EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1538

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1538 tat-23 ta' Ġunju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni, ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera u l-prova ta' raffinar ta' prodotti taz-zokkor bil-kodiċi NM 1701 skont ftehimiet preferenzjali, għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 2015/2016 u 2016/2017 u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 891/2009

ĠU L 242, 18.9.2015, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1538/oj

18.9.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1538

tat-23 ta' Ġunju 2015

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni, ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera u l-prova ta' raffinar ta' prodotti taz-zokkor bil-kodiċi NM 1701 skont ftehimiet preferenzjali, għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 2015/2016 u 2016/2017 u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 891/2009

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 177(1)(b), l-Artikolu 177(2)(a), (b), u (e), u l-Artikolu 192(4) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (2) u stabbilixxa regoli speċifiċi għall-importazzjoni u r-raffinar ta' prodotti taz-zokkor. B'rabta ma' dan, ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti delegati u ta' implimentazzjoni. Sabiex ikun żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-sistema għall-importazzjoni u r-raffinar ta' prodotti taz-zokkor bil-kodiċi NM 1701 skont ftehimiet preferenzjali fil-qafas legali l-ġdid, ċerti regoli għandhom jiġu adottati permezz ta' atti bħal dawn. Ir-regoli l-ġodda għandhom jieħdu post ir-regoli ta' implimentazzjoni preskritti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 828/2009 (3) li se jiskadi fit-30 ta' Settembru 2015.

(2)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-importazzjonijiet skont ftehimiet preferenzjali, tiġi evitata l-ispekulazzjoni u biex jippermettu r-reġim speċifiku ta' importazzjoni għal zokkor għar-raffinar kif stipulat bl-Artikolu 192 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandhom ikomplu japplikaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati meta ssir applikazzjoni għal liċenzji ta' importazzjoni għal importazzjonijiet skont tali ftehimiet preferenzjali.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 (4) għandu japplika għal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont dan ir-Regolament, ħlief fejn stipulat mod ieħor f'dan ir-Regolament.

(4)

Sabiex jiġu evitati l-ispekulazzjonijiet jew il-bejgħ ta' liċenzji tal-importazzjoni u sabiex ikun żgurat li l-applikant għandu kuntatti kummerċjali mal-pajjiż terz li jesporta, l-applikazzjonijiet għal-liċenzja tal-importazzjoni għandhom jintbagħtu flimkien ma' dokument tal-esportazzjoni maħruġ minn awtorità kompetenti tal-pajjiż terz li jesporta għal kwantità li hi ugwali għall-kwantità msemmija fl-applikazzjoni tal-liċenzja tal-importazzjoni.

(5)

Bil-għan li jkun żgurat li z-zokkor għar-raffinar importat skont l-Artikolu 192 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 huwa realment raffinat, l-importaturi għandhom jimpenjaw ruħhom biex jirrafinawh fi żmien ċertu perjodu.

(6)

Id-distinzjoni bejn “zokkor maħsub biex jiġi raffinat” u “zokkor mhux maħsub biex jiġi raffinat” mhijiex marbuta mad-distinzjoni li ssir bejn “zokkor abjad” u “zokkor mhux raffinat” kif imfisser fil-punti 1 u 2 tat-Taqsima A tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk għandhom ikunu identifikati l-kodiċijiet tan-NM li huma awtorizzati għall-importazzjonijiet taħt kull grupp ta' liċenzji tal-importazzjoni.

(7)

L-obbligu tar-raffinar taz-zokkor għandu jiġi vverifikat mill-Istati Membri. Għandha titħallas penali, f'każ li d-detentur oriġinali tal-liċenzja tal-importazzjoni ma jistax jagħti prova. Iz-zokkor kollu importat li ġie raffinat minn operatur approvat għandu jkun ibbażat fuq liċenzja tal-importazzjoni għaz-zokkor għar-raffinar. Il-kwantitajiet li għalihom ma tkunx tista' tingħata prova bħal din iġarrbu penali. Tali penali għandha tippermetti għal nuqqas ta' konformità ta' natura minuri u, għalhekk, għandha tkun aċċettata tolleranza ta' 5 %. L-istess tolleranza ta' 5 % għandha tkun aċċettata għaz-zokkor għar-raffinar importat skont il-kwota tariffarja b'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 (5).

(8)

F'konformità mal-punt C tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, għandha tiġi ppreżentata liċenzja tal-importazzjoni taz-zokkor bil-kodiċi NM 1701 importat b'kundizzjonijiet preferenzjali li mhumiex kwoti tariffarji.

(9)

L-Artikolu 3(1)(e) u (h) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE (6) jippermetti l-applikazzjoni proviżorja ta' konċessjonijiet fuq l-importazzjonijiet taz-zokkor mir-Repubblika tal-Moldova, miftiehma fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (7).

