Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016A0604(02)

    Opinjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2016 dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-impjant tal-enerġija nukleari KKB, li jinsab fi Brunsbüttel, Schleswig-Holstein, il-Ġermanja

    C/2016/3195

    ĠU C 199, 4.6.2016, p. 3–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    4.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 199/3


    OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

    tat-2 ta’ Ġunju 2016

    dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-impjant tal-enerġija nukleari KKB, li jinsab fi Brunsbüttel, Schleswig-Holstein, il-Ġermanja

    (it-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku)

    (2016/C 199/02)

    Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li trid titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u minn leġiżlazzjoni sekondarja (1).

    Fit-28 ta’ Awwissu 2015, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Ġermaniż, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, Dejta Ġenerali rigward il-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv li jirriżulta miż-żarmar tal-impjant tal-enerġija nukleari KKB.

    Abbażi ta’ din id-dejta u tal-informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni fl-10 ta’ Novembru 2015 u pprovduti mill-awtoritajiet Ġermaniżi fid-9 ta’ Frar 2016, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

    1.

    Id-distanza bejn is-sit ta’ Brunsbüttel u l-eqreb fruntiera ma’ Stat Membru ieħor, f’dan il-każ id-Danimarka, hija 100 km.

    2.

    F’kundizzjonijiet ta’ tħaddim normali, ir-rilaxx ta’ effluwenti likwidi u gassużi radjuattivi x’aktarx li ma jirriżultax f’esponiment li jkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, għall-popolazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor fir-rigward tal-limiti tad-dożi stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza l-ġodda (mogħtija fid-Direttiva 2013/59/Euratom).

    3.

    Skart solidu radjuattiv jinħażen temporanjament fis-sit qabel ma jiġi ttrasportat lejn faċilitajiet liċenzjati ta’ trattament jew ta’ rimi li jinsabu fil-Ġermanja.

    F’konformità mal-livelli ta’ approvazzjoni, l-iskart solidu u l-fdalijiet materjali mhux radjuattivi, jiġu rilaxxati mill-kontroll regolatorju għar-rimi bħala skart konvenzjonali, għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ. Dan se jsir f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza ġodda (mogħtija fid-Direttiva 2013/59/Euratom).

    4.

    F’każ ta’ ħruġ mhux ippjanat ta’ effluwenti radjuattivi, li jista’ jirriżulta minn xi aċċidenti tat-tip u tad-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li x’aktarx jilħqu lill-popolazzjoni ta’ Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mil-lat tas-saħħa fir-rigward tal-livelli ta’ referenza stabbiliti fl-Istandards Bażiċi tas-Sikurezza l-ġodda (mogħtija fid-Direttiva 2013/59/Euratom).

    Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta’ skart radjuattiv fi kwalunkwe għamla, li joriġina miż-żarmar tal-impjant tal-enerġija nukleari Brunsbüttel KKB, li jinsab fi Schleswig-Holstein, il-Ġermanja, kemm waqt it-tħaddim normali kif ukoll fil-każ ta’ aċċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x’aktarx li ma tirriżultax f’kontaminazzjoni radjuattiva, li tkun sinifikanti mil-lat tas-saħħa, tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta’ Stat Membru ieħor skont id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Istandards Bażiċi ta’ Sikurezza l-ġodda (id-Direttiva 2013/59/Euratom).

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Miguel ARIAS CAÑETE

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Pereżempju, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-aspetti ambjentali għandhom jiġu vvalutati aktar. B’mod indikattiv, il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/92/UE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, id-Direttiva 2001/42/KE dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent, kif ukoll id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva 2000/60/KE li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma.


    Top