbażat fuq l-iskeda ta’ ħlas notifikata, rapport finali dettaljat.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Joaquín ALMUNIA

    Viċi President


    (1)  ĠU C 363, 13.12.2011, p. 20.

    (2)  ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13.

    (3)  Matul l-investigazzjoni formali l-Kummissjoni saret taf li matul l-istess perjodu l-benefiċjarju tal-għajnuna kien qiegħed jimplimenta t-tieni proġett kbir ħafna ta’ investiment fl-istess sit. Sussegwentement, il-Ġermanja pprenotifikat (SA. 37291 (13/PN) għajnuna notifikata individwalment għal dan it-tieni proġett; madankollu, in-notifika għadha ma ġietx ippreżentata formalment lill-Kummissjoni. Jekk tiġi notifikata għajnuna għal dan it-tieni proġett, fil-kuntest tal-eżami ta’ dik in-notifika l-Kummissjoni ser tistabbilixxi jekk il-proġett tal-karozzi elettriċi li huwa s-soġġett ta’ din l-investigazzjoni formali, u t-tieni proġett ta’ investiment jikkostitwixxux proġett ta’ investiment uniku fis-sens tal-paragrafu 60 tar-RAG.

    (4)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

    (5)  L-element addizzjonali ta’ investiment kien jittratta l-produzzjoni ta’ bampers tal-plastik għall-karozzi b’magna bil-kombustjoni mill-aktar klassi baxxa ta’ karozzi kompatti (Klassi-GBP, jiġifieri l-mudelli BMW 1er u BMW X1). Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2012 u posta elettronika bl-istess data, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu għal aktar informazzjoni dwar din l-emenda, li l-Ġermanja ppreżentat b’ittri datati l-25 ta’ Jannar 2012 u l-24 ta’ Frar 2012. Fis-17 ta’ Diċembru 2013, l-awtoritajiet Ġermaniżi ċċaraw li dan l-investiment ma jikkostitwixxix proġett ta’ investiment uniku mal-proġett oriġinarjament notifikat (għall-produzzjoni ta’ i3 u i8), iżda jagħmel parti mit-tieni proġett (ara n-nota 3 f’qiegħ il-paġna) li l-għalih kienet diġà ġiet prenotifikata għajnuna (SA. 37291 (13/PN). Għalhekk, il-Ġermanja rtirat l-għajnuna għall-proġett ta’ investiment tal-bamper tal-plastik mill-kamp ta’ applikazzjoni tan-notifika attwali. Il-Ġermanja ntalbet tipprovdi informazzjoni addizzjonali permezz ta’ ittra datata t-23 ta’ Jannar 2014. Il-Ġermanja wieġbet għal din it-talba permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Frar 2014. L-investiment tal-bampers mhu ser ikollu l-ebda impatt fuq l-ispejjeż eliġibbli jew fuq l-għajnuna għall-proġett i3/i8, u l-għajnuna li ser tingħata għal dan l-investiment ser tiġi valutata f’kuntest ieħor.

    (6)  Applikabbli fid-data tan-notifika inizjali, jiġifieri fit-30 ta’ Novembru 2010.

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Novembru 2006 dwar il-kawża għall-għajnuna mill-Istat Nru 459/06 – Mappa tal-Għajnuna Reġjonali mill-Istat għall-Ġermanja 2007-2013 (ĠU C 295, 5.12.2006, p. 6).

    (8)  X 167/2008 – Il-Ġermanja – Investitionszulagengesetz (IZ) 2010 (ĠU C 280, 20.11.2009, p. 7).

    (*)  Sigriet kummerċjali

    (9)  “Vetturi elettriċi ma għandhomx sistemi doppji tal-motopropulsjoni mekkaniċi u elettriċi. 100 % tal-propulsjoni tagħhom tiġi minn mutur elettriku, enerġizzat mill-elettriku maħżun f’batteriji.” (Sors: Deutsche Bank: Karozzi Elettriċi: Għandhom jiġu inklużi Batteriji li jiġu pplaggjati, id-9 ta’ Ġunju 2008, p. 10).

