Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0287

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/287 tal-15 ta' Ottubru 2014 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.26500 (2012/C) (ex 2011/NN, ex CP 227/2008) mogħtija mill-Ġermanja lil Flughafen Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair Ltd. (notifikata bid-dokument C(2014) 7369) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 59, 4.3.2016, p. 22–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/287/oj

4.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/22


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/287

tal-15 ta' Ottubru 2014

dwar l-għajnuna mill-Istat SA.26500 (2012/C) (ex 2011/NN, ex CP 227/2008) mogħtija mill-Ġermanja lil Flughafen Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair Ltd.

(notifikata bid-dokument C(2014) 7369)

(It-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 108(2)(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonjiet imsemmijin hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   Il-PROĊEDURA

(1)

Fis-27 ta' Awwissu 2008, il-Kummissjoni rċeviet ilment mingħand Bundesverband der Deutschen Fluggesellschaften e.V. (L-Assoċjazzjoni Federali tal-Linji tal-Ajru Ġermaniża) (minn hawn 'il quddiem imsejħa “BDF”) rigward l-allegata għajnuna illegali mill-Istat lil Flugplatz Altenburg-Nobitz-GmbH u Ryanair Ltd. (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Ryanair”). L-ilment ġie rreġistrat taħt in-numru tal-għajnuna mill-Istat CP 227/2008.

(2)

Fid-9 ta' Awwissu 2010, il-Kummissjoni għaddiet l-ilment lill-Ġermanja u talbet l-informazzjoni. Il-Ġermanja pprovdiet l-informazzjoni mitluba fit-30 ta' Settembru 2010.

(3)

Fit-8 ta' April 2011, il-Kummisjoni talbet informazzjoni mingħand Air Berlin u Ryanair. Air Berlin ipprovdiet l-informazzjoni mitluba fl-10 ta' Mejju 2011. Ryanair ipprovdiet l-informazzjoni mitluba fl-20 ta' Ġunju 2011. Verżjoni tradotta ta' dawn il-kummenti u l-annessi ntbagħtet lill-awtoritajiet tal-Ġermanja permezz ta' ittra tal-11 ta' Awwissu 2011. Fit-28 ta' Settembru 2011, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddikjaraw li ma kienx biħsiebhom jikkummentaw f'dak l-istadju.

(4)

Permezz tal-ittra tagħha tas-26 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni rrakkomandat sabiex il-Ġermanja tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (2) fir-rigward tal-investiment u l-għajnuna operatorja lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, l-imposti mnaqqsin tal-ajruport u l-kuntratti tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Ryanair (“id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura”).

(5)

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (3). Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet sabiex jissottomettu kummenti dwar l-allegati miżuri ta' għajnuna.

(6)

Fil-21 ta' Frar 2012, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand il-Ġermanja. Il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar id-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura u t-tweġibiet tagħha għall-informazzjoni li talbet il-Kummissjoni fl-24 ta' Frar 2012, it-30 ta' Marzu 2012 u t-2 ta' April 2012.

(7)

Fit-13 ta' April 2012, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand iż-żewġ partijiet interessati, jiġifieri Ryanair u Airport Marketing Services (4) (minn hawn 'il quddiem “AMS”).

(8)

Peress li kien hemm għadd ta' tweġibiet għat-talba tagħha għal informazzjoni tal-21 ta' Frar 2012 li kienu neqsin, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand il-Ġermanja fl-20 ta' April 2012. Il-Ġermanja wieġbet fil-11 ta' Mejju 2012.

(9)

Fil-25 ta' Ġunju 2012, il-Kummissjoni rċeviet kummenti oħrajn mingħand il-partijiet interessati (Ryanair, is-sussidjarja ta' Ryanair AMS u kumpanija ta' konsulenza li aġixxiet għal Ryanair). Il-Kummissjoni għaddiet dawn il-kummenti lill-Ġermanja permezz tal-ittra datata t-22 ta' Awwissu 2012. Il-Ġermanja talbet li jiġu tradotti d-dokumenti u mbagħad bagħtet il-kummenti tagħha fl-4 ta' Diċembru 2012.

(10)

Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand il-Ġermanja permezz tal-ittra tad-29 ta' Novembru 2012. Il-Ġermanja wieġbet fis-17 ta' Jannar 2013.

(11)

Fl-10 ta' April 2013, Ryanair issottomettiet kummenti oħrajn (5), li għaddew lill-Ġermanja fit-3 ta' Mejju 2013.

(12)

Il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand il-Ġermanja permezz tal-ittra tal-14 ta' Novembru 2013. Il-Ġermanja wieġbet fl-14 ta' Jannar 2014. Peress li t-tweġibiet mingħand l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux sħaħ, il-Kummissjoni bagħtet tfakkira lill-Ġermanja fid-19 ta' Marzu 2014. Il-Ġermanja wieġbet fit-22 ta' April 2014.

(13)

Fl-20 ta' Diċembru 2013, Ryanair issottomettiet kummenti oħrajn, li ngħaddew lill-Ġermanja fit-8 ta' Jannar 2014. Il-Ġermanja bagħtet ir-reazzjoni tagħha għall-kummenti ta' Ryanair fis-27 ta' Jannar 2014.

(14)

Fis-17 ta' Jannar 2014 u l-31 ta' Jannar 2014, Ryanair issottomettiet kummenti oħrajn, li għaddew lill-Ġermanja fis-7 ta' Marzu 2014. Fis-7 ta' April 2014, il-Ġermanja ddikjarat li ma kellha ebda kumment ieħor x'tagħmel dwar l-informazzjoni li pprovdiet Ryanair.

(15)

Permezz tal-ittra tal-25 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni avżat lill-Ġermanja dwar l-adozzjoni fl-20 ta' Frar 2014 tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni (6) u dwar il-fatt li dawk il-Linji Gwida kienu sejrin ikunu japplikaw f'dan il-każ mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija tat ukoll lill-Ġermanja l-faċilità li tikkummenta fuq il-Linji Gwida u l-applikazzjoni tagħhom fi żmien 20 jum mill-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

(16)

Permezz tal-ittra tal-24 ta' Frar 2014, il-Kummissjoni avżat ukoll lill-partijiet terzi dwar l-adozzjoni fl-20 ta' Frar 2014 tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni u dwar il-fatt li dawk il-Linji Gwida kienu sejrin ikunu japplikaw f'dan il-każ mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tat ukoll lill-partijiet terzi kkonċernati l-faċilità li jikkummentaw fuq il-Linji Gwida u l-applikazzjoni tagħhom fi żmien 20 jum mill-pubblikazzjoni tagħhom f'Il-Ġurnal Uffiċjali.

(17)

Il-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-4 ta' April 2014. Ħadu post il-Linji Gwida tal-1994 dwar l-Avjazzjoni (7) u l-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni (8).

(18)

Fil-15 ta' April 2014, ġie ppubblikat avviż f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li bih l-Istati Membri u l-partijiet interessati kienu mistednin jikkummentaw fuq l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni għal dan il-każ fi żmien xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tat-tali Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni (9)

(19)

Fid-29 ta' April 2014, il-Kummisjoni talbet informazzjoni mingħand il-Ġermanja, li wieġbet fis-7 ta' Mejju 2014.

(20)

Fis-6 ta' Mejju 2014, Deutsche Lufthansa AG ssottomettiet kummenti dwar il-każ ta' għajnuna b'rabta mal-adozzjoni tal-Linji Gwida l-ġodda. Verżjoni mhux kunfidenzjali ta' dawk il-kummenti għaddiet lill-Ġermanja fit-8 ta' Mejju 2014. Il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar dawn is-sottomissjonijiet fil-15 ta' Mejju 2014.

(21)

Fis-7 ta' Mejju 2014, l-ilmentatur issottometta kummenti dwar il-każ ta' għajnuna b'rabta mal-adozzjoni tal-Linji Gwida l-ġodda. Verżjoni mhux kunfidenzjali għaddiet lill-Ġermanja fil-21 ta' Mejju 2014. Il-Ġermanja wieġbet fit-28 ta' Mejju 2014.

(22)

Fl-10 ta' Settembru 2014, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni mingħand il-Ġermanja u mingħand Ryanair. Il-Ġermanja u Ryanair wieġbu fis-16 ta' Settembru 2014.

(23)

Fit-12 ta' Settembru 2014, Ryanair u kumpanija ta' konsulenza li aġixxiet f'isimha ssottomettew il-kummenti tagħhom fuq dan il-każ ta' għajnuna. Verżjoni mhux kunfidenzjali ta' dawk il-kummenti għaddiet lill-Ġermanja fid-19 ta' Settembru 2014. Il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha dwar dawn is-sottomissjonijiet fis-6 ta' Ottubru 2014.

2.   L-ISFOND GĦALL-INVESTIGAZZJONI

2.1.   L-EWWEL KONVERŻJONI TAL-AJRUPORT GĦAS-SERVIZZI TAL-AJRU LOW-COST

(24)

Il-kumpanija tal-Istat Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH (10) ilha s-sid u ilha topera l-Ajruport Leipzig-Altenburg (li qabel kien jismu Flughafen-Altenburg-Nobitz, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “AOC”) fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Land ta' Thüringen fil-Ġermanja mill-1992. Fl-imgħoddi, l-AOC kien mitjar militari Russu li ġie abbandunat fil-bidu tas-snin disgħin. Imbagħad, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH ġiet inkarigata bil-bini u t-tħaddim tal-mitjar tal-AOC. Skont l-artikoli ta' inkorporazzjoni, l-objettiv tal-kumpanija huwa li ttejjeb l-infrastruttura kummerċjali u, b'hekk, issaħħaħ s-setgħa tal-ekonomija tal-Lvant ta' Thüringen u l-Punent ta' Sachsen.

(25)

L-eqreb ajruporti għall-AOC huma:

(a)

L-Ajruport Leipzig-Halle, madwar 85 km jew siegħa u għaxar min. bil-karozza mill-AOC;

(b)

L-Ajruport ta' Dresden, madwar 113-il km jew siegħa u sittax-il min. bil-karozza mill-AOC;

(c)

L-Ajruport ta' Erfurt, madwar 140 km jew siegħa u sebgħa u tletin min. bil-karozza mill-AOC;

(d)

L-Ajruport ta' Hof-Plauen, madwar 122 km jew siegħa u sebgħa u tletin min. bil-karozza mill-AOC;

(26)

L-AOC ra inqas minn 150 000 passiġġier fis-sena mindu beda jaħdem bħala ajruport ċivili. It-Tabella 1 tiġbor fil-qosor in-numri tal-passiġġieri fl-AOC mis-sena 2000.

Tabella 1  (11)

In-numri ta' passiġġieri fl-AOC mis-sena 2000 sal-2013  (12)

Sena

In-numru totali ta' passiġġieri (13)

Il-passiġġieri fuq titjiriet skedati (14)

2000

27 876

2001

27 345

2002

26 811

2003

71 006

51 289

2004

93 946

76 742

2005

118 442

101 846

2006

105 213

90 551

2007

147 100

124 411

2008

138 400

126 972

2009

140 800

133 411

2010

119 000

112 985

2011

15 000

9 328

2012

5 400

2013

5 000

(27)

Eurowings ipprovdiet disa' titjiriet fis-sena 2000. Air Berlin operat 62 titjira fl-2001 u 57 titjira fl-2002 u mbagħad waqqfet it-titjiriet lejn l-AOC.

(28)

Fit-3 ta' Marzu 2003, l-operatur tal-AOC, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, u Ryanair ikkonkludew kuntratt tas-servizzi tal-ajruport għal tul ta' għaxar snin.

(29)

Fl-eqqel snin (2008-2010), Ryanair offriet sa erba' destinazzjonijiet mill-AOC. Għall-ewwel, Ryanair ipprovdiet titjiriet ta' kuljum lejn Londra u, mill-2007, titjiriet lejn Barċellona (Ġirona). Il-kumpanija serviet ukoll lil Edinburgh fl-2009 u bdiet titjiriet lejn Alicante fl-2010. Mill-1 ta' Mejju 2003, Ryanair kienet l-unika linja tal-ajru li kienet qiegħda tipprovdi rotot lejn u mill-AOC.

(30)

Ryanair waqqfet l-operazzjonijiet ta' titjiriet tagħha fl-AOC fil-31 ta' Marzu 2011. Minn dakinhar, ebda linja tal-ajru oħra ma operat titjiriet skedati mill-AOC. Dan huwa kkonfermat mis-sit web tal-AOC.

2.2.   IT-TIENI KONVERŻJONI TAL-AJRUPORT GĦALL-AVJAZZJONI ĠENERALI

(31)

Kif irrakkomandat fl-2010 il-kumpanija ta' konsulenza KE-Consult GbR (15) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-istudju ta' KE-Consult”), l-ajruport beda jifrex in-negozju tal-avjazzjoni ġenerali tiegħu, billi beda jiffoka fuq titjiriet kummerċjali u jisfrutta l-qrubija tiegħu lejn ir-reġjun ekonomiku emerġenti ta' Chemnitz-Zwickau. L-ajruport waqqaf is-servizzi tal-ajru low-cost u beda jopera wkoll bħala sit ta' taħriġ għall-persunal tat-titjiriet u tas-sigurtà.

(32)

L-iktar raġunijiet importanti għal din il-konverżjoni kienu (16):

(a)

Il-fatt li l-ajruport kien jiddependi ħafna fuq sussidji, primarjament mil-Land ta' Thüringen u l-azzjonisti ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Skont rapport imħejji mill-maniġment tal-kumpanija fl-2011, mill-1992 kienu ġew investiti madwar EUR 21 miljun fl-ajruport, li għalihom il-Land ta' Thüringen kien ikkontribwixxa EUR 17-il miljun u l-azzjonisti ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kienu kkontribwixxew madwar EUR 4 miljun. Minkejja dan, il-kumpanija rrapportat spariġġ tal-likwidità (17) ta' madwar EUR 270 000 fis-snin finanzjarji 2009 u 2010. Minħabba nuqqas ta' injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti, dak iż-żmien kien hemm il-biża' li l-ajruport ma kienx se jkollu biżżejjed likwidità. Dan xeħet il-ġejjieni tal-impriża f'riskju.

(b)

Skont l-artikoli ta' inkorporazzjoni ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, is-servizzi tal-ajru low-cost kellhom isaħħu l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun. Minkejja dan, ir-rata ta' dħul minn kapital użata mill-ajruport kienet negattiva. L-impatt fiskali pożittiv tal-AOC fuq il-muniċipalitajiet lokali u l-istituzzjonijiet pubbliċi finanzjaturi kien inqas mill-għotjiet imħallsin lill-ajruport. (18).

(c)

Bidliet fil-parteċipazzjonijiet azzjonarji: Stadtwerke Altenburg GmbH (SWA) ċediet il-parteċipazzjoni tagħha, li għaliha l-Belt ta' Altenburg kellha dritt ta' prelazzjoni, fil-31 ta' Diċembru 2010.

(d)

Kien hemm bidla fil-gvern fil-Land ta' Thüringen fl-2009 u l-gvern il-ġdid kien inqas ħerqan li jħallas iktar għotjiet lill-ajruport. B'mod partikolari, il-gvern il-ġdid ċaħad id-deċiżjonijiet li kien adotta l-gvern ta' qablu sabiex iħallas lill-ajruport għotjiet tal-kummerċjalizzazzjoni għall-perjodu 2009 sal-2012. Peress li l-azzjonisti pubbliċi ċaħdu milli jħallsu iktar għotjiet ta' kummerċjalizzazzjoni lil Ryanair, rotta waħda biss lejn u minn Londra kienet operata fl-istaġun xitwi tal-2010/2011, bl-appoġġ finanzjarju ta' impriżi reġjonali. Imbagħad, l-azzjonisti u l-bord tad-diretturi ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH ċaħdu milli jħallsu s-somma ta' EUR 420 000 li talbet Ryanair bħala tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni għall-iskeda ta' żmien tas-sajf. Wara, Ryanair iddeċidiet li tibda tuża Magdeburg (Cochstedt) bħala ċ-ċentru reġjonali tagħha u waqqfet is-servizzi tagħha fl-AOC f'Marzu 2011.

(33)

Il-maniġment tal-ajruport ikkunsidra għadd ta' għażliet għall-konverżjoni tal-ajruport. L-iktar għażla prattika kienet li jiġu offruti rotot ġodda u titjiriet charter fl-2012 mingħajr ebda għotja għall-kummerċjalizzazzjoni. Għal dak il-għan, l-ajruport beda jinnegozja ma' Rheinjet fl-2011 dwar titjiriet lejn Barċellona. Wara d-deċiżjoni adottata minn Ryanair fis-26 ta' Lulju 2011 li ttir minn Leipzig-Halle, inbidlet il-pożizzjoni fis-suq tal-AOC u twarrbet il-kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe rotta ġdida bħal din.

(34)

Għalhekk, fl-2011 ġie deċiż li l-ajruport jiġi kkonvertit billi:

(a)

Jiġu żviluppati servizzi tat-trasport għall-vjaġġaturi fuq xogħol, li għandhom irendu profitt ikbar minħabba r-rekwiżiti tas-sigurtà inqas strinġenti;

(b)

Twaqqif ta' impriżi b'interess fis-settur tal-avjazzjoni;

(c)

Twaqqif ta' negozji ġodda;

(d)

Jinbnew sistemi fotovoltajċi (sistema fotovoltajka ġiet installata fl-2012), jinkrew spazji u faċilitajiet tal-parkeġġ, u jiġu organizzati avvenimenti.

(35)

Skont il-maniġment tal-kumpanija, dawn il-miżuri għandhom jippermettu lill-kumpanija biex issir kapaċi tiffinanzja lilha nfisha fit-terminu medju, minħabba tnaqqis konsiderevoli fl-ispejjeż, peress li jkun jista' jiġi ffrankat sa EUR 520 000 fis-sena. Finalment, dan inaqqas l-ispariġġ tal-likwidità tal-ajruport. L-ajruport jinżamm u jgħin sabiex jiżdied it-tkabbir ekonomiku reġjonali.

3.   IL-MIŻURI EŻAMINATI U L-KUNTEST TAGĦHOM

3.1.   ĦARSA ĠENERALI TAL-GĦOTJIET PUBBLIĊI LI RĊEVIET FLUGPLATZ ALTENBURG-NOBITZ GMBH

(36)

Bejn l-1992 u l-2010 ġew investiti madwar EUR 21 miljun fi Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, li għalihom il-Land ta' Thüringen ikkontribwixxa EUR 17-il miljun u l-azzjonisti tal-kumpanija pubblika kkontribwixxew madwar EUR 4 miljun (19).

(37)

Bejn l-2000 u l-2011, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH irċeviet żewġ tipi ta' għotjiet pubbliċi, li kienu injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti u għotjiet mingħand organizzazzjonijiet pubbliċi oħrajn, speċjalment il-Land ta' Thüringen. (20) Skont il-Ġermanja u r-rapport finanzjarju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, il-Land ta' Thüringen kien jiffinanzja l-iktar investimenti infrastrutturali, filwaqt li l-azzjonisti għenu sabiex jiffinanzjaw it-telf operatorju. It-Tabella 2 fiha lista tal-għotjiet pubbliċi riċevuti mill-ajruport, li l-objettivi ewlenin tagħhom kienu kif ġej:

(a)

Il-finanzjament tal-investimenti, speċjalment investimenti infrastrutturali;

(b)

Il-finanzjament tal-attivitajiet operatorji (kopertura tat-telf);

(c)

Il-finanzjament ta' miżuri tal-kummerċjalizzazzjoni taħt bosta kuntratti ma' Ryanair;

(d)

Il-finanzjament ta' attivitajiet tal-liġi pubblika.

Tabella 2  (21)

Ħarsa ġenerali tal-għotjiet pubbliċi li rċeviet Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH

(f'eluf ta' EUR)

Sena finanzjarja

Injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti

Għotjiet pubbliċi oħrajn (22)

Total

2000

256

321

577

2001

256

655

911

2002

256

226

482

2003

960

561

1 521

2004

1 280

395

1 675

2005

914

690

1 604

2006

769

404

1 173

2007

1 057

780

1 837

2008

925

2 032

2 957

2009

957

1 416

2 373

2010

1 147

367

1 514

2011

302

0

302

Total

9 079

7 847

16 926

3.2.   IL-FINANZJAMENT TAL-INVESTIMENTI INFRASTRUTTURALI 2000-2011

(38)

Skont il-Ġermanja, b'kollox Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH investiet EUR 6 474 035 fl-infrastruttura mill-2000 sal-2011. Dik il-figura hija analizzata b'mod disaggregat fit-Tabella 3. L-investimenti kienu jinkludu l-estensjoni tar-runway (total ta' EUR 687 882 fl-2003/2004) u l-bini ta' terminal ġdid (li sewa EUR 1 003 571 fl-2009), li nfetaħ fl-2010 (23)).

Tabella 3  (24)

Ħarsa ġenerali tal-investimenti infrastrutturali fl-AOC u l-kostijiet ta' investiment mill-2000 sal-2011

(f'EUR)

Sena

Miżura tal-infrastruttura

Għotjiet pubbliċi

Riżorsi proprji (25)

Kost totali ta' investiment

2000

It-temp — ix-xiri ta' kompjuter mainframe, tagħmir addizzjonali eċċ.

13 914

9 276

23 190

L-aċċettazzjoni teknika ta' finder tad-direzzjoni RT 1000C

3 590

2 393

5 983

Il-provvista tal-ilma (konnessjoni, tiġdid) (2)

10 205

6 803

17 008

2001

Il-bini mill-ġdid tar-runway u parti miż-żona tal-manuvrar

72 652

8 072

80 724

Ix-xiri ta' air starter

34 495

42 949

77 443

2002

Il-bini ta' ċnut għaż-żona tal-ajruport (servizz residwu)

26 144

17 429

43 573

L-ispejjeż tal-ippjanar — l-ippjanar tar-rilokazzjoni tas-soll 22 u l-waqfa 22 tar-runway

46 183

5 131

51 314

2003

Ir-rilokazzjoni tal-waqfa 22 tar-runway, ix-xogħol ta' ristrutturar fuq ir-runway (l-ewwel żborż fl-2003, it-tieni żborż fl-2004)

314 550

187 882

687 882

2004

Ir-rilokazzjoni tal-waqfa 22 tar-runway, ix-xogħol ta' ristrutturar fuq ir-runway (it-tieni żborż fl-2004)

185 450

2006

Is-sinjal tal-ajrudrom, ix-xiri ta' softwer, ix-xiri ta' 5 riċevituri tar-radjualarm, l-installazzjoni ta' gate ta' emerġenza, l-estensjoni tat-terminal, ix-xiri ta' 27 transponder bijometriku, l-estensjoni tal-kablaġġ tal-istazzjon tat-temp

28 787

12 337

41 124

Ix-xiri ta' vettura tat-tifi tan-nar (l-ewwel ħlas parzjali fl-2006)

193 526

82 940

276 466

2007

Ix-xiri ta' vettura tat-tifi tan-nar (it-tieni ħlas parzjali fl-2007)

387 052

165 879

552 931

Ix-xiri ta' vettura li timpala l-borra

230 040

153 360

383 400

2008

Netwerk ta' sorveljanza għas-sigurtà

11 430

4 899

16 329

Magni tal-ħsad

5 514

3 676

9 190

Ix-xiri tal-art

56 144

24 062

80 206

Ir-ristrutturar tal-estensjoni tas-sikurezza tar-runway

1 816 538

778 516

2 595 054  (26)

2009

Konverżjoni tat-terminal/rikostruzzjoni tat-terminal

702 500

50 672

753 172  (27)

Xogħol ta' mmarkar tal-erja tar-rampa tal-ajruport

4 429

1 898

6 327

Tiswijiet fuq ir-runway qabel is-soll 04

336 853

0

336 853

2010

Konverżjoni tat-terminal/rikostruzzjoni tat-terminal

0

250 399

250 399  (27)

Xogħol ta' mmarkar tal-erja tar-rampa tal-ajruport

0

0

0

Tiswijiet fuq ir-runway qabel is-soll 04

0

144 366

144 366

2012

Tester tal-qabda (kontroll tat-traffiku tal-ajru)

28 770

12 330

41 100

TOTAL

4 508 766

1 965 269

6 474 034

(39)

Kif spjegat f'dettall fit-taqsima 3.4.2 iktar 'il quddiem, l-AOC kellu bżonn jestendi r-runway u jipprovdi żoni tas-servizzi għall-kumpaniji li jikru l-karozzi skont il-kuntratt tas-servizz ma' Ryanair. Mir-rapporti finanzjarji ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH għas-snin inkwistjoni jidher ċar li r-runway ġiet estiża (28).

(40)

Il-bord tad-diretturi ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH iddiskuta pjan ta' investiment ġenerali mifrux fuq għaxar snin li kien jinvolvi investimenti li b'kollox kienu jiswew madwar EUR 20 miljun matul il-laqgħa tiegħu fit-23 ta' Ġunju 2000 b'rabta mal-iżvilupp tal-ajruport.

3.3.   IL-FINANZJAMENT TAT-TELF OPERATORJU TA' FLUGPLATZ ALTENBURG-NOBITZ GMBH FIL-PERJODU 2000-2011

(41)

Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH irrapporta t-telf annwali elenkat fit-Tabella 4 mill-operat tal-AOC tul il-perjodu 2000-2011.

Tabella 4  (29)

Ħarsa ġenerali u finanzjament tat-telf annwali ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH

(f'eluf ta' EUR)

Sena finanzjarja

L-introjtu/it-telf operatorju mingħajr għotjiet pubbliċi u spejjeż tas-servizzi pubbliċi (30)

Investimenti (31)

Deprezzament

Profitt/telf finanzjarju nett (32)

Profitt/telf nett

2000

– 244

204

1 509

– 19

+ 34

2001

– 591

77

1 469

– 24

– 31

2002

– 214

61

1 393

0

+ 51

2003

– 1 161

509

620

+ 2

– 64

2004

– 1 192

428

612

– 1

0

2005

– 671

92

445

– 12

– 272

2006

– 496

2 613

531

– 26

– 253

2007

– 719

1 071

533

– 1

– 301

2008

– 511

664

645

– 2

– 460

2009

– 906

2 354

821

+ 7

– 562

2010

– 1 150

1 296

965

– 2

– 567

2011

– 424

8

907

– 13

– 437

(42)

Il-Ġermanja ssottomettiet id-dejta mogħtija fit-Tabella 5 fuq l-injezzjonijiet speċifiċi annwali ta' kapital li għamlu l-azzjonisti sabiex ikopru t-telf operatorju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH (33). Dawk l-injezzjonijiet ta' kapital laħqu total ta' EUR 8,9 miljun.

Tabella 5

Injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti għal finijiet operatorji

(f'EUR)

2000

200 000 – 300 000 […] (1)

2001

200 000 – 300 000 […] (1)

2002

200 000 – 300 000 […] (1)

2003

300 000 – 400 000 […] (1)

2004

475 000 – 575 000 […] (1)

2005

700 000 – 800 000 […] (1)

2006

925 000 – 1 025 000 […] (1)

2007

1 250 000 – 1 350 000 […] (1)

2008

1 125 000 – 1 225 000 […] (1)

2009

1 125 000 – 1 225 000 […] (1)

2010

1 325 000 – 1 425 000 […] (1)

2011

425 000 – 525 000 […] (1)

Total

8 897 000

(43)

Mir-rapporti finanzjarji ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH jidher ċar li, mill-bidu tal-perjodu kkonċernat hawnhekk, il-pożizzjoni finanzjarja tal-ajruport kienet tiddependi ħafna mill-injezzjonijiet ta' kapital tal-azzjonisti. Fir-rapport finanzjarju tal-2002 tagħha, il-kumpanija tispjega li s-sopravvivenza tal-kumpanija tkun f'riskju mingħajr injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti u li kien hemm bżonn ta' iktar injezzjonijiet. Bosta rapporti finanzjarji oħrajn (għall-2003 u l-2004) jiddikjaraw li l-kumpanija tista' tibqa' topera biss bl-injezzjonijiet ta' kapital tal-azzjonisti. (34). Il-kumpanija diġà kienet bassret fin-nota dwar il-prospetti għas-sena ta' wara fir-rapport finanzjarju tal-2003 li l-azzjonisti kien sejjer ikollhom bżonn jagħmlu injezzjonijiet ta' kapital fis-snin finanzjarji ta' wara. Skont ir-rapport finanzjarju annwali tal-2006, fl-2006 it-theddida ta' insolvenza kienet evitata biss bis-saħħa ta' injezzjonijiet ta' kapital tal-azzjonisti.

(44)

Il-Ġermanja spjegat li l-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi għamlu riferiment għal spejjeż tal-persunal għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-kontroll tal-perimetru, l-amministrazzjoni, iċ-check-in, it-taħriġ u l-bdoti u dawn kienu ffinanzjati kemm mir-riżorsi proprji ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kif ukoll mil-Land ta' Thüringen. Dan jidher fit-Tabelli 6 u 7.

Tabella 6

Il-finanzjament tal-kostijiet tas-servizzi pubbliċi fi Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH  (35)

(f'EUR)

Sena

L-ispejjeż totali tas-servizzi pubbliċi

Fondi proprji

Finanzjament mil-Land ta' Thüringen

2000

276 420

106 031

170 389

2001

278 773

127 043

151 730

2002

292 270

134 801

157 469

2003

412 325

247 279

165 046

2004

461 067

293 713

167 354

2005

685 406

529 734

155 672

2006

683 415

527 017

156 398

2007

732 355

597 858

134 497

2008

700 772

599 954

100 818

2009

718 416

347 598

370 818

2010

657 982

313 933

344 049

2011

598 056

261 654

336 402

TOTAL

6 497 257

4 086 615

2 410 642


Tabella 7  (36)

Disaggregazzjoni tal-finanzjament mil-Land ta' Thüringen skont it-tip ta' spiża tas-servizzi pubbliċi

(f'EUR)

Sena

Kontroll tat-traffiku tal-ajru

Servizzi tal-kontroll tal-ajruport

Finanzjament totali mil-Land ta' Thüringen

2000

170 389

0

170 389

2001

151 730

0

151 730

2002

157 469

0

157 469

2003

165 046

0

165 046

2004

167 354

0

167 354

2005

155 672

0

155 672

2006

156 398

0

156 398

2007

134 497

0

134 497

2008

100 818

0

100 818

2009

100 818

270 000

370 818

2010

94 049

250 000

344 049

2011

86 402

250 000

336 402

TOTAL

1 640 642

770 000

2 410 642

3.4.   IT-TARIFFI TAL-AJRUPORT U L-PAGAMENTI LIL RYANAIR SKONT IL-KUNTRATTI TAS-SERVIZZI TAL-AJRUPORT U S-SERVIZZI TA' KUMMERĊJALIZZAZZJONI

3.4.1.   Ir-regolament dwar it-tariffi tal-ajruport applikat fl-AOC

(45)

It-Tabella 8 tiġbor fil-qosor l-iktar dispożizzjonijiet importanti tar-regolament dwar it-tariffi standard tal-ajruport applikati fl-AOC tul il-perjodu 2002-2010 (37).

Tabella 8

Ir-regolament dwar it-tariffi tal-ajruport applikat fl-AOC fil-perjodu 2002-2010  (38)

Prezz nett mingħajr il-VAT

It-tariffi għall-illandjar għal inġenji tal-ajru b'iktar minn 6 001  kg/kull 1 000  kg

It-tariffa tal-passiġġieri/għal kull passiġġier

Ir-regolament dwar it-tariffi tal-ajruport mill-1 ta' Jannar 2002

EUR 7,78

EUR 2,67

Ir-regolament dwar it-tariffi tal-ajruport mit-18 ta' Settembru 2006

EUR 7,45

EUR 3,00

(46)

F'Jannar 2011 ġie adottat regolament ġdid dwar it-tariffi tal-ajruport, u d-dispożizzjonijiet ewlenin ta' dan huma stipulati fit-Tabelli 9 u 10.

Tabella 9

Ir-regolament dwar it-tariffi tal-ajruport applikabbli għall-inġenji tal-ajru mill-2011  (39)

Ir-regolament dwar it-tariffi tal-ajruport minn Jannar 2011

(Prezz nett mingħajr il-VAT)

Sa 30 min. ħin fuq l-art

Iktar minn 30 min. ħin fuq l-art

Għal titjiriet tal-passiġġieri b'rotazzjonijiet ippjanati (40)

EUR 0

EUR 7,45

Għal titjiriet tal-passiġġieri mingħajr rotazzjonijiet ippjanati u għal titjiriet tal-merkanzija

EUR 7,45


Tabella 10

Ir-regolament dwar it-tariffi tal-ajruport applikabbli għall-passiġġieri mill-2011  (41)

Ir-regolament dwar it-tariffi tal-ajruport minn Jannar 2011

(Prezz nett mingħajr il-VAT)

Inqas minn 50 000 passiġġier

Bejn 50 000 u 100 000  passiġġier

It-tariffa għal kull passiġġier

EUR 6,00

EUR 4,20

3.4.2.   Il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport ta' Ryanair tat-3 ta' Marzu 2003

(47)

Fit-3 ta' Marzu 2003, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH (fil-kuntratt imsejjaħ l-“AOC”), u Ryanair ikkonkludew kuntratt tas-servizzi tal-ajruport twil għaxar snin. Il-kuntratt daħal fis-seħħ fil-bidu tar-rotazzjoni ppjanata ta' kuljum għall-Ajruport Stansted ta' Londra, li kellha tibda fl-1 ta' Mejju 2003.

(48)

Skont it-termini tal-kuntratt, Ryanair riedet tagħmel il-pagamenti li ġejjin lill-AOC:

(a)

Tariffa għall-forniment ta' servizzi tat-titjiriet għall-passiġġieri fuq il-bażi tar-regolament tal-AOC dwar it-tariffi fis-seħħ dakinhar tas-servizz;

(b)

Ammont daqs it-tariffa tas-sigurtà tal-passiġġieri u t-tariffa tal-gvern (it-“taxxa Ġermaniża”) bir-rata fis-seħħ fi żmien it-titjira inkwistjoni. It-tariffa inizjali kienet “Erba' euro u wieħed u ħamsin ċenteżmu (EUR 4,08)” (42). Il-kuntratt jistipula wkoll l-intenzjoni taż-żewġ partijiet li jippruvaw iġibu tnaqqis fit-taxxa Ġermaniża jekk jiżdied in-numru ta' passiġġieri li jara l-ajruport. Ryanair xorta waħda kellha tiġbor it-tariffa inizjali bħala tariffa minima.

(49)

Il-Ġermanja spjegat li Ryanair ħallset it-tariffi għall-forniment tas-servizzi skont ir-regolament dwar it-tariffi standard applikabbli għall-AOC dak iż-żmien. Dawn kienu jfissru tariffa fissa għall-illandjar ta' […]* għal kull inġenju tal-ajru u tariffa tal-passiġġieri ta' […]* għal kull passiġġier (netta mingħajr il-VAT) (43) (it-tariffi mħallsin f'Ġunju 2009).

(50)

Il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003 imsemmi iktar 'il fuq jistipula li, min-naħa tiegħu, l-AOC jaqbel li:

(a)

jipprovdi runway b'ċerti proprjetajiet tekniċi sal-31 ta' Diċembru 2003, li trid titlesta u tiġi estiża sal-31 ta' Mejju 2004;

(b)

jipprovdi servizzi ta' terminal u infrastruttura tal-ajruport ([…]*) u servizzi b'rabta mal-bejgħ, il-kummerċjalizzazzjoni u r- relazzjonijiet pubbliċi (kif stipulat fl-Anness A għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport);

(c)

jipprovdi servizzi ta' mmaniġġjar u oħrajn relatati (kif stipulati fl-Anness B għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport);

(d)

jara li jkun operat servizz tal-linja b'nollijiet lokali bejn l-AOC u l-Istazzjon Ċentrali ta' Leipzig u bejn l-AOC u l-Istazzjon Ċentrali ta' Dresden;

(e)

jopera sistema ta' prenotazzjonijiet (kif spjegata fl-appendiċi għall-Anness B għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport).

(51)

Minbarra l-obbligu fuq Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH li jipprovdi r-runway, l-Anness A għall-kuntratt jipprovdi għal servizzi oħrajn li jrid jipprovdi l-AOC:

(a)

servizzi ta' terminal u infrastrutturali: […]*, is-sodisfazzjon ta' “rekwiżiti rilevanti oħrajn ta' Ryanair fuq ‘bażi ad hoc’ sabiex jara li Ryanair tkun tista' tirrispetta ż-żmien ta' tidwir ippjanat tagħha ta' 25 minuta”;

(b)

servizzi marbutin mal-bejgħ, il-kummerċjalizzazzjoni u r-relazzjonijiet pubbliċi:[…]*.

(52)

It-tariffi li ħallset Ryanair, kif imsemmi fil-paragrafu 48 ikopru bosta servizzi elenkati fl-Anness B għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003 intitolat “Servizzi ta' mmaniġġjar u oħrajn relatati li jridu jiġu pprovduti mill-aġent tal-groundhandling”, bħal: (44): it-tagħbija u l-ħatt ta' bagalji (mhux merkanzija); […]* l-użu ta' kamra tal-banju u provvista tal-ilma fuq talba; […]* il-forniment u l-applikazzjoni ta' sistemi ta' tneħħija tas-silġ fuq talba ta' Ryanair, bħal fluwidi ta' tneħħija tas-silġ li jiswew […]* il-litru, check-in, tlugħ abbord u nżul mill-ajruplan tal-passiġġieri u kontroll tad-dokumenti tal-ivvjaġġar.

