EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2461

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2461 tat-30 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 110/2014 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 342, 29.12.2015, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019; Impliċitament imħassar minn 32019R0887

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2461/oj

29.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2461

tat-30 ta' Ottubru 2015

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 110/2014 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (1), u partikolarment l-Artikolu 209 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 547/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) kien akkumpanjat minn dikjarazzjoni konġunta dwar il-kwittanza separata għall-Impriżi Konġunti skont l-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. F'konformità ma' dik id-dikjarazzjoni, ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) allinja r-regoli dwar l-awditjar estern u l-kwittanza applikabbli għall-korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (minn hawn 'il quddiem “korpi PPP”) ma' dawk applikabbli għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012. Estenda wkoll in-nonapplikazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 5 u 6 tal-Artikolu 60 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għall-korpi PPP.

(2)

Billi l-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ta' kull korp tal-PPP għandha tingħata mill-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill, lid-direttur tal-korp PPP, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 (4) li jirrigwardaw l-obbligi ta' rappurtar tal-korpi PPP u għall-proċedura ta' kwittanza għandhom ikunu konsistenti mad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (5). B'mod partikolari, hu meħtieġ li jiġi introdott l-obbligu għal kull korp PPP li jipprovdi rapport annwali tal-attività konsolidat li jinkludi informazzjoni komprensiva dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma tiegħu, il-baġit, il-pjan ta' politika tal-persunal, il-ġestjoni tiegħu u s-sistemi interni ta' kontroll. Barra minn hekk, il-proċedura biex jitfasslu l-kontijiet provviżorji u l-approvazzjoni tal-kontijiet finali tal-korpi PPP għandhom jiġu allinjati ma' dawk stipulati fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013.

(3)

F'konformità mal-obbligu l-ġdid introdott fl-Artikolu 209(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, li jirrikjedi li awditur estern indipendenti jivverifika li l-kontijiet annwali tal-korp PPP, id-dispożizzjonijiet fir-Regolament Delegat (UE) Nru 110/2014 għandhom jiġu allinjati mad-dispożizzjonijiet korrispondenti fir-Regolament Delegat (UE) Nru 1271/2013.

(4)

Fl-għoti tal-kuntratti, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 (6), suġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika tal-istrument kostitwenti tal-korp PPP jew tal-att bażiku tal-programm li l-implimentazzjoni tiegħu hija fdata lil korp PPP sabiex tkun żgurata implimentazzjoni koerenti ma' azzjonijiet li huma amministrati direttament mill-Kummissjoni.

(5)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sabiex tkun tista' ssir l-adozzjoni f'waqtha tar-regoli finanzjarji riveduti tal-korpi PPP fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tagħhom fl-1 ta' Jannar 2016, u b'hekk tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-rekwiżiti l-ġodda tal-awditjar estern għall-awditjar tal-kontijiet annwali tal-korpi PPP għall-2016,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 110/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu huwa mibdul b'dan li ġej:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-prinċipji essenzjali abbażi ta' liema, il-korp ta' Sħubija Pubblika-Privata (minn hawn 'il quddiem 'korp PPP') għandu jadotta r-regoli finanzjarji tiegħu. Ir-regoli finanzjarji tal-korp PPP ma għandhomx jitbiegħdu minn dan ir-Regolament għajr meta l-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu jirrikjedu dan u bil-kunsens bil-quddiem tal-Kummissjoni skont ir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 209(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012”;

(2)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 4 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“4.   L-uffiċjal awtorizzanti jikkonserva d-dokumenti ta' sostenn b'rabta mal-operazzjonijiet imwettqa matul perjodu ta' ħames snin mid-data tad-deċiżjoni meta ngħatat kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-PPP għas-sena kkonċernata. Dejta personali li tinsab f'dokumenti ta' prova titħassar fejn possibbli meta din id-dejta ma tkunx meħtieġa għal skopijiet ta' kontroll u awditjar. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 37(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 japplika f'dak li jirrigwarda l-konservazzjoni tad-dejta tat-traffiku.”;

(3)