    (10)  Ibridi rikarikabbli għandhom kemm magna konvenzjonali bil-kombustjoni u magna elettrika. Jistgħu jiġu ċċarġjati permezz ta’ plagg tad-dawl u jistgħu jaħdmu indipendentement mill-magna bil-kombustjoni għal distanza limitata (Sors: Impatti ta’ Vetturi Elettriċi – Riżultat 1 – Ħarsa ġenerali lejn il-Vetturi Elettriċi fis-suq u li qegħdin jiġu żviluppati” Rapport Delft, April 2011, p. 30 http://www.cedelft.eu/publicatie/impactof electric vehicles/1153.

    (11)  Skont id-dispożizzjonijiet għal għajnuna notifikata individwalment tar-RAG, il-valur nominali kienet skontat għas-sena ta’ notifika (2010). Il-valuri kollha huma skontati għal din is-sena. F’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, ir-rata tal-imgħax użata għal finijiet ta’ skontar hija ta’ 2,24 % – ir-rata bażi ta’ 1,24 % applikabbli fiż-żmien tal-għoti (l-1 ta’ Jannar 2010) flimkien ma’ 100 punt bażi. Ara http://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates.html

    (12)  Porzjon biss ta’ dan is-self ikopri spejjeż relatati mal-investiment f’MCV.

    (13)  Skont in-nota 65 f’qiegħ il-paġna tar-RAG, jekk l-Istat Membru juri li l-benefiċjarju tal-għajnuna joħloq suq ġdid tal-prodott, ma jkollhomx għalfejn isiru t-testijiet preskritti fil-paragrafu 68(a) u (b), u l għajnuna tiġi awtorizzata skont l-iskala fil-paragrafu 67.

    (14)  Il-Kummissjoni aċċettat li l-mudelli tal-karozzi elettriċi jippreżentaw tali grad ta’ innovazzjoni li joħolqu prodott ġdid li ma jistax jitqabbel ma’ karozzi li ġew manifatturati fil-passat, b’mod partikolari minħabba li jużaw karozzerija tal-plastik rinfurzat bil-fibra tal-karbonju. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li ma jidhirx li BMW hija l-ewwel, jew l-uniku manifattur ta’ dan it-tip ta’ vetturi.

    (15)  Sors: Deutsche Bank: Karozzi Elettriċi: Iridu jiġu inklużi Batteriji li jiġu Pplaggjati, 9 ta’ Ġunju 2008. http://electricdrive.org/index.php?ht=a/GetDocumentAction/id/27929

    (16)  Hemm għadd ta’ fornituri ta’ servizz li janalizzaw is-suq tal-karozzi. Fost dawk l-aktar magħrufin hemm ISH Global Insight u POLK. Normalment l-Istati Membri u l-benefiċjarji jipprovdu informazzjoni bbażata fuq segmentazzjoni minn waħda minn dawn il-konsulenzi. ISH Global Insight tipproponi segmentazzjoni dejqa tal-karozzi tal-passiġġieri (27 segment). Mill-iżgħar segmenti għall-akbar, il-medja tal-prezz, tad-daqs u tal-prestazzjoni tal-magna tal-karozzi tal-passiġġieri tiżdied gradwalment.

    (17)  Fid-deċiżjoni tal-ftuħ (premessa 84) il-Kummissjoni esprimiet l-opinjoni tagħha li s-sehem ta’ 1 % ta’ karozzi elettriċi fis-suq globali jista’ jkun wisq konservattiv, iżda indikat li l-Ġermanja ma setgħetx tipprovdi stimi indipendenti oħra.