(53)

Skont l-Appendiċi għall-Anness B għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003 intitolat “Sistema ta' Prenotazzjoni”, il-fornitur tas-servizzi tal-immaniġġjar irid jistabbilixxi u jopera desk tas-servizzi għall-passiġġieri, jara li t-taħriġ tal-persunal tal-prenotazzjoni jibqa' ta' standard tajjeb, iħallas għall-ħardwer tal-kompjuter, għat-telefowns, magni tal-faks u tagħmir tal-ITC tal-avjazzjoni (SITA) u għall-ispejjeż kollha ta' manutenzjoni tas-sistema u ta' skambju tat-tagħmir imġarrab minnu matul l-operat tad-desk tal-passiġġieri. Minkejja dan[…]*.

3.4.3.   Kuntratti tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni

(54)

Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH ikkonkludiet tliet kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni b'kollox, bl-ewwel wieħed ikun ma' Ryanair u t-tnejn ta' wara ma' Airport Marketing Services Limited (AMS), flimkien ma' ittra ta' akkumpanjament għall-aħħar kuntratt konkluż fil-25 ta' Jannar 2010.

Tabella 11

Il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni bejn Flughafen Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair/AMS

Kuntratt

Terminu

Suġġett

Tariffi pagabbli mill-AOC lil Ryanair

Kuntratt tas-7.4.2003 bejn l-AOC u Ryanair

15.4.2003 sa 30.4.2013

Kartellun li jirreklama bl-Ingliż u promozzjoni tal-bejgħ u ħidma ta' relazzjonijiet pubbliċi sabiex isostnu l-kummerċjalizzazzjoni tat-turiżmu bl-ivvjaġġar bl-ajru fiż-żona ta' Altenburg.

Tariffa ta' suċċess skont in-numru ta' passiġġieri tielqa, li trid titnaqqas mit-tariffi li tħallas Ryanair għas-servizzi tal-ajruport

Tariffa ta' suċċess ibbażata fuq perċentwal ta' kwalunkwe żieda fit-tariffa fl-ajruport

Kuntratt tat-28.8.2008 bejn l-AOC u AMS

28.8.2008 sa 27.8.2010

Servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni li jużaw is-sit web ryanair.com bħala strument primarju: Paragrafu ta' 150 kelma (jew bosta paragrafi) fit-taqsima “Top Five Things to Do” fuq il-paġna tad-destinazzjoni tat-titjira tal-AOC.

EUR […]* fl-2008

EUR […]* fl-2009 (45)

(iż-żewġ ammonti netti mingħajr il-VAT)

Kuntratt tal-25.1.2010 bejn l-AOC u AMS

25.1.2010 sa tmiem is-sena wara d-data li fiha ġie introdott l-ewwel servizz

Il-pakkett ta' servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni li jrid jiġi pprovdut għal sena

EUR […]* fis-sena (45) (netti mingħajr il-VAT)

Ittra ta' akkumpanjament tal-21.9.2010 bejn l-AOC u AMS

21.9.2010 sa 31.3.2011

Ittra ta' akkumpanjament għall-kuntratt oriġinali tal-25.1.2010

EUR […]* għall-istaġun xitwi tal-2010

3.4.3.1.   Il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003

(55)

Skont l-ewwel kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH (fil-kuntratt imsejħa l-“AOC”) u Ryanair tas-7 ta' April 2003, li daħal fis-seħħ fil-15 ta' April 2003 għal perjodu ta' għaxar snin, Ryanair hija meħtieġa tagħmel sforzi biex tirreklama ż-żona ta' Altenburg. Skont il-kuntratt, apparti mis-sit web tal-AOC, Ryanair għandha setgħa eżekuttiva fuq kull deċiżjoni dwar ir-reklamar u l-miżuri promozzjonali.

(56)

Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH trid tħallas it-tariffi li ġejjin għall-ħidma mwettqa minn Ryanair:

(a)

“rata ta' suċċess” għal kull passiġġier tielaq, stabbilita bħala imposta netta għas-servizzi tal-passiġġieri pagabbli minn Ryanair għal kull passiġġier għall-inżul, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru lokali, it-tidwil, il-parkeġġ (mingħajr parkeġġ mil-lum għall-għada), immaniġġjar tar-rampa tal-ajruport u tal-passiġġieri, l-infrastruttura u t-tariffa tal-ajruport/passiġġieri. L-AOC trid tikkalkola t-tariffa netta għal kull passiġġier fuq il-bażi tal-iskedi ta' volum ta' passiġġieri u għadda l-kalkolu lil Ryanair fi tmiem kull ġimgħa. Ryanair ikkalkolat it-tariffa ta' suċċess u għaddiet il-kalkolu lill-AOC fi żmien 30 jum minn tmiem kull xahar. Il-kalkolu kien ibbażat fuq is-servizzi tul l-aħħar xahar tal-kalendarju. Ryanair tħalliet tnaqqas it-tariffa ta' suċċes tagħha mill-fattura ta' kull xahar ippreżentata mill-AOC għat-tariffi għall-illandjar.

Tabella 12

Imposta netta għal kull passiġġier pagabbli minn Ryanair lil AOC

(f'EUR)

L-għadd ta' rotazzjonijiet tas-servizz

L-imposta netta għal kull passiġġier tielaq inklużi l-imposti kollha (ħlief is-sigurtà) Sena 1-5

L-imposta netta għal kull passiġġier tielaq inklużi l-imposti kollha (ħlief is-sigurtà) Sena 6-10

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

(b)

“tariffa ta' suċċess” ibbażata fuq perċentwal ta' kwalunkwe żieda fit-tariffa fl-ajruport

100 % ta' kull żieda fit-tariffa tas-sigurtà mitluba mill-Istat, sa rata massima ta' 10 % tar-rata eżistenti ppubblikata fi żmien perjodu ta' ħames snin;

100 % ta' kull żieda fit-tariffi eżistenti ppubblikati jew tariffi, dazju jew taxxi addizzjonali introdotti fl-imposti tal-ajruport ippubblikati, sa rata massima ta' 10 % tat-tariffa ġenerali eżistenti ppubblikata u pagabbli minn Ryanair fi żmien perjodu ta' ħames snin.

3.4.3.2.   Il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tat-28 ta' Awwissu 2008

(57)

Fit-28 ta' Awwissu 2008 ġie konkluż it-tieni kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH (fil-kuntratt imsejjaħ l-“AOC”), u Airport Marketing Services Limited. Skont dak il-kuntratt, l-AOC kien biħsiebu jirreklama b'mod attiv il-faċilitajiet disponibbli fil-belt u r-reġjun u li jżid il-perċentwal ta' turisti ġejjin fuq titjiriet ta' Ryanair u b'hekk jikseb l-ikbar dħul possibbli li jista' jagħmel minn attivitajiet mhux marbutin mal-avjazzjoni. Il-kuntratt kien jesiġi li Ryanair ikollha rotta mill-AOC għal Londra (Stansted) kuljum fis-sajf u erba' darbiet fil-ġimgħa fix-xitwa u rotta lejn Ġirona tliet darbiet fil-ġimgħa fis-sajf.

(58)

Il-kuntratt kellu terminu inizjali ta' sentejn. L-AOC ħallas EUR […]* għall-ewwel sena u EUR […]* għat-tieni sena. Min-naħa tiegħu, l-AOC irċieva […]*. Il-kuntratt ma kien fih ebda informazzjoni fuq id-durata, il-post jew dettalji oħrajn tal-link.

(59)

Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kellha d-dritt li tagħżel il-ħin ippreferut għall-miżuri ta' kummerċjalizzazzjoni. Madankollu, minħabba d-disponibbiltà limitata tiegħu, dan il-ħin ma setax jiġi ggarantit. Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kellha d-dritt ukoll li tagħżel is-siti web li setgħu jiġu aċċessati permezz ta' link fuq is-sit web ta' Ryanair. Madankollu, dak id-dritt kien limitat mill-fatt li s-siti web ma setgħu jinkludu ebda servizz ta' titjira, kiri ta' karozzi jew akkomodazzjoni u/jew servizz ieħor li jista' jiġi kkummerċjalizzat fuq is-sit web ta' Ryanair. Barra minn hekk, Ryanair kellha setgħa deċiżjonali u setgħet tiċħad milli tippubblika sit web. Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kellha tissorvelja wkoll is-servizzi sabiex tara li kienu qegħdin jiġu pprovduti skont il-kuntratt.

3.4.3.3.   Il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta' Jannar 2010

(60)

Fil-25 ta' Jannar 2010 ġie konkluż it-tielet kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH (fil-kuntratt imsejjaħ l-“AOC”), u Airport Marketing Services Limited. Skont dak il-kuntratt, AMS ipprovdiet servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni turistika fuq is-sit web ta' Ryanair sabiex l-AOC ikun jista' jirreklama l-potenzjal kummerċjali tiegħu u l-attrazzjonijiet turistiċi. Il-kuntratt jeħtieġ li Ryanair taqbel li tipprovdi rotot mill-AOC mis-sajf 2010 'il quddiem fl-istaġun tas-sajf tal-IATA biss (46) lejn Londra (Stansted) (seba' darbiet fil-ġimgħa), lejn Ġirona (tliet darbiet fil-ġimgħa) u lejn Alicante (darbtejn fil-ġimgħa).

(61)

Il-kuntratt kellu terminu inizjali ta' sena. L-AOC ħallas EUR […]* għal sena u rċieva l-pakkett ta' servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni li ġej: […]*. Id-drittijiet u l-obbligi tal-AOC f'termini tal-ħinijiet ippreferuti, il-konfigurazzjoni tas-sit web u s-setgħa deċiżjonali ta' Ryanair kienu l-istess bħal dawk tal-kuntratt ta' qabel.

3.4.3.4.   L-ittra ta' akkumpanjament tal-21 ta' Settembru 2010

(62)

L-ittra ta' akkumpanjament tal-21 ta' Settembru 2010 ġiet iffirmata bejn Flughafen Altenburg-Nobitz GmbH (fil-kuntratt imejħa l-“AOC”) u Airport Marketing Services Limited. Il-kuntratt jissupplimenta l-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni oriġinali tal-25 ta' Jannar 2010, peress li l-AOC xtaq li jixtri iktar servizzi ta' reklamar (47) li ammontaw għal EUR […]* għall-istaġun tax-xitwa tal-2010 biss. L-ittra ta' akkumpanjament skadiet fil-31 ta' Marzu 2011.

(63)

Skont l-ittra ta' akkumpanjament, AMS kienet meħtieġa tipprovdi servizzi ta' reklamar fil-forma ta' “link għal sit web magħżul minn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, li trid tintwera fuq il-paġna ewlenija ta' Ryanair UK ryanair.com għal 12-il jum matul it-terminu tal-ittra ta' akkumpanjament”.

(64)

Skont il-Ġermanja, il-pagamenti skont din l-ittra ta' akkumpanjament saru minn impriżi privati, wara li qablu fuq iż-żamma tal-operazzjonijiet ta' Ryanair fl-AOC.

4.   IR-RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA' INVESTIGAZZJONI FORMALI U L-VALUTAZZJONI INIZJALI TAL-KUMMISSJONI

(65)

Il-Kummissjoni qajmet il-mistoqsijiet li ġejjin fid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura rigward il-miżuri li jridu jiġu vvalutati:

(a)

Miżura 1: Il-finanzjament tal-investimenti infrastrutturali 2000-2011: Jekk il-pagamenti li saru għall-infrastruttura tal-ajruport bejn l-2000 u l-2011 li laħqu mas-EUR 6 474 034, inkluża l-estensjoni tar-runway skont il-kuntratt konkluż fit-3 ta' Marzu 2003 bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair, jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u, jekk iva, dik l-għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern.

(b)

Miżura 2: Il-finanzjament tat-telf operatorju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH fis-snin 2000-2011: Jekk l-azzjonisti pubbliċi aġixxew f'konformità mal-prinċipju tal-investitur tas-suq meta taw l-għajnuna operatorja annwali li laħqet mad-EUR 9 079 miljun lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH bejn is-sena 2000 u l-2011 u, jekk le, jekk dik l-għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern.

(c)

Miżura 3: It-tariffi tal-ajruport u l-pagamenti lil Ryanair skont il-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport u ta' kummerċjalizzazzjoni: Jekk Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH aġixxiet bħala investitur privat f'ekonomija tas-suq meta aċċettat tnaqqis fid-dħul mis-servizzi tal-ajruport permezz tal-mekkaniżmu li bih ħallset it-tariffi ta' kummerċjalizzazzjoni lil Ryanair/AMS fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2003 u l-31 ta' Marzu 2011 u, jekk dak it-tnaqqis jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, jekk dik l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq intern. L-imposti inqas tal-ajruport riċevuti kkaġunaw telf fil-qligħ għall-operatur pubbliku tal-ajruport (Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH). Il-pagamenti tal-kummerċjalizzazzjoni li saru lil Ryanair u AMS saru mill-operatur pubbliku, ħlief fil-każ tal-aħħar kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni (l-ittra ta' akkumpanjament tal-21 ta' Settembru 2010) li bih l-impriżi privati kienu responsabbli għall-pagamenti. Għalhekk, il-Kummissjoni sejra teskludi li l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni finali konkluż ma' AMS fil-21 ta' Settembru 2010 mill-analiżi tagħha, peress li dan kien iffinanzjat minn impriżi reġjonali privati li kienu qablu li jżommu l-attivitajiet ta' Ryanair fl-ajruport.

5.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA

5.1.   IL-FINANZJAMENT TAL-INVESTIMENTI INFRASTRUTTURALI 2000-2011 (MIŻURA 1)

(66)

Skont il-Ġermanja, l-għotjiet pubbliċi għall-investimenti infrastrutturali fl-ajruport kienu bbażati fuq l-istess loġika bħall-konverżjoni tal-ajruport u li l-konverżjoni tiegħu minn mitjar militari għal ajruport ċivili kienet iġġustifikata f'termini tal-iżvilupp ekonomiku tar-reġjuni tal-Lvant ta' Thüringen u l-Punent ta' Sachsen. (48). L-Artikolu 2.1 tal-artikoli ta' inkorporazzjoni ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH tabilħaqq jiddikjara li wieħed mill-objettivi tal-kumpanija huwa li ttejjeb l-infrastruttura kummerċjali u, b'hekk, li ssaħħaħ l-ekonomiji tal-Lvant ta' Thüringen u l-Punent ta' Sachsen. Rapport tal-maniġment tal-kumpanija. (49) jistma d-dħul annwali għar-reġjun sħiħ tal-Ġermanja Ċentrali mill-passiġġieri tat-trasferimenti fl-ajruport għal EUR 10,7 miljun.

(67)

Il-Ġermanja tiddikjara li l-forniment tal-infrastruttura jagħmel parti mill-mandat tal-Istat fil-kuntest tar-responsabbiltà tiegħu għall-ġestjoni tat-territorju, l-iżvilupp reġjonali u l-politika dwar it-trasport reġjonali. Għalhekk, mhux talli dawn l-investimenti infrastrutturali huma bbażati biss fuq raġunijiet purament ekonomiċi għall-benefiċċju ta' impriża; talli huma wkoll parti mill-kompitu tal-Istat li jaqdi l-interess ġenerali.

(68)

Il-Ġermanja tiddikjara wkoll li l-Land huwa intitolat biss (50) li jiffinanzja ċerti attivitajiet li huma fl-interess immedjat tiegħu u mhux vijabbli mingħajr sussidju pubbliku. Kumpens eċċessiv huwa evitat billi jsir awditjar ex post tal-approprjazzjoni tar-riżorsi pprovduti (51).

(69)

Skont il-Ġermanja, huwa fatt magħruf li, b'mod partikolari, l-ajruporti reġjonali spiss ma jkunux jistgħu jkopru l-kostijiet ta' investiment u operatorji tagħhom mill-imposti tal-ajruport u li jista' jkun hemm bżonn ta' kofinanzjament pubbliku. L-argument ewlieni li għamlet hawnhekk il-Ġermanja huwa li l-investimenti infrastrutturali kellhom jiġu ffinanzjati mill-awtoritajiet pubbliċi sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu rrispettati r-rekwiżiti statutorji f'termini tas-sigurtà u l-prevenzjoni tal-perikli, li ajruporti reġjonali bħall-AOC ma jkunux kapaċi jiġġeneraw biżżejjed dħul mill-imposti tal-ajruport sabiex jiffinanzjaw l-investimenti infrastrutturali u li, mingħajr sussidju pubbliku, il-kumpaniji ma kinitx tkun kapaċi tirrilaxxa l-obbligi statutorji tagħha, inkluż f'termini tar-rekwiżiti tas-sigurtà imposti fuq il-linja tal-ajru.

(70)

Il-Ġermanja tindika li x-xogħlijiet ta' rinnovament tat-terminal saru fl-2009 sabiex jiġu rrispettati r-rekwiżiti dwar is-sikurezza u d-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-immaniġġjar separat ta' passiġġieri ġejjin mix-Schengen u dawk mhux mix-Schengen. Skont il-Ġermanja, ġew ikkunsidrati alternattivi għar-rinnovament, iżda kien ġie deċiż favur is-soluzzjoni fit-tul ta' rinnovament tat-terminal minħabba n-numru ikbar ta' passiġġieri u l-kost għoli tal-alternattivi.

(71)

Il-Ġermanja tiddikjara li l-ammont sħiħ ta' EUR 6 474 034 (52) investit fl-infrastruttura tul il-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2011 kien marbut biss ma' attivitajiet mhux ekonomiċi. Skont il-Ġermanja, dawn l-investimenti infrastrutturali ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat u, għalhekk, ma jaqgħux taħt id-dispożizzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Artikolu 107 TFUE. Il-Ġermanja tispjega wkoll li dawn l-investimenti għall-fini ta' attivitajiet mhux ekonomiċi jistgħu jiġu suddiviżi f'investimenti għas-sigurtà u investimenti għall-prevenzjoni ta' periklu għall-pubbliku u l-avjazzjoni. Il-Ġermanja tispjega f'dettall li l-funzjonijiet ta' sorveljanza u prevenzjoni tal-periklu, is-sikurezza kontra nirien, is-sigurtà pubblika u s-sigurtà operazzjonali, servizz meteoroloġiku u kontroll tat-traffiku tal-ajru lkoll huma kompiti sovrani. Il-Ġermanja tiċċara wkoll li sehem kbir mill-fondi riċevuti ntużaw sabiex jiġu ggarantiti s-sigurtà u r-rinnovament tal-infrastruttura minflok ma jkollha tinbena infrastruttura ġdida.

(72)

Il-Ġermanja tispjega wkoll li 30 % tal-ammont sħiħ ta' EUR 6 474 034 investit kien iffinanzjat minn fondi proprji ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u li l-bqija kien ġie mingħand il-Land ta' Thüringen. Il-Ġermanja tindika li l-fondi għal dawn l-investimenti infrastrutturali kienu ġew ipprovduti bħala assistenza finanzjarja mhux rifondibbli minflok bħala self. It-termini ta' dik l-assistenza finanzjarja kienu bbażati fuq ir-rekwiżiti stipulati fit-Thüringer Landeshaushaltsordnung [Regolament tal-Baġit Reġjonali ta' Thüringen] (53).

(73)

Il-Ġermanja tispjega wkoll li l-proġetti ta' konverżjoni għas-sostenn tal-iżvilupp ekonomiku reġjonali fi stati federali oħrajn b'rispett tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE kienu ffinanzjati bis-sħiħ minn riżorsi pubbliċi. Hawnhekk il-Ġermanja tirreferi għal deċiżjoni preċedenti tal-Kummissjoni (54) li sabet li l-bini jew l-estensjoni ta' ajruporti reġjonali f'żoni bi struttura dgħajfa kienu kompatibbli mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Infrastruttura mfassla skont l-ispeċifikazzjonijiet ta' Ryanair

(74)

Il-Ġermanja tiddikjara b'rabta mal-investimenti li talbet Ryanair fil-kuntratti tas-servizzi tagħha (runway b'ċerti proprjetajiet tekniċi li kellha tiġi pprovduta sal-31 ta' Diċembru 2003 u li kellha titlesta u tiġi estiża sal-31 ta' Mejju 2004 (55)) li din l-estensjoni speċjali ma tlestietx għal kollox u li ma tqieset bħala prekundizzjoni korretta għall-illandjar fl-AOC għal kull linja tal-ajru iktar milli obbligu kuntrattwali. Il-Ġermanja tispjega f'dettall li t-tul tar-runway fl-AOC kien ġie estiż tul is-snin minn 2 185 m (7 ta' Lulju 2003) għal 2 235 m (9 ta' Settembru 2004) u finalment għal 2 435 m (9 ta' Diċembru 2008). Madankollu, ir-runway kienet disponibbli għall-utenti kollha. Skont il-Ġermanja, il-fatt li din ir-runway kienet tintuża biss minn Ryanair ma jibdilx dik l-opinjoni.

(75)

Il-Ġermanja tiċħad ukoll l-argument tal-ilmentatur li r-runway ġiet estiża apposta għall-ajruplani Boeing 737-800 ta' Ryanair (107 inġenji tal-ajru fl-2007) fuq il-bażi li l-inġenju tal-ajru spiss jintuża minn linji tal-ajru oħrajn ukoll, bħad-Deutsche Lufthansa (132 inġenju tal-ajru fl-2007). Il-Ġermanja tindika wkoll li s-suġġeriment tal-ilmentatur li l-fondi pubbliċi ta' EUR 28 miljun ġew investiti sal-2007 fil-modernizzazzjoni tal-ajruport huwa żbaljat u li l-ilmentatur kien qiegħed jirreferi għal tagħrif li fih l-ispejjeż potenzjali kienu sempliċiment stmati. Skont il-Ġermanja, l-investimenti propji ammontaw għal EUR 16.7 miljun.

(76)

Il-Ġermanja targumenta wkoll li l-obbligi li talbet Ryanair fil-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport (l-Annessi A u B u l-appendiċi għall-Anness B) kienu obbligi ġenerali li ajruport irid jirrilaxxa sabiex jipprovdi s-servizzi li jeħtieġu l-linji tal-ajru. Il-Ġermanja tispjega li s-servizzi msemmijin fil-paragrafi 50 sa 53 huma obbligi standard inkombenti fuq l-ajruporti kollha u li l-infrastruttura tal-ajruport kienet disponibbli għal kull min jużah. Il-Ġermanja żżid li wħud mis-servizzi elenkati fl-Anness A għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport (bħal konferenzi għall-istampa, ivvjaġġar tal-ġurnalisti u avvenimenti filgħaxija organizzati minn aġenziji tal-ivvjaġġar) ma kinux ipprovduti.

Valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat

(77)

Il-Land ta' Thüringen investa EUR 12,25 miljun fl-infrastruttura tal-ajruport bejn l-1993 u l-1997. Il-Land ta' Thüringen approva għotjiet ta' EUR 4,5 miljun għal Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH bejn is-sena 1998 u l-2011. Dawn il-fondi ngħataw fuq il-bażi tar-regolamenti ppubblikati dwar l-għajnuna tal-Istat tal-Land ta' Thüringen, li ma kienx hemm bżonn li jiġu notifikati. Skont il-Ġermanja, l-għajnuna hija disponibbli skont dawn ir-regolamenti għall-operaturi kolha tal-ajruporti f'Thüringen. Skont dawk ir-regolamenti, il-fondi pubbliċi jistgħu jingħataw għal investimenti infrastrutturali li huma meħtieġa għas-settur tal-avjazzjoni, li huma disponibbli għall-utenti potenzjali kollha u li huma fl-interess pubbliku ġenerali. Barra minn hekk, dawk il-fondi huma limitati għal ammonti xierqa u neċessarji. Il-Ġermanja tispjega wkoll f'dettall li l-ajruporti kkontribwixxew għall-ispejjeż infrastrutturali mill-1997. Il-Ġermanja tispjega wkoll li dawn ir-regolamenti ma jistgħu jikkaġunaw ebda tgħawwiġ tal-kompetizzjoni.

(78)

Fir-rigward tal-investimenti infrastrutturali bejn it-12 ta' Diċembru 2000 (id-data li fiha l-Qorti qatgħet is-sentenza fil-każ tal-għajnuna li kien jinvolvi l-Aéroports de Paris u d-9 ta' Diċembru 2005 (id-data li fiha daħlu fis-seħħ il-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni), il-Ġermanja hija tal-fehma li l-kriterji applikabbli mhumiex ċari. Jekk japplikaw il-Linji Gwida tal-1994 dwar l-Avjazzjoni, l-infrastruttura ma tistax titqies bħala għajnuna mill-Istat bil-quddiem. Fuq dan il-punt, il-Ġermanja targumenta li l-Linji Gwida tal-1994 kienu japplikaw sakemm daħlu fis-seħħ il-Linji Gwida tal-2005, li s-sentenza f'Aéroports de Paris ma tibdilx dan il-fatt u li, peress li l-Linji gwida tal-1994 huma vinkolanti fuq il-Kummissjoni fuq il-bażi tal-prinċipju ta' aspettattiva leġittima, għalhekk għandhom ikunu japplikaw għall-miżuri infrastrutturali li saru sal-2005 u, għalhekk, il-miżura ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat. Targumenta li, għad li saru pagamenti għall-infrastruttura minn fondi pubbliċi, il-fondi ġew ipprovduti għal attivitajiet li jaqgħu taħt kompiti tal-politika pubblika u mhux għal attivitajiet ekonomiċi.

(79)

Fir-rigward tal-miżuri infrastrutturali implimentati wara d-9 ta' Diċembru 2005, l-ewwel nett il-Ġermanja hija tal-fehma li ma jikkostitwixxux għajnuna għar-raġunijiet mogħtijin fil-paragrafi 66 sa 73 u tiddikjara li, jekk il-Kummissjoni xorta waħda tikkonkludi li dawk l-investimenti fil-fatt huma għajnuna, l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, peress li tissodisfa kull waħda mill-prekundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 61 tal-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni.

(a)

Il-Ġermanja targumenta fir-rigward tal-ewwel rekwiżit (li l-investimenti infrastrutturali jissodisfaw objettiv definit ċar ta' interess ġenerali, jiġifieri l-forniment ta' infrastruttura tat-trasport u żvilupp reġjonali f'reġjun bi struttura dgħajfa), li l-AOC kien l-ewwel mitjar militari li ġie kkonvertit għal użu ċivili wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, li l-AOC jipprovdi wkoll servizz importanti għall-impriżi fiż-żona industrijali fl-inħawi u li t-turiżmu ta' passiġġieri ġejjin għandu jgħin sabiex jitjieb it-turiżmu reġjonali u jinħolqu l-impjiegi.

(b)

Fir-rigward tat-tieni rekwiżit, il-Ġermanja targumenta li l-investimenti infrastrutturali kienu meħtieġa u proporzjonati għall-objettiv imfassal. Il-Ġermanja ttenni li l-uniku skop tal-investimenti kollha kien għar-rinnovament u l-modernizzazzjoni tal-ajruport u li, peress li l-operatur (Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH) ma kellux biżżejjed riżorsi, kien hemm bżonn ta' riżorsi pubbliċi.

(c)

Fir-rigward tat-tielet rekwiżit, il-Ġermanja hija tal-fehma li l-infrastruttura kellha prospettivi sodisfaċenti għall-użu għat-terminu medju, tal-inqas sal-2009, li, skont it-tliet studji li saru fl-2007 (56), l-operatur tal-ajruport kien mistenni jtejjeb ir-riżultati annwali tiegħu u jilħaq kważi punt ta' ekwilibriju sal-2015 u li ż-żona industrijali fl-inħawi tissaħħaħ ukoll. Skont il-Ġermanja, studju minnhom (57) jirreferi b'mod speċifiku għall-kosteffettività tas-servizzi tal-linja tal-ajru low-cost u jagħti dak li huwa deskritt bħala xenarju konservattiv li fih l-AOC seta' jikseb 500 000 passiġġier sal-2015. Skont il-Ġermanja, dan juri li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u l-azzjonisti tagħha dejjem aġixxew bħala investituri privati f'ekonomija tas-suq.

(d)

Fir-rigward tar-raba' investiment, il-Ġermanja tispjega li l-użi potenzjali kollha tal-infrastruttura għandhom aċċess għaliha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju.

(e)

Fir-rigward tal-ħames rekwiżit, il-Ġermanja tispjega li l-iżvilupp tal-kummerċ mhuwiex affettwat b'mod li jmur kontra l-interess Komunitarju, li l-AOC huwa ajruport li jilqa' fih inqas minn 150 000 passiġġier fis-sena, jiġifieri ajruport tal-kategorija D, u li ma hemm ebda tgħawwiġ tal-kompetizzjoni ma' ajruporti oħrajn.

(80)

Fl-aħħar, il-Ġermanja hija tal-fehma li l-miżura ma theddidx li tgħawweġ u lanqas ma tgħawweġ il-kompetizzjoni fis-suq intern, peress li l-infrastruttura hija miftuħa għall-utenti kollha b'mod mhux diskriminatorju. Tiddikjara li l-ajruport jilqa' fih inqas minn 150 000 passiġġier fis-sena, li, bħala ajruport tal-kategorija D skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni, ma kienx f'kompetizzjoni ma' ajruporti oħrajn, li l-kompetizzjoni bejn l-AOC u ajruporti oħrajn fi Dresden, Erfurt-Weimar u Hof kienet negliġibbli u li, peress li l-AOC kellu biss 0,1 % tat-traffiku kollu fl-ajruporti Ġermaniżi fl-ADV (58), dan ma jikkompetix ma' ajruporti Ewropej. Il-Ġermanja tiddikjara li dan ifisser li l-kompetizzjoni fis-suq intern mhijiex mgħawġa u li l-kummerċ bejn l-Istati Membri mhuwiex affettwat. Fuq dan il-punt, il-Ġermanja tiddikjara wkoll li l-AOC fih biss 2 % tal-unitajiet tat-traffiku li jara l-Ajruport Leipzig/Halle, pereżempju.

Konklużjonijiet mill-istudju tal-2010 ta' KE-Consult dwar il-prospettivi ta' żvilupp fil-ġejjieni tal-ajruport u r-reġjun

(81)

Meta jsir ovvju li x-xenarju previst fl-2007 ma kienx sejjer iseħħ, l-ajruport talab lill-kumpanija ta' konsulenza KE-Consult sabiex tħejji studju dwar l-AOC u ż-żona industrijali fl-inħawi. L-istudju ġie sottomess fl-2010. L-istudju kkonkluda li espansjoni ulterjuri tal-ajruport bħala destinazzjoni tal-linja tal-ajru low-cost ma kinitx ekonomikament vijabbli. Huwa rakkomandat li l-ajruport jerġa' jiffoka fuq is-settur tal-avjazzjoni ġenerali. Għal din ir-raġuni, il-bord tad-diretturi ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH ippreżenta pjan ta' żvilupp ġdid għall-ajruport f'Settembru 2011, li ġie approvat mill-bord superviżorju u l-azzjonisti. L-AOC mhuwiex sejjer jintuża għal linji tal-ajru low-cost jew għan-negozju tal-avjazzjoni kummerċjali u dan l-iżvilupp kummerċjali l-ġdid għandu jippermetti sabiex l-ajruport ikun jista' jiġġenera profitt sal-2015.

(82)

L-istudju ta' KE-Consult jagħraf li l-azzjonisti ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH jissussidjaw lill-kumpanija b'mod konsistenti. Minħabba l-ħtieġa dejjem ikbar ta' sussidji, l-azzjonisti kienu laħqu l-limitu tal-effiċjenza ekonomika.

(83)

L-istudju ta' KE-Consult sar sabiex jiġu investigati l-prospettivi ta' żvilupp potenzjali tal-AOC fuq il-bażi tal-effetti reġjonali, politiċi, ekonomiċi u fiskali tal-ajruport. B'hekk, tħejjew bosta xenarji għall-għeluq ta', ebda bidla fi jew l-espansjoni tat-traffiku tal-ajru b'linji tal-ajru low-cost u għall-iżvilupp taż-żona industrijali madwar l-ajruport.

(84)

Fix-xenarju tas-“settur tal-avjazzjoni ġenerali” biss, li jinkludi l-waqfien tat-traffiku low-cost fl-AOC, l-ajruport seta' jikseb bilanċ finanzjarju u fiskali tajjeb. Huwa l-uniku xenarju li fih l-ajruport jeħtieġ biss l-injezzjoni ta' kapital obbligatorja addizzjonali annwali ta' EUR 227 000 għal kull azzjonist, iżda ebda pagament ieħor. F'dan ix-xenarju, l-ajruport jiġġenera benefiċċju ekonomiku ġenerali. Dan ix-xenarju jkun jiswa lill-azzjonisti EUR 0,83 miljun sal-2015, li jista' jkun kopert bl-injezzjoni ta' kapital obbligatorja ta' EUR 227 000 fis-sena. Ma jkun hemm bżonn ta' ebda sussidju ieħor mingħand l-azzjonisti wara l-2015, diment li d-deprezzament ikompli jonqos. Din l-effiċjenza ekonomika reġjonali hija ferm ogħla minn kwalunkwe xenarju ieħor. Anki l-bilanċ fiskali huwa pożittiv għal Thüringen u l-muniċipalitajiet tagħha fl-2015.

(85)

L-ebda wieħed mix-xenarji l-oħrajn li fihom jinżamm jew jiġi estiż it-traffiku tal-ajru low-cost ma huwa awtosuffiċjenti finanzjarjament bl-injezzjonijiet ta' kapital obbligatorji mill-azzjonisti waħedhom. L-impatt fiskali fuq Thüringen huwa ta' bejn EUR 115 000 u EUR 375 000, skont ix-xenarju. Fix-xenarji kollha li involvew linji tal-ajru low-cost, l-effett baġitarju pożittiv iġġenerat mill-AOC u l-muniċipalitajiet huwa inqas mill-injezzjonijiet ta' kapital u l-għotjiet meħtieġa mill-ajruport. Għalhekk, il-proporzjon tad-dħul u n-nefqa huwa negattiv.

(86)

L-effetti ekonomiċi nazzjonali addizzjonali tat-traffiku tal-ajru low-cost jistgħu jinkisbu biss b'investimenti ta' bejn EUR 6,7 u 10 miljun, minbarra l-injezzjonijiet ta' kapital obbligatorji mill-azzjonisti. L-effiċjenza ekonomika reġjonali tax-xenarji b'linji tal-ajru low-cost hija inqas mix-xenarju tal-avjazzjoni ġenerali. Meta mqabblin max-xenarju tal-“avjazzjoni ġenerali”, l-għotjiet meħtieġa għax-xenarji tal-linji tal-ajru low-cost huma 11 sa 15-il darba ogħla, iżda l-effetti ta' valur miżjud huma darbtejn sa tliet darbiet ogħla biss. Filwaqt li l-proporzjon fiskali ta' dħul għan-nefqa huwa pożittiv fix-xenarju tal-“avjazzjoni ġenerali”, huwa negattiv fix-xenarji kollha tal-linji tal-ajru low-cost.

(87)

Barra minn hekk, ġew ikkunsidrati bosta kundizzjonijiet bażiċi wkoll:

(a)

L-inċertezzi f'termini ta' utenti monopolistiċi u fatturi esterni: l-iżvilupp tat-traffiku tal-ajru fl-AOC jiddependi ħafna (tal-inqas f'dak li għandu x'jaqsam mat-traffiku bl-ajru low-cost) fuq kuntratti b'linji tal-ajru importanti u fuq fatturi esterni bħat-taxxa tat-turisti tar-Renju Unit jew it-taxxa tal-ajruporti Ġermaniża. Dan jista' jkollu impatt negattiv ħafna fuq l-ambitu tat-traffiku tal-ajru low-cost.

(b)

Nuqqas ta' kisba ta' approvazzjoni għal sussidji permanenti oħrajn: il-kompetizzjoni ġusta u mhux issussidjata tkun imxekkla, xi ħaġa li tmur kontra l-kunċett tas-settur tal-avjazzjoni għall-Ġermanja u t-trattati ta' koalizzjoni fil-livell tal-Land.

(c)

Nuqqas ta' sostenibbiltà: ix-xenarji b'linji tal-ajru low-cost ma jidhirx li jtejbu l-bilanċi fiskali u finanzjarji. Il-mudell kummerċjali bil-linji tal-ajru low-cost iġib miegħu wkoll ħtieġa dejjem ikbar ta' sussidji sal-2015 u wara.

(88)

Għalhekk, l-istudju ta' KE-Consult jikkonkludi li ż-żamma jew l-espansjoni tat-traffiku tal-ajru low-cost fl-AOC ma jistax jiġi rakkomandat lill-azzjonisti u lill-Land ta' Thüringen.

5.2.   IL-FINANZJAMENT TAT-TELF OPERATORJU TA' FLUGPLATZ ALTENBURG-NOBITZ GMBH FIS-SNIN 2000-2011 (MIŻURA 2)

(89)

Ir-rapporti finanzjarji ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH jispjegaw li l-ajruport ma jistax jissalvagwardja operazzjonijiet mingħajr għotjiet pubbliċi li jkopru t-telf. Il-kumpanija waqqfet sistema li biha tħejjew pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju ta' kull sena għas-sena li ġejja, approvati mil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u mbagħad aġġornata matul is-sena finanzjarja inkwistjoni bir-riżultati propji tal-ajruport (59). Fi kliem ieħor, din is-sistema ppermettiet sabiex l-ajruport iżomm l-għotjiet pubbliċi meħtieġa biex ikopri t-telf li kien għamel sa dak iż-żmien.