(10)

L-Artikolu 3(1)(d) u (i) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/494/UE (8) jippermetti l-applikazzjoni proviżorja ta' konċessjonijiet fuq l-importazzjonijiet taz-zokkor mill-Georgia, miftiehma fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (9).

(11)

L-Artikolu 148 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mar-Repubblika tal-Moldova u l-Artikolu 27 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Georgia jintroduċu mekkaniżmu ta' kontra ċ-ċirkumvenzjoni għal importazzjonijiet ta' ċerti prodotti agrikoli u ta' prodotti agrikoli pproċessati li joriġinaw rispettivament fir-Repubblika tal-Moldova u fil-Georgia. Meta wieħed iqis li l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti taz-zokkor li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova u fil-Georgia huma soġġetti għal mekkaniżmu kontra l-evażjoni, li jagħmel l-użu ta' liċenzji tal-importazzjoni mhux meħtieġ u li potenzjalment joħloq konfużjoni jekk ir-rekwiżit ta' liċenzja tal-importazzjoni u l-mekkaniżmu ta' kontra ċ-ċirkomvenzjoni jitħallew jeżistu flimkien, huwa opportun li jkun stipulat li l-ebda liċenza ta' importazzjoni ma għandha tkun meħtieġa għal importazzjonijiet preferenzjali ta' dawk il-prodotti taz-zokkor.

(12)

Ir-Regolamenti (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 891/2009 għandhom għalhekk jiġu emendati skont dan.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi, għas-snin ta' kummerċjalizzazzjoni 2015/2016 u 2016/2017, id-dispożizzjonijiet dwar l-importazzjonijiet ta' prodotti tal-kodiċi NM 1701 msemmija fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 (10) u r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), li jissupplimentaw ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 b'rabta ma':

(a)

id-dokumenti u l-impenji li għandhom jakkumpanjaw l-applikazzjonijiet għal-liċenzja;

(b)

ir-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera;

(c)

il-prova ta' raffinar u l-penali.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“il-piż tel. quel” tfisser il-piż taz-zokkor fl-istat naturali;

(b)

“raffinar” tfisser l-ipproċessar ta' zokkor mhux raffinat f'zokkor abjad kif iddefinit fil-punti 1 u 2 tat-Taqsima A tal-Parti II tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u kwalunkwe operazzjoni teknika ekwivalenti applikata għaz-zokkor abjad bil-kwantità.

Artikolu 3

Applikabbiltà tar-Regolament (KE) Nru 376/2008

Ir-Regolament (KE) Nru 376/2008 għandu japplika, sakemm ma jkunx ipprovdut mod ieħor f'dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Rekwiżiti għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni

1.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji għandhom jintbagħtu flimkien ma':

(a)

l-oriġinali tal-liċenzja tal-esportazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz li jesporta skont il-mudell stipulat fl-Anness I għal kwantità ugwali għal dik imsemmija fl-applikazzjonijiet għal-liċenzja. Dawn l-oriġinali għandhom jiġu ppreżentati mill-applikant lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri qabel l-approvazzjoni doganali tal-prodotti koperti mil-liċenzja tal-importazzjoni. Il-liċenzji tal-esportazzjoni jistgħu jinbidlu b'kopji ċċertifikati, maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz tal-esportazzjoni, tal-prova tal-oriġini stipulata fl-Artikolu 14 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 għall-pajjiżi elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament jew fl-Artikoli 67 sa 97j tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (12) għall-pajjiżi mhux elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1528/2007 imma li huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 978/2012;

(b)

kopji elettroniċi jew bil-faks tal-liċenzji tal-esportazzjoni jew kopji ċċertifikati tal-prova tal-oriġini msemmija fil-punt (a) jistgħu jiġu ppreżentati minflok l-oriġinali b'appoġġ għall-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni, sakemm l-oriġinali huma ppreżentati mill-applikant lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri qabel l-approvazzjoni doganali tal-prodotti koperti mil-liċenzja tal-importazzjoni maħruġa abbażi tal-kopji elettroniċi jew bil-faks;

(c)

fil-każ tar-raffinar taz-zokkor, l-impenn tal-applikant li se jirraffina l-kwantitajiet taz-zokkor inkwistjoni qabel it-tmiem tat-tielet xahar wara dak li fih tiskadi l-liċenzja tal-importazzjoni konċernata.

2.   L-oriġinali tal-liċenzji tal-esportazzjoni jew il-kopji ċċertifikati tal-prova tal-oriġini msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandhom jinżammu mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun inħarġet il-liċenzja tal-importazzjoni.

Artikolu 5

Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera

Il-liċenzji tal-importazzjoni li għalihom fil-kaxxa nru 20 hemm l-annotazzjoni “zokkor maħsub biex jiġi raffinat” jistgħu jintużaw għall-importazzjoni tal-kodiċijiet tan-NM 1701 13 10, 1701 14 10, 1701 91 00, 1701 99 10 jew 1701 99 90.