L-Artikolu 20 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 20

Rappurtar Annwali

1.   L-uffiċjal awtorizzanti jirrapporta lill-bord regolatorju dwar it-twettiq tad-doveri tiegħu fil-forma ta' rapport tal-attività annwali kkonsolidat li fih:

(a)

informazzjoni dwar:

(i)

l-implimentazzjoni tal-programm ta' ħidma annwali, il-baġit u r-riżorsi umani tal-PPP;

(ii)

is-sistemi ta' ġestjoni u kontroll intern inkluż sommarju tal-għadd u t-tip ta' awditjar intern imwettqa mill-awditur intern, il-kapaċitajiet ta' awditjar intern, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula u l-azzjoni li ttieħdet dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet u dwar ir-rakkomandazzjonijiet ta' snin preċedenti, kif imsemmi fl-Artikoli 26 u 28;

(iii)

kwalunkwe osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri u l-azzjonijiet meħuda dwar dawk l-osservazzjonijiet;

(iv)

il-kontijiet u r-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja mingħajr ħsara għall-Artikoli 39, 41 u 42.

(b)

dikjarazzjoni tal-uffiċjal awtorizzanti li jiddikjara jekk huwa għandux assigurazzjoni raġonevoli li sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fi kwalunkwe riservi marbuta ma' oqsma definti ta' dħul u nefqa:

(i)

l-informazzjoni li hemm fir-rapport tippreżenta stampa vera u ġusta;

(ii)

ir-riżorsi assenjati lill-attivitajiet deskritti fir-rapport intużaw għall-finijiet intenzjonati tagħhom u f'konformità mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzarja tajba;

(iii)

il-proċeduri ta' kontroll stabbiliti jagħtu l-garanziji neċessarji fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

Ir-rapport ta' attivita' annwali kkonsolidat jindika r-riżultati tal-operazzjonijiet b'referenza għall-objettivi stabbiliti, ir-riskji assoċjati mal-operazzjonijiet, l-użu li jkun sar mir-riżorsi provduti u l-effiċjenza u l-effikaċja tas-sistemi ta' kontroll intern, inkluża valutazzjoni ġenerali tal-kostijiet u tal-benefiċċji tal-kontrolli.

Ir-rapport annwali kkonsolidat jiġi ppreżżentat lill-bord ta' tmexxija għall-valutazzjoni.

2.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju ta' kull sena, il-bord ta' tmexxija għandu jibgħat ir-rapport konsolidat tal-attività tiegħu flimkien mal-valutazzjoni tiegħu lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Rekwiżiti ta' rapportar addizzjonali jistgħu jkunu stabbiliti skont l-istrument kostitwenti f'każijiet ġustifikati kif xieraq, b'mod partikolari meta dan ikun meħtieġ min-natura tal-qasam li fiha jopera l-korp.”;

(4)

fl-Artikolu 33, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Fir-rigward tal-akkwisti, it-Titolu V tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 għandhom japplikaw bla ħsara għall-paragrafi 3 sa 6 ta' dan l-Artikolu u kwalunkwe dispożizzjoni speċifika tal-istrument kostitwenti jew l-att bażiku tal-programm ta' implimentazzjoni li hija fdata lill-korp PPP.”;

(5)

L-Artikolu 35 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 35

Għotjiet

Fir-rigward tal-għotjiet, it-Titolu VI tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 u r-Regolament Delegat (UE) Nru 1268/2012 japplikaw suġġett għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika tal-istrument kostitwenti jew l-att bażiku tal-programm ta' implimentazzjoni li hija fdata lill-korp PPP.”;

(6)

Fl-Artikolu 39, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Fejn il-kontijiet tal-korp PPP jiġu kkonsolidati f'konformità mar-regoli tal-kontabilità msemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, il-korp PPP jibgħat ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu tas-sena finanzjarja ta' wara,”;

(7)

L-Artikolu 43 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 43

Kontijiet provviżorji u l-approvazzjoni tal-kontijiet finali

1.   Fejn il-kontijiet tal-korp PPP għandhom jiġu kkonsolidati f'konformità mar-regoli tal-kontabilità msemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-uffiċjali tal-kontabilità tal-korp PPP għandu jibgħat il-kontijiet proviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu tas-sena segwenti.