(90)

Il-Ġermanja tispjega li t-telf irrapportat mill-bidu tas-snin elfejn, li rriżulta f'injezzjonijiet ta' kapital mill-azzjonisti, ma kinux ikkawżati biss minn investimenti infrastrutturali. Id-deprezzament ma jispjegax bis-sħiħ it-telf, u lanqas il-kostijiet ta' finanzjament, peress li l-ajruport ma kien ħa ebda self. Il-kostijiet tad-deprezzament kienu jinvolvu biss parti mit-telf annwali ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u l-Ġermanja ma torbothomx direttament ma' Ryanair.

(91)

Il-Ġermanja tiċħad l-allegazzjonijiet kollha li għamel l-ilmentatur u ċċitati fid-deċiżjoni li biha fetħet il-proċedura. Skont il-Ġermanja, l-ilmentatur naqas milli jqis il-metodu “single till” applikat fl- (60) AOC. Il-Ġermanja tispjega li d-dħul mhux marbut mal-avjazzjoni fl-2009 kien l-istess bħad-dħul mis-settur tal-avjazzjoni. F'dak ir-rigward, il-Ġermanja tiċħad l-allegazzjoni li n-numru dejjem ikbar ta' passiġġieri kien jinvolvi telf dejjem ikbar għal Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH minħabba l-pagamenti sigrieti lil Ryanair. Il-Ġermanja tispjega li kien hemm bosta raġunijiet għat-telf imġarrab, li xejn ma kellhom x'jaqsmu ma' Ryanair.

(92)

B'mod partikolari, il-Ġermanja tiċħad l-allegazzjoni li s-servizz ta' Ryanair mill-AOC għal Londra (Stansted) kien f'kompetizzjoni diretta mas-servizz ta' Air Berlin minn Leipzig/Halle lejn Londra (Stansted) u li din kienet ir-raġuni għaliex Air Berlin waqqfet is-servizz minn Leipzig/Halle lejn Londra (Stansted). Il-Ġermanja tisħaq li Air Berlin waqqfet is-servizz lejn Londra (Stansted) għaliex Leipzig/Halle waqaf jissussidja lil Air Berlin u ddaħħlet projbizzjoni fuq titjiriet billejl.

(93)

Il-Ġermanja hija tal-fehma li l-injezzjonijiet annwali ta' kapital mill-azzjonisti fi Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istat, peress li r-rekwiżiti tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq, li skont dawn irid jingħata kont lill-vantaġġi ekonomiċi mogħtijin lid-distrett rurali ta' Altenburger Land, jiġifieri l-azzjonist ewlieni, ġew issodisfati (61). Il-Ġermanja tirreferi għal studju li sar fl-2007 mill-Prof. Dr Klophaus (62) intitolat “L-importanza ekonomika reġjonali u l-prospettivi tal-Ajruport ta' Altenburg-Nobitz” (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “l-istudju ta' Klophaus”), li jsemmi l-“għotjiet li marru ħażin” tad-distrett rurali ta' Altenburger Land, u josserva li l-pagamenti mill-azzjonisti kellhom impatt ekonomiku pożittiv fuq id-distrett rurali ta' Altenburger Land minħabba pagamenti addizzjonali tat-taxxa, li d-dħul pubbliku fl-2006 mill-operazzjoni tal-AOC laħaq total ta' EUR 7,9 miljun, li EUR 1 miljun minnhom dovuti primarjament lid-distrett rurali ta' Altenburger Land u li din is-somma kienet sejra tittrippla sal-2015 jekk in-numri annwali tal-passiġġieri jiżdiedu għal 500 000. Peress li r-redditu mill-pagamenti tat-taxxa huwa ogħla mill-pagamenti annwali tal-azzjonisti, il-Ġermanja tikkonkludi li d-distrett rurali ta' Altenburger Land qiegħed jaġixxi bl-istess mod bħal investitur privat.

(94)

Bħala tweġiba għall-argumetn li, minflok ma l-azzjonisti jinjettaw kapital addizzjonali, forsi l-ajruport għandu jingħalaq, il-Ġermanja tikkonferma li d-distrett rurali ta' Altenburger Land kien qiegħed jaġixxi bl-istess mod kif kien jagħmel investitur privat peress li, kieku jingħalaq l-ajruport, l-operatur tal-ajruport kien ikollu jħallas lura madwar EUR 7 miljun lil-Land ta' Thüringen, peress li l-użu tal-infrastruttura jkun twaqqaf b'mod prematur. Bil-prevenzjoni ta' dik ir-rifużjoni, l-azzjonisti mill-ġdid kienu qegħdin jaġixxu bl-istess mod kif kien jagħmel investitur privat.

L-istudju ta' Klophaus

(95)

L-istudju ta' Klophaus tal-2007 joħroġ bil-konklużjonijiet li ġejjin. L-istudju jispjega li l-AOC għandu effetti diretti, indiretti u indotti pożittivi u konsiderevoli u effett katalitiku fuq l-ekonomija u l-attraenza tar-reġjun, speċjalment f'termini tal-impjiegi. Skont l-istudju, l-AOC għad għandu prospettivi pożittivi, peress li għandu l-potenzjal li jsir il-bażi ta' Ryanair għall-Ġermanja Ċentrali, xi ħaġa li kienet tikkoinċidi mal-isforzi li kienu qegħdin isiru minn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. B'hekk, b'bosta inġenji tal-ajru ta' Ryanair stazzjonati fl-AOC, huwa possibbli li jiżdiedu n-numri ta' passiġġieri sa miljun fis-sena fit-terminu medju. Dan jippermetti lil AOC sabiex isir ajruport reġjonali u jagħti lil Altenburger Land possibbiltà li jibdel il-profil internazzjonali tiegħu u b'hekk li jtejjeb l-istruttura ekonomika u kummerċjali tiegħu. L-istudju jispjega li, bħala ajruport tal-linja tal-ajru low-cost, l-AOC sejjer jiġġenera benefiċċju ekonomiku ġenerali sinifikanti.

(96)

Skont il-kalkoli li saru fl-istudju, l-AOC jista' jkun mistenni li jipprovdi 658 impjieg fl-2015 (żieda ta' 95,3 % meta mqabbel mal-2006), kif ukoll 881 impjieg indirett ieħor (żieda ta' 157,6 %) u 438 impjieg indott (żieda ta' 184,4 %). L-istudju jixħet dawl ukoll fuq l-importanza tal-aċċessibilità nazzjonali u internazzjonali tar-reġjuni li għandhom impatt qawwi fuq l-iżvilupp ekonomiku fir-reġjun ikkonċernat.

(97)

Skont l-istudju fuq dan il-punt, kemm l-għotjiet pubbliċi għar-rinnovament u l-espansjoni tal-AOC kif ukoll il-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni u d-dħul mit-taxxa relatati għal-Land ta' Thüringen u l-muniċipalitajiet tiegħu għandhom ikunu inklużi fil-kalkoli. L-istudju jikkonkludi billi jiddikjara li għandha tingħata kunsiderazzjoni kemm lill-aspetti finanzjarji kif ukoll lill-effetti ekonomiċi ġenerali.

5.3.   IT-TARIFFI TAL-AJRUPORT U L-PAGAMENTI LIL RYANAIR SKONT IL-KUNTRATTI TAS-SERVIZZI TAL-AJRUPORT U TA' KUMMERĊJALIZZAZZJONI (MIŻURA 3)

(98)

Il-Ġermanja tiddikjara li la t-tariffi tal-ajruport u lanqas il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni ma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Il-Ġermanja tisħaq li l-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport u l-kuntratti tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni mhumiex relatati ma' xulxin u għandhom jiġu vvalutati b'mod separat. Il-kuntratti tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni jipprovdu għall-forniment ta' servizzi ta' reklamar u ma jinvolvux xi tnaqqis fid-dħul tal-ajruport.

Il-kuntratt tas-servizzi ma' Ryanair

(99)

Il-Ġermanja tispjega li l-ajruport qies l-aspettattivi ekonomiċi pożittivi miż-żieda fit-traffiku tal-ajru li xkattat Ryanair. Fir-riżoluzzjoni tagħha sabiex tidħol fin-negozju mal-linja tal-ajru, il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti li saret fit-22 ta' April 2003 ħadet f'kunsiderazzjoni d-dejta ppreżentata fit-Tabella 13 (63) u kkonkludiet li, anki fix-xenarju konservattiv ta' titjira waħda kuljum b'fattur ta' tagħbija ta' 70 %, jista' jiġi ġġenerat profitt annwali ta' […]* minn Ryanair.

Tabella 13

Id-dħul antiċipat mill-attivitajiet ta' Ryanair fl-AOC  (64) (2003)

(f'EUR)

It-tariffa għal kull passiġġier

[…]*

In-numru ta' passiġġieri għal kull titjira b'fattur ta' tagħbija ta' 70 % (65)

104

Dħul antiċipat fix-xahar

[…]*

In-nefqa fix-xahar fuq investimenti ppjanati

12 138

Profitt antiċipat fix-xahar

[…]*

Profitt annwali antiċipat

[…]*

(100)

In-nefqa fix-xahar mogħtija fit-Tabella 13 tinkludi l-kostijiet tal-persunal, is-servizzi ta' tneħħija tas-silġ u tneħħija tal-borra mir-runway. Il-Kummissjoni ssib li d-dokument imressaq fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti li saret fit-22 ta' April 2003 jikkwota investimenti annwali totali ta' EUR 902 155. Dik is-somma mhijiex inkluża fil-previżjonijiet ippreżentati fit-Tabella 13.

(101)

Il-Ġermanja tispjega li, fuq il-bażi tar-regolament dwar it-tariffi tal-ajruport fis-seħħ dak iż-żmien, Ryanair kienet qiegħda tħallas tariffa tal-illandjar ta' […]* għal kull inġenju tal-ajru u tariffa tal-passiġġieri ta' […]* għal kull passiġġier (66). Dawn it-tariffi japplikaw għal-linji tal-ajru potenzjali kollha u, fid-dawl tat-traffiku u d-dħul iġġenerati għall-AOC minn Ryanair, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH qisithom xierqa.

(102)

Il-Ġermanja tispjega li s-servizzi li kellhom jiġu pprovduti skont l-Anness A għall-kuntratt konkluż ma' Ryanair fit-3 ta' Marzu 2003 ma ġewx ipprovduti. Is-servizzi li jinsabu fl-Anness B u fl-appendiċi għall-Anness B (“sistema ta' prenotazzjoni”) ġew ipprovduti mingħajr ma ntalab ħlas żejjed mingħand Ryanair.

Il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni ta' Ryanair

(103)

Il-Ġermanja tispjega li Ryanair ħallset lill-AOC total ta' EUR […]* għas-servizzi tal-ajruport mill-2003 sal-2011 skont il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003 skont ir-regolament dwar it-tariffi standard tal-ajruport. L-AOC ħallas lil Ryanar total ta' EUR […]* għas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bejn l-2003 u l-2011, skont il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003. Id-differenza bejn iż-żewġ pagamenti rriżultat f'pagament nett mingħand Ryanair lil AOC ta' EUR […]* tul il-perjodu sħiħ ta' bejn l-2003 u l-2011. Peress li n-numru totali ta' passiġġieri tul dak il-perjodu kien ta' 408 291 (67), il-Ġermanja tikkonkludi li Ryanair ħallset lill-AOC imposta netta ta' madwar EUR […]* għal kull passiġġier tielaq.

Tabella 14

Il-fatturi mingħand u lil Ryanair 2003-2011  (68)

(f'EUR)

Sena

Fatturi ta' Ryanair riċevuti

Fatturi tal-ajruport mibgħuta

In-numru ta' passiġġieri

2003

[…]*

[…]*

25 750

2004

[…]*

[…]*

37 160

2005

[…]*

[…]*

50 714

2006

[…]*

[…]*

44 580

2007

[…]*

[…]*

60 678

2008

[…]*

[…]*

62 876

2009

[…]*

[…]*

66 367

2010

[…]*

[…]*

55 641

2011

[…]*

[…]*

4 525

Total

[…]*

[…]*

408 291

(104)

Il-Ġermanja tispjega li l-operatur tal-ajruport ma ħallas ebda kontribuzzjoni oħra għall-kummerċjalizzazzjoni fi Frar u Marzu 2011 wara li Ryanair ħabbret li kien biħsiebha twaqqaf ir-rotot mill-AOC f'Marzu 2011.

(105)

Il-Ġermanja tispjega li l-pagamenti għall-kummerċjalizzazzjoni skont il-kuntratt bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair datat il-21 ta' Settembru 2010 saru minn impriżi privati, wara li qablu fuq iż-żamma tal-operazzjonijiet ta' Ryanair fl-AOC. Kif spjegat f'rapport tal-2011 mill-maniġment tal-kumpanija (69), l-istaġun tal-avjazzjoni tax-xitwa tal-2010/2011, li matulu saret titjira waħda biss lejn Londra, kien possibbli biss bl-appoġġ tal-impriżi reġjonali.

(106)

Il-Ġermanja targumenta li Ryanair irreklamat lill-AOC u r-reġjun fuq is-sit web tagħha. Dak is-sit web huwa t-tieni l-iktar sit web Ewropew popolari wara Google u, għalhekk, iġib ċertu prezz. Kelma tar-riklami waħda fuq Google tiswa bejn EUR 0,05 u EUR 2,00 għal kull klikk. Skont il-kalkoli tal-Ġermanja, bejn 100 000 u 150 000 passiġġier ta' Ryanair fis-sena jiġġeneraw rati ta' reklamar ta' bejn EUR 100 000 u EUR 150 000 fis-sena għall-AOC bi prezz tal-kelma tar-riklami ta' EUR 1,00 għal kull klikk, jekk jiġi supponut li kull passiġġier jikklikkja darba. Peress li l-passiġġieri ġeneralment jikklikkjaw iktar minn darba u peress li ċerti passiġġieri jikklikkjaw mingħajr ma jagħmlu prenotazzjoni, il-Ġermanja tikkonkludi li l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni konkluż bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair huwa bbażat fuq prezz raġonevoli li minnu Ryanair ma tikseb ebda vantaġġ.

(107)

Skont il-Ġermanja, Ryanair iffinanzjat il-miżuri elenkati fit-Tabella 15.

Tabella 15

It-tariffi tal-kummerċjalizzazzjoni pagabbli mill-AOC lil Ryanair

Perjodu

Ammont

Skop

2003

EUR 50 000 — 150 000 […]*

Reklami stampati fil-Leipzige Volkszeitung

2004

EUR 25 000 — 125 000 […]*

Reklami stampati fil-Leipzige Volkszeitung

Mejju 2007 sa Marzu 2008

EUR 75 000 — 175 000 […]*

Reklami fil-gazzetti, fuljetti bil-posta u miżuri ta' reklamar oħrajn.

Mejju 2008 sa Marzu 2009

EUR 50 000 — 150 000 […]*

Reklami fil-gazzetti, fuljetti bil-posta u miżuri ta' reklamar oħrajn.

Total (2003 sa Marzu 2009)

EUR 225 000 — 325 000 […]*

 

(108)

Il-Ġermanja tiddikjara li Ryanair ma kisbet ebda vantaġġ mit-tariffa ta' suċċess, peress li kienet pagament ibbażat fuq is-suq għall-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni mwettqa minn Ryanair. Skont il-Ġermanja, il-miżuri ta' kummerċjalizzazzjoni kienu suċċess, peress li n-numru ta' passiġġieri żdiedu minn 25 000 (2012) għal 140 000 (2009), li min-naħa tagħhom wasslu sabiex id-dħul ġenerali żdied minn EUR 316 000 għal EUR 1,12 miljun. Id-dħul mit-tariffi tal-ajruport żdied minn EUR 132 000 għal EUR 530 000 u d-dħul mill-imposti tal-parkeġġ żdied minn żero għal EUR 263 000.

(109)

Il-Ġermanja tiddikjara li l-pagamenti li saru skont il-kuntratti tas-servizzi tal-kummerċjalizzazzjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat għar-raġunijiet li ġejjin:

(a)

Il-Ġermanja tisħaq li, għall-kuntrarju tal-asserzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni li tibda l-proċedura (70), il-ministeru kompetenti ma kellu ebda setgħa deċiżjonali ħlief li sa fejn kienu jikkonċernaw miżuri infrastrutturali u li l-Paragrafu 43 tar-Regolament ta' Lliċenzjar tat-Traffiku tal-Ajru (71) ma jfissirx li kien hemm bżonn ta' approvazzjoni ministerjali.

(b)

Il-fatt li l-Kamra tal-Kummerċ lokali appoġġjat lill-AOC (72) juri sempliċiment li s-suq privat kien favur ir-rotot tal-ajru ta' Ryanair.

(c)

Il-Ġermanja tispjega li l-pagamenti għall-kummerċjalizzazzjoni li għamlet Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH lil Ryanair ma jikkostitwixxux għajnuna tal-bidu skont it-tifsira tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni u kienu sempliċiment ftehimiet kummerċjali li ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

6.   IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

6.1.   IL-KUMMENTI TA' RYANAIR

L-imputabbiltà lill-Istat

(110)

Ryanair targumenta li l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti ma għandhiex tiġi imputata lil Ryanair, li l-presuppożizzjoni li l-għajnuna mill-Istat hija ttrasferita lil-linji tal-ajru permezz tal-ajruporti tikser il-liġi tal-UE u li t-tali presuppożizzjoni tiddiskrimina kontra l-ajruporti tal-Istat, għad li r-regoli dwar il-kompetizzjoni għandhom jiġu applikati b'mod indiskriminat għal impriżi pubbliċi u privati. Ryanair tiddikjara li l-evidenza użata mill-Kummissjoni sabiex tintwera l-imputabbiltà lill-Istat mhijiex biżżejjed u li, għad li l-evidenza forsi tirrifletti l-interess tal-awtoritajiet fir-relazzjonijiet kummerċjali u l-ġejjieni tal-ajruport, ma turi ebda parteċipazzjoni vera ta' xi awtorità pubblika fin-negozjati u l-kuntratti bejn l-ajruport u Ryanair. Li l-ministeri tal-Land ta' Thüringen ċaħdu l-kuntratti ma' Ryanair jindika li, tal-inqas, il-Kummissjoni għandha teżamina bir-reqqa l-imputabbiltà tal-kuntratti ta' Ryanair lill-Istat.

(111)

Ryanair targumenta li l-kwistjoni mhijiex jekk l-Istat missux investa flusu xi mkien ieħor; hija jekk l-Istat tax lil linja tal-ajru vantaġġ li kieku ma kinitx tikseb. Ryanair tiddikjara li kulma għamlet hu li nnegozjat il-patti u l-kundizzjonijiet ma' ajruporti tal-Istat li kienu simili għal dawk li kienet tikseb mingħand ajruporti privati komparabbli.

L-applikazzjoni tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq

(112)

Ryanair targumenta li ma kinitx ibbenefikat b'mod indirett mill-għajnuna mill-Istat u li, diment li l-patti ta' relazzjoni kummerċjali bejn Ryanair u ajruport iridu jkunu ġġustifikati fid-dawl tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq, ir-responsabbiltà għar-ripagament ma tistax tkun estiża għal Ryanair. Ryanair targumenta li l-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq dejjem irid ikun japplika għal kwalunkwe għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija lil Ryanair permezz ta' ajruporti tal-Istat. Skont il-linja tal-ajru, fil-fatt ma hemm ebda ġustifikazzjoni ekonomika jew legali għall-esklużjoni tal-ajruporti tal-Istat mill-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni applikat il-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq għal kuntratti li kienu jinvolvu l-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali pubbliċi kbar għal mezzi oħrajn tat-trasport, bħal portijiet tal-Istat u, meta daħal fil-ftehimiet, l-ajruport kien qiegħed jeżerċita funzjoni ekonomika. Tiddikjara wkoll li l-ajruporti tal-istat u privati jikkompetu ma' xulxin fis-swieq u li l-kuntratti bejn il-linji tal-ajru u l-ajruporti jistgħu jġibu l-profitt għall-ajruporti.

(113)

Ryanair tqis li valutazzjoni tal-effiċjenza għandha tinjora l-injezzjonijiet ta' kapital għal investimenti fis-settur tas-servizzi pubbliċi, li l-kostijiet inkrementali u mhux il-kostijiet li marru ħażin għandhom ikunu inklżi fil-valutazzjoni u, finalment, li l-analiżi għandha tkun ibbażata fuq il-valur ta' referenza ta' ajruport tipiku mmexxi kif suppost. Ryanair targumenta li, jekk ajruport reġjonali jemmen li kuntratt sejjer jgħin sabiex titjieb l-effiċjenza tiegħu, tranżazzjoni tista' tħalli l-profitt anki jekk ikun jidher li jkun fiha prezzijiet inqas mill-kostijiet meta jiġi ffirat il-kuntratt u li wieħed jista' jistenna li ajruporti ineffiċjenti li joperaw b'kapaċità mhux sħiħa jagħmlu l-profitt biss jekk jiksbu ekonomiji ta' skala u effetti tan-netwerk estern, li jistgħu jieħdu 25 sa 30 sena. Tiddikjara li l-linji tal-ajru low-cost huma f'post ideali sabiex jiġġeneraw żidiet sinifikanti fid-dħul għall-ajruporti reġjonali, li għalihom normalment ma jkunux meħtieġa investimenti infrastrutturali jew oħrajn ġodda. B'xhieda ta' dan, Ryanair issemmi d-deċiżjoni adottata mill-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili tar-Renju Unit fis-27 ta' Mejju 2011, li tirrikonoxxi l-użu orħos tas-servizzi tal-ajruport minn linji tal-ajru low-cost.

(114)

Ryanair targumenta li, meta jiġi applikat il-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq, il-kostijiet li ma jmorrux tajjeb iridu jiġu injorati kemm f'analiżi komparattiva kif ukoll f'analiżi tal-kostijiet. Ryanair tiddikjara li investitur privat li jopera l-AOC mill-1992 kien ikollu jirrapporta kemm il-kostijiet infrastrutturali kif ukoll il-kostijiet operatorji fissi tal-ajruport bħala kostijiet li ma jmorrux tajjeb u li, minħabba l-attraenza ekonomika dgħajfa u s-saħħa fis-suq ferm limitata tal-AOC, ma kien hemm ebda possibbiltà realistika li jiġu rkuprati t-tali kostijiet. B'hekk, l-aċċettazzjoni ta' kwalunkwe xenarju alternattiv li joffri prospettivi aħjar jew sempliċiment inqas onerużi għas-sid(ien) tal-ajruport mix-xenarju kontrafattwali li fih ma jsir xejn jew li jingħalaq l-ajruport b'kost li jista' jitqies konsiderevoli, kienet iżżomm bis-sħiħ mal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq.

(115)

Ryanair tisħaq ukoll li l-kostijiet speċifiċi li jappartjenu għal Ryanair għandhom jiġu kkunsidrati b'mod separat mill-kostijiet imġarrbin għall-ajruport, iżda li setgħu kienu inqas mir-rikavat iġġenerat mill-effetti tan-netwerks esterni pożittivi li ġabu magħhom l-attivitajiet ta' Ryanair fl-ajruport.

L-istudji ta' kumpanija ta' konsulenza li taġixxi għal Ryanair

(116)

Ryanair tispjega li l-ftehim fuq it-tariffi mal-AOC jissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq u, sabiex turi dan, tipprovdi lill-Kummissjoni b'żewġ rapporti mħejjin minn kumpanija ta' konsulenza. Dawk l-istudji jqabblu l-kuntratt inkwistjoni ma' ftehimiet oħrajn fuq it-tariffi bejn Ryanair u ajruporti li jew kellhom maġġoranza ta' azzjonisti privati u huma ffinanzjati privatament jew li nkella jaġixxu f'pożizzjoni simili biżżejjed għal dik tal-AOC bħala investituri privati f'ekonomija tas-suq.

(117)

Ryanair tispjega l-metodi użati fir-rapporti sabiex tqabbel l-ajruporti kif ġej: l-investigazzjoni kienet ibbażata biss fuq kuntratti oħrajn ta' Ryanair, peress li Ryanair għandha mudell kummerċjali differenti minn ħafna mil-linji tal-ajru l-oħrajn (ebda pontijiet tal-imbark għall-passiġġieri, karozzi tal-linja jew swali għall-passiġġieri, ebda titjiriet ta' konnessjoni, ħin fuq l-art ta' 20 minuta u maġġoranza ta' bagalji tal-idejn). Barra minn hekk, l-istudji jinkludu biss ajruporti operati skont l-prinċipju ta' investitur privat razzjonali f'ekonomija tas-suq. L-ajruporti li setgħu rċevew appoġġ konsiderevoli fil-forma ta' għajnuna mill-Istat ġew esklużi. Madwar ħmistax-il ajruport fin-netwerk ta' Ryanair jissodisfaw dawk il-kriterji u ġew inklużi fl-istudju.

(118)

L-ewwel rapport iqis lil […]* bħala l-iktar ajruport komparatur xieraq. Ir-rapport jiddikjara li “idealment, l-ajruport komparatur li jingħażel għall-finijiet tal-analiżi jkun ta' qies simili bħall-Ajruport ta' Altenburg. Għad li ma kienx possibbli li jinstab ajruport komparatur li huwa simili ħafna għall-Ajruport ta' Altenburg fuq id-dimensjonijiet relevanti kollha, l-Ajruport […]* huwa simili biżżejjed għall-finijiet tal-analiżi ppreżentata hawnhekk”. It-tieni rapport jestendi l-ajruporti komparaturi għal […]* u jqabbel l-imposti mħallsin lil dawk l-ajruporti bejn l-2003/2004 u l-2010/2011 kemm għal kull passiġġier kif ukoll għal kull inġenju tal-ajru mmaniġġjat.

(119)

Ir-rapporti jikkonkludu li l-imposta totali mħallsa minn Ryanair lill-AOC kienet bħala medja ikbar minn jew daqs it-tariffa komparabbli mħallsa mil-linja tal-ajru lill-ajruporti komparaturi matul il-perjodu investigat u li dan jissuġġerixxi li l-imposti mħallsin minn Ryanair lill-AOC skont il-bosta kuntratti kienu simili fl-ammont għat-tariffa li Ryanair kienet tiġi offruta f'ċirkustanzi simili minn investitur privat f'ekonomija tas-suq li kien sid ajruport.

(120)

Ryanair tiddikjara li kwalunkwe valutazzjoni tat-tariffi tal-ajruport għandha tkun ibbażata fuq il-kostijiet mariġinali u mhux fuq il-kostijiet varjabbli medji jew il-kostijiet ġenerali medji.

(121)

Ryanair tisħaq li l-kuntratti tal-AOC ma' Ryanair u AMS għandhom jiġu vvalutati separati minn xulxin, li ż-żewġ kumpaniji ma jistgħux jitqiesu bħala benefiċjarju wieħed tal-għajnuna mill-Istat allegata u li l-kuntratti kienu kuntratti separati li ġew innegozjati b'mod indipendenti minn xulxin, kienu jikkonċernaw servizzi differenti u ma kinux interkonnessi tant li jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni tagħhom bħala sors wieħed tal-allegata għajnuna. Skont Ryanair, il-konklużjoni ta' kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni ma' AMS ma kinitx prerekwiżit għall-operat ta' rotot ta' Ryanair lejn u minn ajruport u, fuq il-bażi tal-perċezzjoni tagħha stess tar-rekwiżiti ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom, ħafna ajrporti servuti minn Ryanair ma kkonkludewx kuntratti ma' AMS. Ryanair tisħaq li x-xiri ta' servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni bil-prezzijiet tas-suq għandu jiġi kkunsidrat b'mod separat minn kwalunkwe ftehim kuntrattwali relatat bejn l-ajruport u l-linja tal-ajru.

(122)

Ryanair tispjega wkoll li ma hemm xejn x'jissuġġerixxi li linja tal-ajru li ggarantiet it-tali numri f'termini ta' passiġġieri u/jew groundhandling ta' inġenji tal-ajru ma tkunx kisbet ukoll “imposti orħos” u li l-Kummissjoni kienet naqset milli tindirizza l-kwistjoni ta' jekk linja tal-ajru li kienet offriet it-tali garanzija kinitx tikseb imposti simili minn ajruport privat komparabbli.

(123)

F'dak li għandu x'jaqsam mal-valur tal-kummerċjalizzazzjoni, Ryanair tiddikjara li l-ispazju tar-reklamar fuq is-sit web ta' Ryanair huwa limitat u għandu domanda kbira, inkluż mingħand kumpaniji li mhumiex ajruporti, li bħalissa s-sit web kien qiegħed jirreġistra madwar 4.5 biljun żjara fis-sena u li anki l-linji tal-ajru tradizzjonali kienu jafu bil-valur tas-siti web tagħhom għal finijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u reklamar. Min-naħa l-oħra, ħafna ajruporti kienu qegħdin jagħmlu l-għażla finanzjarjament sensibbli li jużaw l-ispazju tar-reklamar fuq ryanair.com jew fuq is-siti web l-oħrajn ta' linji tal-ajru oħrajn sabiex jistabbilixxu isimhom u rnexxielhom japprofittaw minn dan l-għarfien ikbar ta' isimhom b'mod komplimentari li jinvolvi appoġġ reċiproku. Skont Ryanair, l-Ajruport ta' Altenburg huwa ferm inqas magħruf f'livell internazzjonali mill-Aéroports de Paris jew Heathrow Airport u, għalhekk, kellu bżonn jinvesti fir-reklamar sabiex iżid is-saħħa tal-isem u s-sehem tiegħu ta' passiġġieri ġejjin.

(124)

Ryanair issottomettiet analiżi mill-kumpanija ta' konsulenza li qabblet il-prezz mitlub minn AMS għas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni fuq il-web mal-prezzijiet mitlubin minn siti web oħrajn tal-ivvjaġġar għal servizzi simili. L-analiżi tqabbel il-prezzijiet li talbet AMS fl-ewwel lista ta' prezzijiet (2005) mal-prezzijiet ta' referenza ta' servizzi simili pprovduti fiż-żmien inkwistjoni mis-siti web tal-ivvjaġġar. Il-prezzijiet mitlubin skont il-lista attwali (2013) tal-prezzijiet ta' AMS huma mqabblin mal-prezzijiet ta' servizzi simili pprovduti minn siti web oħrajn marbutin mal-ivvjaġġar ukoll. L-analiżi tikkonkludi li l-prezzijiet mitlubin minn AMS għar-reklamar fuq ryanair.com kienu jew inqas mill-medja jew fil-medda medjana tal-prezzijiet mitlubin minn siti web fil-grupp komparatur fil-listi ta' prezzijiet. Skont Ryanair, din il-konklużjoni tikkonferma li l-ftehimiet bejn l-ajruporti pubbliċi u AMS jgħaddu mit-test ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq.

(125)

Ryanair issottomettiet ukoll skritratti li juru li s-servizzi pprovduti minn AMS skont il-kuntratti kienu ssorveljati bi prova tas-servizzi pprovduti. Dawn l-iskritratti ġeneralment għaddew lill-ajruport li jkun ikkonkluda kuntratt ma' AMS, bħala prova ta' attivazzjoni tas-servizzi miksubin fuq ryanair.com. Ryanair tixħet dawl fuq il-valur tas-servizzi pprovduti lill-ajruporti minn AMS u hija tal-fehma li l-benefiċċji miksubin mill-ajruporti minn kuntratti konklużi ma' AMS jistgħu jiġu kkwantifikati b'mod affidabbli.

(126)

Minkejja l-pożizzjoni ta' Ryanair li l-kuntratt ta' AMS u l-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport għandhom jiġu indirizzati b'mod separat, Ryanair kienet issottomettiet analiżi tal-profittabilità minn kumpanija ta' konsulenza fuq il-bażi tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq li tinkludi kemm il-kuntratt konkluż bejn Ryanair u l-ajruport kif ukoll il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi bejn AMS u l-ajruport. Skont Ryanair, billi tqis l-inklużjoni possibbli ta' AMS f'analiżi konġunta tal-profittabilità tal-kuntratti ta' AMS u l-kuntratt ta' servizzi tal-ajruport, din l-analiżi għandha tgħin lill-Kummissjoni fl-approċċ konġunt tagħha għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport u l-kuntratti ta' AMS.

(127)

Il-kumpanija ta' konsulenza tikkonkludi li l-metodu tal-fluss tal-flus huwa metodu xieraq għall-inklużjoni tal-valur ta' AMS f'analiżi konġunta tal-profittabilità tal-kuntratti ta' AMS u l-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport, peress li dak il-metodu jkun ikopri kemm il-profitti inkrementali dovuti lill-ajruport mill-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport kif ukoll il-benefiċċji taar-reklamar skont il-kuntratt ma' AMS. Dak il-metodu jippermetti li l-pagamenti li jsiru mill-ajruport lil AMS jiġu ttrattati bħala nefqa operatorja inkrementali f'analiżi tal-profittabilità u tal-fluss tal-flus skontat. Dak il-metodu jqis ukoll il-benefiċċju mill-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni skont il-kuntratti ta' AMS u l-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport tul il-perjodu tal-kuntratt u wara t-tmien ippjanat tas-servizzi tal-ajruport, peress li l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni għenu sabiex jissaħħaħ il-valur tad-ditta u aktarx iġġenera opportunitajiet kummerċjali futuri u profitti wkoll.

(128)

Permezz ta' konklużjoni minn dak l-istudju, Ryanair tosserva li, jekk tkompli tqis il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport u l-kuntratti ta' AMS flimkien, il-Kummissjoni għandha tapplika l-prinċipji deskritti mill-kumpanija ta' konsulenza għall-għajnuna inkwistjoni sabiex tkun żgura li l-analiżi tal-profittabilità bbażata fuq il-prinċipju ta' operatur privat f'ekonomija tas-suq tiġi applikata kif suppost għall-eżaminar kemm tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport kif ukoll għall-kuntratti ta' AMS.

(129)

Ryanair issottomettiet ukoll sensiela ta' annessi mħejjin mill-kumpanija ta' konsulenza u analiżi mħejjija mill-Professur Damien P. McLoughlin.

Id-determinazzjoni tal-punt ta' riferiment tas-suq f'analiżijiet komparaturi għat-testijiet  (73) fuq il-bażi tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq  (74)

(130)

Il-kumpanija ta' konsulenza hija tal-fehma li l-metodu tal-Kummissjoni li taċċetta biss ajruporti komparaturi fl-istess żona koperta mill-ajruport eżaminat huwa żbaljat. Il-kumpanija ta' konsulenza targumenta li l-prezzijiet ta' referenza tas-suq miksubin mill-ajruporti komparaturi mhumiex “gravati” minn għajnuna mill-Istat mogħtija lil ajruporti fl-inħawi u li punt ta' riferiment tas-suq jista' jiġi stmat b'mod affidabli għat-test fuq il-bażi tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq, peress li:

(a)

l-analiżijiet komparaturi jintużaw bosta drabi barra s-settur tal-għajnuna mill-Istat għal testijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq;

(b)

l-impriżi jeżerċitaw influwenza reċiproka biss fuq id-deċiżjonijiet ta' pprezzar tagħhom safejn il-prodotti tagħhom jieħdu post jew jikkomplimentaw lil xulxin;

(c)

l-ajruporti fl-istess żona koperta mhux bilfors ikunu jikkompetu ma' xulxin u l-ajruporti komparaturi użati fir-rapporti pprovduti huma esposti biss għal kompetizzjoni limitata mill-ajruporti tal-Istat (inqas minn terz tal-ajruporti kummerċjali fiż-żona koperta tal-ajruporti komparaturi huma kompletament tal-Istat u l-ebda minnhom ma kien soġġett sa April 2013 għal analiżi b'rabta mal-għajnuna mill-Istat);

(d)

anki jekk l-ajruporti komparaturi huma esposti għal kompetizzjoni minn ajruporti tal-Istat fl-istess żona koperta, jista' jkun hemm motiv għall-aċċettazzjoni li qegħdin iġibu ruħhom b'mod li jirrispetta l-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq (jekk, pereżempju, ikun hemm kumpanija privata kbira jew jekk l-ajruport ikun immaniġġjat minn kumpanija privata);

(e)

l-ajruporti operati minn investitur privat f'ekonomija tas-suq ma jistabbilixxix il-prezzijiet li jkunu inqas mill-kostijiet inkrementali.

Il-prinċipji tal-analiżi tal-profittabilità għal testijiet ibbażati fuq il-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq  (75)

(131)

Il-kumpanija ta' konsulenza targumenta li l-analiżi tal-profittabilità mwettqa minnha fir-rapporti mibgħuta lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipji li japplika investitur privat razzjonali, li l-analiżi tal-profittabilità tirrifletti l-approċċ issuġġerit minn deċiżjonijiet fundamentali adottati mill-Kummissjoni u li l-analiżi tal-profittabilità hija bbażata fuq il-prinċipji li ġejjin:

(a)

il-valutazzjoni mwettqa fuq bażi inkrementali;

(b)

pjan ta' direzzjoni tan-negozju ex ante mhuwiex bilfors neċessarju;

(c)

l-approċċ “single till” huwa metodu ta' pprezzar xieraq għal ajruport li ma jħaddimx il-kapaċità sħiħa tiegħu;

(d)

għandu jiġi kkunsidrat biss id-dħul b'rabta mal-attività ekonomika tal-ajruport operat;

(e)

għandu jiġi kkunsidrat it-terminu sħiħ tal-kuntratt, inklużi l-estensjonijiet possibbli;

(f)

il-flussi finanzjarji futuri għandhom jiġu skontati meta tiġi vvalutata l-profittabilità tal-kuntratti;

(g)

il-profittabilità inkrementali tal-kuntratti ta' Ryanair għall-ajruporti għandha tiġi vvalutata fuq il-bażi tar-rata ta' redditu interna stmata jew il-valur preżenti nett.