    (18)  Il-benefiċjarju indika li […] mill-produzzjoni totali ta’ [10 000–50 000] hija prevista għall-konsum fiż-ŻEE u l-bqija hija mistennija li tinbiegħ barra miż-ŻEE. Dan hija l-figura li ntużat għall-kalkolu tas-sehem tas-suq tal-benefiċjarju fiż-ŻEE, skont liema fis-segment B (karozzi elettriċi) kien ta’ [> 25 %] ([…] diviż b’[…]), fis-segment Ċ [> 25 %] ta’ ([…] diviż b’[…]), għas-segment D [> 25 %] ta’ ([…] diviż b’[…]) u għas-segment E+F ta’ [> 25 %]; Ara l-premessi 84–87 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (19)  Ta’ [> 25 %] fis-segment D u ta’ [> 25 %] fis-segment E+F fl-2015.

    (20)  Premessa 103 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (21)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni rigward il-kriterji għal valutazzjoni fil-fond tal-għajnuna reġjonali għal proġetti kbar ta’ investiment (ĠU C 223, 16.9.2009, p. 3).

    (22)  Il-premessa 88 tad-deċiżjoni tal-ftuħ tgħid li huwa biss is-suq tal-karozzi konvenzjonali, fejn is-sehem tas-suq tal-benefiċjarju huwa taħt il-livell ta’ 25 % kemm fil-livell taż-ŻEE kif ukoll fil-livell globali.

    (23)  “Pjan Direzzjonali Ewropew – L-Elettrifikazzjoni tat-Trasport bit-Triq, it-tieni edizzjoni, ta’ Ġunju 2012 minn Emma Briec ta’ Renault, Carolien Mazal ta’ BOSCH, Gereon Meyer u Beate Müller ta’ VDI/VDE Innovation + Technik GmbH, European Technology Platforms ERTRAC, EPoSS u SmartGrids u appoġġjat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea permezz ta’ Coordination Actions Capire abd ICT4FEV.

    (24)  Impatti ta’ Vetturi Elettriċi – Riżultat 1 – Ħarsa ġenerali lejn il-Vetturi Elettriċi fis-suq u li qegħdin jiġu żviluppati, rapport minn Delft, April 2011, pp. 13-16, http://www.cedelft.eu/publicatie/impact_of_electric_vehicles/1153

    (25)  “Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tapprova, tikkundizzjona jew tipprojbixxi l-għajnuna. Jekk tadotta deċiżjoni kondizzjonali skont l-Artikolu 7(4) tar-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1)], tista’ tehmeż kundizzjonijiet biex tillimita d-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni u tiġi żgurata l-proporzjonalità. B’mod partikolari tista’ tnaqqas l-ammont ta’ għajnuna notifikata jew l-intensità tal-għajnuna għal livell li jitqies proporzjonali u għalhekk kompatibbli mas-suq komuni.”

    (26)  Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2012 tal-kawża T-304/08, Smurfit Kappa vs Il-Kummissjoni, paragrafu 91.

    (27)  Din in-nota f’qiegħ il-paġna taqra: “Meta l-għajnuna tingħata abbażi ta’ skema eżistenti ta’ għajnuna reġjonali, madankollu għandu jiġi nnotat li l-Istat Membru jżomm il-possibbiltà li jagħti din l-għajnuna sal-livell li jikkorrispondi mal-ammont massimu permissibbli li investiment b’nefqa eliġibbli ta’ EUR 100 miljun jista’ jirċievi skont ir-regoli applikabbli.”

    (28)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=CELEX:52011DC0144

    (29)  Ara: http://www.strukturfonds.sachsen.de/download/2013_12_17_OP_EFRE_2007-2013_in_der_Fassung_des4._Aenderungsantrages_Stand_Genehmigung.pdf

    (30)  Verein Automotive Cluster Ostdeutschland.