Fil-każ imsemmi fl-ewwel subparagfrafu, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu tas-sena ta' wara l-uffiċjali tal-kontabilità tal-korp PPP għandu jibgħat ukoll pakkett ta' rapporti lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, f'format standardizat kif stabbilit mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' konsolidazzjoni.

2.   Il-Qorti tal-Awdituri għandha tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-kontijiet proviżorji tal-korp PPP mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju tas-sena ta' wara.

Malli jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji, l-uffiċjal tal-kontabilità għandu jfassal il-kontijiet finali tal-korp PPP. Id-direttur għandu jibgħat il-kontijiet finali lill-bord ta' tmexxija li għandu joħroġ opinjoni fuqhom.

Fejn il-kontijiet tal-korp PPP huma meħtieġa jiġu kkonsolidati f'konformità mar-regoli tal-kontabilità msemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-uffiċjal tal-kontabilità jibgħat il-kontijiet finali u l-opinjoni tal-bord regolatorju lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, sal-1 ta' Lulju tas-sena finanzjarja ta' wara. F'tali każ l-uffiċjal tal-kontabilità tal-korp PPP, sal-1 ta' Lulju, għandu jibgħat ukoll pakkett ta' rapporti lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni f'format standardizzat kif stabbilit mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għall-finijiet ta' konsolidazzjoni.

Fejn il-kontijiet tal-korp PPP huma meħtieġa li jiġu kkonsolidati f'konformità mar-regoli tal-kontabilità msemmija fl-Artikolu 143 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-korp PPP jibgħat ukoll, fl-istess data tat-trażmissjoni tal-kontijiet finali, ittra ta' rappreżentazzjoni li tkopri dawn il-kontijiet finali lill-Qorti tal-Awdituri, b'kopja lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni.

Il-kontijiet finali jkunu akkumpanjati minn nota maħruġa mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, li fiha dan tal-aħħar jiddikjara li l-kontijiet finali kienu ppreparati skont dan il-kapitolu u skont il-prinċipji, ir-regoli u l-metodi tal-kontabilità applikabbli.

Il-kontijiet finali tal-korp PPP jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta' Novembru tas-sena segwenti.

Id-Direttur tal-korp PPP għandu jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri risposta għall-osservazzjonijiet li hija tkun għamlet sa mhux iktar tard mit-30 ta' Settembru tas-sena ta' wara. Ir-risposti tal-PPP għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni, fl-istess waqt.”;

(8)

l-intestatura tal-Kapitolu 9 tiġi sostitwita b'dan li ġej:

“KAPITOLU 9

AWDITJAR ESTERN, KWITTANZA U L-ĠLIEDA KONTRA L-FRODI”;

(9)

L-Artikoli 46 u 47 jinbidlu b'dan li ġej:

“Artikolu 46

Awditjar estern

1.   Awditur estern indipendenti għandu jivverifika li l-kontijiet annwali tal-korp PPP, jippreżentaw b'mod xieraq l-introjtu, in-nefqa u l-qagħda finanzjarja tal-korp PPP qabel il-konsolidazzjoni fil-kontijiet finali tal-korp PPP.

Sakemm ma jkunx ipprovdut xort'oħra fl-istrument kostitwenti, il-Qorti tal-Awdituri tħejji rapport annwali speċifiku dwar il-korp PPP skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 287(1) tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Fit-tħejjija tar-rapport, il-Qorti għandha tikkunsidra x-xogħol ta' awditjar imwettaq mill-awditur indipendenti estern msemmi fl-ewwel subparagrafu u l-azzjoni meħuda bi tweġiba għas-sejbiet tiegħu jew tagħha.

2.   Il-korp PPP jibgħat lill-Qorti tal-Awdituri l-baġit tal-korp PPP, kif adottat definittivament. Huwa għandu jgħarraf lill-Qorti tal-Awdituri, mill-aktar fis, b'kull deċiżjoni u b'kull att addottati skont l-Artikoli 6, 7 u 10.