Analiżi tal-Professur Damien P. McLoughlin  (76) — Kif tibni isem: għaliex u kif kumpaniji żgħar għandhom jinvestu fil-kummerċjalizzazzjoni

(132)

L-iskop ta' dan id-dokument huwa li jiddeskrivi l-loġika ekonomika wara d-deċiżjonijiet tal-ajruporti reġjonali li jixtru spazju ta' reklamar fuq ryanair.com mingħand AMS. L-awtur jiddikjara li hemm numru kbir ta' ajruporti b'saħħithom ħafna, rinomati u użati spiss u li, jekk iridu jespandu n-negozju tagħhom, il-kompetituri dgħajfin iridu jibdlu x-xejriet ta' xiri statiċi tal-konsumaturi. Ajruporti reġjonali żgħar iridu jsibu mod kif jikkomunikaw b'mod kontinwu l-messaġġ tad-ditta tagħhom lill-ikbar pubbliku possibbli. Forom tradizzjonali ta' kummerċjalizzazzjoni jinvolvu kostijiet li ma jistgħux jintlaħqu.

Kummenti fuq il-pagamenti lil AMS

(133)

Ryanair ma taqbilx mas-sejba tal-Kummissjoni li l-pagamenti lil AMS jirrappreżentaw kostijiet għall-ajruport, peress li dak l-approċċ jinjora l-valur għall-ajruport tas-servizzi li tipprovdi AMS. Ryanair hija konvinta wkoll li, għall-fini tal-analiżi fuq il-bażi tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq, ix-xiri ta' servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni siewja bil-prezzijiet tas-suq għandu jiġi kkunsidrat b'mod separat minn ftehim kuntrattwali simili bejn l-ajruport u l-linja tal-ajru. B'appoġġ tal-analiżi tagħha, Ryanair ipprovdiet studju minn kumpanija ta' konsulenza li kien fih paragun normattiv tal-prezzijiet mitlubin minn AMS u prezzijiet għal servizzi simili pprovduti minn siti web oħrajn tal-ivvjaġġar. (77) L-istudju jikkonkludi li l-prezzijiet mitlubin minn AMS kienu jew inqas mill-medja jew fil-medda medjana tal-prezzijiet mitlubin minn siti web fil-grupp komparatur. Minn dan, Ryanair tikkonkludi li l-prezzijiet li talbet AMS huma l-prezzijiet tas-suq u li d-deċiżjoni ta' ajruport tal-Istat li jixtri servizzi ta' AMS jgħaddi mit-test ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq. Ryanair issottomettiet ukoll fatturi għal servizzi pprovduti lil ajruporti skont il-kuntratti ta' AMS bħala prova tal-valur ta' dawn is-servizzi għall-ajruporti.

(134)

Ryanair titlob lill-Kummissjoni sabiex terġa' tikkunsidra l-approċċ li ħadet dak iż-żmien fir-rigward tal-kuntratti ta' AMS. Ryanair hija tal-fehma li l-ftehimiet ma' AMS għandhom jiġu kkunsidrati b'mod separat mill-ftehimiet ta' Ryanair fuq servizzi tal-ajruport u għandhom ikunu soġġetti għal test separat ibbażat fuq il-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq. Jekk il-Kummissjoni tinsisti fuq test konġunt fuq il-bażi tal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq għall-ftehimiet ta' AMS u l-ftehimiet ta' Ryanair fuq servizzi tal-ajruport, il-valur tas-servizzi ta' AMS għall-ajruport ma għandux jiġi injorat.

(135)

Ir-rapport tal-kumpanija ta' konsulenza tal-20 ta' Diċembru 2013 fuq il-prezzijiet ta' AMS jirreferi għall-konklużjonijiet mir-rapporti ta' qabel sottomessi li juru l-importanza tar-reklamar għal kumpaniji żgħar. Dawk ir-rapporti jikkonfermaw li Ryanair hija kumpanija pan-Ewropea b'saħħitha li tista' titlob primjum għas-servizzi ta' reklamar tagħha. Ir-rati ta' AMS huma mqabblin ma' kampjun ta' prezzijiet tar-reklamar tas-siti web meħudin fl-istess żmien, meħudin bħala reklami normattivi ta' qies identiku matul il-perjodu bejn l-2004 u l-2005, jiġifieri l-perjodu li fih ġew introdotti għall-ewwel darba l-listi ta' prezzijiet ta' AMS, u għall-2013. Milli jidher ryanair.com għandu d-doppju ta' viżitaturi fix-xahar meta mqabbel mat-tieni l-iktar sit web tal-ivvjaġġar popolari. Huwa ferm probabbli wkoll li l-viżitaturi jwettqu tranżazzjonijiet online oħrajn. Dawn il-funzjonijiet uniċi, flimkien ma' livell għoli ta' popolarità tal-isem jippermettu sabiex il-linja tal-ajru titlob primjum.

(136)

Il-paragun sar bejn ir-reklami ta' qies identiku li kienu stabbiliti mid-dejta disponibbli u mqiegħda fuq il-paġna ewlenija tas-siti web individwali. Minħabba n-nuqqas ta' trasparenza fuq l-offerti speċjali u l-iskontijiet diskrezzjonali, li xorta waħda huma prattika kummerċjali standard, tqabblu biss il-prezzijiet tal-listi ta' prezzijiet. Lista ta' prezz għal kull prezz tfisser prezz għal kull elf żjara, jiġifieri prezz imħallas darba kull meta r-riklam iżuruh 1 000 viżitatur. Il-prezzijiet għal reklami online jvarjaw skont il-qies tagħhom (f'pixels) u fejn jitqiegħdu fuq is-sit web. L-iktar servizz ta' reklamar importanti fuq il-paġna ewlenija pprovdut fuq ryanair.com bejn l-2004 u l-2005 kien kartellun f'format ta' 468 × 60 pixel. Ġeneralment il-kartelluni jintwerew fin-nofs fin-naħa ta' fuq tas-sit web. Il-prezz għal reklam tal-kartellun bejn l-2004 u l-2005, skont il-lista ta' prezzijiet tal-2005 ta' AMS, tqabbel ma' 54 sit web tal-ivvjaġġar Ewropew.

(137)

Fl-2013 iddaħħlu żewġ tipi oħrajn ta' reklami, jiġifieri torrijiet (120 × 600 pixel) u unitajiet f'nofs il-paġna (300 × 250 pixel). Ir-reklami torrijiet huma twal u dojoq u jintwerew f'tarf il-paġna, filwaqt li l-unitajiet f'nofs il-paġna ġeneralment jintwerew bejn il-kontenut online editorjali u b'hekk jiġbdu l-għajn. Il-prezzijiet għar-reklami torrijiet u l-unitajiet f'nofs il-paġna skont il-lista ta' prezzijiet ta' AMS tqabblu mal-prezzijiet mitlubin minn 22 sit web tal-ivvjaġġar u 135 sit web ieħor. Irriżulta li għaż-żewġ perjodi u għas-setturi kollha l-prezzijiet mitlubin minn AMS jaqgħu fi ħdan jew taħt il-medda ta' prezzijiet tas-siti web fil-grupp komparatur.

L-immaniġġjar tal-kuntratti ta' AMS fl-analiżi tal-profittabilità mwettqa bħala parti mit-test ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq

(138)

Ryanair issottomettiet rapport imħejji minn kumpanija ta' konsulenza fuq il-prinċipji li tqis li għandhom japplikaw għal test ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq, li jkopri kemm il-kuntratti tas-servizi tal-ajruport konklużi bejn Ryanair u l-ajruporti kif ukoll il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi bejn AMS u dawk l-ajruporti. (78) Ryanair tosserva li dan huwa mingħajr ħsara għall-opinjoni tagħha li l-kuntratti ta' AMS u l-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport għandhom ikunu soġġetti għal testijiet separati tal-investitur privat f'ekonomija tas-suq.

(139)

Ir-rapport jispjega li d-dħul b'rabta ma' AMS għandu jkun inkluż fuq in-naħa tad-dħul tal-analiżi konġunta tal-profittabilità li fiha l-kostijiet għal AMS huma rrapportati fuq in-naħa tan-nefqa. Fir-rapport huwa ssuġġerit metodu bbażat fuq il-fluss tal-flus, li fih il-kostijiet għal AMS jiġu ttrattati bħala nefqa operatorja inkrementali. Ir-rapport jiddikjara li l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni għenu sabiex jinħoloq u jissaħħaħ il-valur tal-isem u li dan, min-naħa tiegħu, iġġenera l-kummerċ u l-profitti anki wara li ntemm it-terminu tal-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni. Jiddikjara li kuntratt ma' Ryanair jattira linji tal-ajru oħrajn lejn l-ajruport u li, min-naħa tiegħu, dan jagħmlu iktar attraenti għal impriżi kummerċjali u jżid id-dħul mhux marbut mal-avjazzjoni tal-ajruport. (79) Jekk il-Kummissjoni tagħmel analiżi konġunta tal-profittabilità, dawn il-vantaġġi għandhom jittieħdu f'kunsiderazzjoni billi l-kostijiet għal AMS jitqiesu bħala kostijiet operatorji inkrementali u l-profitti inkrementali għandhom jiġu kkoreġuti għall-pagamenti ta' AMS.

(140)

Barra minn hekk, skont ir-rapport, valur terminali għandu jkun inkluż fil-profitti inkrementali previsti fi tmiem il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport, sabiex jiġi inkluż il-valur dovut wara li skada l-kuntratt. Il-valur terminali jista' jiġi aġġustat skont suppożizzjoni konservattiva tal-probabbiltà ta' estensjoni għall-kuntratt ma' Ryanair jew ftehim b'termini simili ma' linji tal-ajru oħrajn. Dan jippermetti sabiex ikun jista' jiġi stmat limitu inqas għall-vantaġġi ġġenerati kemm mill-kuntratti ta' AMS kif ukoll mill-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport, filwaqt li titqies l-inċertezza ta' profitti inkrementali wara li jiskadi l-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport.

(141)

Ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-riżultati tal-istudji fl-impatt tar-reklamar fuq il-valur tad-ditta bħala korroborazzjoni ta' dan il-metodu. Josserva li dawk l-istudji jirrikonoxxu li r-reklamar isaħħaħ il-valur tad-ditta u jista' jtejjeb il-lealtà tal-klijenti, li r-reklamar fuq ryanair.com b'mod partikolari jżid il-profil ta' ajruport u li ajruporti reġjonali iżgħar li jippruvaw iżidu t-traffiku tagħhom jistgħu jtejbu l-valur tad-ditta tagħhom billi jidħlu f'kuntratti ta' reklamar ma' AMS (80).

(142)

Ir-rapport jissuġġerixxi li l-metodu tal-fluss tal-flus għandu jkun ippreferut iktar minn metodu ta' kapitalizzazzjoni li jittratta l-kostijiet għal AMS bħala nefqa li tifforma l-kapital għal assi fissi intanġibbli (jiġifieri l-valur tad-ditta tal-ajruport). In-nefqa tal-kummerċjalizzazzjoni tkun ikkapitalizzata bħala assi fissi intanġibbli u mbagħad tiġi deprezzata tul il-ħajja utli tal-assi sabiex jinħareġ valur residwu fi tmiem it-terminu supponut tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport. Madankollu, dak il-metodu jinjora l-benefiċċju addizzjonali għall-ajruport mill-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport ma' Ryanair. Barra minn hekk, ikun diffiċli li jiġi stmat il-valur tal-assi fiss intanġibbli, minħabba l-kostijiet ta' mmaniġġjar tad-ditta, u l-ħajja utli tal-assi.

(143)

Finalment, huwa argumentat li l-metodu tal-fluss tal-flus jirrispetta d-deċiżjonijiet fundamentali tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u mhux mill-Istat. Hawnhekk ir-rapport jirreferi għall-każ ta' għajnuna BayernLB, (81) li fih il-Kummissjoni ddikjarat li kienet sejra tuża l-Mudell ta' Skont tad-Dividendi biex tistima l-flussi tal-flus u mbagħad tistabbilixxi valur terminali bbażat fuq it-tkabbir previst tad-dividendi. Jirreferi wkoll għad-diskrepanza bejn il-prezz u l-kost b'rabta ma' Telefónica (82); f'dak il-każ, il-Kummissjoni inkludiet valur terminali fl-analiżi tal-fluss tal-flus skontat tagħha.

6.2.   IL-KUMMENTI TA' AIRPORT MARKETING SERVICES (AMS)

(144)

Airport Marketing Services tiddefinixxi lilha nfisha bħala sussidjarja ta' Ryanair li għandha skop ekonomiku ġenwin u kienet ifformata sabiex tiffoka fuq attività li ma tappartjenix għan-negozju ewlieni ta' Ryanair. Tintuża minn Ryanair sabiex taġixxi ta' sensara għall-bejgħ tal-ispazju ta' reklamar fuq is-sit web tagħha. Bażikament, il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni huma nnegozjati u konklużi ma' ajruporti minn AMS b'mod separat mill-kuntratti ta' Ryanair ma' dawk l-istess ajruporti.

(145)

AMS tispjega li ma bbenefikatx minn għajnuna mill-Istat u li l-ajruport aġixxa bħala investitur privat f'ekonomija tas-suq fit-tranżazzjonijiet tiegħu ma' AMS. AMS targumenta li ġie ssodisfat il-kriterju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq, peress li ma tista' ssir ebda distinzjoni bejn ir-reklamaturi pubbliċi u privati f'termini ta' rati għall-ispazju ta' reklamar ipprovdut minn AMS u d-daqs relatat tat-tali spazju ta' reklamar. L-istituzzjonijiet pubbliċi u privati jikkompetu sabiex jiksbu aċċess għall-ispazju ta' reklamar limitat disponibbli fuq ryanair.com.

(146)

AMS tispjega li l-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni ġew innegozjati bil-prezz tas-suq b'rispett tal-prinċipji bażiċi tan-negozju u l-valur kummerċjali tagħhom. Ħafna ajruporti, kemm reġjonali jew ċentrali, jagħżlu li jtejbu l-fama tagħhom billi jqiegħdu reklami fuq is-sit web ta' Ryanair jew fuq siti web oħrajn u rnexxielhom jiġġeneraw bosta benefiċċji minn din il-fama ikbar. Pereżempju, din il-fama tista' tiġbed lil passiġġieri ġejjin permezz tas-sit web tal-linja tal-ajru li fuqha jintwera r-reklam tal-ajruport. Il-passiġġieri ġejjin jiġġeneraw dħul fl-ajruport minn attivitajiet mhux marbutin mal-avjazzjoni, peress li l-passiġġieri barranin iħallsu ammont ġmielu ta' flus f'ajruport għal tifkiriet, prodotti lokali, karozzi tal-kiri, ikel, eċċ. Dan id-dħul jammonta għal kważi nofs id-dħul tal-ajruport minn attivitajiet mhux marbutin mal-avjazzjoni.

(147)

AMS tispjega li dan japplika b'mod partikolari għall-AOC peress li meta Ryanair fetħet ir-rotta tagħha bejn Altenburg u Londra, l-ajruport ma kien għad kellu ebda traffiku regolari ta' passiġġieri u ma kienet għadha ġiet żviluppata ebda attività li minnha seta' jiġi ġġenerat dħul mhux marbut mal-avjazzjoni. B'hekk, l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni kienu tassew siewja sabiex itejbu l-proporzjon ta' passiġġieri ġejjin għan-numru totali ta' passiġġieri, li Ryanair ħadet impenn li żżid, u sabiex titħeġġeġ is-suppożizzjoni ta' attivitajiet mhux marbutin mal-avjazzjoni fl-ajruport.

(148)

Is-sit web ta' Ryanair għandu għadd ta' funzjonijiet siewja minn perspettiva ta' kummerċjalizzazzjoni: Is-sit web ta' Ryanair huwa wieħed mill-iktar siti web tal-ivvjaġġar popolari fid-dinja; id-ditta Ryanair u s-sit web ta' Ryanair huma ferm magħrufin u r-rata “bounce” ta' […]* biss tissuġġerixxi li l-kontenut huwa attraenti. Il-viżitaturi għandhom tendenza li jibqgħu fuq is-sit web għal żmien twil ħafna u fil-mira tiegħu s-sit għandu l-klijenti potenzjali tal-ajruport inkwistjoni. Dawn il-funzjonijiet tas-sit web huma riflessi fit-tariffi ta' kummerċjalizzazzjoni mitlubin mingħand l-AOC.

(149)

AMS tispjega li t-tariffi ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-prezz tas-suq u li AMS ma taqsamx il-klijenti tagħha f'ajruporti u impriżi li jinnegozjaw f'setturi oħrajn. Il-prezzijiet mitlubin minn AMS huma bbażati fuq kriterji oġġettivi u huma elenkati b'mod trasparenti fuq is-sit web tagħha (83). Il-prezzijiet li AMS titlob mingħand l-ajruport irrispettaw il-lista ta' prezzijiet tagħha. Bħala paragun: reklam ta' paġna waħda għall-ajruport fid-Daily Telegraph kien jiswa madwar EUR 2 385 000 għal perjodu ta' 45 jum (GBP 46 000 kuljum). L-ispazju ta' reklamar ipprovdut minn AMS fuq is-sit web ta' Ryanair huwa fiss ukoll, filwaqt li r-reklami fuq bosta siti web oħrajn ġeneralment jinbidlu.

(150)

Il-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni għal sentejn konkluż ma' AMS fl-2008 kien jistipula li l-ajruport iħallas tariffa għal servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni fuq il-bażi ta' żjarat fil-paġna fl-2007. B'mod simili, il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010 kien ibbażat fuq is-suppożizzjonijiet f'termini tan-numru ta' żjarat fil-paġna fl-2009. L-istatistiki disponibbli juru li n-numru ta' żjarat fuq is-sit web ta' Ryanair żdied b'mod konsiderevoli tul l-aħħar snin.

(151)

AMS tikkonkludi li ma bbenefikatx minn għajnuna mill-Istat u li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH aġixxiet bħala investitur privat f'ekonomija tas-suq fit-tranżazzjonijiet tagħha ma' AMS.

6.3.   IL-KUMMENTI TA' LUFTHANSA

(152)

Lufthansa tikkummenta li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH irrapportat telf annwali ta' EUR 567 000 u EUR 437 000 fil-kontijiet annwali tal-2010 u l-2011. Dan juri li l-kumpanija ma rnexxilhiex tiġġenera profitt, lanqas bis-sussidju pubbliku. Skont Lufthansa, l-azzjonisti jagħmlu injezzjonijiet ta' kapital f'żewġ forom differenti.

(a)

il-pjan tal-baġit għad-distrett rurali ta' Altenburger Land għall-2014 jiddikjara li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH tirċievi injezzjonijiet addizzjonali ta' EUR 228 000 fis-sena kif stipulat fl-Artikolu 24 tal-memorandum u l-istatuti ta' assoċjazzjoni tagħha;

(b)

Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH irċiviet ukoll għotjiet mhux rifondibbli ta' EUR 2 406 000 bejn l-2009 u l-2011. Skont il-kontijiet annwali, dawn l-għotjiet jiżguraw li l-kumpanija tibqa' solventi. Skont il-baġit tad-distrett rurali ta' Altenburger Land, dawn l-għotjiet ġew ipprovduti fl-2014 ukoll (EUR 350 000 għall-2014). B'mod ġenerali, l-għotjiet u l-injezzjonijiet ta' kapital tal-azzjonisti laħqu total ta' EUR 409 000 fl-2014 u EUR 174 000 fl-2013.

(153)

Fuq il-bażi tal-analiżijiet li qegħdin isiru, Lufthansa tosserva li l-infrastruttura maqbula b'kuntratt ma' Ryanair ovvjament inħolqot għal Ryanair biss. Lufthansa tispjega li investitur privat kien jaġixxi b'dan il-mod biss li kieku Ryanair kienet qablet li min-naħa tagħha sservi lill-ajruport għal ċertu numru ta' snin.

(154)

Lufthansa tiddikjara wkoll li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH irċeviet għajnuna ta' salvataġġ mill-Istat bejn l-2003 u l-2011, peress li l-imposti tal-ajruport ma kinux ikopru l-kostijiet operatorji. Lufthansa tiddefinixxi lill-kumpanija bħala kumpanija f'diffikultà skont it-tifsira ta' Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta' impriżi mhux finanzjarji f'diffikultà  (84), xi ħaġa li tfisser li dawn il-Linji Gwida nkisru, peress li l-għajnuna ma ġietx notifikata u, għalhekk, l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

(155)

Fir-rigward tal-imposti tal-ajruport u l-appoġġ tal-kummerċjalizzazzjoni, Lufthansa tosserva li Ryanair irċeviet ammonti kbar ta' għajnuna fil-forma ta' tariffi preferenzjali u appoġġ ta' kummerċjalizzazzjoni. Lufthansa tiddikjara li dawn il-vantaġġi huma inkompatibbli mas-suq intern, peress li l-kriterji tal-kompatibilità tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni ma jistgħux jiġu applikati għaliex ma japplikawx għall-każijiet li fihom l-għajnuna operatorja tiġi applikata fuq bażi permanenti u kontinwa u l-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni ma jistgħux jiġu applikati għaliex huma marbutin biss mal-għajnuna tal-bidu għal linji tal-ajru li jkunu ġew notifikati jew li jingħataw wara li daħlu fis-seħħ il-Linji Gwida. Tiddikjara li, anki li kieku kienu japplikaw il-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni, il-kriterji għall-kompatibbiltà tal-għajnuna tal-bidu għal-linji tal-ajru ma kinux issodisfati.

6.4.   IL-KUMMENTI TAL-ASSOĊJAZZJONI FEDERALI TAL-LINJI TAL-AJRU ĠERMANIŻI

(156)

L-Assoċjazzjoni Federali tal-Linji tal-Ajru Ġermaniżi (“BDF”) ma taqbilx li l-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni japplikaw għal għajnuna operatorja mhux notifikata qabel ma ġew ippubblikati l-Linji Gwida, peress li dan imur kontra l-objettiv ta' prevenzjoni tat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. Skont il-BDF, kwalunkwe applikazzjoni bħal din tkun qiegħda tiffavorixxi lil impriżi li jkunu aġixxew sabiex jirrispettaw il-linji gwida li kienu japplikaw qabel l-4 ta' April 2014. Fil-fehma tal-BDF, il-Linji l-Gwida l-ġodda tal-2014 dwar l-Avjazzjoni jkunu qegħdin jillegalizzaw b'mod retroattiv kondotta illegali. Għalhekk, l-għajnuna tal-bidu għal Ryanair u l-għajnuna għall-investiment għal Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH għandhom jiġu vvalutati bħala għajnuna mhux notifikata fuq il-bażi tal-liġi li kienet tapplika fiż-żmien relevanti.

7.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA FUQ IL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

7.1.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA FUQ IL-KUMMENTI TA' RYANAIR

(157)

Fir-rigward tar-rapport imħejji mill-kumpanija ta' konsulenza, il-Ġermanja tosserva li r-rapport jagħmel referenza għall-possibbiltà li Germanwings serviet lill-AOC. Madankollu, il-Ġermanja tikkonferma li Germanwigs qatt ma serviet lil dan l-ajruport.

(158)

Bħala tweġiba għall-kummenti ta' Ryanair, il-Ġermanja tispjega li l-awtoritajiet tal-Land ta' Thüringen qatt ma kienu involuti fin-negozjati tal-kuntratti bejn l-ajruport u Ryanair/AMS.

(159)

Fir-rigward tal-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni bejn Ryanair u l-AOC, il-Ġermanja ssostni l-pożizzjoni ta' Ryanair, li dawk il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni jikkonformaw mal-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq u, għalhekk, ma kien fihom ebda għajnuna mill-Istat. Il-Ġermanja taqbel b'mod partikolari mal-konklużjoni li ħareġ biha l-aħħar rapport tal-kumpanija ta' konsulenza li bagħtet Ryanair fl-20 ta' Diċembru 2013 u tiddikjara li l-pagamenti li saru lil AMS u/jew Ryanair għas-servizz li pprovdew għal negozju fi ħdan il-kuntest ta' kuntratt tas-servizzi normali kienu raġonevoli.

7.2.   IL-KUMMENTI TAL-ĠERMANJA FUQ IL-KUMMENTI TA' LUFTHANSA

(160)

Il-Ġermanja targumenta li l-kummenti ta' Lufthansa ma jipprovdu ebda informazzjoni ġdida għall-investigazzjoni attwali u li l-Kummissjoni diġà għandha l-informazzjoni relevanti kollha fuq din il-kwistjoni.

(161)

Il-Ġermanja tiċħad għadd ta' dikjarazzjonijiet li għamlet Lufthansa fuq il-bażi li kienu skorretti.

(a)

Skont il-Ġermanja, l-AOC qatt ma nbena u ġie operat biss għal Ryanair. Hawnhekk il-Ġermanja tirreferi għall-kummenti tagħha u l-pjan ta' investiment fit-tul għal Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH.

(b)

Il-Ġermanja tosserva wkoll li l-infrastruttura hija disponibbli sabiex tintuża minn kulħadd fuq bażi mhux diskriminatorja. Air Berlin u Air Omega użaw l-ajruport b'mod regolari mill-2001 'l hawn.

(c)

Il-prestazzjoni ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH tjiebet bis-saħħa tal-kuntratti ma' Ryanair. Għalhekk, investitur privat kien jidħol f'kuntratti bħal dawn.

(d)

Deċiżjonijiet bħal dawn huma prattika standard għal impriżi bħal Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Pereżempju, fl-2008 u l-2009 ġiet ikkunsidrata l-possibbiltà li kumpanija tat-taħriġ tal-bdoti titħalla tuża l-AOC. Madankollu, ma rriżulta ebda kuntratt peress li dak iż-żmien l-ajruport ma rnexxilux jissodisfa t-talbiet tal-kumpanija f'termini ta' infrastruttura. Eżempju ieħor huwa l-fatt li f'Diċembru 2010 l-ajruport iddeċieda li ma jikkonkludi ebda kuntratt ġdid ma' Ryanair.

(e)

Il-mudell kummerċjali tal-Ajruport ta' Altenburg-Nobitz inbidel għall-avjazzjoni ġenerali fuq il-bażi tal-istudju ta' KE-Consult. Dan naqqas il-ħtieġa ta' sussudji pubbliċi.

(162)

Il-Ġermanja tiddikjara wkoll li, meta l-bord superviżorju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH iddeċieda li jdaħħal investitur privat f'Diċembru 2013, kien possibbli li jkomplu jonqsu iktar is-sussidji pubbliċi. Minħabba d-direzzjoni l-ġdida li ħa l-ajruport, li mhuwiex sejjer jibqa' jkun servut minn titjiriet charter jew skedati, l-AOC daqt għandu jibqa jaqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat.

(163)

Il-Ġermanja targumenta li, b'massimu ta' 150 000 passiġġier fis-sena, l-AOC jikkwalifika bħala ajruport tal-kategorija D skont il-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni, li, għalhekk, l-ajruport huwa żgħir wisq biex jikkompeti ma' ajruporti oħrajn, aħseb u ara biex jgħawweġ il-kompetizzjoni, u li, għalhekk, ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Il-Ġermanja tiċħad l-allegazzjonijiet li għamlet Lufthansa rigward l-allegata għajnuna mogħtija lil Ryanair. Il-Ġermanja tiċħad ukoll id-dikjarazzjoni li Ryanair ingħatat allegata għajnuna fil-forma ta' imposti tal-ajruport u appoġġ tal-kummerċjalizzazzjoni u b'rabta ma' dan tirreferi għall-kummenti li għamlet qabel.

(164)

Fl-aħħar, il-Ġermanja tirreferi għal stqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni datata d-19 ta' Jannar 2005 (85) li tikkonferma li skema ta' għajnuna għall-bini u l-iżvilupp ta' ajruporti reġjonali f'reġjuni bi struttura u ekonomija dgħajfin hija kompatibbli mas-suq intern.

8.   VALUTAZZJONI

8.1.   L-EŻISTENZA TAL-GĦAJNUNA

(165)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, “kull għajnuna, ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għallkompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq”.

(166)

Il-kriterji stipulati fl-Artikolu 107(1) TFUE huma kumulattivi. Sabiex jiġi stabbilit jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE, trid tiġi ssodisfata kull waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin. L-appoġġ finanzjarju jrid:

(a)

jingħata minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat;

(b)

jiffavorixxi lil ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti;

(c)

jgħawweġ jew jhedded li jgħawweġ il-kompetizzjoni u

(d)

jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Il-kunċett ta' impriża u attività ekonomika

(167)

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-ewwel nett il-Kummissjoni trid tistabbilixxi jekk Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH hijiex impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE. Il-kunċett ta' impriża jkopri kwalunkwe entità attiva f'attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali tagħha, min hu sidha u l-mod li bih hija ffinanzjata. (86) Kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta' prodotti u servizzi f'suq partikolari hija attività ekonomika (87).

(168)

Fis-sentenza ta' Leipzig-Halle Airport, il-Qorti kkonfermat li l-operat ta' ajruport għal finijiet kummerċjali u l-bini ta' infrastruttura tal-ajruport jikkostitwixxu attività ekonomika. (88) Malli operatur ta' ajruport iwettaq attività ekonomika, billi joffri servizzi tal-ajruport għal remunerazzjoni, jikkwalifika bħala impriża skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE indipendentement mill-istatus legali tiegħu jew il-mod li bih huwa ffinanzjat. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu applikati għal vantaġġi mogħtijin lill-operatur tal-ajruport inkwistjoni mill-Istat jew permezz ta' riżorsi tal-Istat (89).

(169)

F'termini taż-żmien li fih il-bini u l-operat ta' ajruport isiru attività ekonomika, il-Kummissjoni tosserva li l-iżvilupp gradwali tal-forzi tas-suq fis-settur tal-ajruport jagħmilha impossibbli li tiġi stabbilita data preċiża. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet l-iżviluppi fl-għamla tal-attivitajiet tal-ajruporti. B'rabta mal-Ajruport ta' Leipzig/Halle, il-Qorti ddikjarat li ma kienx għadu possibbli li tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għall-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruporti mis-sena 2000. Għalhekk, il-bini u l-operat tal-infrastruttura tal-ajruporti trid titqies li hija attività ekonomika mid-data tas-sentenza f'Aéroports de Paris (12 ta' Diċembru 2000).

(170)

Fuq il-bażi tal-valutazzjonijiet fil-paragrafi (168) u (169), l-operat ta' ajruport huwa attività ekonomika. Minn naħa, l-ajruporti jikkompetu għal linji tal-ajru u t-traffiku tal-ajru korrispondenti (passiġġieri u merkanzija) u, min-naħa l-oħra, l-operaturi tal-ajruporti jikkompetu ma' xulxin. Jistgħu jikkompetu għal kuntratt sabiex joperaw ajruport partikolari. Barra minn hekk, l-ajruporti mhux fl-istess żona koperta jew saħansitra fl-Istat Stat Membru jistgħu jkunu f'kompetizzjoni ma' xulxin, speċjalment għal linji tal-ajru low-cost u carter.

(171)

Il-Kummissjoni ssib li l-infrastruttura tal-ajruport ikkonċernata f'din id-deċiżjoni għandha tiġi operata fuq bażi kummerċjali mill-operatur tal-ajruport Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Peress li l-operatur tal-ajruport sejjer jitlob lil min jużah tariffa sabiex juża dik l-infrastruttura, din hija sfruttabbli kummerċjalment. Minn dan isegwi li l-entità li tisfrutta dik l-infrastruttura hija impriża għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Mandat tal-politika pubblika

(172)

Mhux l-attivitajiet kollha ta' operatur ta' ajruport bilfors ikunu attivitajiet ekonomiċi (90). Il-Qorti (91) ddikjarat li l-attivitajiet li għalihom l-Istat normalment ikun responsabbli matul l-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali tiegħu bħala awtorità pubblika mhumiex ekonomiċi fl-għamla tagħhom u ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Attivitajiet bħal dawn jinkludu, pereżempju, is-sigurtà, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru, is-sorveljanza, id-dwana eċċ. Il-finanzjament tat-tali attivitajiet irid ikun strettament limitat għal kumpens għall-kostijiet imġarrbin u ma jistax jintuża biex jiffinanzja attivitajiet ekonomiċi oħrajn (92).

(173)

Għalhekk, il-finanzjament tal-attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika jew tal-infrastruttura direttament assoċjata mat-tali attivitajiet ġeneralment ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat. (93) F'ajruport, l-attivitajiet bħall-kontroll tat-traffiku tal-ajru, is-sorveljanza, id-dwana, is-servizz tat-tifi tan-nar, l-attivitajiet għall-ħarsien tal-avjazzjoni ċivili minn interferenza illegali u l-investimenti fl-infrastruttura u t-tagħmir meħtieġa sabiex jitwettqu dawk l-attivitajiet ġeneralment ma jikkostitwixxux attivitajiet ekonomiċi. (94)

(174)

Il-finanzjament pubbliku ta' attivitajiet mhux ekonomiċi marbutin mal-prestazzjoni ta' attività ekonomika ma jistax jirriżulta f'diskriminazzjoni indebita bejn il-linji tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti. Fil-fatt hija ġurisprudenza stabbilita li jeżisti vantaġġ meta l-awtoritajiet pubbliċi jeħilsu lill-impriżi mill-ispejjeż inerenti fl-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. (95) Għalhekk, jekk huwa normali f'sistema legali partikolari li l-linji tal-ajru jew l-operaturi tal-ajruporti jġarrbu l-kostijiet ta' ċerti servizzi, iżda wħud mil-linji tal-ajru jew l-operaturi tal-ajruporti li jipprovdu l-istess servizzi f'isem l-istes awtoritajiet pubbliċi ma għandhomx iġarrbu dawk il-kostijiet, dawn jistgħu jibbenefikaw minn vantaġġ anki jekk is-servizzi kkonċernati jikkwalifikaw minnhom infushom bħala attivitajiet mhux ekonomiċi. Għal dik ir-raġuni, hemm bżonn li jiġi analizzat il-qafas legali applikabbli għall-operatur tal-ajruport sabiex jiġi vvalutat jekk, f'dak il-qafas legali, l-operatur tal-ajruport jew il-linji tal-ajru jridux iġarrbu l-kostijiet tal-attivitajiet li mhumiex ta' għamla ekonomika iżda li saru matul l-eżerċizzju tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom.

(175)

Il-Ġermanja tispjega li s-sussidji pubbliċi għall-investimenti infrastrutturali msemmijin fil-paragrafu (71) huma assoċjati ma' attivitajiet mhux ekonomiċi biss. Il-Ġermanja tinkludi l-investimenti fis-sikurezza, is-sigurtà pubblika u l-kontroll tat-traffiku tal-ajru f'dawk l-attivitajiet mhux ekonomiċi. B'mod partikolari, il-Ġermanja tindika li l-kompiti ta' sigurtà u l-kompiti ta' sorveljanza, il-miżuri għas-sikurezza kontra n-nar, is-sikurezza pubblika u s-sikurezza operazzjonali, is-servizz meteoroloġiku u l-kontroll tat-traffiku tal-ajru huma parti mill-mandat tal-politika pubblika.

(176)

Il-qafas legali relevanti fil-Ġermanja huwa stabbilit b'mod partikolari mit-taqsima 8 tal-Luftsicherheitsgesetz [l-Att dwar is-Sikurezza fl-Ajru], li jirregola s-salvagwardji tal-ajruporti, u t-Taqsima 27(c) Nru 2 tal-Luftverkehrsgesetz [l-Att dwar it-Traffiku tal-Ajru], li jirregola l-miżuri sabiex jiġu ggarantiti sikurezza operazzjonali, kontroll tat-traffiku tal-ajru u sikurezza tat-traffiku tal-ajru.

(177)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżuri fit-Taqsima 8 tal-Luftsicherheitsgesetz, il-miżuri fit-Taqsima 27(c) Nru 2 tal-Luftverkehrsgesetz, u s-servizz tat-temp u s-servizz tat-tifi tan-nar huma, fil-prinċipju, attivitajiet li jistgħu jitqiesu li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika.

(178)

Madankollu, f'dak li għandu x'jaqsam ma' miżuri marbtin biss mas-sikurezza operazzjonali, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżuri li jiggarantixxu l-operat sikur tal-ajruport jifformaw parti normali mill-attività ekonomika tal-operat tal-ajruport. (96) Soġġetta għal investigazzjoni dettaljata tal-attivitajiet u l-kostijiet individwali, il-Kummissjoni tiddikjara li l-miżuri mfasslin sabiex jiġi ggarantit l-operat sikur ta' ajruport mhumiex attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika. Kwalunkwe impriża li tixtieq topera ajruport trid tiggarantixxi s-sikurezza tal-faċilitajiet bħar-runway u r-rampa tal-ajruport.

(179)

Fir-rigward tas-sikurezza kontra n-nar, il-Kummissjoni tosserva li r-rimborż tal-kostijiet normalment ikun soġġett għall-kompetenzi reġjonali u li t-tali kostijiet normalment ikunu rimborżati mill-awtoritajiet reġjonali relevanti. Ir-rimborż tat-tali kostijiet huwa limitat għall-ammont meħtieġ sabiex ikunu koperti l-kostijiet ikkonċernati.

