Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0077

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/77 tat-18 ta' Jannar 2016 li tikkonferma l-pożizzjoni meħuda f'isem l-Unjoni Ewropea fl-10 Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-kompetizzjoni fl-esportazzjoni u kwistjonijiet ta' żvilupp

ĠU L 16, 23.1.2016, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/77/oj

23.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 16/23


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/77

tat-18 ta' Jannar 2016

li tikkonferma l-pożizzjoni meħuda f'isem l-Unjoni Ewropea fl-10 Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-kompetizzjoni fl-esportazzjoni u kwistjonijiet ta' żvilupp

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91, 100 u 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni tagħti importanza kbira ferm lill-funzjonament u t-tisħiħ progressiv tas-sistema kummerċjali multilaterali. F'dan ir-rigward, waqt li l-Unjoni kienet immirat lejn eżitu komprensiv fir-rigward taċ-Ċiklu ta' Doha fl-10 Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'Nairobi, il-Membri tad-WTO laħqu kunsens biss dwar ġabra aktar limitata ta' kwistjonijiet: il-kompetizzjoni fl-esportazzjoni fil-qasam tal-agrikoltura u kwistjonijiet ta' żvilupp ta' interess partikolari għal dawk il-Membri tad-WTO rikonoxxuti bħala pajjiżi membri l-anqas żviluppati (LDCs, least developed countries).

(2)

Id-dixxiplina fl-użu ta' miżuri ta' appoġġ għall-esportazzjoni agrikola hija talba li ilha pendenti minn bosta Membri tad-WTO interessati sabiex jipprovdu livell wieħed ta' kundizzjonijiet għal kummerċjanti u hija element ewlieni taċ-Ċiklu ta' Doha. Il-mira tal-Unjoni tal-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO kienet li jinkiseb eżitu komprensiv u bilanċjat fir-rigward ta' kull forma ta' għajnuna għall-esportazzjoni fl-agrikoltura (jiġifieri sussidji għall-esportazzjoni, krediti għall-esportazzjoni, intrapriżi agrikoli statali kummerċjali li jesportaw u għajnuna alimentari), mhux limitata għas-sussidji għall-esportazzjoni biss, f'konformità mal-abbozz tal-modalitajiet agrikoli (TN/AG/W/4/Rev.4) tad-WTO kif aġġornat permezz tal-proposta konġunta tal-Unjoni u ta' numru ta' pajjiżi datata s-16 ta' Novembru 2015 (JOB/AG/48).

(3)

L-iżvilupp huwa fil-qalba tan-negozjati kummerċjali taċ-Ċiklu ta' Doha, u diversi kwistjonijiet, inklużi l-implimentazzjoni tat-trattament preferenzjali favur il-fornituri tas-servizzi tal-LDCs, regoli preferenzjali tal-oriġini għall-LDCs u l-qoton, kienu s-suġġett ta' negozjati attwalment għaddejjin fid-WTO.

(4)

Id-Deċiżjoni dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini għall-pajjiżi l-anqas żviluppati meħuda fid-disa' Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Bali (WT/MIN (13)/42) tistipula li r-regoli preferenzjali tal-oriġini għandhom ikunu trasparenti, sempliċi u oġġettivi kemm jista' jkun possibbli. Il-proposta mressqa mill-Grupp LDC (JOB/TNC/53) kellha l-mira li tikseb eżiti vinkolanti fl-oqsma kollha koperti minn dik id-Deċiżjoni. B'kunsiderazzjoni għall-iskema unilaterali eżistenti tal-Unjoni dwar regoli preferenzjali tal-oriġini, fl-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO l-Unjoni appoġġat dawk l-eżiti li ma jmorrux lil hinn mis-sett ambizzjuż attwali tar-regoli preferenzjali fl-Unjoni u huma vinkolanti għall-Membri kollha tad-WTO.

(5)

Jinħtieġ li tiġi kkonfermata l-pożizzjoni meħuda f'isem l-Unjoni fl-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO fir-rigward tal-kompetizzjoni fl-esportazzjoni u kwistjonijiet ta' żvilupp,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni meħuda f'isem l-Unjoni fl-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO fir-rigward tad-Deċiżjonijiet tad-WTO dwar il-kompetizzjoni fl-esportazzjoni (WT/MIN(15)/45) u kwistjonijiet ta' żvilupp (WT/MIN(15)/46, WT/MIN(15)/47, WT/MIN(15)/48) hija b'dan ikkonfermata.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Jannar 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

A.G. KOENDERS


Top