    (31)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat) (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

    (32)  Ara r-“Riċerka ta’ Deutsche Bank: Elektromobiliät”, 12 ta’ Settembru 2011. Il-Ġermanja tirreferi għall-istudju ta’ Deutsche Bank li jipprevedi li livelli għoljin ta’ appoġġ mill-istat u progress teknoloġiku mgħaġġel ser iwasslu biex fl-2020 il-porzjon ta’ vetturi elettriċi mill-karozzi reġistrati ġodda kollha ser ikun ta’ 7 %, filwaqt li livell baxx ta’ appoġġ mill-istati u progress teknoloġiku ser inaqqas dan is-sehem għal 2 % biss sa.

    (33)  Kif meħtieġ mill-paragrafu 22 tal-IDAC.

    (34)  ROCE: Ir-redditu fuq il-kapital użat huwa proporzjon tal-kontabbiltà użat fil-finanzi, fil-valwazzjoni u fil-kontabbiltà. Jintuża biex jipprova l-valur li negozju jikseb mill-assi tiegħu u li jitlef permezz tal-obbligazzjonijiet tiegħu.

    (35)  L-għażla tal-lokazzjoni “‘Munich” hija fil-fatt ““Munich flimkien ma’ Wackersdorf”, kif deskritt mill-Ġermanja.

    (36)  Ċart diskussa waqt il-konverżazzjoni informali […] uriet li l-ispejjeż addizzjonali prevedibbli ta’ investiment tad-diversi lokazzjonijiet meta mqabbla ma’ Leipzig kienu kif ġej: Fil-Kanada: + EUR [20–120] miljun, f’[…]: + EUR [40-150] miljun, fl-Istati Uniti: + EUR [40–150] miljun.

    (37)  Is-sit f’[…], l-unika lokazzjoni li tinsab f’żona megħjuna minbarra Leipzig, kien eliminat minħabba l-ħtieġa li jsir investiment f’żona ġdida, id-diffikultajiet mistennija ta’ lingwa u ta’ traduzzjoni, id-distanza tiegħu miċ-ċentru tal-iżvilupp tal-kumpanija, u l-iżvantaġġi relatati mal-loġistika.

    (38)  Ara l-paragrafu 81 tas-sottomissjoni tal-5 ta’ April 2012.

    (39)  Id-dettalji rilevanti huma deskritti fil-premessa 102 ta’ hawn taħt.

    (40)  Il-Ġermanja ma rreferiet għall-ebda paragrafu speċifiku tad-dokument ta’ konsultazzjoni. Id-dokument huwa disponibbli fil-link li ġej: http://ec.europa.eu/competition/state_aid/reform/economic_assessment_mt.pdf.

    (41)  T-396/08, sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, paragrafu 107. Il-paragrafu 107 sempliċiment fakkar il-każistika li tgħid li “meta teżamina l-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna mas-suq komuni, il-Kummissjoni trid teżamina l-fatturi rilevanti kollha.”

    (42)  Il-paragrafu 108 tas-sentenza fil-kawża T-396/08, Freistaat Sachsen kontra l-Kummissjoni (il-verżjonijiet Ġermaniżi u Franċiżi biss huma disponibbli) jaqra: “die Kommission für die Zwecke der Prüfung der Vereinbarkeit der fraglichen Beihilfe die den Beihilfeempfänger betrefenden konkreten tatsächlichen Umstände (…) berücksichtigen durfte.” Mhuwiex ċar għall-Kummissjoni jekk il-Ġermanja hijiex targumenta li l-Kummissjoni trid jew il-Kummissjoni tistax teżamina l-fatturi kollha li hija tikkunsidra li huma rilevanti f’każ partikolari. Barra minn hekk, din id-deċiżjoni kienet saret f’kawża fejn l-Istat Membru kien sostna li f’dak il-każ il-Kummissjoni ma kienx imissha teżamina ċerti fatturi għall-valutazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.

    (43)  ĠU C 279, 15.9.1997, p. 1.