(180)

Fir-rigward tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-miżuri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru, it-Taqsima 27(d) tal-Luftverkehrsgesetz tipprovdi sabiex il-kostijiet imġarrbin għall-miżuri taħt it-Taqsima 27(c) tal-Luftverkehrsgesetz ikunu koperti mill-Istat għal għadd ta' ajruporti speċifiċi. L-ajruporti jistgħu jiksbu ħelsien mill-ispejjeż bħala “mtajjar rikonoxxuti” skont it-Taqsima 27(d) tal-Luftverkehrsgesetz jekk il-Ministeru Federali għat-Trasport jirrikonoxxi li hemm ħtieġa għal servizzi ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u miżuri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru fuq il-bażi ta' motivi ta' sikurezza bbażati fuq it-traffiku u interessi tal-politika tat-trasport. (97) L-ajruporti Ġermaniżi mingħajr rikonoxximent bħal dan ma jistgħux jitolbu l-ħelsien minn kost skont it-Taqsima 27(d) tal-Luftverkehrsgesetz u, għalhekk, fil-prinċipju jridu jġarrbu l-kostijiet huma stess tal-miżuri pprovduti fit-Taqsima 27(c) tal-Luftverkehrsgesetz. Dawn il-kostijiet jagħmlu parti mill-operat tal-ajruport. Peress li ċerti ajruporti jridu jġarrbu dawn il-kostijiet huma stess u oħrajn le, jista' jingħata vantaġġ lil dawn tal-aħħar jekk il-miżuri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u oħrajn jistgħu jiġu kklassifikati bħala miżuri mhux ekonomiċi. Il-Kummissjoni tosserva li l-AOC mhuwiex wieħed mill-ajruporti li jaqgħu taħt it-Taqsima 27(d) tat-tali Att u ssib li l-investimenti marbutin mas-servizzi ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-miżuri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru ma jistgħux jitqiesu bħala kostijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika.

(181)

Fir-rigward tal-miżuri skont it-Taqsima 8 tal-Luftsicherheitsgesetz, il-Ġermanja tidher li hija tal-fehma li l-kostijiet kollha marbutin mal-miżuri stipulati hemm jistgħu jiġġarrbu mill-awtoritajiet pubbliċi relevanti. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li, skont it-Taqsima 8(3) tal-Luftsicherheitsgesetz, huma biss il-kostijiet ta' forniment u żamma tal-kmamar u ż-żoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-miżuri tat-Taqsima 5 tal-Luftsicherheitsgesetz li jistgħu jiġu rimborżati. Il-kostijiet kollha l-oħrajn irid iġarrabhom l-operatur tal-ajruport. Peress li l-finanzjament pubbliku mogħti lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH ħeles lill-impriża minn kostijiet li kellha ġġarrab skont it-Taqsima 8(3) tal-Luftsicherheitsgesetz, dak il-finanzjament pubbliku mhuwiex eżentat mill-analiżi approfondita skont ir-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(182)

Finalment, il-Kummissjoni taċċetta fir-rigward tal-investimenti infrastrutturali li saru u l-kostijiet operatorji mġarrbin bejn is-sena 2000 u l-2011 li n-nefqa assoċjata direttament mas-sikurezza kontra n-nirien u l-forniment tas-servizzi meteoroloġiċi jistgħu jitqiesu bħala nefqa li taqa' taħt il-mandat tal-politika pubblika, diment li r-rimborż tat-tali kostijiet ikun strettament limitat għall-ammont meħtieġ sabiex jitwettqu dawk l-attivitajiet. Fir-rigward tal-investimenti u l-kostijiet operatorji marbutin mal-miżuri meħudin skont it-Taqsima 8 tal-Luftsicherheitsgesetz, il-Kummissjoni hija tal-fehma li huma biss dawk il-kostijiet li għalihom l-operatur tal-ajruport għandu talba ta' rimborż skont it-Taqsima 8(3) tal-Luftsicherheitsgesetz li jistgħu jitqiesu li huma kostijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika.

(183)

Fir-rigward tal-investimenti skont it-Taqsima 27(c) Nru 2 tal-Luftsicherheitsgesetz b'rabta mas-servizzi ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-miżuri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru, il-Kummissjoni ssib li, peress li l-AOC mhuwiex wieħed mill-ajruporti li jaqgħu taħt it-Taqsima 27(d) tat-tali Att, li l-investimenti u l-kostijiet operatorji marbutin mas-servizzi ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-miżuri ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru ma jistgħux jitqiesu bħala kostijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika. Fl-aħħar, l-investimenti u l-kostijiet operatorji li jiggarantixxu s-sikurezza operazzjonali tal-ajruport ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala kostijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika. B'mod partikolari, dan ifisser li l-investimenti fl-immodernizzar u l-estensjoni tar-runway u l-installazzjoni tas-sinjali tal-ajrudromi eċċ. ma jistgħux jiġu kklassifikati li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika.

(184)

Il-klassifikazzjoni legali ta' dawn il-kostijiet bħala li jaqgħu taħt jew barra l-mandat tal-politika pubblika minkejja li, intwera li, skont il-qafas legali fis-seħħ, dawn il-kostijiet iridu jiġġarrbu mill-operatur tal-ajruport. Għalhekk, jekk l-Istat ħallas għal dawn il-kostijiet, l-operatur tal-ajruport inħeles minn kostijiet li normalment kien ikollu jġarrab.

(185)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-riżorsi pubbliċi mogħtijin lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH sabiex tiffinanzja l-investimenti infrastrutturali u t-telf operatorju ħelsu lill-impriża minn kostijiet inerenti għall-attivitià ekonomika tagħha. Dan ma japplikax għall-kostijiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika deskritti fil-paragrafi 182 u 183. Għall-kuntrarju tal-opinjoni li esprimiet il-Ġermanja, il-fondi tal-Land ta' Thüringen użati sabiex ikopru servizzi ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u ta' kontroll tal-ajruport, kif żvelati fit-Tabella 7, ma jistgħux jitqiesu bħala attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika. Mill-ġdid, għall-kuntrarju tal-opinjoni li esprimiet il-Ġermanja, parti mill-investimenti infrastrutturali żvelati fit-Tabella 3 ma jaqgħux taħt il-mandat tal-politika pubblika. Dan japplika b'mod partikolari għall-immodernizzar u l-estensjoni tar-runway.

8.1.1.   Miżura 1: Il-finanzjament tal-investimenti infrastrutturali 2000-2011

Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(186)

Kwalunkwe vantaġġ mogħti minn riżorsi tal-Istat mill-Istat innifsu jew minn korp delegat li jaġixxi bis-setgħat ittrasferiti lilu mill-Istat jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. (98) L-Artikolu 107 TFUE fuq ir-riżorsi tal-Istat japplika għar-riżorsi tal-awtoritajiet lokali. (99)

(187)

F'dan il-każ, l-għotjiet mogħtijin lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH sabiex tkopri l-investimenti infrastrutturali huma ffinanzjati mill-baġit ta' istituzzjonijiet pubbliċi, jiġifieri jew l-azzjonisti pubbliċi, (100) il-Land ta' Thüringen jew istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn u awtoritajiet reġjonali u lokali. Konsegwentement, l-għotjiet fihom għajnuna mill-Istat u jridu jiġu imputati lill-Istat ukoll.

Vantaġġ ekonomiku

(188)

Il-Kummissjoni tapplika l-kriterju tal-“investitur privat f'ekonomija tas-suq” sabiex tistabbilixxi jekk impriża kisbitx vantaġġ ekonomiku mir-riżorsi finanzjarji mogħtijin b'termini preferenzjali. Fuq il-bażi ta' dak il-prinċipju, il-kapital imqiegħed direttament jew indirettament għad-dispożizzjoni ta' impriża mill-Istat, f'ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq ma għandhomx jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat. (101)

(189)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni trid tistabbilixxi jekk it-termini tas-sussidji pubbliċi mħallsin lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH tawx lill-impriża vantaġġ ekonomiku, li l-benefiċjarju ma kienx jikseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq.

(190)

L-għotjiet pubbliċi għall-miżura kkonċernata hawnhekk tħallsu lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH “mingħajr ħlas”, mingħajr imgħax jew mingħajr ebda obbligu ta' ripagament (102). Konsegwentement, l-għotjiet imħallsin mill-awtoritajiet Ġermaniżi għall-investimenti infrastrutturali ħelsu lill-impriża mill-kost li jkollha tiffinanzja l-infrastruttura hija stess jew minn self tal-bank inkella mill-ekwità proprja tagħha. Għalhekk, dawn l-għotjiet jagħtu vantaġġ ekonomiku lill-ajruport.

Selettività

(191)

L-Artikolu 107(1) TFUE jistipula li sabiex miżura tiġi definita bħala għajnuna mill-Istat, trid tkun tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti”. Il-Kummissjoni tosserva li l-għotjiet għall-investimenti infrastrutturali tħallsu biss lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Konsegwentement, dawk l-għotjiet kienu miżuri selettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(192)

Jekk l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' impriżi oħrajn li jikkompetu fis-suq intern, irid jiġi supponut li kienu affettwati mill-għajnuna inkwistjoni. Hija ġurisprudenza stabbilita (103) li l-kompetizzjoni tkun mgħawġa jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jikkompeti ma' impriżi oħrajn fi swieq miftuħin għall-kompetizzjoni.

(193)

Kif spjegat qabel, l-operat ta' ajruport huwa attività ekonomika u l-ajruporti jikkompetu għall-passiġġieri u l-linji tal-ajru. Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH tikkompeti ma' impriżi oħrajn fi swieq miftuħin għall-kompetizzjoni. Il-vantaġġ ekonomiku miksub isaħħaħ il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla mal-kompetituri tagħha fis-suq Ewropew fis-servizzi tal-ajruport.

(194)

Għalhekk, ir-riżorsi pubbliċi analizzati hawnhekk ifixklu jew jheddu li jfixklu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Konklużjoni

(195)

Għar-raġunijiet spjegati, il-Kummissjoni ssib li l-għotjiet imħallsin mill-awtoritajiet reġjonali u muniċipali tal-Ġermanja għall-investimenti infrastrutturali tal-AOC fil-perjodu mit-12 ta' Diċembru 2000 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

8.1.2.   Miżura 2: Il-finanzjament tat-telf operatorju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH fis-snin 2000-2011

Ir-riżorsi tal-Istat u l-imputabbiltà lill-Istat

(196)

Kwalunkwe vantaġġ mogħti minn riżorsi tal-Istat mill-Istat innifsu jew minn korp delegat li jaġixxi bis-setgħat ittrasferiti lilu mill-Istat jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. (104) L-Artikolu 107 TFUE fuq ir-riżorsi tal-Istat japplika għar-riżorsi tal-awtoritajiet lokali. (105)

(197)

F'dan il-każ, l-għotjiet mogħtijin lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH sabiex tkopri t-telf operatorju huma ffinanzjati mill-baġit ta' istituzzjoni pubblika, jiġifieri jew l-azzjonist pubbliku (106) (il-Land ta' Thüringen) jew istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn u awtoritajiet reġjonali u lokali. Konsegwentement, l-għotjiet fihom għajnuna mill-Istat u jridu jiġu imputati lill-Istat ukoll.

Vantaġġ ekonomiku

(198)

Vantaġġ ekonomiku skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE jfisser kwalunkwe benefiċċju ekonomiku li impriża ma kinitx tikseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq, jiġifieri mingħajr l-intervent tal-Istat. (107) L-uniku kriterju huwa l-effett tal-miżura fuq l-impriża, mhux il-kawżi jew it-tiri tal-intervent tal-Istat. (108) Dejjem hemm vantaġġ li bih il-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża titjieb minħabba l-intervent tal-Istat.

(199)

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll li “l-kapital imqiegħed direttament jew indirettament għad-dispożizzjoni ta' impriża mill-Istat f'ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq ma jistgħax jitqies bħala għajnuna mill-Istat”. (109) Sabiex f'dan il-każ jiġi stabbilit jekk il-finanzjament pubbliku ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH tax lill-impriża vantaġġ li ma kinitx tikseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Kummissjoni trid tqabbel il-kondotta tal-awtoritajiet pubbliċi li injettaw il-kapital u l-kondotta ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq b'politika fit-tul fil-mira tiegħu mingħajr ma jagħti kas ir-redditu immedjat. (110)

(200)

Il-Ġermanja targumenta li l-effett tal-għotjiet pubbliċi inkwistjoni għandu jiġi vvalutat fir-rigward tal-vantaġġi ekonomiċi għar-reġjun sħiħ u li, għalhekk, l-azzjonist ewlieni ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, id-distrett rurali ta' Altenburger Land, aġixxa bħala investitur privat f'kundizzjonijiet normali tas-suq. Fir-rigward tal-vantaġġi għar-reġjun, il-benefiċċju għad-distrett rurali ta' Altenburger Land, skont il-Ġermanja, kien ikbar mill-għotjiet imħallsin. Il-Ġermanja tiddikjara wkoll li l-injezzjonijiet ta' kapital tal-azzjonisti jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għotjiet li ma marrux tajjeb” (111) għall-ajruport. Madankollu, il-vantaġġi possibbli għar-reġjun ma jistgħux jiġu kkunsidrati f'valutazzjoni bbażata fuq il-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq. Il-valutazzjoni trid tinjora kwalunkwe impatt pożittiv fuq l-ekonomija tar-reġjun fejn jinsab l-ajruport, peress li l-Qorti stipulat li l-uniku kriterju li japplika meta jiġi applikat il-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq “jekk f'ċirkustanzi simili, azzjonist privat, li jkollu l-kisba ta' redditu fil-mira u li jinjora kull kunsiderazzjoni soċjali, tal-politika reġjonali u settorjali, kien jissottoskrivi l-kapital inkwistjoni (112).

(201)

F'dan il-każ tal-għajnuna, ir-riżorsi pubbliċi ngħataw lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH “mingħajr ħlas”, mingħajr imgħax jew mingħajr ebda obbligu ta' ripagament. L-istituzzjonijiet pubbliċi taw lill-operatur tal-ajruport riżorsi mingħajr ma talbu xi kunsiderazzjoni u, għalhekk, ħelsuh mill-bżonn li jiffinanzja lilu nnifsu permezz ta' self mill-bank jew ekwità.

(202)

L-injezzjonijiet annwali ta' kapital mill-azzjonisti ntużaw sabiex ikopru t-telf anwali ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Għaldaqstant, finalment, l-injezzjonijiet ta' kapital addizzjonali ntużaw sabiex ikopru parti min-nefqa operatorja normali tal-ajruport u, għalhekk, ħelsu lill-impriża mill-kostijiet li normalment kien ikollha ġġarrab. Il-Ġermanja ma spjegatx għaliex investitur privat f'ekonomija tas-suq kien ikompli jinjetta l-kapital f'impriża li rrapportat telf b'mod konsistenti.

(203)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li investitur privat f'ekonomija tas-suq ma kienx jiddeċiedi li jkopri t-telf dejjem ikbar ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH sena wara l-oħra. Għalhekk, l-għotjiet imħallsin mill-awtoritajiet reġjonali u l-istituzzjonijiet pubbliċi Ġermaniżi għat-telf operatorju ħelsu lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH mill-bżonn li jkopri t-telf operatorju kollu tiegħu u tawh vantaġġ ekonomiku li ma kienx jikseb f'kundizzjonijiet normali tas-suq.

Selettività

(204)

L-Artikolu 107(1) TFUE jistipula li sabiex miżura tiġi definita bħala għajnuna mill-Istat, trid tkun tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti”. Il-Kummissjoni tosserva li l-għotjiet għall-investimenti għat-telf operatorju tħallsu biss lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Konsegwentement, dawk l-għotjiet kienu miżuri selettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(205)

Jekk l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' impriżi oħrajn li jikkompetu fis-suq intern, irid jiġi supponut li kienu affettwati mill-għajnuna inkwistjoni. Hija ġurisprudenza stabbilita (113) li l-kompetizzjoni tkun mgħawġa jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jikkompeti ma' impriżi oħrajn fi swieq miftuħin għall-kompetizzjoni.

(206)

Kif spjegat qabel, l-operat ta' ajruport huwa attività ekonomika u l-ajruporti jikkompetu għall-passiġġieri u l-linji tal-ajru. Għalhekk, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH tikkompeti ma' impriżi oħrajn fi swieq miftuħin għall-kompetizzjoni. Il-vantaġġ ekonomiku miksub mill-impriża jsaħħaħ il-pożizzjoni tagħha meta mqabbla mal-kompetituri tagħha fis-suq Ewropew fis-servizzi tal-ajruport.

(207)

Għalhekk, ir-riżorsi pubbliċi analizzati jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni. Barra minn hekk, jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Konklużjoni

(208)

Għar-raġunijiet spjegati, il-Kummissjoni ssib li l-għotjiet imħallsin mill-awtoritajiet reġjonali u l-istituzzjonijiet pubbliċi tal-Ġermanja għat-telf operatorju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH fil-perjodu mit-12 ta' Diċembru 2000 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

8.1.3.   Miżura 3: It-tariffi tal-ajruport u l-pagamenti lil Ryanair skont il-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport u s-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni

(209)

Il-Kummissjoni eskludiet il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni finali konkluż ma' AMS fil-21 ta' Settembru 2010 u l-“ittra ta' akkumpanjament” mill-analiżi tagħha, peress li dawn kienu ffinanzjati minn impriżi reġjonali privati li kienu qablu li jżommu l-attivitajiet ta' Ryanair fl-ajruport (114).

Il-kunċett ta' impriża u attività ekonomika

(210)

Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat japplikaw biss jekk il-benefiċjarju jkun “impriża”. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ddefinixxiet b'konsistenza lill-impriżi bħala entitajiet attivi f'attività ekonomika, indipendentement mill-istatus legali tagħhom, min hu sidhom u l-mod li bih huma ffinanzjati (115). Kwalunkwe attività li tikkonsisti fl-offerta ta' prodotti u servizzi f'suq partikolari hija attività ekonomika (116).

(211)

Ryanair toffri servizzi tat-traffiku tal-ajru tal-passiġġieri skedati fis-suq. Huwa ċar li hija attiva f'attività ekonomika.

(212)

AMS hija sussidjarja 100 % ta' Ryanair. Għalhekk, jista' jiġi supponut li Ryanair għandha influwenza deċiżjonali fuq il-kondotta ta' AMS. Barra minn hekk, il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2008 u l-2010 ġew iffirmati f'isem AMS mis-Sur Eddie Wilson, li dak iż-żmien kien kemm id-direttur ta' AMS kif ukoll direttur ta' Ryanair. (117) Il-preambolu għal dawn il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni jistipula li “AMS għandha liċenzja esklussiva li toffri servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni fuq is-sit web tal-ivvjaġġar www.ryanair.com, is-sit web tal-linja tal-ajru low-cost Ryanair”. Għalhekk, għall-fini tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat, AMS u Ryanair jitqiesu bħala impriża waħda skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

Riżorsi tal-Istat

(213)

Kwalunkwe vantaġġ mogħti minn riżorsi tal-Istat mill-Istat innifsu jew minn korp delegat li jaġixxi bis-setgħat ittrasferiti lilu mill-Istat jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat. (118) L-Artikolu 107 TFUE fuq ir-riżorsi tal-Istat japplika għar-riżorsi tal-awtoritajiet lokali. (119)

(214)

F'dan il-każ, l-Istat eżerċita kontroll dirett jew indirett fuq ir-riżorsi inkwistjoni f'dan il-każ f'kull ħin materjali. Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kellha maġġoranza ta' azzjonisti pubbliċi mindu daħlet f'negozjati ma' Ryanair. Bħalissa, hija proprjetà sħiħa ta' azzjonisti pubbliċi (l-azzjonisti kollha huma awtoritajiet pubbliċi jew huma awtoritajiet pubbliċi bi sjieda sħiħa) u l-kumpanija stess għandha 32 % tal-istokk tagħha.

(215)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-riżorsi kollha ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH iridu jitqiesu li huma riżorsi tal-Istat.

L-imputabbiltà lill-Istat

(216)

Il-Qorti ddikjarat li, anki jekk l-Istat ikun f'pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operat tagħha, l-eżerċitar propju ta' dak il-kontroll f'każ partikolari ma jistax jiġi presupponut b'mod awtomatiku. Impriża pubblika tista' taġixxi b'inqas indipendenza jew b'iktar, skont il-grad ta' awtonomija li jħalliha l-Istat. Is-sempliċi fatt li impriża pubblika tkun taħt il-kontroll tal-Istat mhuwiex biżżejjed għall-miżuri meħudin minn dik l-impriża, bħall-kuntratt tat-3 ta' Marzu 2003 konkluż bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair u l-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni sussegwenti inkwistjoni hawnhekk, li jridu jiġu imputati lill-Istat (120).

(217)

Skont il-Qorti, dawn li ġejjin huma indikaturi ta' imputabbiltà (121):

(a)

il-fatt li l-korp inkwistjoni ma setax jieħu d-deċiżjoni kkontestata bla ma jqis ir-rekwiżiti tal-awtoritajiet pubbliċi;

(b)

il-fatt li l-impriża kellha tikkonforma mad-direttivi maħruġin mill-awtoritajiet pubbliċi;

(c)

l-integrazzjoni tal-korp pubbliku fl-istrutturi tal-amministrazzjoni pubblika;

(d)

l-għamla tal-attivitajiet tal-impriża pubblika u l-eżerċitar ta' din tal-aħħar fuq is-suq f'kundizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni ma' operaturi privati;

(e)

l-istatus ġuridiku tal-impriża;

(f)

l-intensità tas-superviżjoni eżerċitata mill-awtoritajiet pubbliċi fuq il-maniġment tal-impriża;

(g)

kwalunkwe indikatur ieħor li juri, fil-każ partikolari, involviment mill-awtoritajiet pubbliċi fl-adozzjoni ta' miżura jew in-nuqqas ta' probabbiltà li ma jkunux involuti, filwaqt li jitqies ukoll il-ħsieb wara l-miżura, il-kontenut tagħha jew il-kundizzjonijiet li fiha.

(218)

Il-Ġermanja targumenta li l-Ministeru għall-Bini u t-Trasport tal-Land ta' Thüringen ma kellu ebda dritt ta' kontroll matul il-konklużjoni tal-kuntratti ma' Ryanair jew AMS. Skont il-Ġermanja, il-ministeru relevanti u l-gvern tal-Land ta' Thüringen kienu involuti biss fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-investimenti infrastrutturali fl-ajruport. Il-Ġermanja tiċħad l-argument tal-Kummissjoni fir-rigward tal-funzjoni superviżorja tal-Ministeru għall-Bini u t-Trasport tal-Land ta' Thüringen u b'hekk l-imputabbiltà presupponuta tal-miżuri inkwistjoni għall-Istat.

(219)

Il-Ġermanja tiċħad ukoll l-argument tal-Kummissjoni li t-tariffi tal-ajruport kellhom jiġu approvati minn qabel mill-awtoritajiet ta' sorveljanza skont l-Att Ġermaniż dwar it-Traffiku tal-Ajru, jiġifieri s-Sezzjoni 43a LuftVZO [ir-Regolament dwar il-Liċenzjar tat-Traffiku tal-Ajru]. Skont il-Ġermanja, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH irnexxielha tintroduċi tariffi tal-ajruport mingħajr l-approvazzjoni tal-awtorità superviżorja, peress li l-awtorità superviżorja kellha sempliċiment teżamina t-tariffi li jaqbżu ammont speċifiku.

(220)

F'Awwissu 2010, il-Kamra tal-Kummerċ Gera (istituzzjoni pubblika) nediet kampanja favur iż-żamma tal-kunċett ta' low-cost fl-AOC u sejħet lill-gvern tal-Land ta' Thüringen sabiex jinnegozja mill-iktar fis destinazzjonijiet u miżuri ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Ryanair (122). Skont il-Ġermanja, dan l-argument jikkorrobora l-analiżi bbażata fuq il-prinċipju ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq, li sab li kien jagħmel sens ekonomiku li jinżammu u jiġu appoġġjati r-rotot ta' Ryanair.

(221)

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ministeri kompetenti tal-Land ta' Thüringen kienu involuti fil-konklużjoni tal-kuntratti ma' Ryanair. Il-Land ta' Thüringen milli jidher ħa sehem fin-negozjati ta' qabel il-konklużjoni tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair. Skont artiklu fl-istampa, in-negozjati mexew bil-lajma għaliex il-ministeri tal-Land ta' Thüringen ppruvaw jimblokkaw in-negozjata (123). Fl-istess ħin, il-Ministeru ta' Thüringen għall-Affarijiet Ekonomiċi Schuster qies li l-Land kien f'pożizzjoni li japprova l-miżuri meħtieġa. Huwa kkwotat li qal li jekk Ryanair kienet teħtieġ runway itwal, kienet sejra tiġi pprovduta runway itwal. L-artiklu jispjega wkoll li l-operazzjonijiet il-ġodda ta' Ryanair fl-AOC jistgħu jwasslu għal tnaqqis fin-numri ta' passiġġieri fl-Ajruport ta' Dresden u l-Ajruport ta' Leipzig/Halle (124).

(222)

Il-Ministeru tal-Bini u t-Trasport tal-Istat Ħieles tat-Turinġja huwa l-awtorità superviżorja ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Barra minn hekk, skont l-Att Ġermaniż dwar it-Traffiku tal-Ajru, jiġifieri s-Sezzjoni 43a LuftVZO, it-tariffi tal-ajruport iridu jiġu approvati bil-quddiem mill-awtorità superviżorja. Ir-Regolamenti tal-AOC dwar it-Tariffi tat-18 ta' Settembru 2006 jipprovdu wkoll għall-firma ta' rappreżentant tal-Ministeru għall-Bini u t-Trasport.

(223)

Mid-dibattiti fil-Landtag [il-Parlament reġjonali] tal-Istat Ħieles tat-Turinġja, jidher ċar li l-ministeri kienu involuti f'livell politiku. Skont il-minuti dettaljati, il-Landtag iddibatta kemm kwistjonijiet tekniċi kif ukoll il-vijabbiltà ekonomika ġenerali tal-ajruport. (125).

(224)

Il-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni ma' Ryanair ġew diskussi fil-Kreistag [kunsill tal-kontea] ukoll. Skont artiklu fl-istampa, il-Kreistag approva l-ħlas ta' EUR 670 000 għall-miżuri ta' kummerċjalizzazzjoni b'rabta mal-introduzzjoni ta' rotta ġdida ta' Ryanair (126). Il-Landrat huwa kkwotat jgħid li r-rotot skedati kienu jiġu sospiżi mingħajr il-pagamenti tal-kummerċjalizzazzjoni.

(225)

Finalment, il-Kummissjoni tosserva li l-involviment tal-Kamra tal-Kummerċ Gera (korp awtoregolatorju tal-liġi pubblika) fil-konklużjoni tal-kuntratti ta' Ryanair jikkonferma li l-influwenza pubblika ġiet eżerċitata matul il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet rigward dawk il-kuntratti.

(226)

Finalment, fid-dawl tas-superviżjoni eżerċitata mill-Ministeru għall-Bini u t-Trasport tal-Land ta' Thüringen, l-involviment tal-ministeri f'livell politiku, il-bosta dibattiti fil-Landtag tal-Land ta' Thüringen u l-involviment tal-istituzzjonijiet pubbliċi, jidher li l-korpi pubbliċi kienu f'pożizzjoni li jikkontrollaw l-attivitajiet ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Jidher ukoll li kienu involuti f'deċiżjonijiet importanti rigward l-użu kummerċjali tal-ajruport. B'mod partikolari, meta l-kumpanija kienet qiegħda tissielet ma' problemi fl-ajruport, l-awtoritajiet pubbliċi kienu involuti f'taħditiet dwar il-ġejjieni tal-ajruport. Id-dibattiti kontroversjali saru fil-Land ta' Thüringen f'livell politiku. Il-bidla fil-gvern tal-istat federali fl-2010 ikkontribwixxiet għad-deċiżjoni ta' konverżjoni tal-ajruport u sabiex jieqaf it-traffiku tal-ajru low-cost (127).

(227)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li d-deċiżjoni li jitwettaq il-kuntratt tat-3 ta' Marzu 2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 konkluż bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair u l-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni sussegwenti konklużi bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Airport Marketing Services trid tiġi imputata lill-awtoritajiet pubbliċi.

Vantaġġ ekonomiku

(228)

Sabiex jiġi stabbilit jekk Ryanair jew AMS kisbux vantaġġ permezz tas-servizzi tal-ajruport u l-kummerċjalizzazzjoni, il-Kummissjoni trid teżamina jekk ajruport li jaġixxi f'kundizzjonijiet normali tas-suq u ggwidat minn prospetti ta' profitabilità fit-tul kienx jidħol fl-istess ftehimiet kummerċjali bħal Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH f'ċirkustanzi simili. L-eżistenza ta' vantaġġ normalment tista' tiġi skontata jekk (a) il-prezz mitlub għas-servizzi tal-ajruport jikkorrispondi għall-prezz tas-suq jew (b) jekk analiżi ex ante turix li l-kuntratti mal-linja tal-ajru jikkontribwixxu b'mod inkrementali għall-profittabilità tal-ajruport u jagħmlux parti minn strateġija ġenerali li jsir iktar profittabbli fit-tul.

(229)

Skont is-sentenza Cherleroi (128), il-Kummissjoni, meta tivvaluta l-miżuri kkonċernati, trid teżamina l-karatteristiċi relevanti kollha tal-miżuri u l-kuntest tagħhom. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni, meta tivvaluta l-impatt antiċipat tal-kuntratti fuq l-AOC, trid teżamina l-funzjonijiet relevanti kollha tal-miżuri inkwistjoni.

(230)

Fis-sentenza tagħha fi Stardust Marine, il-Qorti ddikjarat li “sabiex teżamina jekk l-Istat adottax il-kondotta ta' investitur prudenti li jopera f'ekonomija tas-suq, hemm bżonn li wieħed jimmaġina lilu nnifsu fil-kuntest tal-perjodu li matulu ttieħdu l-miżuri ta' appoġġ finanzjarju sabiex jiġi vvalutat il-ħsieb ekonomiku wara l-kondotta tal-Istat, u b'hekk joqgħod lura milli jagħmel valutazzjoni fuq il-bażi ta' sitwazzjoni li seħħet wara (129).

(231)

Sabiex tapplika t-test ta' investitur li jopera f'ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni trid tqiegħed lilha nfisha fil-perjodu li matulu ġew konklużi l-kuntratti bejn l-AOC u Ryanair, jiġifieri l-2003 għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport u l-ewwel kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni, l-2008 għat-tieni kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni u l-2010 għat-tielet kuntratt. Il-Kummissjoni trid tibbaża l-valutazzjoni tagħha wkoll fuq l-informazzjoni u s-suppożizzjonijiet ta' qabel l-ajruport meta ġew iffirmati l-kuntratti.

Analiżi tal-prezzijiet tas-suq

(232)

Il-Kummissjoni trid tistabbilixxi jekk it-termini tal-prezzijiet applikati minn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH għal Ryanair u AMS kinux prezzijiet tas-suq. Fuq dan il-punt, il-Ġermanja targumenta li l-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport konkluż bejn l-AOC u Ryanair fit-3 ta' Marzu 2003 ġie konkluż bit-termini tas-suq u li t-tariffi tal-ajruport mitlubin lil Ryanair kienu jirrispettaw it-tariffi stipulati fir-Regolament dwar it-Tariffi tal-Ajruport deskritti fit-Taqsima 3.4.1. Ir-Regolament dwar it-Tariffi japplika għal-linji tal-ajru kollha li potenzjalment sejrin jillandjaw u jitilqu mill-ajruport. Il-Ġermanja hija tal-fehma li l-fatt li Ryanair kienet l-unika linja tal-ajru li użat l-Ajruport Altenburg-Nobitz bejn l-2003 u l-2011 huwa irrelevanti.

(233)

Il-Ġermanja tieħu l-pożizzjoni li l-kuntratti tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi ma' Ryanair u AMS għandhom jiġu kkunsidrati b'mod separat. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li AMS hija sussidjarja 100 % ta' Ryanair. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ż-żewġ tipi ta' kuntratti ma' Ryanair u AMS għandhom jiġu kkunsidrati f'daqqa. It-tieni punt li jrid jiġi nnotat f'dak li għandu x'jaqsam mal-valutazzjoni separata tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport ma' Ryanair u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 huwa li l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni nnifsu jgħid li t-tariffa ta' suċċess trid titnaqqas mill-imposta netta pagabbli minn Ryanair. Fil-kuntratt stess il-partijiet jagħżlu li jirrikorru għal imposta netta miksuba mit-tariffi pagabbli minn Ryanair għal servizzi tal-ajruport, minn naħa, u t-tariffi ta' kummerċjalizzazzjoni pagabbli mill-ajruport, mill-oħra.

(234)

Sabiex jiġi stabbilit jekk il-linja tal-ajru inkwistjoni kinitx qiegħda tħallas prezz tas-suq, il-Kummissjoni trid teżamina l-prezz sħiħ imħallas mil-linja tal-ajru. Bejn l-2003 u l-2011, meta serviet fl-AOC, Ryanair tabilħaqq ħallset it-tariffi tal-ajruport lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u rċeviet pagament mingħand l-ajruport għal servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Kif stipulat fil-paragrafu 49, skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, l-AOC talab lil Ryanair tariffa fissa għall-illandjar ta' […]* għal kull inġenju tal-ajru u tariffa tal-passiġġieri ta' […]* għal kull passiġġier. Jidher li ma kien hemm ebda tariffa separata għall-immaniġġjar, peress li t-tariffi mħallsin minn Ryanair kienu jinkludu l-immaniġġjar (130). Madankollu, dawn it-tariffi tnaqqsu bit-“tariffa ta' suċċess” tal-kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri Ryanair finalment ħallset biss tariffa fissa ta' […]*. (131) għal kull passiġġier tielaq. Konsegwentement, Ryanair irċeviet skont fuq it-tariffi uffiċjali stabbiliti fir-Regolament tal-AOC dwar it-Tariffi u deskritti fit-Taqsima 3.4.1.

(235)

Irid jiġi stabbilit punt ta' riferiment xieraq sabiex jiġi stabbilit jekk il-prezz mitlub minn ajruport ta' linja tal-ajru huwiex prezz tas-suq. Madankollu, il-Kummissjoni għandha dubji serja li jista' jiġi stabbilit punt ta' riferiment xieraq bl-użu ta' proċedura normattiva f'dan il-każ sabiex jiġi stabbilit il-prezz tas-suq veru tas-servizzi pprovduti minn Ryanair u AMS. Il-Kummissjoni xorta waħda hija tal-fehma li proġett ta' punti ta' riferiment għandu jkun ibbażat fuq paragun tat-tariffi tal-ajruport — nieqes il-benefiċċji mogħtijin lil-linja tal-ajru inkwistjoni (bħall-appoġġ għall-kummerċjalizzazzjoni, skontijiet jew inċentivi oħrajn) — u li kwalunkwe proġett bħal dan irid ikun ibbażat fuq numru adegwat ta' ajruporti komparaturi xierqa mal-operaturi tas-suq. Fid-dawl tad-diffikultà f'dan il-każ sabiex jiġu identifikati ajruporti komparaturi, il-Kummissjoni tqis li analiżi tal-profittabilità inkrementali ex ante hija l-iktar kriterju xieraq għall-valutazzjoni tal-kuntratti konklużi bejn l-AOC u Ryanair/AMS.

Analiżi ex ante sabiex tiġi pprovata l-profittabilità tal-ajruport

(236)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ftehimiet konklużi bejn il-linji tal-ajru u ajruport jistgħu jitqiesu li jgħaddu mit-test ta' investitur f'ekonomija tas-suq jekk, minn perspettiva ex ante, jikkontribwixxu b'mod inkrementali għall-profittabilità tal-ajruport. L-ajruport għandu juri bil-provi li, meta jidħol fi ftehim ma' linja tal-ajru (pereżempju skont kuntratt individwali jew regolament komprensiv dwar it-tariffi tal-ajruport), ikun f'pożizzjoni li jkopri l-kostijiet kollha dovuti skont dan il-ftehim tul it-terminu tal-ftehim b'marġni ta' profitt raġonevoli (132) fuq il-bażi ta' prospettivi affidabbli fit-terminu medju (133).

(237)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni sejra teżamina l-kostijiet antiċipati kollha mġarrbin b'mod inkrementali mill-ajruport b'rabta mal-attività tal-linja tal-ajru fl-ajruport. (134). Il-kostijiet inkrementali jistgħu jinkludu kull xorta ta' nefqa jew investimenti, bħal kostijiet inkrementali għall-persunal, tagħmir u investimenti ġġenerati mill-preżenza tal-linja tal-ajru fl-ajruport. Jekk, pereżempju, l-ajruport irid jestendi terminal jew jibni terminal ġdid jew faċilitajiet oħrajn primarjament sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet ta' linja tal-ajru partikolari, it-tali kostijiet iridu jiġu kkunsidrati meta jiġu kkalkolati l-kostijiet inkrementali.

(238)

Il-Kummissjoni sejra tibbaża l-analiżi ex ante inkrementali tagħha fuq l-iskeda oriġinali pprovduta fil-kuntratt, għad li l-kuntratt fil-fatt intemm qabel id-data ta' tmiem oriġinali.

(239)

Il-Kummissjoni sejra tqis it-tliet analiżijiet inkrementali għall-fini ta' valutazzjoni tal-profittabilità tal-erba' kuntratti kollha kemm huma konklużi bejn l-ajruport u Ryanair/AMS:

(a)

analiżi inkrementali tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport u l-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni, li t-tnejn li huma ġew konklużi fl-2003 għal terminu ta' għaxar snin;

(b)

analiżi inkrementali sabiex jiġu vvalutati b'mod konġunt il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003, il-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2003 u l-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2008; il-kuntratt tal-kummerċjalizzazzjoni tal-2008 konkluż ma' AMS introduċa pagamenti fissi għas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni filwaqt li l-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2003 konkluż ma' Ryanair kien għadu validu;

(c)

analiżi inkrementali sabiex jiġu vvalutati b'mod konġunt il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003, il-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2003 u l-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010; il-kuntratt tal-kummerċjalizzazzjoni tal-2010 konkluż ma' AMS, li ħa post il-kuntratt tal-2008, introduċa pagament ta' darba għas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni. Il-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2003 konkluż ma' Ryanair kien għadu validu.