3.   L-iskrutinju mwettaq mill-Qorti tal-Awdituri jkun irregolat bl-Artikoli 158 sa 163 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 47

Skeda għall-proċedura ta' kwittanza

1.   Għajr fejn provdut xort'oħra fl-istrument kostitwenti, qabel il-15 ta' Mejju tas-sena n+2, il-Parlament Ewropew, fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill, għandu jagħti kwittanza lid-direttur fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena n. Id-Direttur jinforma lill-bord ta' tmexxija bl-osservazzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jinsabu fir-riżoluzzjoni li takkumpanja d-deċiżjoni ta' kwittanza.

2.   Jekk l-iskadenza prevista fil-paragrafu 1 ma tistax tintlaħaq, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jgħarraf lid-direttur dwar ir-raġuni għaliex kien hemm posponiment.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jipposponi d-deċiżjoni li tagħti kwittanza, id-direttur, bil-kooperazjoni tal-bord ta' tmexxija, għandu jagħmel kull sforz biex, mill-aktar fis possibbli, jieħu miżuri sabiex ineħħi jew jiffaċilita t-tneħħija tal-ostakoli għal dik id-deċiżjoni.”

(10)

għandhom jiddaħħlu l-Artikoli 47a u 47b li ġejjin:

“Artikolu 47a

Proċedura ta' kwittanza

1.   Id-deċiżjoni ta' kwittanza tkopri l-kontijiet tad-dħul u n-nefqa kollha tal-korp PPP, u turi l-bilanċ li jirriżulta u l-assi u l-obligazzjonijiet tal-korp PPP murija fir-rendikont finanzjarju.

2.   Bit-tir li jikkonċedi l-kwittanza, il-Parlament Ewropew għandu jeżamina l-kontijiet u r-rendikonti finanzjarji tal-korp PPP, wara li jkun għamel dan il-Kunsill. Huwa għandu jeżamina wkoll ir-rapport annwali imfassal mill-Qorti tal-Awdituri, flimkien mat-tweġibiet tad-direttur tal-korp PPP, kull rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri li għandu x'jaqsam mas-sena finanzjarja kkonċernata u mar-rendikont ta' assigurazzjoni tal-Qorti tal-Awditrui rigward l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalita u r-regolarita tat-tranżazzjonijiet sottostanti.

3.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, id-direttur jippreżentalu kull informazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta' kwittanza għas-sena finanzjarja inkwistjoni, kif provdut fl-Artikolu 165(3) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012.

Artikolu 47b

Miżuri ta' segwitu

1.   Id-direttur jieħu l-passi xierqa biex jaġixxi fuq l-osservazzjonijiet li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta' kwittanza tal-Parlament Ewropew u fuq il-kummenti li jkunu mar-rakkomandazzjoni għall-kwittanza adottata mill-Kunsill.

2.   Fuq it-talba tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, id-direttur jirrapporta fuq il-miżuri meħuda fid-dawl tal-osservazzjonijiet u tal-kummenti msemmija fil-paragrafu 1. Id-direttur jibgħat kopja tar-rapport lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri.”;

(11)

fl-Artikolu 48, il-paragrafu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-korp PPP għandu jagħti lill-persunal tal-Kummissjoni u lill-persuni l-oħra awtorizzati minnha, flimkien mal-Qorti tal-Awdituri, aċċess għas-siti u l-binjiet tiegħu u għall-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni f'forma elettronika, meħtieġa sabiex jagħmlu l-awditi tagħhom.”;

(12)

L-Artikolu 50 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 50

Adozzjoni tar-regoli finanzjarji tal-korp PPP

1.   Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, kull PPP imsemmi fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 għandu jadotta regoli finanzjarji ġodda fi żmien disa' xhur mid-data li fiha korp PPP jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 209 ta' dak ir-Regolament.

2.   Kull korp PPP imsemmi fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 li diġà adotta r-regoli finanzjarji tiegħu skont dan ir-Regolament għandu jirrevedihom fid-dawl tad-dħul fis-seħħ tagħhom fl-1 ta' Jannar 2016.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Ottubru 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE Euratom) Nru 547/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 ir-Regolament emendatorju (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 163, 29.5.2014, p. 18).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2015/1929 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Ottubru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 286, 30.10.2015, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar ir-regolament finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1).


Top