    (44)  B’mod partikolari l-Ġermanja targumenta li l-faċilitajiet eżistenti fi Munich kellhom l-ispazju ta’ art meħtieġ, u ma kinux ser jeħtieġu estensjonijiet ta’ bini, jew sempliċiment fuq skala iżgħar.

    (45)  Bil-Ġermaniż: Nicht-Serien-Logistik.

    (46)  Fis-sens tal-paragrafu 20(d) tal-Linji Gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat għall-2014-20 (ĠU C 209, 23.7.2013, p. 1).

    (47)  Sostitwibbiltà min-naħa tad-domanda bejn żewġ prodotti teżisti jekk il-konsumatur iqis li huma sostituti fid-dawl tal-karatteristiċi, tal-prezzijiet u tal-użu maħsub tagħhom.

    (48)  Ara pereżempju “Impatti ta’ Vetturi Elettriċi –Riżultat 1- Ħarsa ġenerali lejn il-Vetturi Elettriċi fis-suq u li qegħdin jiġu żviluppati” Rapport Delft, April 2011, p. 30. http://www.cedelft.eu/publicatie/impact_of_electric_vehicles/1153. Dan ir-rapport jgħid li “fiż-żona kruċjali għall-penetrazzjoni futura tas-suq, il-prestazzjoni tal-mudell EV hija kważi dejjem aktar dgħajfa meta mqabbla mal-verżjoni ICE. B’mod partikolari, il-prezz tal-vettura huwa ogħla u l-firxa hija aktar baxxa għall-EVs – żewġ kriterji essenzjali għax-xiri.” Iżda anke “Elektromobilität – Sinkende Kosten sind conditio sine qua non,” studju minn riċerka ta’ Deutsche Bank tat-12 ta’ Settembru 2011, p. 7., li jgħid li n-nuqqasijiet ta’ batteriji eżistenti għall-karozzi purament elettriċi jillimitaw il-firxa ta’ applikazzjoni ta’ karozzi purament elettriċi għal distanza qasira jew medja massima, minħabba li batterija li tista’ taħżen biżżejjed enerġija għal vjaġġi itwal tkun tqila wisq għall-karozza. L-istudju jkompli jgħid li għad fadal bejn 10 u 15-il sena oħra, qabel tiżviluppa t-teknoloġija meħtieġa (jiġifieri t-teknoloġija wara l-joni tal-litju) biex il-vetturi purament elettriċi jkunu jistgħu jikkompetu ma’ karozzi konvenzjonali.

    (49)  Sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista bejn żewġ prodotti teżisti jekk il-faċilità ta’ produzzjoni li tipproduċi wieħed mill-prodotti tkun flessibbli biżżejjed biex il-prodott l-ieħor jista’ wkoll jiġi prodott fuqha mingħajr spejjeż addizzjonali maġġuri.

    (50)  Ara l-premessi 74 u 75 tad-deċiżjoni tal-ftuħ u l-premessa 34 ta’ din id-deċiżjoni.

    (51)  Idem.

    (52)  Il-fatt li s-segmentazzjoni tas-suq għall-karozzi elettriċi hija anqas żviluppata u l-kriterji tagħha huma anqas ċari milli għall-karozzi konvenzjonali ma jaffettwax il-validità tal-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni.

    (53)  Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-iskopijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni Komunitarja, paragrafu 13 (ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5).

    (54)  Idem. Paragrafu 30.

    (55)  Idem. Paragrafu 31.

    (56)  Ara l-premessa 58 ta’ hawn fuq.

    (57)  Ara l-premessa 84 tad-deċiżjoni biex tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

    (58)  Għas-segment B kien ta’ [> 25] % ([…] (li se jinbiegħ fiż-ŻEE) diviż b’[…]), is-segment Ċ ta’ [> 25] % ([…] diviż b’[…]), għas-segment D ta’ [> 25] % ([…] diviż b’[…] u għas-segment E2+F [> 25] %. Ara l-premessi 84 sa 87 tad-deċiżjoni tal-ftuħ.