—   Il-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport u ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2003

(240)

Il-Kummissjoni sejra tibda billi tagħmel analiżi ex ante għall-perjodu 2003-2013 (fuq il-bażi tal-fatt li ż-żewġ kuntratti kellhom terminu ta' għaxar snin), sabiex teżamina jekk il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003 konkluż ma' Ryanair u l-ewwel kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 konkluż ma' Ryanair ikkontribwixxiex b'mod inkrementali għall-profittabilità tal-ajruport.

(241)

Sabiex tivvaluta l-kontribuzzjoni kemm taż-żewġ kuntratti ta' Ryanair għall-profittabilità tal-ajruport, il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi s-suppożizzjonijiet rigward il-kostijiet u d-dħul inkrementali li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kienet f'pożizzjoni li tagħmel fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha meta daħlet fin-negozju ma' Ryanair fl-2003. Il-Kummissjoni sejra tibbaża l-valutazzjoni tagħha fuq id-dejta li l-Ġermanja pprovdiet fit-tabella mħejjija mill-ajruport u mressqa fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti li saret fit-22 ta' April 2003. Dik it-tabella turi li r-relazzjoni kummerċjali l-ġdida ma' Ryanair tiġġenera profitt annwali addizzjonali ta' […]* (135).

(242)

Il-kostijiet inkrementali jinkludu:

(a)

il-kostijiet tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni;

(b)

il-kostijiet ta' investiment marbutin direttament mal-kuntratti ta' Ryanair;

(c)

il-kostijiet operatorji inkrementali kkawżati direttament mill-kuntratti ta' Ryanair;

(243)

Il-kostijiet tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni huma riflessi, skont il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2003, fl-imposta netta pagabbli minn Ryanair għal kull passiġġier tielaq.

(244)

Fir-rigward tal-kostijiet ta' investiment inkrementali, il-Kummissjoni tosserva li l-estensjoni tar-runway kienet obbligu impost fuq l-AOC mill-kuntratt konkluż bejnu u Ryanair. Għad li l-Ġermanja ddikjarat li r-runway ma kinitx estiża kemm talab il-kuntratt ta' Ryanair, l-estensjoni hia kkonfermata fir-rapporti annwali 2003 u 2004 ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Jiddikjaraw li r-runway kellha bżonn tiġi estiża b'rabta mal-kuntratt tas-servizzi ta' Ryanair, sabiex Ryanair tkun tista' topera fl-ajruport. Il-Kummissjoni sejra tinkludi l-estensjoni tar-runway fl-2003 u l-2004 għal dik ir-raġuni. Peress li l-Ġermanja ma ħejjietx pronjożi ex ante tal-kostijiet assoċjati, il-Kummissjoni sejra tqis is-somma kumplessiva effettiva ta' EUR 687 882 (136) għaż-żewġ estensjonijiet (l-ewwel waħda fl-2003 u t-tieni fl-2004) (137). Skont il-Ġermanja, ir-runway ma ġietx estiża kemm talbet Ryanair. Suppożizzjoni bħal din taħdem favur Ryanair.

(245)

Fir-rigward tal-kostijiet operatorji inkrementali assoċjati direttament ma' Ryanair, il-Kummissjoni sejra tqis is-somma fix-xahar ta' EUR 12 137,50 li kkwotat il-Ġermanja fit-tabella datata t-22 ta' April 2003, li tiġi EUR 145 650 fis-sena. Din is-somma sejra tiġi korretta għall-inflazzjoni (2 % fis-sena).

(246)

Fir-rigward tad-dħul inkrementali antiċipat minn din l-attività l-ġdida ma' Ryanair, il-Kummissjoni sejra tqis id-dħul li ġej:

(a)

Dħul marbut mal-avjazzjoni: id-dħul għal kull passiġġier tielaq mill-attività ta' Ryanair kien mistenni li jilħaq total ta' […]* fl-ewwel ħames snin u […]* fl-aħħar ħames snin. Dawn is-somom huma stabbiliti fil-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 bħala l-imposta netta li Ryanair trid tħallas lill-AOC għal kull passiġġier tielaq għal rotazzjoni waħda sa erbgħa u jinkludu t-tariffa sħiħa (138). Il-Kummissjoni sejra tqis tariffa medja ponderata ta' […]* għall-2008 (139).

(b)

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni: Il-Ġermanja ma pprovdiet ebda informazzjoni dwar dejta ex ante provviżorja fuq id-dħul mhux marbut mal-avjazzjoni (140). Il-Kummissjoni ssib li l-ajruport ma qies ebda dħul mhux marbut mal-avjazzjoni għal kull passiġġier fil-previżjonijiet tagħha datati t-22 ta' April 2003. Il-Ġermanja pprovdiet lill-Kummissjoni b'dejta ex post fuq dħul mhux marbut mal-avjazzjoni għall-perjodu ta' bejn l-2006 u l-2011, kif muri fit-Tabella 16. Fin-nuqqas tal-informazzjoni ex ante relevanti, il-Kummissjoni sejra tagħmel eċċezzjoni u tibbaża l-analiżi tagħha fuq il-valur medju tad-dejta pprovduta mill-Ġermanja. Dak il-valur huwa ta' EUR 1,50-2,00 […]* EUR għal kull passiġġier. Peress li dak il-valur medju ġie kkalkolat għall-perjodu bejn l-2006 u l-2011, il-Kummissjoni sejra tużah bħala valur ta' referenza għall-2009. Imbagħad sejra tiġi applikata rata ta' inflazzjoni ta' 2 % għal dak il-valur medju. L-EUR 1,50-2,00 […]* imsemmijin hawn fuq fi dħul mhux marbut mal-avjazzjoni jirreferi kemm għal passiġġieri tielqa kif ukoll għal dawk ġejjin.

Tabella 16

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni determinat ex post  (141)

(f'EUR)

 

2006

2007

2008

2009

2010

2011

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni

30 000 – 40 000 […]*

80 000 – 90 000 […]*

280 000 – 290 000 […]*

290 000 – 300 000 […]*

330 000 –340 000 […]*

25 000 – 30 000 […]*

In-numru ta' passiġġieri

105 213

147 100

138 400

140 800

119 000

15 000

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni għal kull passiġġier

0,10 – 0,50 […]*

0,30 – 0,80 […]*

1,80 – 2,20 […]*

2,00 – 2,20 […]*

2,50 – 3,00 […]*

1,50 – 2,00 […]*

(247)

Il-Kummissjoni sejra tieħu bħala n-numru ta' passiġġieri n-numru ta' passiġġieri li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kienet tantiċipa fl-2003. Fl-2003 intlaħaq ftehim fuq titjira waħda ta' kuljum minn Altenburg-Nobitz lejn Londra. B'fattur ta' tagħbija ta' 80 %, li hija projjezzjoni saħansitra iktar ottimista mir-rata użata mill-ajruport fil-projjezzjoni tiegħu tal-2003 (70 %), jiġu 118-il passiġġier. (142). Din tipprovdi 43 216-il passiġġier addizzjonali fis-sena minn Ryanair. (143).

(248)

Il-Ġermanja la ma pprovdiet rata ta' skont u lanqas kostijiet kapitali medji ponderati għall-ajruport. Għaldaqstant, il-Kummissjoni sejra tapplika rata ta' skont ta' 4,80 % fuq il-bażi tal- (144) komunikazzjoni tal-2008 tagħha dwar ir-rati tal-imgħax ta' referenza, li tikkwota rata tal-imgħax ta' referenza ta' 4,80 % għall-Ġermanja għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar 2003 u l-31 ta' Lulju 2003.

(249)

It-Tabella 17 turi l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju inkrementali li jirriżulta, inkluża kull suppożizzjoni deskritta. Sabiex jiġi żgurat li l-kuntratti ma' Ryanair jagħmlu kontribuzzjoni inkrementali għall-profittabilità tal-ajruport, il-pjan kellu jittieħed f'kunsiderazzjoni minn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH qabel ma daħlet fin-negozju ma' Ryanair. Il-valur preżenti nett tal-flussi tal-flus huwa pożittiv. Dan juri li, fuq il-bażi ta' projjezzjoni ex ante, il-kuntratt tas-servizzi ma' Ryanair, flimkien mal-ewwel kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni (2003), kien iħalli l-profitt għall-ajruport.

Tabella 17

Pjan ta' direzzjoni tan-negozju ex ante għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni

Sena

1.5.2003

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

2011

2012

30.4.2013

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

In-numru ta' passiġġieri tielqa fis-sena

28 811

43 216

43 216

43 216

43 216

43 216

43 216

43 216

43 216

43 216

14 405

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

DĦUL ANTIĊIPAT (f'EUR)

Imposta netta pagabbli minn Ryanair għal kull passiġġier tielaq

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

Dħul totali marbut mal-avjazzjoni

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni għal kull passiġġier

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

Dħul totali mhux marbut mal-avjazzjoni

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

Dħul annwali totali

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

[…]*

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

TARIFFI ANTIĊIPATI (f'EUR)

Imposta operatorja fix-xahar

12 138

12 381

12 628

12 881

13 139

13 401

13 669

13 943

14 222

14 506

14 796

Imposta operatorja annwali

97 104

148 569

151 541

154 571

157 663

160 816

164 032

167 313

170 659

174 072

59 185

Kostijiet ta' investiment għall-estensjoni tar-runway

408 491

279 391

0

0

0

0

0

0

0

0

0

Imposti annwali totali

505 595

427 960

151 541

154 571

157 663

160 816

164 032

167 313

170 659

174 072

59 185

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

PROFITT/TELF ANNWALI NETT (f'EUR)

– 302 213

– 120 415

158 525

158 065

157 596

165 761

169 595

169 098

168 590

168 073

55 848


Rata ta' skont

4,8 %

Valur preżenti nett (f'EUR)

637 143

—   Il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003 u l-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni tat-28 ta' Awwissu 2008

(250)

Il-Kummissjoni sejra twettaq analiżi ex ante sabiex tixtarr jekk il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni konkluż ma' AMS fit-28 ta' Awwissu 2008 u l-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni kkontribwixxewx b'mod inkrementali għall-profittabilità tal-ajruport. Għaldaqstant, il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi l-kostijiet inkrementali u d-dħul li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH setgħet tistenna minn dan il-kuntratt il-ġdid fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha fl-2008. Peress li l-kuntratt tal-2008 kellu terminu ta' sentejn, l-analiżi sejra ssir għal sentejn (145).

(251)

Il-kostijiet inkrementali jinkludu:

(a)

il-kostijiet tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni;

(b)

il-kostijiet operatorji inkrementali kkawżati direttament mill-kuntratti ta' Ryanair.

(252)

Il-kostijiet tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni huma riflessi, skont il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2003, fl-imposta netta ta' […]* (146) pagabbli minn Ryanair għal kull passiġġier tielaq. It-tieni (2008) kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni introduċa wkoll ammont fiss pagabbli mil-ajruport lil AMS ta' […]* EUR għall-2008 u […]* EUR għall-2009.

(253)

Fir-rigward tal-kostijiet operatorji inkrementali assoċjati direttament ma' Ryanair, il-Kummissjoni sejra tqis is-somma fix-xahar ta' EUR 12 137,50 li kkwotat inizjalment il-Ġermanja f'April 2003 li, wara jekk titqies rata annwali tal-inflazzjoni ta' 2 %, tiġi EUR 13 401 fl-2008. Imbagħad dak l-ammont jiġi rivedut b'mod annwali fuq il-bażi tar-rata ta' inflazzjoni (2 % fis-sena).

(254)

Il-Kummissjoni sejra tqis id-dħul li ġej sabiex tivvaluta d-dħul inkrementali:

(a)

Dħul marbut mal-avjazzjoni: skont il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003, id-dħul antiċipat għal kull passiġġier tielaq mill-attività ta' Ryanair tul il-perjodu inkwistjoni hawnhekk għandu jkun […]* u għandu jirrappreżenta l-imposta netta (inklużi t-tariffi kollha) pagabbli minn Ryanair lill-AOC għal kull passiġġier tielaq għal rotazzjoni waħda sa erbgħa (147).

(b)

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni: kif spjegat fil-paragrafu (246 b), fin-nuqqas tal-informazzjoni ex ante relevanti, il-Kummissjoni sejra tagħmel eċċezzjoni u tuża dejta ex post. Il-valur medju ta' EUR 1,50-2,00 […]* jidher li huwa raġonevoli għall-2009. Din il-figura sejra tiġi kkoreġuta kull darba fuq il-bażi ta' rata ta' inflazzjoni ta' 2 %. Dan id-dħul mhux marbut mal-avjazzjoni japplika kemm għal passiġġieri tielqa kif ukoll għal dawk ġejjin.

(255)

Il-Kummissjoni sejra tieħu bħala n-numru ta' passiġġieri n-numru ta' passiġġieri li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kienet tantiċipa fl-2008. Il-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2008 jirreferi taħt l-intestatura “suġġett” għas-servizz ta' bejn l-AOC u Londra, li kellu jiġi pprovdut erba' darbiet fil-ġimgħa fl-istaġun tax-xitwa u kuljum fis-sajf, u rotta lejn Ġirona, li kellha tiġi pprovduta biss tliet darbiet fil-ġimgħa fis-sajf (148). Fuq il-bażi ta' fattur ta' tagħbija ta' 80 % f'inġenju tal-ajru b'189 sit (149), il-Kummissjoni tikkalkola li n-numru antiċipat ta' passiġġieri huwa ta' 45 333 fis-sena għat-titjiriet lejn Londra u 13 797 għat-titjiriet lejn Ġirona.

(256)

Il-Ġermanja la ma pprovdiet rata ta' skont u lanqas kostijiet kapitali medji ponderati għall-ajruport. Għaldaqstant, il-Kummissjoni sejra tapplika rata ta' skont ta' 5,59 % fuq il-bażi tal-komunikazzjoni tagħha tal-2008 dwar ir-rati tal-imgħax ta' referenza (150), li tikkwota rata bażi ta' 4,59 % għall-Ġermanja għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Lulju 2008 u l-31 ta' Awwissu 2008, li magħha jridu jiżdiedu 100 punt bażi.

(257)

It-Tabella 18 turi l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju inkrementali li jirriżulta, inkluża kull suppożizzjoni deskritta. Sabiex jiġi żgurat li dan il-kuntratt jagħmel kontribuzzjoni inkrementali għall-profittabilità tal-ajruport, il-pjan kellu jittieħed f'kunsiderazzjoni minn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH qabel ma ffirmat il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha ma' AMS fl-2008. Il-valur preżenti nett tal-flussi tal-flus huwa pożittiv. Dan juri li, fuq il-bażi ta' projjezzjoni ex ante, dan it-tieni kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni, flimkien mal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003 u l-ewwel kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni, kien iħalli l-profitt għall-ajruport.

Tabella 18

Il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ex ante għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tat-28 ta' Awwissu 2008

 

Sena 1

Sena 2

 

 

 

In-numru ta' passiġġieri tielqa fis-sena

59 130

59 130

 

 

 

DĦUL ANTIĊIPAT (f'EUR)

Imposta netta pagabbli minn Ryanair għal kull passiġġier tielaq

[…]*

[…]*

Dħul totali marbut mal-avjazzjoni

[…]*

[…]*

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni għal kull passiġġier

[…]*

[…]*

Dħul totali mhux marbut mal-avjazzjoni

[…]*

[…]*

Dħul annwali totali

[…]*

[…]*

 

 

 

TARIFFI ANTIĊIPATI (f'EUR)

Tariffa fissa tal-kummerċjalizzazzjoni

[…]*

[…]*

Imposta operatorja fix-xahar

13 401

13 669

Imposta operatorja annwali

160 812

164 028

Imposti annwali totali

[…]*

[…]*

 

 

 

PROFITT/TELF ANNWALI NETT (f'EUR)

141 938

42 455

 

 

 

Rata ta' skont

5.59 %

 

Valur preżenti nett (f'EUR)

182 146

 

—   Il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003 u l-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta' Jannar 2010

(258)

Il-Kummissjoni sejra twettaq analiżi ex ante sabiex tixtarr jekk il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni konkluż ma' AMS fil-25 ta' Jannar 2010 u l-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni kkontribwixxew b'mod inkrementali għall-profittabilità tal-ajruport. Għaldaqstant, il-Kummissjoni sejra tistabbilixxi l-kostijiet inkrementali u d-dħul li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH setgħet tistenna minn dan il-kuntratt il-ġdid fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha fl-2010.

(259)

Il-kuntratt tal-2010 kellu terminu ta' iktar minn sena (beda fil-25 ta' Jannar 2010 u ntemm sena wara li bdiet l-ewwel rotta, li kellha tibda mal-istaġun tas-sajf tal-2010). Madankollu, is-servizzi pprovduti minn Ryanair damu għal seba' xhur (l-istaġun tas-sajf tal-IATA). Għaldaqstant, il-Kummissjoni sejra twettaq analiżi inkrementali għal seba' xhur.

(260)

Il-kostijiet inkrementali jinkludu:

(a)

il-kostijiet tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni;

(b)

il-kostijiet operatorji inkrementali kkawżati direttament mill-kuntratti ta' Ryanair.

(261)

Il-kostijiet tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni huma riflessi, skont il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2003, fl-imposta netta ta' […]* (151) pagabbli minn Ryanair għal kull passiġġier tielaq. It-tielet (2010) kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni introduċa wkoll ammont fiss pagabbli mill-ajruport lil AMS ta' […]* EUR għall-2010 u […]* EUR għall-2010.

(262)

Fir-rigward tal-kostijiet operatorji inkrementali assoċjati direttament ma' Ryanair, il-Kummissjoni sejra tqis is-somma fix-xahar ta' EUR 12 137,50 li kkwotat inizjalment il-Ġermanja f'April 2003 li, wara jekk titqies rata annwali tal-inflazzjoni ta' 2 %, tiġi EUR 13 942 fl-2010.

(263)

Il-Kummissjoni sejra tqis id-dħul li ġej sabiex tivvaluta d-dħul inkrementali:

(a)

Dħul marbut mal-avjazzjoni: skont il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003, id-dħul antiċipat għal kull passiġġier tielaq mill-attività ta' Ryanair tul il-perjodu inkwistjoni hawnhekk għandu jkun […]* u għandu jirrappreżenta l-imposta netta (inklużi t-tariffi kollha) pagabbli minn Ryanair lill-AOC għal kull passiġġier tielaq għal rotazzjoni waħda sa erbgħa (152).

(b)

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni: kif spjegat fil-paragrafu 246(b), fin-nuqqas tal-informazzjoni ex ante relevanti, il-Kummissjoni sejra tagħmel eċċezzjoni u sejra tibbaża l-analiżi tagħha fuq id-dejta ex post li l-Ġermanja pprovdiet fit-Tabella 16. Il-Kummissjoni sejra tassumi li, meta ġie ffirmat it-tielet kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni f'Jannar 2010, l-ajruport qies fil-previżjonijiet tiegħu għal dħul mhux marbut mal-avjazzjoni d-dħul propju fis-snin ta' qabel, li kien żdied b'mod konsiderevoli meta mqabbel mal-2006 u l-2007. Għaldaqstant, jidher possibbli li fl-2010, l-ajruport ibbaża d-dħul projjettat tiegħu mhux marbut mal-avjazzjoni fuq is-sentejn ta' qabel, li kellhom medja ta' EUR 1,80-2,30 […]* għal kull passiġġier fl-2008 u l-2009. Dan id-dħul mhux marbut mal-avjazzjoni japplika kemm għal passiġġieri tielqa kif ukoll għal dawk ġejjin.

(264)

Il-Kummissjoni sejra tieħu numru ta' passiġġieri fuq il-bażi ta' dak li Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH kienet tantiċipa fl-2008 (sic) mill-konklużjoni tal-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010. Taħt “suġġett”, il-kuntratt jirreferi għas-servizz ta' kuljum bejn l-AOC u Londra, il-konnessjoni ma' Ġirona tliet darbiet fil-ġimgħa u l-konnessjoni ma' Alicante darbtejn fil-ġimgħa mill-istaġun tas-sajf tal-2010. Fuq il-bażi ta' fattur ta' tagħbija ta' 80 % f'inġenju tal-ajru b'189 sit (153), il-Kummissjoni tikkalkola li n-numru ta' passiġġieri tul dawn is-seba' xhur huwa ta' 32 193 għat-titjiriet lejn Londra, 13 979 għat-titjiriet lejn Barċellona u 9 198 għat-titjiriet lejn Alicante.

(265)

It-Tabella 19 turi l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju inkrementali li jirriżulta, inkluża kull suppożizzjoni deskritta. Sabiex jiġi żgurat li dan il-kuntratt jagħmel kontribuzzjoni inkrementali għall-profittabilità tal-ajruport, il-pjan kellu jittieħed f'kunsiderazzjoni minn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH qabel ma ffirmat il-ftehim ta' kummerċjalizzazzjoni tagħha ma' AMS fl-2010. Il-fluss tal-flus tul il-perjodu inkwistjoni huwa negattiv. Dan juri li, fuq il-bażi ta' projjezzjoni ex ante, dan it-tielet kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni, flimkien mal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni, ma kienx iħalli profitt għall-ajruport.

Tabella 19

Il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju ex ante għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta' Jannar 2010

 

L-istaġun tas-sajf tal-2010

 

 

In-numru ta' passiġġieri tielqa

55 188

 

 

DĦUL ANTIĊIPAT (f'EUR)

Imposta netta pagabbli minn Ryanair għal kull passiġġier tielaq

[…]*

Dħul totali marbut mal-avjazzjoni

[…]*

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni għal kull passiġġier

[…]*

Dħul totali mhux marbut mal-avjazzjoni

[…]*

Dħul totali

[…]*

 

 

TARIFFI ANTIĊIPATI (f'EUR)

Tariffa fissa tal-kummerċjalizzazzjoni

[…]*

Imposta operatorja fix-xahar

13 943

Imposti operatorji totali

97 601

Tariffi totali

[…]*

 

 

TELF NETT (f'EUR)

– 318 569

(266)

Għaldaqstant, l-ajruport ħallas lil Ryanair jew AMS EUR […]* għal seba' xhur servizzi tal-ajruport fl-2010, li ġġeneraw EUR […]* fi dħul marbut mal-avjazzjoni u EUR […]* fi dħul mhux marbut mal-avjazzjoni għall-ajruport. F'dak iż-żmien u tul il-perjodu mill-2003, is-sena li fiha l-ajruport daħal f'negozju ma' Ryanair, l-ajruport qatt ma għamel il-profitt, lanqas f'livell operatorju, mingħajr sussidji pubbliċi.

—   Konklużjoni

(267)

Fil-qosor, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-termini offruti lil Ryanair/AMS fi ħdan il-qafas tat-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport konkluż fit-3 ta' Marzu 2003 u l-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi fis-7 ta' April 2003 u t-28 ta' Awwissu 2008 bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair/AMS kienu termini tas-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li Ryanair/AMS ma kisbux vantaġġ ekonomiku selettiv minn dik it-taħlita ta' kuntratti.

(268)

Madankollu, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-termini offruti lil Ryanair/AMS fi ħdan il-qafas tat-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport konkluż fit-3 ta' Marzu 2003 u l-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi fis-7 ta' April 2003 u l-25 ta' Jannar 2010 bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair/AMS ma kinux termini tas-suq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li Ryanair/AMS kisbu vantaġġ ekonomiku selettiv minn dik it-taħlita ta' kuntratti.

Selettività

(269)

L-Artikolu 107(1) TFUE jistipula li sabiex miżura tiġi definita bħala għajnuna mill-Istat, trid tkun tiffavorixxi lil “ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta' ċerti prodotti”. Il-Kummissjoni ssib li l-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport u ta' kummerċjalizzazzjoni ġew konklużi biss ma' Ryanair u s-sussidjarja tal-kummerċjalizzazzjoni 100 % tagħha AMS.

(270)

Għad li linji tal-ajru oħrajn (Eurowings u Air Berlin) taru minn Altenburg matul il-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2002, ma għamlux profitt minn kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni bħal dawn. Il-Ġermanja targumenta li t-termini tal-kuntratt tas-servizz ta' Ryanair kienu bbażati fuq ir-regolament tal-ajruport dwar it-tariffi li kien fis-seħħ dak iż-żmien, u li kien japplika għal-linji tal-ajru potenzjali kollha. Madakollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-taħlita ta' dan il-kuntratt tas-servizz speċjali u l-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni sussegwenti taw vantaġġ lil Ryanair. Konsegwentement, dawn il-kuntratti kollha huma miżuri selettivi skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

It-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri

(271)

Jekk l-għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' impriża meta mqabbla ma' impriżi oħrajn li jikkompetu fis-suq intern, irid jiġi supponut li kienu affettwati mill-għajnuna inkwistjoni (154). Hija ġurisprudenza stabbilita li l-kompetizzjoni (155) tkun mgħawġa jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna jikkompeti ma' impriżi oħrajn fi swieq miftuħin għall-kompetizzjoni.

(272)

Il-kuntratti tas-servizzi u ta' kummerċjalizzazzjoni inkwistjoni jgħinu sabiex jinkiseb tnaqqis konsiderevoli fl-imposti tal-ajruport minn Ryanair u jonqsu l-imposti operatorji nromali ta' linja tal-ajru li tibbenefika minn tnaqqis bħal dan. Għaldaqstant, dik il-linja tal-ajru hija f'pożizzjoni li tikkonsolida l-pożizzjoni tas-suq tagħha. Barra minn hekk, is-settur tal-avjazzjoni fih kompetizzjoni xierfa bejn l-operaturi minn bosta Stati Membri, speċjalment mindu tlesta t-tielet stadju tal-liberalizzazzjoni tal-avjazzjoni (“it-tielet pakkett tal-avjazzjoni”) fl-1 ta' Jannar 1993 (156). Minn dan isegwi li l-imposti mnaqqsin jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni fis-settur tal-avjazzjoni

(273)

Għalhekk, il-kuntratti tas-servizzi u ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi ma' Ryanair jgħawġu jew jheddu li jgħawġu l-kompetizzjoni. Jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri wkoll.

Konklużjoni

(274)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, fuq il-bażi tas-sentenza f'Aéroports de Paris, il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport konkluż fit-3 ta' Marzu 2003, flimkien mal-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi fis-7 ta' April 2003 u t-28 ta' Awwissu 2008 bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat lil Ryanair/AMS skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

(275)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li, fuq il-bażi tas-sentenza f'Aéroports de Paris, il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport konkluż fit-3 ta' Marzu 2003, flimkien mal-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni konklużi fis-7 ta' April 2003 u l-25 ta' Jannar 2010 bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat lil Ryanair/AMS skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE.

8.2.   IL-KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA

8.2.1.   Miżura 1: Il-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruport fl-AOC

(276)

Il-Kummissjoni trid tivvaluta jekk l-għajnuna tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. L-Artikolu 107(3) TFUE jistipula ċerti eċċezzjonijiet għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE li l-għajnuna mal-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern. L-Artikolu 107(3)(c) jistipula li “għajnuna maħsuba sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti attivitajiet jew ta' ċerti reġjuni ekonomiċi, basta dik l-għajnuna ma tfixkilx il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa grad li jkun kuntrarju għall-interess komuni” tista' tkun kompatibbli mas-suq intern.

(277)

Il-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni jipprovdu qafas għall-fini ta' valutazzjoni ta' jekk l-għajnuna lill-ajruporti tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Il-Kummissjoni sejra tapplika għall-għajnuna illegali għall-investiment dawk ir-regoli li kienu fis-seħħ meta ngħatat l-għajnuna, kif stipulat fil-paragrafu (173) tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni. Għaldaqstant, mhijiex sejra tapplika l-prinċipju stipulati fil-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni għall-għajnuna illegali għall-investiment mogħtija lill-ajruporti qabel l-4 ta' April 2014, id-data li fiha ġew adottati dawk il-linji gwida.

(278)

Il-finanzjament għall-infrastruttura tal-AOC ingħata bejn l-2000 u l-2011. Għaldaqstant, il-kompatibilità tal-finanzjament tal-infrastruttura mogħti bejn l-2005 u l-2011 sejra tiġi vvalutata fuq il-bażi tal-prinċipji stipulati fil-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni. Fir-rigward tal-finanzjament tal-infrastruttura mogħti qabel l-2005, ma kien hemm ebda kriterju partikolari dwar il-kompatibilità f'dak iż-żmien għall-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-għajnuna għall-investiment lill-ajruporti. Għaldaqstant, il-Kummissjoni trid tivvaluta dawk il-miżuri direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, filwaqt li tqis il-prattika ta' teħid ta' deċiżjonijiet tagħha f'dawn il-kwistjonijiet. Il-prattika tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-għajnuna lil operaturi tal-ajruporti hija spjegata fil-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni sejra tivvaluta l-kompatibilità tal-għajnuna għall-investiment mogħtija lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH qabel l-2005 fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fil-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni.

(279)

Il-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni jipprovdu qafas għall-fini ta' valutazzjoni ta' jekk l-għajnuna għall-infrastruttura lill-operaturi tal-ajruporti tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3) TFUE. Skont il-paragrafu 61 tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni, il-Kummissjoni trid tixtarr jekk:

(a)

il-bini u l-operat tal-infrastruttura jissodisfawx objettiv definit ċar ta' interess ġenerali (żvilupp reġjonali, aċċessibilità, eċċ.),

(b)

l-infrastruttura hijiex meħtieġa u proporzjonata għall-objettiv li ġie stabbilit,

(c)

l-infrastruttura għandhiex prospettivi sodisfaċenti fit-terminu medju għall-użu, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti,

(d)

l-utenti potenzjali kollha tal-infrastruttura għandhomx aċċess għaliha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju,

(e)

l-iżvilupp tal-kummerċ mhuwiex affettwat b'tali mod li jmur kontra l-interessi tal-Komunità.

(280)

Apparti l-bżonn li jiġu ssodisfati ċerti kriterji dwar il-kompatibilità stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni, l-għajnuna mill-Istat lill-ajruporti, bħal kull miżura oħra ta' għajnuna mill-Istat, għandu jkollha effett ta' inċentiv. Għandha tkun neċessarja u proporzjonata għall-objettiv legali stabbilit ukoll sabiex tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern. (157).

8.2.1.1.   Il-bini u l-operat tal-infrastruttura jissodisfaw objettiv definit ċar ta' interess ġenerali (żvilupp reġjonali, aċċessibilità, eċċ.)

(281)

Skont il-Ġermanja u l-memorandum u l-istatut ta' assoċjazzjoni tal-operatur tal-ajruport, it-tir tal-operatur huwa li titjieb l-infrastruttura relevanti ekonomikament u, b'hekk, li tissaħħaħ l-ekonomiji tal-Land ta' Thüringen u l-Punent ta' Sachsen.

(282)

Billi ffinanzja l-iktar proġett infrastrutturali importanti tal-ajruport matul il-perjodu inkwistjoni, il-Land ta' Thüringen ħa impenn li jtejjeb l-aċċessibilità tar-reġjun u, b'hekk, jistimola l-iżvilupp reġjonali u joħloq impjiegi ġodda f'reġjun bi struttura dgħajfa, peress li konnessjonijiet tajbin għall-passiġġieri u l-merkanzija huma importanti f'termini tal-kompetittività tal-impriżi u l-industrija lokali.

(283)

Fil-fatt, il-Ġermanja bbażat il-valutazzjoni tagħha tal-2007 tal-finanzjament tal-miżuri ta' infrastruttura fuq l-istudju ta' Klophaus, li jispjega li l-AOC għandu effetti diretti, indiretti u indotti pożittivi u konsiderevoli u effett katalitiku fuq l-ekonomija u l-attraenza tar-reġjun, speċjalment f'termini tal-impjiegi. Numri dejjem ikbar ta' passiġġieri jippermettu lill-AOC sabiex isir ajruport reġjonali u jagħti lil Altenburger Land possibbiltà li jibdel il-profil internazzjonali tiegħu u b'hekk li jtejjeb l-istruttura ekonomika u kummerċjali tiegħu. Skont dak l-istudju, l-AOC jkun jista' jiġġenera benefiċċju ekonomiku komprensiv importanti ta' interess ġenerali għar-reġjun sħiħ tal-Ġermanja Ċentrali.

(284)

Kif turi t-Tabella 1, in-numri ta' passiġġieri mmaniġġjati mill-ajruport żdied b'mod konsiderevoli sas-snin 2007-2010. L-ajruport ġibed numru ta' passiġġieri ġejjin lejn ir-reġjun, xi ħaġa li kienet ta' importanza partikolari għall-ekonomija ta' dik iż-żona. Il-previżjonijiet tat-traffiku kienu pożittivi fil-bidu tas-snin elfejn u sa madwar is-sena 2007 u kkorroboraw il-ħtieġa ta' miżuri infrastrutturali addizzjonali. Barra minn hekk, l-ajruport innifsu kellu rwol importanti bħala impjegatur u b'mod indirett għen sabiex jinħolqu impjiegi indotti fir-reġjun (158).

(285)

L-investimenti infrastrutturali inkwistjoni ma kinux kopja tal-infrastruttura eżistenti. L-eqreb ajruport għall-AOC huwa l-Ajruport ta' Leipzig/Halle, li huwa madwar 85 km u iktar minn siegħa bil-karozza 'l bogħod mill-AOC. Barra minn hekk, l-Ajruport ta' Leipzig-Halle huwa ajruport internazzjonali li jservi kemm lil Leipzig (Sachsen) u Halle (Sachsen-Anhalt). Bħala ajruport reġjonali, l-AOC jaqdi lill-parti tan-Nofsinhar tal-Land ta' Thüringen. Minn perspettiva kummerċjali, l-ajruport huwa importanti għall-impriżi fiż-żona industrijali fl-inħawi.

(286)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-finanzjament tal-infrastruttura tal-ajruport fl-AOC issodisfa objettiv definit ċar ta' interess ġenerali.

8.2.1.2.   L-infrastruttura hija meħtieġa u proporzjonata għall-objettiv li ġie stabbilit

(287)

Skont il-memorandum u l-istatut ta' assoċjazzjoni ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, it-tir tal-kumpanija huwa li ttejjeb l-infrastruttura ekonomikament relevanti u, b'hekk, li ssaħħaħ l-ekonomiji tal-Lvant ta' Thüringen u l-Punent ta' Sachsen. Matul il-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2011, l-ajruport għamel l-investimenti infrastrutturali meħtieġa sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(288)

Fil-bidu tal-perjodu inkwistjoni, meta kien ġie deċiż li jiġi kkonvertit l-eks mitjar militari f'ajruport ċivili, kien hemm bżonn ta' investimenti sabiex l-infrastruttura ġenerali tal-eks mitjar militari tiġi adattata għar-rekwiżiti tal-linji tal-ajru.

(289)

Kif tispjega l-Ġermanja, il-miżuri infrastrutturali kienu meħtieġa fl-AOC, sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-ġodda tas-sikurezza u s-sigurtà tal-ajruport fid-dawl tan-numri dejjem ikbar ta' passiġġieri li kien qiegħed jittama li jiġġenera permezz tal-kuntratt tas-servizzi ma' Ryanair. Kien hemm anki bżonn ta' investimenti għall-fini ta' tiġdid u modernizzazzjoni tal-ajruport. Il-miżuri ta' sikurezza u sigurtà ġew implimentati tul dak il-perjodu sħiħ sabiex l-ajruport jiġi adattat għaż-żieda antiċipata fin-numri ta' passiġġieri ta' Ryanair. L-istudji kollha tal-2007 (159) dwar il-vijabbiltà ekonomika tal-ajruport bassru attivitajiet ikbar fl-AOC tul il-perjodu ta' bejn l-2007 u l-2015.

(290)

Ix-xogħlijiet ta' rinnovament tat-terminal saru fl-2009 sabiex jiġu rrispettati r-rekwiżiti dwar is-sikurezza u jipprovdu mmaniġġjar separat ta' passiġġieri ġejjin mix-Schengen u dawk mhux mix-Schengen. Skont il-Ġermanja, ġew ikkunsidrati alternattivi għar-rinnovament, iżda kien ġie deċiż favur is-soluzzjoni fit-tul ta' rinnovament tat-terminal minħabba n-numru ikbar ta' passiġġieri u l-kost għoli tal-alternattivi.

(291)

Peress li l-operatur tal-ajruport ma kellux biżżejjed fondi u l-Ġermanja tgħid li l-investimenti ewlenin kienu jikkonċernaw attivitajiet li jaqgħu taħt il-mandat tal-politika pubblika, kien hemm bżonn ta' riżorsi pubbliċi.

(292)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li kien hemm bżonn ta' investimenti infrastrutturali bħala adattament għan-numri ta' passiġġieri li kienu qegħdin jiżdiedu u sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet attwali ta' infrastruttura ta' ajruport modern. Bl-infrastruttura mibnija biss l-ajruport seta' jaqdi lill-konnessjonijiet tat-trasport u l-iżvilupp tar-reġjun.

(293)

Għalhekk, il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-għajnuna għall-investiment lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH jirriżultaw mill-bżonn li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-lum ta' infrastruttura ta' ajruport modern. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-investimenti infrastrutturali inkwistjoni kienu meħtieġa u proporzjonati għall-objettiv li kien ġie stabbilit.

8.2.1.3.   L-infrastruttura għandha prospettivi sodisfaċenti fit-terminu medju għall-użu, b'mod partikolari fir-rigward tal-użu tal-infrastruttura eżistenti

(294)

L-infrastruttura eżistenti kellha prospettivi sodisfaċenti għall-użu għat-terminu medju, tal-inqas sal-2009. Il-bord tad-diretturi ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH diġà kien ipprovda fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2000 għal investimenti infrastrutturali li ammontaw għal ammont stmat ta' EUR 20 miljun tul il-perjodu ta' bejn is-sena 2000 u l-2010. In-numri ta' passiġġieri annwali baqgħu tilgħin sal-eqqel snin tal-2008-2009.

(295)

Wara perjodu ta' tkabbir konsiderevoli, it-traffiku tal-ajru fil-Ġermanja u l-Ewropa ntlaqat mill-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-2009. It-traffiku tal-ajru tal-passiġġieri fil-Ġermanja fl-2009, li kienet l-agħar sena għall-avjazzjoni, naqas b'4,6 %. Madankollu, it-tendenza ġenerali ta' tkabbir fit-traffiku tal-ajru kkalmat, iżda ma waqfitx. Ir-rati ta' tkabbir fix-xahar fit-traffiku tal-ajru tal-passiġġieri fil-Ġermanja reġgħu bdew jiżdiedu f'Ġunju 2010, u qabżu r-rata ta' tkabbir fix-xahar tas-sena ta' qabel b'7 %. Il-previżjonijiet jindikaw li l-Ġermanja esperjenzat tkabbir ekonomiku b'saħħtu ta' madwar 3 % fis-sena mill-2009 'l hawn. It-tkabbir fis-suq tal-avjazzjoni ġeneralment ikun ogħla mit-tkabbir ekonomiku ġenerali (160).

(296)

It-tliet studji tal-2007 kollha kemm huma (161) jiddikjaraw li l-operatur tal-ajruport kellu jtejjeb ir-riżultati annwali tiegħu u li d-dħul u n-nefqa operatorji kellhom jilħqu kważi punt ta' ekwilibriju sal-2015 u li ż-żona industrijali fl-inħawi kellha tissaħħaħ ukoll. Dan ġie kkonfermat fl-abbozz tal-pjan ta' direzzjoni tan-negozju għall-perjodu ta' bejn l-2007 u l-2015. Il-Ġermanja bbażat l-argumenti tagħha fuq il-profittabilità tal-linji tal-ajru low-cost u x-xenarju li l-AOC seta' jikseb 500 000 passiġġier sal-2015.

(297)

Konsegwentement, skont l-informazzjoni li pprovdiet il-Ġermanja, l-infrastruttura inkwistjoni laħqet id-domanda fit-terminu medju tal-linji tal-ajru u tal-passiġġieri u kellha prospettivi tajbin għall-użu.

8.2.1.4.   L-utenti potenzjali kollha tal-infrastruttura għandhom aċċess għaliha b'mod ugwali u mhux diskriminatorju

(298)

Il-Ġermanja tikkonferma li, għad li Ryanair kienet l-unika linja tal-ajru li kienet qiegħda topera mill-AOC fil-perjodu ta' bejn l-2003 u l-2011, l-infrastruttura kienet disponibbli għall-utenti kollha mingħajr ebda diskriminazzjoni ekonomikament mhux iġġustifikata.

8.2.1.5.   L-iżvilupp tal-kummerċ mhuwiex affettwat b'tali mod li jmur kontra l-interess tal-Komunità

(299)

Skont il-paragrafu 39 tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni, il-kategorija ta' ajruport tipprovdi indikazzjoni ta' kemm l-ajruporti qegħdin jikkompetu ma' xulxin u, għalhekk, anki kemm il-finanzjament pubbliku mogħti lil ajruport jista' jgħawweġ il-kompetizzjoni. Il-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni jiddikjaraw li huwa improbabbli li l-finanzjament mogħti lil ajruporti reġjonali żgħar (kategorija D) jgħawweġ il-kompetizzjoni jew jaffettwa l-kummerċ tant li jmur kontra l-interess komuni. Madankollu, dan ma jfissirx u lanqas ma jimplika li t-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ huma esklużi.

(300)

L-AOC qeda lil inqas minn 150 000 passiġġier fis-sena tul il-perjodu inkwistjoni, jiġifieri jikkwalifika bħala ajruport reġjonali żgħir (kategorija D) skont il-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni.

(301)

L-AOC huwa ajruport reġjonali tipiku. Dan huwa bbażat fuq il-fatt li numru kbir ta' passiġġieri li jużaw l-ajruport ġejjin mil-Land ta' Thüringen. Fuq il-bażi tal-kunċett ta' żona koperta ta' madwar 100 km u ħin ta' vvjaġġar ta' 60 minuta, jista' jiġi supponut li l-eqreb ajruport (Leipzig/Halle, 85 km u madwar siegħa u għaxar minuti bil-karozza mill-AOC) jinsab fit-tarf ta' barra tal-istess żona ta' kopertura. L-Ajruport ta' Leipzig-Halle huwa ajruport internazzjonali li jservi kemm lil Leipzig (Sachsen) kif ukoll lil Halle (Sachsen-Anhalt). Bħala ajruport reġjonali, l-AOC jaqdi lill-parti tan-Nofsinhar tal-Land ta' Thüringen.

(302)

Apparti d-distanza ġeografika bejniethom, iż-żewġ ajruporti għandhom mudelli kummerċjali differenti ħafna u jiġbru tipi differenti ta' passiġġieri. L-Ajruport ta' Leipzig/Halle huwa ajruport immexxi sew li joffri infrastruttura iktar sofistikata u kumdità ikbar għall-passiġġieri. Jaqdi kemm titjiriet internazzjonali kif ukoll domestiċi, sensiela ta' destinazzjonijiet għall-btala u traffiku tal-merkanzija bl-ajru. L-AOC għandu infrastruttura li, meta mqabbla, ftit li xejn toffri kumdità u l-mudell kummerċjali tiegħu huwa bbażat fuq linji tal-ajru low-cost.

(303)

Dawn id-dikjarazzjonijiet jippermettu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-għajnuna għall-investiment lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH la tgħawweġ il-kompetizzjoni u lanqas ma taffettwa l-kummerċ tant li tmur kontra l-interess komuni.

8.2.1.6.   L-għajnuna għandha effett ta' inċentiv u hija meħtieġa u proporzjonata

(304)

L-għajnuna mogħtija mill-Ġermanja lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH sabiex tiffinanzja l-infrastruttura għandu jkollha effett ta' inċentiv u tkun meħtieġa u proporzjonata għall-objettiv li ġie stabbilit.

(305)

Il-Kummissjoni trid tistabbilixxi jekk l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH affettwatx lill-impriża vvantaġġjata b'tali mod li teżerċita attivitajiet li jgħinuha tilħaq objettiv fl-interess pubbliku li (i) ma kinitx teżerċita mingħajr l-għajnuna jew li (ii) kienet teżerċita b'mod limitat jew differenti. Barra minn hekk, l-għajnuna tista' titqies biss bħala proporzjonata jekk ma setax jinkiseb l-istess riżultat b'inqas għajnuna u inqas tgħawwiġ tal-kompetizzjoni. Dan ifisser li l-ammont u l-intensità tal-għajnuna jridu jkunu limitati għall-minimu meħtieġ għall-attività sussidjata.

(306)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja, l-investimenti infrastrutturali meħtieġa sabiex jintlaħaq l-istandard ta' ajruport funzjonanti miftuħ għal titjiriet kummerċjali ma setgħux isiru mingħajr l-għajnuna. L-ajruport irrapporta telf tul ħafna mill-perjodu kkonċernat. Il-Ġermanja konsistentement iddikjarat li t-tali ajruporti reġjonali ma jistgħux jiġu operati mingħajr finanzjament pubbliku u li, b'mod partikolari, l-ajruport ma kienx jilħaq il-livell ta' servizz għal-linji tal-ajru u l-passiġġieri mingħajr l-għajnuna u l-firxa tal-attivitajiet ekonomiċi tal-ajruport kienet tonqos.

(307)

Għaldaqstant, jista' jiġi konkluż li l-miżura ta' għajnuna inkwistjoni kellha effett ta' inċentiv, għaliex ippermettiet lill-benefiċjarju sabiex jagħmel l-investimenti meħtieġa.

(308)

F'termini tal-proporzjonalità tal-għajnuna, jista' jiġi supponut li l-intensità tal-għajnuna għall-proġett sabiex l-ajruport jiġi kkonvertit minn eks mitjar militari għal ajruport ċivili għal-linji tal-ajru potenzjali kollha kienet limitata għall-investimenti meħtieġa. Barra minn hekk, il-proċedura ta' finanzjament tal-investiment fis-seħħ fi Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH tfasslet sabiex tevita kumpens eċċessiv. Pjan ta' direzzjoni tan-negozju għas-sena li jkun imiss ġie maqbul fi tmiem kull sena u ġie rivedut matul is-sena fl-isfond tal-iżvolġiment tan-negozju (162). Jekk proġett ikun ingħata finanzjament eċċessiv, l-ajruport kellu jrodd lura r-riżorsi lill-investitur pubbliku. Peress li l-ammont fl-għajnuna kien limitat għall-minimu meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jsiru l-attivitajiet sussidjati, f'dan il-każ l-għajnuna għall-investiment tista' tiġi ddikjarata bħala meħtieġa u proporzjonata għall-objettiv legali.

8.2.1.7.   Konklużjoni

(309)

Fid-dawl tal-valutazzjoni ta' hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna għall-investiment għal Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH hija kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, peress li tissodisfa l-kriterji ta' kompatibbiltà stipulati fil-paragrafu 61 tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni. Għaldaqstant, il-miżura hija kompatibbli mas-suq intern.

8.2.2.   Miżura 2: Il-finanzjament tat-telf operatorju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH fis-snin 2000-2011

(310)

B'konformità mal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-avviż tagħha dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-Għajnuna illegali mill-Istat ma għandux ikun japplika għal każijiet pendenti ta' għajnuna operatorja illegali lil ajruporti mogħtijin qabel l-4 ta' April 2014. Minflok, il-Kummissjoni sejra tapplika l-prinċipji stabbiliti f'dawk il-linji gwida għall-każijiet kollha li jikkonċernaw għajnuna operatorja (notifiki pendenti u għajnuna illegali mhux notifikata) lil ajruporti anki jekk l-għajnuna tkun ingħatat qabel l-4 ta' April 2014 u l-bidu tal-perjodu transitorju. (163)

(311)

Il-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni jipprovdu qafas għall-fini ta' valutazzjoni ta' jekk l-għajnuna lill-ajruporti tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE. (164) Il-paragrafu 137 (sic) tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni (165) jiddikjara li jridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin sabiex l-għajnuna operatorja mogħtija qabel il-pubblikazzjoni ta' dawn il-linji gwida titqies kompatibbli mas-suq intern:

(a)

il-miżuri jridu jikkontribwixxu għal objettiv definit sew ta' interess komuni;

(b)

l-għajnuna mill-Istat trid tkun neċessarja;

(c)

il-miżura ta' għajnuna trid tkun strument tal-politika xieraq sabiex tindirizza l-objettiv ta' interess komuni;

(d)

irid ikollha effett ta' inċentiv;

(e)

l-għajnuna trid tkun limitata għall-minimu meħtieġ u

(f)

iridu jiġu evitati effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

8.2.2.1.   Il-kontribuzzjoni għal objettiv definit sew ta' interess komuni

(312)

Skont it-Taqsima 5.1.2(a) tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni, sabiex l-ajruporti jkollhom biżżejjed żmien ħalli jadattaw għal realtajiet ġodda tas-suq u jevitaw kwalunkwe tfixkil fit-traffiku tal-ajru u l-konnettività tar-reġjuni, l-għajnuna operatorja lil ajruporti sejra titqies li tikkontribwixxi għall-kisba ta' objettiv ta' interess komuni jekk: (i) iżżid il-mobilità taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-konnettività tar-reġjuni billi jiġu stabbiliti punti ta' aċċess għal titjiriet fi ħdan l-Unjoni jew (ii) tiġġieled il-konġestjoni tat-traffiku tal-ajru f'ajruporti ċentrali ewlenin fl-Unjoni jew (iii) tħaffef l-iżvilupp reġjonali.

(313)

Skont l-awtoritajiet Ġermaniżi, kien hemm bżonn li jiġi ffinanzjat it-telf operatorju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH sabiex jinżammu l-operazzjonijiet fl-ajruport, sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-kumpanija, stipulat fil-memorandum u l-istatuti ta' assoċjazzjoni, sabiex titjieb l-infrastruttura ekonomikament relevanti u b'hekk jissaħħu l-ekonomiji ta' Thüringen tal-Lvant u Sachsen tal-Punent.

(314)

Peress li kien hemm bżonn ta' aċċess tajjeb sabiex jiġi sostnut l-iżvilupp reġjonali fil-Ġermanja Ċentrali, kien hemm ħtieġa fundamentali li l-ajruport jibqa' operazzjonali. L-operazzjoni tal-ajruport għenet l-iżvilupp reġjonali u l-ħolqien tal-impjiegi. Għalhekk, l-objettiv tal-għajnuna operatorja mogħtija kien wieħed ċar ta' promozzjoni tal-iżvilupp reġjonali.

8.2.2.2.   Il-ħtieġa ta' intervent tal-Istat

(315)

Skont it-Taqsima 5.1.2(b) tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni, sabiex jiġi vvalutat jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex effettiva sabiex tgħin fil-kisba ta' objettiv ta' interess komuni, hemm bżonn li tiġi identifikata l-problema li trid tiġi indirizzata. F'dak ir-rigward, l-għajnuna mill-Istat trid tkun immirata lejn sitwazzjonijiet li fihom it-tali għajnuna tkun tista' tipprovdi titjib materjali li s-suq innifsu ma jistax jipprovdi.

(316)

Il-Ġermanja targumenta li l-intervent tal-Istat kien meħtieġ peress li l-ajruport kellu diffikultajiet sabiex jiffinanzja l-operazzjoni waħdu. Ir-rapporti finanzjarji ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH spiss jiddikjaraw li l-pożizzjoni finanzjarja tal-ajruport tiddependi ħafna mill-injezzjonijiet ta' kapital tal-azzjonisti jew għotjiet pubbliċi oħrajn u li, mingħajr l-injezzjonijiet ta' kapital mill-awtoritajiet pubbliċi, anki l-eżistenza stess tal-kumpanija tkun f'riskju (166).

(317)

L-għajnuna operatorja mogħtija tat lill-ajruport il-fondi meħtieġa sabiex jiġi żgurat l-operat tagħha u jiġi aġġustat il-mudell kummerċjali tagħha għar-rekwiżiti tal-linji tal-ajru low-cost.

(318)

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-AOC huwa ajruport reġjonali żgħir b'inqas minn 150 000 passiġġier fis-sena, li ma jistax ikopri l-kostijiet operatorji tiegħu bis-sħiħ f'kundizzjonijiet normali tas-suq u li, għaldaqstant, l-intervent tal-Istat kien neċessarju.

8.2.2.3.   Ix-xerqien tal-għajnuna

(319)

Skont it-Taqsima 5.1.2(c) tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni, l-għajnuna lil ajruport trid tkun strument politiku xieraq sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni. Għaldaqstant, l-Istat Membru jrid juri li l-istess objettiv ma jistax jinkiseb bi strumenti tal-politika jew strumenti tal-għajnuna li joħolqu inqas tgħawwiġ.

(320)

Skont il-Ġermanja, il-miżura ta' għajnuna inkwistjoni hawnhekk hija strument xieraq sabiex jintlaħaq l-objettiv ta' interess komuni, li ma setax jinkiseb bi strumenti tal-politika li joħolqu inqas tgħawwiġ.

(321)

L-ammont fl-għajnuna ġie kkalkolat sabiex ikopri l-ispariġġ tal-likwidità antiċipat għall-kostijiet operatorji tas-sena li jmiss.

(322)

Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura inkwistjoni kienet xierqa f'termini ta' kisba tal-objettiv ta' interess komuni.

8.2.2.4.   L-eżistenza ta' effett ta' inċentiv

(323)

Skont it-Taqsima 5.1.12(d) tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni, l-għajnuna operatorja għandha effett ta' inċentiv jekk ikun probabbli li, fin-nuqqas tal-għajnuna operatorja, il-livell ta' attività ekonomika tal-ajruport ikkonċernat jonqos b'mod sinifikanti. Dik il-valutazzjoni trid tqis l-eżistenza ta' għajnuna għall-investiment u l-livell ta' traffiku fl-ajruport.

(324)

Ir-rapporti finanzjarji ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH jisħqu li, mingħajr l-injezzjonijiet ta' kapital mill-awtoritajiet pubbliċi, anki l-eżistenza stess tal-kumpanija tkun f'riskju. Mingħajr l-għajnuna operatorja li tgħin sabiex tkopri t-telf tal-operatur tal-ajruport, l-ajruport kien ikollu jitlaq mis-suq minħabba telf operatorju mhux iffinanzjat.

(325)

Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-miżura inkwistjoni kellha effett ta' inċentiv.

8.2.2.5.   Il-proporzjonalità tal-ammont tal-għajnuna (għajnuna limitata għall-minimu meħtieġ)

(326)

Skont it-Taqsima 5.1.2(c) tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni, sabiex tkun proporzjonata, l-għajnuna operatorja għall-ajruporti trid tkun limitata għall-minimu meħtieġ sabiex tkun tista' sseħħ l-attività megħjuna.

(327)

F'dan il-każ, l-azzjonist pubbliku tal-operatur tal-ajruport stabbilixxa l-ammont fl-għajnuna operatorja fuq il-bażi ta' pjan ta' direzzjoni tan-negozju ex ante annwali u llimitah għall-ispariġġ tal-likwidità tal-ajruport.

(328)

Il-parametri ta' dawk il-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju ġew aġġornati matul kull sena finanzjarja bir-riżultati propji miksubin mill-ajruport. Pereżempju, il-bord tad-diretturi approva l-pjan ta' direzzjoni tan-negozju tal-2003 fit-8 ta' Novembru 2002 fuq il-bażi tad-dejta disponibbli f'Settembru 2002. Dak il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju mbagħad ġie aġġornat matul il-laqgħa tal-bord li saret fl-24 ta' Ottubru 2003, li fiha tressaq pjan aġġornat ta' direzzjoni tan-negozju li kien jinkorpora fih id-dejta disponibbli f'Ottubru 2003 (167).

(329)

Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet ta' hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li l-għajnuna operatorja għall-operatur tal-ajruport tul dak il-perjodu ppermettielu jaġġusta l-mudell kummerċjali tiegħu għar-rekwiżiti operatorji l-ġodda stabbiliti fil-kuntratt tas-servizzi ma' Ryanair. L-ammont meħtieġ biex jiffinanzja t-telf kien taħt sorveljanza kontinwa. Għalhekk, l-ammont fl-għajnuna kien limitat għat-telf operatorju antiċipat.

(330)

Il-Ġermanja tiddikjara wkoll li l-konverżjoni tal-ajruport permezz ta' bosta proġetti (168) mill-2010-2012 għenet sabiex jonqos l-ispariġġ tal-likwidità ġenerali tal-ajruport u, b'hekk, l-injezzjonijiet ta' kapital tal-azzjonisti. L-għajnuna operatorja kienet issorveljata tul il-perjodu sħiħ ikkonċernat, sabiex tiġi aġġustata għar-rekwiżiti attwali tal-ajruport.

(331)

Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna operatorja f'dan il-każ kienet proporzjonata u limitata għall-minimu meħtieġ sabiex issir l-attività megħjuna.

8.2.2.6.   L-evitar ta' effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri

(332)

Skont it-Taqsima 5.1.2(c) tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni, meta tivvaluta l-kompatibilità tal-għajnuna operatorja, il-Kummissjoni sejra tqis it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni u l-effetti fuq il-kummerċ. Indikazzjoni minnhom ta' tgħawwiġ possibbli tal-kompetizzjoni jew effetti fuq il-kummerċ tista' tkun li l-ajruport huwa fl-istess żona ta' kopertura ta' ajruport ieħor b'kapaċità żejda.

(333)

F'dan il-każ, il-Kummissjoni ssib li l-eqreb ajruport huwa l-Ajruport ta' Leipzig/Halle, li jinsab 85 km jew siegħa u għaxar minuti bil-karozza mill-AOC. Kif stipulat fil-paragrafi 299 u 300, il-mudell kummerċjali ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH minn dejjem kien li jiġi stabbilit l-ajruport bħala ajruport reġjonali li jgħin fl-iżvilupp taż-żona industrijali li hemm fl-inħawi. Anki li kieku seħħet il-pronjożi tal-2007 tal-Prof. Klophaus u l-ajruport kiseb 500 000 passiġġier sal-2015, xorta waħda ma kienx ikun f'pożizzjoni li jikkompeti ma' ajruport bħal dak ta' Leipzig/Halle b'iktar minn żewġ miljun passiġġier.

(334)

Il-Ġermanja tindika li, sabiex tkompli tillimita kwalunkwe impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ, l-infrastruttura tal-AOC kienet disponibbli għall-utenti potenzjali kollha u ma tfasslitx għal utent partikolari wieħed.

(335)

Fid-dawl ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-effetti negattivi indebiti fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri huma limitati għall-minimu.

8.2.2.7.   Konklużjoni

(336)

Fid-dawl ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-finanzjament tat-telf operatorju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH fis-snin 2000 sal-2011 huwa kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE u l-kriterji ta' kompatibbiltà stipulati fit-Taqsima 5.1.2 tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni.

8.2.3.   Miżura 3: L-imposti u l-pagamenti tal-ajruport lil Ryaniar skont it-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-2003, il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010

(337)

Il-Ġermanja tiddikjara li l-pagamenti li saru skont il-kuntratti tas-servizzi tal-ajruport u tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Għalhekk, il-Ġermanja ma pprovdiet ebda bażi legali biex tissostanzja l-kompatibilità possibbli tagħhom mas-suq intern. B'hekk, u fid-dawl tal-fatt li l-oneru tal-provi tal-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern permezz ta' eċċezzjoni għar-regola fl-Artikolu 107(1) jaqa' fuq l-Istat Membru kkonċernat, li jrid juri bil-provi li hemm konformità mal-prekundizzjonijiet għal dik l-eċċezzjoni, irid jiġi konkluż li l-għajnuna mhijiex kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni f'dan il-każ ma tistax tiġi ddikjarata bħala kompatibbli mas-suq intern skont id-dispożizzjonijiet relevanti.

8.2.3.1.   Il-bażi legali applikabbli

(338)

Fir-rigward tal-għajnuna tal-bidu, il-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni jistipulaw li

… il-Kummissjoni se tapplika dawn il-linji gwida għall-għajnuna tal-bidu notifikata li fir-rigward tagħha jintużaw biex tittieħed deċiżjoni mill-4 April 2014, anke fejn il-miżuri kienu nnotifikati qabel dik id-data. Skont l-avviż tal-Kummissjoni dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-valutazzjoni ta' għajnuna mill-Istat illegali, il-Kummissjoni, fir-rigward ta' għajnuna għall-investiment illegali, se tapplika r-regoli fis-seħħ dakinhar li tkun ingħatat l-għajnuna tal-bidu illegali lil-linji tal-ajru. Għaldaqstant, mhijiex se tapplika l-prinċipji previsti f'dawn il-Linji Gwida fil-każ ta' għajnuna tal-bidu illegali lil linji tal-ajru mogħtija mill-4 April 2014.” (169)

(339)

Il-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni jiddikjaraw:

“Il-Kummissjoni sejra tivvaluta l-kompatibilità tal-għajnuna tal-bidu kollha mogħtija mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħha u li, għalhekk, tikser l-Artikolu 88(3) tat-Trattat [issa sar l-Artikolu 108(3) TFUE], fuq il-bażi ta' dawn il-linji gwida jekk il-pagament tal-għajnuna beda wara li l-linji gwida kienu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.”

8.2.3.2.   Il-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-kuntratt konkluż fil-25 ta' Jannar 2010, flimkien mal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport konkluż fit-3 ta' Marzu 2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni konkluż fis-7 ta' April 2003

(340)

Il-kuntratt ma' AMS ġie konkluż fl-2010, wara li ġew ippubblikati l-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni. L-għajnuna inkwistjoni ngħatat permezz tal-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010, li l-effetti tiegħu żiedu ma' dawk taż-żewġ kuntratti konklużi fl-2003 li, waħedhom, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-kompatibilità tal-għajnuna trid tiġi analizzata skont il-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni.

(341)

Peress li l-prekundizzjonijiet għall-kompatibbiltà tal-għajnuna tal-bidu stipulati fil-paragrafu 79 tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni huma kumulattivi, irid jintwera bil-provi biss li waħda minn dawk il-prekundizzjonijiet mhijiex issodisfata sabiex tiġi stabbilita l-inkompatibilità tal-għajnuna lil-linja tal-ajru. Minkejja dan, il-Kummissjoni sejra teżamina bosta mill-kriterji stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni fil-valutazzjoni tagħha tal-kompatibilità tal-miżura ta' għajnuna inkwistjoni.

(342)

Il-paragrafu 79(c) tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni jistipula li prekundizzjoni minnhom għall-kompatibilità tal-għajnuna hija li tapplika biss għall-ftuħ ta' rotot ġodda jew skedi ġodda. Ir-rotta ta' kuljum lejn Londra introdotta fl-2003 u r-rotta lejn Ġirona introdotta fl-2007 jaqgħu taħt il-kuntratt tal-2010. Ir-rotta lejn Alicante biss ġiet introdotta fl-2010. Għalhekk, il-miżuri ta' għajnuna inkwistjoni ma jissodisfawx dan il-kriterju.

(343)

Il-paragrafu 79(d) tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni jeħtieġ vijabbiltà fit-tul u digressività tal-miżura kkonċernata: “ir-rotta li tirċievi l-għajnuna finalment trid tħalli l-profitt, jiġifieri tal-inqas trid tkopri l-kostijiet tagħha, mingħajr finanzjament pubbliku. Għalhekk, l-għajnuna tal-bidu trid tkun digressiva u b'durata limitata”. Ma hemm xejn x'jissuġġerixxi li r-rotot inkwistjoni setgħu jħallu l-profitt għal Ryanair mingħajr il-finanzjament mir-riżorsi pubbliċi mogħtijin bil-kuntratti ta' kummerċjalizzazzjoni. Dan huwa korroborat mill-fatt li Ryanair abbandunat ir-rotot meta ntemm il-finanzjament pubbliku.

(344)

Il-paragrafu 79(e) tal-Linji Gwida tal-2005 dwar l-Avjazzjoni jżid il-kriterju ta' kumpens għall-kostijiet tal-bidu addizzjonali: “l-ammont ta' għajnuna jrid ikun strettament marbut mal-kostijiet tal-bidu addizzjonali fit-tnedija tar-rotta l-ġdida jew il-frekwenza l-ġdida u li l-operatur tal-ajru mhuwiex sejjer ikollu jġarrab ladarba tibda tintuża”. Jidher li l-għajnuna xejn ma għandha x'taqsam mal-kostijiet tal-bidu. Il-pagamenti tal-kummerċjalizzazzjoni lil Ryanair komplew tul il-perjodu sħiħ li matulu l-ajruport żamm relazzjonijiet kummerċjali mal-linja tal-ajru. Għalhekk, dan il-kriterju ma ġiex issodisfat lanqas.

(345)

Finalment, skont il-paragrafu 79(f), l-ammont ta' għanna fi kwalunkwe sena partikolari ma jistax jaqbeż il-50 % tal-kostijiet eliġibbli totali għal dik is-sena. Ma hemm ebda evidenza li n-nefqa propja tal-kummerċjalizzazzjoni kienet id-doppju tal-ammont fl-għajnuna.

8.2.3.3.   Konklużjoni

(346)

Fi ftit kliem, l-għajnuna lil Ryanair u AMS mhijiex għajnuna tal-bidu kompatibbli mas-suq intern, peress li l-kriterji ta' kompatibilità mhumiex issodisfati. Għalhekk, l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil Ryanair u AMS bit-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003, il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 u l-kuntratt tal-kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta' Jannar 2010 hija għajnuna illegali inkompatibbli mas-suq intern li trid tiġi rkuprata.

9.   KONKLUŻJONI

9.1.   MIŻURA 1: IL-FINANZJAMENT TAL-INVESTIMENTI INFRASTRUTTURALI 2000-2011

(347)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna mogħtija lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH fil-forma ta' finanzjament għall-investimenti infrastrutturali tul il-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2011 hija kompatibbli mas-suq intern.

9.2.   MIŻURA 2: IL-FINANZJAMENT TAT-TELF OPERATORJU TA' FLUGPLATZ ALTENBURG-NOBITZ GMBH FIL-PERJODU 2000-2011

(348)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-għajnuna mogħtija lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH fil-forma ta' finanzjament għat-telf operatorju tul il-perjodu ta' bejn l-2000 u l-2011 hija kompatibbli mas-suq intern.

9.3.   MIŻURA 3: IL-KUNTRATT TAS-SERVIZZI U L-KUNTRATTI TA' KUMMERĊJALIZZAZZJONI MA' RYANAIR

(349)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003, il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tat-28 ta' Awwissu 2008 ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat lil Ryanair/AMS.

(350)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Ġermanja tat għajnuna illegali mill-Istat lil Ryanair Ltd. u s-sussidjarja 100 % tagħha AMS bit-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003, il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta' Jannar 2010, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.

(351)

Minn perspettiva ex ante, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH ma setgħetx tkopri l-kostijiet inkrementali kollha assoċjati mal-attivitajiet ta' Ryanair fl-ajruport bil-kuntratt iffirmat ma' Ryanair u AMS fl-2010. Ryanair u/jew AMS kisbu vantaġġ mhux iġġustifikat fil-forma ta' ammont fl-għajnuna li jrid jitħallas lura lill-Ġermanja.

L-irkupru tal-għajnuna mogħtija lil Ryanair/AMS

(352)

Skont it-TFUE u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-Kumissjoni hija kompetenti, meta tkun sabet li l-għajnuna ma tkunx kompatibbli mas-suq intern, li tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxiha jew jibdilha (170). Hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti li l-iskop tal-obbligar lill-Istat sabiex jabolixxi għajnuna li l-Kummissjoni ssib li ma tkunx kompatibbli mas-suq intern huwa li terġa' tinkiseb is-sitwazzjoni ta' qabel l-għoti tal-għajnuna (171). F'dan ir-rigward, il-Qorti ddikjarat li dan l-objettiv jintlaħaq jekk, bil-ħlas lura tal-għajnuna illegali, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li kien gawda fis-suq fuq il-kompetituri tiegħu u terġa' tinkiseb is-sitwazzjoni ta' qabel ma tħallset l-għajnuna (172).

(353)

L-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (173) jistipula, b'konformità ma' din il-ġurisprudenza: “Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju”.

(354)

Għalhekk, it-tali għajnuna mill-Istat, peress li ġiet żborżata, trid titħallas lura lill-Ġermanja.

(355)

Il-Kummissjoni sejra tibbaża l-ammonti li jridu jiġu rkuprati fuq il-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju ex ante murijin fit-Tabella 19 fit-Taqsima 8.1.3. u l-kunsiderazzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

l-ammont fl-għajnuna li jrid jiġi rkuprat għandu jkun daqs il-fluss tal-flus inkrementali negattiv li kien jeżisti meta ttieħdet id-deċiżjoni li jiġi ffirmat il-kuntratt. Il-fluss tal-flus negattiv huwa daqs il-fondi meħtieġa sabiex il-kuntratt jiġi allinjat mal-kundizzjonijiet tas-suq;

(b)

il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-istaġun tas-sajf tal-2010 għandu jittieħed bħala perjodu kopert minn dak il-pjan ta' direzzjoni tan-negozju. Fil-fatt, il-vantaġġ effettiv miksub mil-linja tal-ajru huwa limitat għat-terminu attwali tal-kuntratt inkwistjoni peress li, meta ntemm, Ryanair/AMS ma kisbu ebda vantaġġ ieħor mill-ajruport.

(356)

L-ammonti provviżorji li jridu jiġu rkuprati mingħand il-Ġermanja huma stipulati fit-Tabella 20.

(357)

L-ammonti mogħtijin fit-Tabella 20 jista' jkollhom bżonn jiġu aġġustati fuq il-bażi tal-prova u l-evidenza pprovduti mill-Ġermanja sabiex jitqies il-vantaġġ propju li kisbu Ryanair u s-sussidjarji tagħha bit-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003, il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 u l-kuntratt tal-kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta' Jannar 2010. Dak l-aġġustament irid ikun ibbażat fuq (i) id-differenza bejn il-pagamenti propji li għamlet il-linja tal-ajru għall-imposti tal-ajruport u ppreżentati ex post, minn naħa, u l-fluss tal-flus projjettat (ex ante) għal dawn il-partiti tad-dħul irrapportati fit-Tabella 19, min-naħa l-oħra, u (ii) id-differenza bejn il-pagamenti attwali tal-kummerċjalizzazzjoni mħallsin lil-linja tal-ajru u s-sussidjarji tagħha skont il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni u l-ammonti ppreżentati ex post, minn naħa, u l-ammonti projettati (ex ante) għall-kostijiet tal-kummerċjalizzazzjoni rrapportati fit-Tabella 19, min-naħa l-oħra.

(358)

Kif diġà ġie spjegat fil-paragrafu 212, il-Kummissjoni hija tal-fehma li AMS u Ryanair għandhom jitqiesu bħala impriża waħda għall-fini tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Għalhekk, Ryanair u AMS għandhom ikunu responsabbli b'mod konġunt u in solidum għal rifużjoni tal-ammont sħiħ li rċivew fl-għajnuna bit-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003, il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 u l-kuntratt tal-kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta' Jannar 2010.

(359)

Barra minn hekk, il-Ġermanja trid iżżid l-imgħax tal-irkupru kkalkolat skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (174) mal-ammont fl-għajnuna mid-data li fiha l-għajnuna illegali tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tal-irkupru tagħha (175). Peress li l-flussi tal-flus li jikkorrispondu għall-ammonti fl-għajnuna huma kumplessi f'dan il-każ u seħħew tul it-terminu sħiħ tat-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003, il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 u l-kuntratt tal-kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta' Jannar 2010, fil-fehma tal-Kummissjoni huwa aċċettabbli li jiġi supponut għall-fini ta' kalkolu tal-imgħax tal-irkupru li l-għajnuna ġiet żborżata fi tmiem l-istaġun tas-sajf tal-IATA tal-2010 (jiġifieri fit-30 ta' Ottubru 2010).

Tabella 20

L-ammont li jrid jiġi rkuprat għall-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tal-2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010

 

L-istaġun tas-sajf tal-2010

 

 

In-numru ta' passiġġieri tielqa

55 188

 

 

DĦUL ANTIĊIPAT (f'EUR)

Imposta netta pagabbli minn Ryanair għal kull passiġġier tielaq

[…]*

Dħul totali marbut mal-avjazzjoni

[…]*

Dħul mhux marbut mal-avjazzjoni għal kull passiġġier

[…]*

Dħul totali mhux marbut mal-avjazzjoni

[…]*

Dħul totali

[…]*

 

 

TARIFFI ANTIĊIPATI (f'EUR)

Tariffi fissi tal-kummerċjalizzazzjoni

[…]*

Tariffi operatorji fix-xahar

13 943

Tariffi operatorji totali

97 601

Tariffi totali

[…]*

 

 

TELF NETT (f'EUR)

AMMONT LI JRID JIĠI RKUPRAT

– 318 569

ADOTTAT ID-DEĊIŻJONI LI ĠEJJA:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna mill-Istat mogħtija b'mod illegali mill-Ġermanja lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH bejn l-2000 u l-2011 fil-forma ta' finanzjament tal-investimenti infrastrutturali fis-snin 2000 sal-2011, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija kompatibbli mas-suq intern.

2.   L-għajnuna mill-Istat mogħtija b'mod illegali mill-Ġermanja lil Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH bejn l-2000 u l-2011 fil-forma ta' finanzjament tat-telf operatorju fis-snin 2000 sal-2011, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija kompatibbli mas-suq intern.

3.   Il-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport konkluż fit-3 ta' Marzu 2003 bejn [Flugplatz] Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair, flimkien mal-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni konkluż bejn [Flugplatz] Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair fis-7 ta' April 2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni konkluż bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair fit-28 ta' Awwissu 2008, ma jikkostitwixxux għajnuna.

4.   L-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja tat b'mod illegali lil Ryanair u/jew AMS permezz tat-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport konkluż fit-3 ta' Marzu 2003 bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair u l-kuntratt tas-servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni konkluż bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair fis-7 ta' April 2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni konkluż bejn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u Ryanair fil-25 ta' Awwissu 2010, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 2

1.   Il-Ġermanja tirkupra l-għajnuna ddikjarata bħala inkompatibbli fl-Artikolu 1(4).

2.   Fid-dawl tal-fatt li Ryanair u AMS jikkostitwixxu entità ekonomika waħda għall-finijiet ta' din id-deċiżjoni, għandhom ikunu responsabbli b'mod konġunt u in solidum għar-ripagament tal-għajnuna mill-Istat imħallsa lil kull waħda minnhom bit-taħlita tal-kuntratt tas-servizzi tal-ajruport tat-3 ta' Marzu 2003, il-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tas-7 ta' April 2003 u l-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-25 ta' Jannar 2010.

3.   L-ammont li jrid jiġi rkuprat jinkludi l-imgħax ikkalkolat mid-data li fiha l-għajnuna illegali tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju sad-data tar-ripagament propju tagħha.