    (59)  Ara l-premessa 59 ta’ hawn fuq.

    (60)  Ara ċ-ċart fuq il-paġna 21 tal-istudju dwar il-Pjan Direzzjonali.

    (61)  Fir-rigward tal-propulsjoni, ir-rapport Delft jikkategorizza karozzi bħala konvenzjonali, kompletament elettriċi (FEV), ibridi rikarikabbli (PHEV) u Vetturi Elettriċi b’Range Extender (EREVs).

    (62)  Pereżempju, ix-xenarju l-aktar realistiku jassumi li s-sussidji attwali tal-gvern ser jibqgħu fis-seħħ u li l-parametri tal-input u l-aspettattivi tal-iżvilupp ta’ karozzi konvenzjonali mhumiex ser jinbidlu radikalment, u li madwar 5 % tax-xerrejja kollha tal-karozzi huma interessati li jixtru vetturi elettriċi (inklużi PHEV). It-tieni xenarju jassumi avvanz kbir għat-teknoloġija tal-karozzi konvenzjonali li jwassal għal żieda sinifikanti fl-effiċjenza tas-CO2, tnaqqis fis-sussidji tal-gvern u tnaqqis bil-mod fil-prezzijiet tal-batteriji. Ix-xenarju 3 jipprevedi avvanz kbir għas-segment tal-karozzi elettriċi xprunat minn tnaqqis rapidu fil-prezzijiet tal-batteriji minn 2015 ’il quddiem.

    (63)  Ara t-tabella 17 fuq p. 145 ta’ “Impatti ta’ Vetturi Elettriċi – Riżultati 5 – Analiżi tal-impatt għal xenarji dwar l-adozzjoni mis-suq u implikazzjonijiet ta’ politika”.

    (64)  Ara t-tabelli 22 u 24 fil-paġna 148 ta’ “Impatti ta’ Vetturi Elettriċi – Riżultati 5 – Analiżi tal-impatt għal xenarji dwar l-adozzjoni mis-suq u implikazzjonijiet ta’ politika”.

    (65)  http://www.advancedautobat.com/industry-reports/2014-xEV-Industry-Report/Executive-Summary-Selections.pdf

    (66)  Ara l-premessa 36 u n-noti 18 u 19 f’qiegħ il-paġna ta’ hawn fuq.

    (67)  Ara l-premessa 60(b) ta' hawn fuq.

    (68)  Ara l-premessa 60(c) ta' hawn fuq.

    (69)  Ara l-premessa 60(d) ta' hawn fuq.

    (70)  Ara n-nota 26 f’qiegħ il-paġna.

    (71)  Ara l-premessi 73 u 75 ta’ hawn fuq.

    (72)  Ara l-premessa 83 ta’ hawn fuq.

    (73)  Ara l-premessi 101 u 102 ta' hawn fuq.

    (74)  Ara l-premessa 102 ta' hawn fuq.

    (75)  Ara l-premessa 92 u 94 ta’ hawn fuq.

    (76)  Ara t-tweġiba tal-Ġermanja tal-25 ta’ Mejju 2011 (referenza 2011/054659), p. 3.

    (77)  Paragrafu 11 tal-IDAC.

    (78)  Paragrafu 52 tal-IDAC.

    (79)  Ara l-premessi 61 sa 72 ta’ hawn fuq.

    (80)  “Jekk (…) l-analiżi kontrofattwali tissuġġerixxi li mingħajr l-għajnuna l-investiment xorta kien isir, għalkemm possibbilment f’lokazzjoni oħra (xenarju 2) u jekk l-għajnuna hija proporzjonali, indikazzjonijiet possibbli ta’ distorsjonijiet bħal sehem tas-suq għoli u żieda fil-kapaċità f’suq li l-prestazzjoni tiegħu tkun inqas mil-livell standard bħala prinċipju jkunu l-istess irrispettivament mill-għajnuna.”


    Top