4.   L-imgħax jiġi kkalkolat skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 794/2004.

5.   Il-Ġermanja tissospendi l-pagamenti pendenti kollha tagħha għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(4) mid-data li fiha tiġi adottata din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

1.   L-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1(4) tiġi rkuprata minnufih.

2.   Il-Ġermanja tara li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba' xhur min-notifika tagħha.

Artikolu 4

1.   Il-Ġermanja tipprovdi l-informazzjoni li ġejja fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni:

(a)

l-ammont totali (f'kapital u mgħax) tal-għajnuna riċevuta mill-benefiċjarji;

(b)

l-ammont totali (f'kapital u mgħax) tal-għajnuna li trid tiġi rkuprata mingħand il-benefiċjarji skont l-Artikolu 2;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri meħudin jew ippjanati sabiex tiġi żgurata konformità ma' din id-Deċiżjoni;

(d)

dokumenti li juru li nħarġet ordni ta' ripagament lill-benefiċjarji.

2.   Il-Ġermanja tavża lill-Kummissjoni dwar il-progress fil-miżuri meħudin sabiex tinżamm konformità ma' din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 tkun tħallset lura bis-sħiħ. Fuq it-talba tal-Kummissjoni, il-Ġermanja tipprovdi l-informazzjoni minnufih fuq il-miżuri meħudin jew ippjanati sabiex tiġi żgurata konformità ma' din id-Deċiżjoni. Il-Ġermanja tipprovdi informazzjoni dettaljata wkoll fuq l-ammonti fl-għajnuna u l-imgħax diġà mħallas lura mill-benefiċjarji.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Ottubru 2014.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)  ĠU C 149, 25.5.2012, p. 5.

(2)  B'effett mill-1 ta' Diċembru 2009, l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE ġew sostitwiti mill-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Essenzjalment, iż-żewġ settijiet ta' Artikoli huma l-istess. Fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, ir-referenzi għall-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE, fejn xieraq. It-TFUE kien fih anki ċerti bidliet terminoloġiċi, bħas-sostituzzjoni ta' “Komunità” b' “Unjoni” u ta' “suq komuni” b' “suq uniku”. F'din id-deċiżjoni tintuża t-terminoloġija tat-TFUE.

(3)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.

(4)  Airport Marketing Services Limited hija sussidjarja 100 % ta' Ryanair. L-attività ewlenija tagħha hijaa li tbigħ l-ispazji għar-reklamar fuq is-sit web ta' Ryanair.

(5)  Ryanair issottomettiet kummenti konġunti fuq bosta kwistjonijiet marbutin mal-avazzjoni, inkluża l-għajnuna inkwistjoni.

(6)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3).

(7)  L-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KE u l-Artikolu 61 tal-Ftehim ŻEE għall-għajnuniet mill-Istat fis-Settur tal-Avjazzjoni (ĠU C 350, 10.12.1994, p. 5).

(8)  Linji Gwida tal-Komunità dwar l-iffinanzjar tal-ajruporti u l-għajnuna tal-bidu lil-linji tal-ajru li jitilqu minn ajruporti reġjonali (ĠU C 312, 9.12.2005, p. 1).

(9)  ĠU C 113, 15.4.2014, p. 30.

(10)  L-azzjonisti attwali ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH huma kif ġej: Id-Distrett Rurali tal-Altenburger Land (60 %), il-Muniċipalità ta' Nobitz (5 %), THÜSAC Personennahverkehrsgesellschaft mbH (3 %). L-azzjonisti kollha huma awtoritajiet pubbliċi jew huma awtoritajiet pubbliċi bi sjieda sħiħa. Il-kumpanija nfisha għandha 32 % mill-ishma tagħha. Sors: Ir-rapport finanzjarju tal-2012 ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Dan huwa l-iktar rapport riċenti li l-Ġermanja pprovdiet lill-Kummissjoni.

(11)  

Sors: Ir-rapport finanzjarju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u informazzjoni mill-Ġermanja.

(12)  

Sors: Ir-rapport finanzjarju ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH.

(13)  Skont il-Ġermanja, ma kien hemm ebda titjira ta' Ryanair bejn is-17 ta' Diċembru 2004 u l-11 ta' Jannar 2005. Fl-2006, l-operazzjonijiet ta' titjiriet kollha ġew interrotti għal ġimagħtejn minħabba xogħlijiet ta' bini.

(14)  Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-passiġġieri fuq servizzi tal-ajru skedati bejn l-2003 u l-2011 għandhom jiġu allokati għal titjiriet ta' Ryanair.

(15)  Studju dwar il-mitjar ta' Leipzig-Altenburg u ż-żona industrijali fl-inħawi, KE-Consult, Kurte & Esser GbR, Settembru 2010.

(16)  Sors: Rapport tal-maniġment ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH “Il-kunċett ta' żvilupp ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH” datat id-9 ta' Settembru 2011.

(17)  “Spariġġ tal-likwidità”.

(18)  Dan intwera fl-istudju ta' KE-Consult.

(19)  Sors: Rapport tal-maniġment ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH “Il-kunċett ta' żvilupp ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH” datat id-9 ta' Settembru 2011.

(20)  L-artikoli ta' inkorporazzjoni tal-operatur tal-ajruport jillimita l-injezzjoni annwali ta' kapital minn kull azzjonist għal ħames darbiet is-sehem tagħhom (l-Artikolu 24.3).

(21)  

Sors: Ir-rapporti annwali ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, fil-paġni li ġejjin:

 

Sena 2000: p. 28 u l-Anness 6, p. 20.

 

Sena 2001: p. 28 u l-Anness 6, p. 23.

 

Sena 2002: p. 28 u l-Anness 6, p. 21.

 

Sena 2003: p. 7 u l-Anness 6, p. 21.

 

Sena 2004: L-Anness 3, p. 5 u l-Anness 6, p. 19.

 

Sena 2005: L-Anness VI, paġna 13 u l-Anness III, paġna 19.

 

Sena 2006: L-Anness VI, paġna 12 u l-Anness III, paġna 15-16.

 

Sena 2007: L-Anness VI, paġna 13 u l-Anness III, paġna 15–16.

 

Sena 2008: L-Anness VI, paġna 12 u l-Anness III, paġna 15-16.

 

Sena 2009: L-Anness VI, paġna 15 u l-Anness III, paġna 14.

 

Sena 2010: L-Anness VI, paġna 15 u l-Anness III, paġna 14.

 

Sena 2011: L-Anness VI, paġna 13 u l-Anness III, paġna 14.

(22)  Dawn l-għotjiet tħallsu fil-parti l-kbira mil-Land ta' Thüringen, għad li jista' jkun li kien hemm istituzzjonijiet pubbliċi oħrajn li ħallsu għotjiet.

(23)  www.nachrichten.lvz-online.de: “Ryanair pulls out of all scheduled flights from Altenburg” (“Ryanair tneħħi t-titjiriet skedati kollha minn Altenburg”).

(24)  

Sors: Il-Ġermanja.

(25)  Sorsi proprji ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH.

(26)  Peress li dan l-ammont għadu qiegħed jiġi awditjat u kkontestat quddiem il-qorti amministrattiva reġjonali kompetenti, din iċ-ċifra tista' tinbidel.

(27)  Ammont li jista' jinbidel — ara n-nota f'qiegħ il-paġna 3.

(28)  B'mod partikolari, ir-rapport finanzjarju tal-2004 jiddikjara li r-runway ġiet estiża għaż-żona tal-manuvrar u tista' tilqa' fiha inġenji tal-ajru B 737-800. Skont il-kuntratt ta' bejn l-AOC u Ryanair, Ryanair kienet qiegħda tuża inġenji tal-ajru B 737-300 jew varjazzjonijiet oħrajn tal-B 737 fl-AOC.

(29)  

Sors: Ir-rapport finanzjarji annwali tal-Ġermanja u ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH.

(30)  Hekk kif turi d-dejta mir-rapporti annwali ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, l-introjtu/it-telf operatorju huwa kkalkolat bħala redditu operatorju, li minnu tnaqqsu l-għotjiet pubbliċi totali murijin fit-Tabella 2, nieqes in-nefqa operazzjonali diretta (persunal + materjali + nefqa mixxelanja).

(31)  Is-somom tal-investimenti elenkati fit-Tabella 4 ittieħdu mir-rapporti finanzjarji annwali ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH u jvarjaw mis-somom tal-investiment li pprovdew l-awtoritajiet Ġermaniżi fit-Tabella 3.

(32)  Il-profitt/telf finanzjarju nett jinkiseb mid-differenza bejn id-dħul finanzjarju u n-nefqa finanzjarja. Skont il-Ġermanja, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH ma kellha ebda selfa mill-bank tul il-perjodu kkonċernat; in-nefqa finanzjarja kienet marbuta l-iktar mal-imgħax imħallas fuq l-għotjiet li rċeviet fl-imgħoddi iżda li ma kinitx għadha użat.

(33)  Id-dejta li pprovdiet il-Ġermanja fit-Tabella 5 tvarja mid-dejta fit-Tabella 2 li pprovdiet Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH permezz tar-rapporti finanzjarji annwali.

(1)  

[…]*

Sigriet industrijali.

(34)  Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, il-kontijiet annwali sal-31 ta' Diċembru 2002, rapport annwali tal-2002, p. 4.

(35)  

Sors: Il-Ġermanja. Il-Ġermanja tosserva li l-kostijiet tas-servizzi pubbliċi jaqbżu l-ammonti elenkati fit-Tabella 6, iżda ma pprovdiet ebda informazzjoni oħra dwar l-ammont eżatt.

(36)  

Sors: Il-Ġermanja.

(37)  Il-prezzijiet fit-Tabelli 8 u 9 japplikaw għal inġenji tal-ajru inklużi f'lista separata (“lista bonus”). Dik il-lista fiha bosta tipi ta' inġenji tal-ajru kklassifikati skont il-proprjetajiet tekniċi b'rabta mal-emissjonijiet. L-iktar inġenji tal-ajru ekoloġiċi huma inklużi fil-lista u l-inġenji tal-ajru l-ġodda jiġu elenkati b'mod awtomatiku.

(38)  

Sors: Il-Ġermanja.

(39)  

Sors: Il-Ġermanja.

(40)  It-terminu użat bil-Ġermaniż għar-rotazzjonijiet ippjanati huwa “Linienflugbetrieb”.

(41)  

Sors: Il-Ġermanja.

(42)  Il-Kummissjoni tosserva li hemm diskrepanza bejn iċ-ċifra miktuba fi kliem u dik f'numri.

(43)  Il-Ġermanja ssottomettiet il-fattura għal Ġunju 2009 mibgħuta lil Ryanair minn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH. Minkejja t-talbiet ulterjuri li għamlet il-Kummissjoni, il-Ġermanja ma pprovdiet ebda informazzjoni addizzjonali fuq it-tariffi eżatti li ħallset Ryanair għal kull passiġġier u għal kull inġenju tal-ajru tul il-perjodu sħiħ ta' bejn l-2003 u l-2011.

(44)  Din hija lista ta' ċerti servizzi biss. L-Anness B fih lista sħiħa tas-servizzi.

(45)  Il-kuntratt jirreferi għal-lista tal-prezzijiet attwali ta' AMS.

(46)  L-istaġun tas-sajf tal-IATA beda fit-28 ta' Marzu 2010 u ntemm fit-30 ta' Ottubru 2010.

(47)  Is-sezzjoni 3.2 tal-kuntratt tal-25 ta' Jannar 2010 tagħti lil AMS il-faċilità li tipprovdi servizzi ta' kummerċjalizzazzjoni addizzjonali permezz ta' kuntratt bejn il-partijiet.

(48)  Skont il-Ġermanja, ġew investiti iktar minn EUR 16,5 miljun fl-iżvilupp taż-żona industrijali fejn bħalissa hemm impjegati madwar 250 ruħ f'żona ta' madwar 58 ettaru.

(49)  Il-pjan ta' żvilupp ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, id-9 ta' Settembru 2011.

(50)  Il-paragrafu 23 tar-Regolament dwar il-Baġit Reġjonali ta' Thüringen.

(51)  Il-Ġermanja pprovdiet eżempju ta' sussidju mogħti u mogħti fl-2009, li kien soġġett għal awditjar ex post u rkupru parzjali fl-2012.

(52)  Ara t-Tabella 3.

(53)  It-Thüringer Landeshaushaltsordnung fih dispożizzjonijiet li jirregolaw il-baġit tal-Land ta' Thüringen. It-Taqsima 23 tar-Regolament dwar il-Baġit jistabbilixxi r-rekwiżiti li jridu jiġu rrispettati sabiex tinkiseb għotja mill-baġit reġjonali. Il-Land ta' Thüringen jrid ikollu interess sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-proġett li għalih jitħallsu l-għotjiet u li ma jistgħux jiġu ssodisfati mingħajr l-għotjiet, jew għal kollox jew sal-punt meħtieġ. Il-prekundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfati sabiex tinkiseb għotja huma stipulati f'dettall ikbar fl-Allgemeine Nebenbestimmungen für Zuwendungen zur Projektförderung (ANBest-P) [Il-Kundizzjonijiet Anċillari Ġenerali li jirregolaw l-Għotjiet għall-Proġetti].

(54)  SA 16588 (N 644i/2002) — Il-Ġermanja — Il-bini jew l-estensjoni ta' ajruporti reġjonali.

(55)  Ara l-paragrafu (50)(a).

(56)  “Evalwazzjoni tal-plawżibbiltà tal-vijabbiltà ekonomika ta' Flugplatz Altenburg- Nobitz GmbH, filwaqt li jitqiesu l-Pjan ta' Direzzjoni tan-Negozju u l-Pjan Finanzjarju 2007 sal-2010” (31 ta' Awwissu 2007) u “Ir-rapport tal-fluss tal-flus tal-FAN għas-snin finanzjarji mill-2007 sal-2015” (16 ta' Novembru 2007) minn BDO — Deutsche Warentreuhand Aktiengesellschaft Wirtschaftsprüfungsgesellschaft; L-importanza u l-prospettivi ekonomiċi reġjonali tal-Ajruport ta' Altenburg-Nobitz, minn Prof. Dr Richard Klophaus (Settembru 2007); “Abbozz tal-Pjan 2011-2015: Pjan ta' Direzzjoni tan-Negozju, tal-Assi, Finanzjarju u tal-Investiment”, Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH (15 ta' Novembru 2007).

(57)  “L-importanza ekonomika reġjonali tal-Ajruport ta' Altenburg-Nobitz” tal-Prof. Dr Richard Klophaus (Settembru 2007).

(58)  Arbeitsgemeinschaft Deutscher Verkehrsflughäfen [Il-Grupp ta' Ħidma ta' Ajruporti Ġermaniżi].

(59)  Il-Ġermanja għaddiet il-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju mħejjija għas-snin 2000-2005 u l-addendi għall-pjan ta' direzzjoni tan-negozju mħejjija fis-sena ta' wara lill-Kummissjoni.

(60)  Il-metodu “single till” ifisser li l-profitti kollha, id-dħul marbut mal-avjazzjoni (tariffi tal-passiġġieri) u d-dħul mhux marbut mal-avjazzjoni (bħal kirjiet għal ħwienet fl-ajruport, imposti tal-ipparkjar) iridu jiġu kkunsidrati, u mhux biss in-numru ta' passiġġieri u t-tariffi tal-passiġġieri li jirriżultaw.

(61)  Il-Ġermanja tirreferi għas-sentenza f'Ryanair v Il-Kummissjoni, T-196/04, ECLI:EU:T:2008:585, paragrafu 59 (“Sentenza Cherleroi”).

(62)  “L-importanza ekonomika reġjonali tal-Ajruport ta' Altenburg-Nobitz” tal-Prof. Dr Richard Klophaus (Settembru 2007).

(63)  “Rapport tal-fatturat ta' Ryanair”. Din it-tabella tħejjiet minn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH fuq il-bażi tal-bosta suppożizzjonijiet f'termini tan-numru ta' titjiriet kuljum (1 sa 10) u l-fattur ta' tagħbija ta' passiġġieri (70 % sa 90 %).

(64)  Xenarju konservattiv b'titjira waħda kuljum

(65)  Il-Ġermanja tibbaża l-previżjonijiet tagħha fuq is-suppożizzjoni li l-inġenji tal-ajru użati minn Ryanair fl-2003 kellhom kapaċità tal-passiġġieri ta' 148 sit.

(66)  Dawn l-ammonti huma kif inhuma kkwotati fil-fattura tax-xahar mibgħuta lil Ryanair minn Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH f'Ġunju 2009. Għad li l-Kummissjoni talbitha tagħmel dan, il-Ġermanja ma pprovdiet ebda informazzjoni fuq it-tariffa fix-xahar pagabbli għal kull passiġġier u inġenju tal-ajru tul il-perjodu sħiħ mill-2003 sal-2001.

(67)  Il-Ġermanja pprovdiet numri differenti ta' passiġġieri minn dawk ikkwotati fir-rapporti finanzjarji tal-operatur tal-ajruport — ara t-Tabella 1.

(68)  Informazzjoni pprovduta mill-Ġermanja

(69)  Il-pjan ta' żvilupp ta' Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH, id-9 ta' Settembru 2011.

(70)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi l-proċedura, il-paragrafi 133 sa 134.

(71)  Ir-Regolament ta' Lliċenzjar tat-Traffiku tal-Ajru; ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura, il-paragrafu 134.

(72)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura, il-paragrafu 137.

(73)  Il-każ tal-għajnuna ta' Ryanair, imħejji minn kumpanija ta' konsulenza mqabbda minn Ryanair, id-9 ta' April 2013.

(74)  Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 50.

(75)  Il-każ tal-għajnuna ta' Ryanair, imħejji minn kumpanija ta' konsulenza mqabbda minn Ryanair, id-9 ta' April 2013.

(76)  Imħejjija għal Ryanair, l-10 ta' April 2013.

(77)  “Il-prezzijiet stabbiliti minn AMS huma konformi mar-rata tas-suq?”, imħejji għal Ryanair, l-20 ta' Diċembru 2013.

(78)  L-immaniġġjar tal-kuntratti ta' AMS fl-analiżi tal-profittabilità mwettqa bħala parti mit-test ta' investitur privat f'ekonomija tas-suq imħejji għal Ryanair, is-17 ta' Jannar 2014.

(79)  Skont rapport ta' York Aviation (2007) “Il-benefiċċji soċjali tal-linji tal-ajru low-cost fl-Ewropa”, Ryanair għamlet l-Ajruport ta' Eindhoven attraenti għal linji tal-ajru low-cost oħrajn bħala bażi operatorja.

(80)  Hawnhekk issir referenza partikolari għal rapport tal-Professur Damien p. McLoughlin (2013) mibgħu minn Ryanair fit-13 ta' April 2013 li jismu: “Kif tibni isem: għaliex u kif kumpaniji żgħar għandhom jinvestu fil-kummerċjalizzazzjoni”.

(81)  Kummissjoni Ewropea, għajnuna mill-Istat NN 72/2005 — Deutschland, Żieda ta' kapital BayernLB, paragrafi 27-29.

(82)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Lulju 2007 dwar proċedura taħt l-Artikolu 82 tat-Trattat tal-KE (Kawża COMP/38.784 — Wanadoo España v Telefónica), paragrafi 360 u 363.

(83)  www.airportmarketingservices.com.

(84)  ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1.

(85)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-05-58_en.htm.

(86)  Is-sentenza f'Il-Kummissjoni v L-Italja, C-35/96, ECLI:EU:C:1998:303; is-sentenza f'Höfner und Elser, C-41/90, ECLI:EU:C:1991:161; is-sentenza f'Fédération Française des Sociétés d'Assurances v Ministère de l'Agriculture et de la Pêche, C-244/94, ECLI:EU:C:1995:392; is-sentenza f'Job Centre, C-55/96, ECLI:EU:C:1997:603.

(87)  Is-sentenza f'Il-Kummissjoni v L-Italja, 118/85, ECLI:EU:C:1987:283; is-sentenza f'Il-Kummissjoni v L-Italja, 35/96, ECLI:EU:C:1998:303.

(88)  Is-sentenza f'Leipzig/Halle, speċjalment il-paragrafi 93-94; ikkonfermata fis-sentenza f'Mitteldeutsche Flughafen und Flughafen Leipzig-Halle v il-Kummissjoni, C-288/11 P 2012, ECLI:EU:C:2012:821; ara wkoll is-sentenza f'Aéroports de Paris v il-Kummissjoni, T-128/98, ECLI:EU:T:2000:290, ikkonfermata fis-sentenza f'Aéroports de Paris v il-Kummissjoni, C-82/01 P, ECLI:EU:C:2002:617 u s-sentenza f'Ryanair v il-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem imsejħa s-“sentenza Charleroi”), T-196/04, ECLI:EU:T:2008:585.

(89)  Is-sentenza f'Poucet v AGV u Pistre v Cancave, C-159/91 u C-160/91, ECLI:EU:C:1993:63.

(90)  Is-sentenza f'SAT Fluggesellschaft v Eurocontrol, C-364/92, ECLI:EU:C:1994:7.

(91)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 309/2002 tad-19 ta' Marzu 2003, Is-sigurtà fl-avjazzjoni — kumpens għall-ispejjeż imġarrbin wara l-attakki tal-11 ta' Settembru 2001.

(92)  Is-sentenza f'Cali & Figli v Servizi ecologici porto di Genova, C-343/95, ECLI:EU:C:1997:160; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 309/2002 tad-19 ta' Marzu 2003; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2002, N 438/2002, Għajnuna b'appoġġ tal-funzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi fis-settur tal-portijiet.

(93)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 309/2002 tad-19 ta' Marzu 2003

(94)  Ara b'mod partikolari s-sentenza f'SAT v Eurocontrol, C-364/92, ECLI:EU:C:1994:7, paragrafu 30, u s-sentenza f'Selex Sistemi Integrati v il-Kummissjoni, C-113/07 P, ECLI:EU:C:2009:191, paragrafu 71.

(95)  Ara, inter alia, is-sentenza f'Wolfgang Heiser v Finanzamt Innsbruck, C-172/03, ECLI:EU:C:2005:130, paragrafu 36 u l-ġurisprudenza ċċitata.

(96)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2014 fil-każ tal-għajnuna SA.35847 (2012/N) — Ir-Repubblika Ċeka — Ajruport Ostrava, għadu mhux ippubblikat fil-ĠU, premessa 16.

(97)  Is-Sezzjoni 27(d) nru 1 tal-Luftverkehrsgesetz. “Is-servizzi ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru u l-faċilitajiet ta' kontroll tat-traffiku tal-ajru meħtieġa għalihom għandhom ikunu disponibbli fl-ajruporti fejn il-Ministeru Federali għat-Trasport, il-Bini u l-Iżvilupp Urban jagħraf li hemm ħtieġa fuq il-bażi ta' motivi tas-sigurtà u interessi tal-politika tat-trasport”.

(98)  Is-sentenza fi Franza v il-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem: “Stardust Marine”), C-482/99 ECLI:EU:C:2002:294

(99)  Is-sentenza f'Nord-Pas-de-Calais, T-267/08 u T-279/08, ECLI:EU:T:2011:209, paragrafu 108.

(100)  Ara n-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

(101)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat KEE u l-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 80/723/KEE għal impriżi pubbliċi fis-settur tal-manifattura (ĠU C 307, 13.11.1993, p. 3), paragrafu 11. Dik il-komunikazzjoni tindirizza s-settur tal-manifattura, iżda tapplika għal setturi oħrajn ukoll. Ara wkoll is-sentenza f'Cityflyer, T-16/96, ECLI:EU:T:1998:78, paragrafu 51.

(102)  Ir-ripagamenti saru biss f'ċerti każijiet, li fihom ma ntużatx l-għotja pubblika speċifika kollha għall-investiment li kienet maħsuba għalih.

(103)  Sentenza f'Het Vlaamse Gewest V il-Kummissjoni, T-214/95, ECLI:EU:T:1998:77.

(104)  Is-sentenza fi Franza v il-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem: “Stardust Marine”), C-482/99 ECLI:EU:C:2002:294

(105)  Is-sentenza f'Nord-Pas-de-Calais, T-267/08 u T-279/08, ECLI:EU:T:2011:209, paragrafu 108.

(106)  Ara n-nota 10 f'qiegħ il-paġna.

(107)  Is-sentenza f'Syndicat français de l'Express international (SFEI) u oħrajn v La Poste u oħrajn, C-39/94Slg. ECLI:EU:C:1996:285, paragrafu 60 u s-sentenza fi Spanja v il-Kummissjoni, C-342/96, ECLI:EU:C:1999:210, paragrafu 41.

(108)  Is-sentenza f'L-Italja v il-Kummissjoni, 173/73, ECLI:EU:C:1974:71, paragrafu 13.

(109)  Is-sentenza fi Franza v il-Kummissjoni (“Stardust Marine”), C-482/99 ECLI:EU:C:2002:294, paragrafu 69.

(110)  Is-sentenza f'L-Italja v il-Kummissjoni (“Alfa Romeo”), C-305/89, ECLI:EU:C:1991:142, paragrafu 23; is-sentenza f'Alitalia v il-Kummissjoni, T-296/97, ECLI:EU:T:2000:289, paragrafu 84.

(111)  “Għotjiet li ma marrux tajjeb” — Ara l-komunikazzjoni mill-awtoritajiet Ġermaniżi datata t-30 ta' Marzu 2012.

(112)  Is-sentenza f'Il-Belġju v il-Kummissjoni, 40/85, ECLI:EU:C:1986:305.

(113)  Sentenza f'Het Vlaamse Gewest V il-Kummissjoni, T-214/95, ECLI:EU:T:1998:77.

(114)  Ara l-premessa 105.

(115)  Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (ĠU C 8, 11.1.2012, p. 4), Parti 2.1, u l-ġurisprudenza assoċjata, speċjalment Pavlov u oħrajn, C-180/98 sa C-184/98, ECLI:EU:C:2000:428.

(116)  Is-sentenza f'Il-Kummissjoni v L-Italja, 118/85, ECLI:EU:C:1987:283, paragrafu 7; is-sentenza f'Il-Kummissjoni v L-Italja, C-35/96, ECLI:EU:C:1998:303, paragrafu 36; Pavlov u oħrajn, paragrafu 75.

(117)  Ara http://corporate.ryanair.com/investors/biographies/, ikkonsultat fit-23 ta' Ġunju 2014.

(118)  Is-sentenza fi Franza v il-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem: “Stardust Marine”), C-482/99 ECLI:EU:C:2002:294.

(119)  Is-sentenza f'Nord-Pas-de-Calais, T-267/08 u T-279/08, ECLI:EU:T:2011:209, paragrafu 108.

(120)  Is-sentenza fi Stardust Marine, paragrafi 52 u 57.

(121)  Ibid

(122)  http://www.altenburg-tourismus.de/reiseveranstalter/pressemitteilungen.htm, Osterländer Volkszeitung tal-24. (sic). “Għaldaqstant issejjaħ lill-gvern reġjonali sabiex jinnegozja mill-iktar fis ma' Ryanair fuq l-introduzzjoni ta' tlieta sa ħames titjiriet skedati u, fl-istess ħin, li jżid ir-reklamar għat-turiżmu fil-pajjiżi fil-mira”.

(123)  Dresdner Neue Nachrichten tal-5.3.2003: “Fl-imgħoddi ntefqu sussidji ta' bosta miljuni ta' euro sabiex jiġi mmodernizzat l-ajruport reġjonali ta' Altenburg-Nobitz, li konsistentement ipprova jattira linja tal-ajru low-cost. In-negozjati ma' Ryanair damu bosta xhur. L-aħħar ostakolu kien l-oppożizzjoni persistenti tal-ministeri ta' Erfurt li ppruvaw jimblokkaw kwalunkwe stabbiliment bħal dan”.

(124)  http://www.radio-lotte.de/nachricht/14036: “It-Turinġja trid tuża investimenti li jiswew il-miljuni sabiex tiġbed il-linja tal-ajru low-cost Irlandiża Ryanair fl-Ajruport Altenburg-Nobitz. Skont Leipziger Volkszeitung, fond ta' madwar EUR 28 miljun huwa disponibbli minn programm infrastrutturali speċjali. Skont il-Ministru tat-Turinġja għall-Finanzi Schuster, il-ministeru għandu l-flessibbiltà li japprova l-miżuri meħtieġa qabel tispiċċa s-sena. Pereżempju, jekk Ryanair teħtieġ runway itwal, sejra tiġi pprovduta runway itwal. Jekk Ryanair tagħżel lil Altenburg-Nobotiz, Dresden u Leipzig/Halle jkunu f'riskju li jitilfu iktar passiġġieri. Dak li kien mitjar militari jinsab fin-nofs. S'issa, din is-sena, l-Ajruport ta' Dresden naqsulu 15 % u Leipzig/Halle naqslulu madwar 12 %.”

(125)  Landtag tat-Turinġja, ir-raba' perjodu leġiżlattiv, il-minuti tas-sessjoni plenarja 4/11, 28 ta' Jannar 2005, il-11-il seduta, il-Ġimgħa it-28 ta' Jannar 2005, Il-Prospettivi tal-Ajruport Altenburg-Nobitz, p. 1097.

(126)  http://www.neues-deutschland.de/artikel/161087.ein-flughafen-an-jeder-muelltonne.html: “Il-Kreistag diġà vvota li jħallas lil-linja tal-ajru low-cost Irlandiża Ryanair sussidju tal-kummerċjalizzazzjoni ta' EUR 670 000 biex tistabbilixxi rotta addizzjonali. ‘Mingħajr dik id-deċiżjoni, it-titjiriet skedati jkollhom prattikament jintemmu u l-ajruport jitlef l-importanza kollha’ huwa l-mod kif il-Kap Uffiċjal Distrettwali u l-president tal-bord superviżorju tal-operatur Flugplatz Altenburg-Nobitz GmbH iġġustifika l-injezzjoni tal-fondi. Rotta ta' darbtejn fil-ġimgħa lejn Alicante sejra tiżdied f'Marzu 2010 minbarra r-rotot attwali lejn u minn Stansted (Londra), Edinburgh (l-Iskozja) u Ġirona (Barċellona).

(127)  Ara l-premessa 32(d).

(128)  Is-sentenza f'Ryanair v il-Kummissjoni, T-196/04, ECLI:EU:T:2008:585, paragrafu 59 (“is-sentenza Cherleroi”).

(129)  Is-sentenza fi Franza v il-Kummissjoni, C-428/99, ECLI:EU:C:2002:294, paragrafu 71 (“is-sentenza fi Stardust Marine”).

(130)  Ara l-paragrafu 52.

(131)  Għall-ewwel ħames snin u inqas minn erba' rotazzjonijiet — ara t-Tabella 12.

(132)  “Marġni ta' profitt raġonevoli” għandha tinftiehem li tfisser rata normali ta' redditu fuq il-kapital maħruġ, jiġifieri rata ta' redditu li impriża tipika titlob għal investiment b'riskju simili. Ir-rata ta' redditu titkejjel bħala r-rata ta' redditu interna (IRR) għall-fluss tal-flus antiċipat iġġenerat mill-ftehim mal-linja tal-ajru.

(133)  Dan ma jipprekludix provvediment għat-tpaċija ta' telf tal-bidu kontra qligħ fil-ġejjieni tul it-terminu tal-ftehim.

(134)  Is-sentenza Cherleroi, paragrafu 59.

(135)  Ara l-paragrafu 99.

(136)  Ara t-Tabella 3 fil-paragrafu 38.

(137)  Peress li l-Kummissjoni ma rċiviet ebda disaggregazzjoni bejn l-2003 u l-2004, assumiet li nofs ir-riżorsi proprji (EUR 187 882) tħallsu f'kull sena.

(138)  Fl-2003 intlaħaq qbil fuq rotta waħda skedata bejn Stansted Londra u Altenburg.

(139)  Il-kuntratt jippermetti […]* għall-ewwel ħames snin, jiġifieri d-data ta' skadenza taħbat fit-30 ta' April 2008. Imbagħad, it-tariffa żdiedet għal […]* għall-perjodu ta' bejn l-1 ta' Mejju 2008 u t-30 ta' April 2013. Medja ponderata tagħti […]* għall-2008 sħiħa.

(140)  Minkejja bosta talbiet mingħand il-Kummissjoni, il-Ġermanja ma pprovdiet ebda dejta fuq dħul mhux marbut mal-avjazzjoni determinat ex ante u rreferiet għat-Tabella 13 — ara l-paragrafu (99).

(141)  Dejta pprovduta mill-Ġermanja. In-numru ta’ passiġġieri jikkorrispondi għad-dejta fit-Tabella 1.

(142)  Il-Ġermanja tiċċita kapaċità tal-inġenji tal-ajru ta' 148 sit fit-tabella tagħha datata t-22 ta' April 2003.

(143)  Il-Kummissjoni sejra tibbaża l-kalkoli kollha fuq sena standard ta' 365 jum.

(144)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6). It-tabelli assoċjati fuq ir-rati ta' referenza u ta' skont għall-Istati Membri tal-UE15 (mill-1.8.1997 sal-1.5.2004).

(145)  Possibbiltà oħra kienet tkun li ssir l-analiżi għall-perjodu ta' bejn it-28 ta' Awwissu 2008 u s-27 ta' Awwissu 2010 (it-terminu propju tal-kuntratt). Peress li s-suppożizzjonijiet kollha baqgħu l-istess, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel analiżi tul is-sentejn mingħajr speċifikazzjoni ulterjuri. Dan jissimplifika l-analiżi u jagħti l-istess riżultat.

(146)  Dakinhar li ġie ffirmat it-tieni kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni (fit-28 ta' Awwissu 2008), l-imposta netta pagabbli minn Ryanair lill-AOC kienet ta' EUR[…]*, peress li n-numru ta' rotazzjonijiet ma qabiżx l-erbgħa.

(147)  Fl-2003 intlaħaq qbil fuq rotta waħda skedata bejn Stansted Londra u Altenburg.

(148)  Kif stipulat fin-nota 48 f'qiegħ il-paġna, l-istaġun tas-sajf tal-IATA jdum seba' xhur u l-istaġun tax-xitwa jieħu ħames xhur.

(149)  Il-fattur ta' tagħbija kkwotat fil-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2008.

(150)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta' referenza u ta' skont (ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6). It-tabelli assoċjati fuq ir-rati ta' referenza u ta' skont għall-Istati Membri tal-UE27 (mill-1.7.2008 sat-30.6.2013).

(151)  Dakinhar li ġie ffirmat it-tielet kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni (fit-25 ta' Jannar 2010), it-tariffa netta pagabbli minn Ryanair lill-AOC kienet ta' EUR[…]*, peress li n-numru ta' rotazzjonijiet ma qabiżx l-erbgħa.

(152)  Fl-2003 intlaħaq qbil fuq rotta waħda skedata bejn Stansted Londra u Altenburg.

(153)  Il-fattur ta' tagħbija kkwotat fil-kuntratt ta' kummerċjalizzazzjoni tal-2010.

(154)  Is-sentenza f'Philip Morris, 730/79, ECLI:EU:C:1980:209, paragrafu 11.

(155)  Is-sentenza f'Het Vlaamse Gewest V il-Kummissjoni, T-214/95, ECLI:EU:T:1998:77, paragrafu 46.

(156)  Ara r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 2407/92 (ĠU L 240, 28.8.1992, p. 1), (KEE) Nru 2408/92 (ĠU L 240, 28.8.1992, p. 8) u (KEE) Nru 2409/92 (ĠU L 240, 28.8.1992, p. 15).

(157)  Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Kummissjoni tista' tiddikjara li miżura ta' għajnuna hija kompatibbli mas-suq intern biss jekk tkun neċessarja sabiex jinkiseb objettiv legali (ara, pereżempju, is-sentenzi f'Philipp Morris, 730/79; Nuova Agricast, C-390/06; Kronoply, T-162/06).

(158)  Ara l-paragrafu 96.

(159)  Ara n-nota 34 f'qiegħ il-paġna.

(160)  Opinjoni aġġornata fuq il-previżjonijiet tad-domanda għall-Ajruport Kassel-Calden, Intraplan Consult GmbH, it-12 ta' Marzu 2012, p. 8.

(161)  Ara n-nota 34 f'qiegħ il-paġna.

(162)  Il-Ġermanja pprovdiet pjanijiet annwali ta' direzzjoni tan-negozju għall-perjodu 2000-2005 flimkien mal-addendi għal dawk il-pjanijiet.

(163)  Il-paragrafu 172 tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni

(164)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru (ĠU C 99, 4.4.2014, p. 3), paragrafu 104.

(165)  Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru, paragrafu 137.

(166)  Ara l-premessa 43.

(167)  Il-Ġermanja pprovdiet lill-Kummissjoni bil-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju għas-snin 2000 sal-2005, flimkien mal-addendi għall-pjanijiet ta' direzzjoni tan-negozju għas-snin 2002 sal-2005.

(168)  Ara l-premessa 34.

(169)  Il-premessa 174 tal-Linji Gwida tal-2014 dwar l-Avjazzjoni.

(170)  Is-sentenza f'Il-Kummissjoni v Il-Ġermanja, 70/72, ECLI:EU:C:1973:87, paragrafu 13.

(171)  Is-sentenza fi Spanja v Il-Kummissjoni, C-278/92, C-279/92 u C-280/92, ECLI:EU:C:1994:325, paragrafu 75.

(172)  Is-sentenza f'Il-Belġju v il-Kummissjoni, C-75/97, ECLI:EU:C:1999:311, paragrafi 64-65.

(173)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

(174)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta' April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat (ĠU L 140, 30.4.2004, p. 1).

(175)  Ara l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.


Top