Il-liċenzji tal-importazzjoni li għalihom fil-kaxxa nru 20 hemm l-annotazzjoni “zokkor mhux maħsub biex jiġi raffinat” jistgħu jintużaw għall-importazzjoni tal-kodiċijiet tan-NM 1701 13 90, 1701 14 90, 1701 91 00, 1701 99 10 jew 1701 99 90.

Artikolu 6

Prova ta' raffinar u penali

1.   Kull detentur oriġinali ta' liċenzja tal-importazzjoni taz-zokkor għar-raffinar għandu, fi żmien sitt xhur wara li tiskadi l-liċenzja tal-importazzjoni konċernata, jipprovdi prova aċċettabbli għall-Istat Membru li ħareġ il-liċenzja li r-raffinar sar fil-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(1)(c).

Fejn ma tkunx ipprovduta prova li tal-anqas 95 % tal-kwantità msemmija fil-liċenzja tal-importazzjoni jkun ġie raffinat, l-applikant, qabel l-1 ta' Ġunju wara s-sena ta' kummerċjalizzazzjoni konċernata, għandu jħallas l-ammont ta' EUR 500 għal kull tunnellata għad-differenza bejn il-kwantità reali li għaliha tkun ġiet ippreżentata prova tar-raffinar u 95 % tal-kwantità msemmija fil-liċenzja tal-importazzjoni, ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali ta' force majeure.

2.   Qabel l-1 ta' Marzu wara s-sena ta' kummerċjalizzazzjoni konċernata, l-impriżi taz-zokkor approvati skont l-Artikolu 137 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jiddikjaraw il-kwantitajiet ta' zokkor li raffinaw f'dik is-sena ta' kummerċjalizzazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru, billi jiddikjaraw:

(a)

il-kwantitajiet taz-zokkor li jikkorrispondu għal-liċenzji tal-importazzjoni ta' zokkor għar-raffinar;

(b)

il-kwantitajiet taz-zokkor prodotti fl-Unjoni, billi jingħataw ir-referenzi tal-impriża approvata li kienet ipproduċiet dak iz-zokkor;

(c)

kwantitajiet oħra ta' zokkor, billi tiġi ddikjarata l-oriġini tagħhom.

Artikolu 7

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 376/2008

Il-Punt C tal-Parti I tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 376/2008 jinbidel bit-test fl-Anness II ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 891/2009

Fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 891/2009, it-tieni subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Fejn ma tkunx ipprovduta prova li tal-anqas 95 % tal-kwantità msemmija fil-liċenzja tal-importazzjoni jkun ġie raffinat, l-applikant qabel l-1 ta' Ġunju wara s-sena ta' kummerċjalizzazzjoni konċernata, għandu jħallas l-ammont ta' EUR 500 għal kull tunnellata għad-differenza bejn il-kwantità reali li għaliha tkun ġiet ippreżentata prova tar-raffinar u 95 % tal-kwantità msemmija fil-liċenzja tal-importazzjoni, ħlief għal raġunijiet eċċezzjonali ta' force majeure.”

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament dwar OKS Unika) (ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 828/2009 tal-10 ta' Settembru 2009 li jistpula r-regoli ddettaljati ta' applikazzjoni għas-snin tas-suq 2009/2010 sal-2014/2015 għall-importazzjoni u r-raffinar tal-prodotti taz-zokkor li jinsabu taħt l-intestatura tariffarja 1701 taħt ftehimiet preferenzjali (ĠU L 240, 11.9.2009, p. 14).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta' ċertifikati ta' ffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta' Settembru 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82).

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1).

(7)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/494/UE tas-16 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 261, 30.8.2014, p. 1).

(9)  ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1528/2007 tal-20 ta' Diċembru 2007 li japplika l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f'ċerti stati li huma parti mill-Grupp ta' Stati Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (ĠU L 348, 31.12.2007, p. 1).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008 (ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1).

(12)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).


ANNESS I

Mudell tal-liċenzja tal-esportazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(a):

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS II

Fl-Anness II, il-Parti I tar-Regolament (KE) Nru 376/2008, il-punt C jinbidel b'dan li ġej:

“C.   Zokkor (Parti III tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013)

Kodiċi tan-NM

Deskrizzjoni

Ammont tal-garanzija

Perjodu ta' validità

Kwantitajiet netti (1)

1701

Il-prodotti kollha importati b'kundizzjonijiet preferenzjali li mhumiex kwoti tariffarji (2)

EUR 20/t

Sa tmiem it-tielet xahar ta' wara x-xahar tal-jum li fih tkun inħarġet il-liċenzja, f'konformità mal-Artikolu 22(2)

(—)


(1)  Kwantitajiet massimi li ma jeħtiġux il-preżentazzjoni ta' liċenzja jew ċertifikat, skont l-Artikolu 4(1)(d). Mhux applikabbli għall-importazzjonijiet b'kundizzjonijiet preferenzjali jew taħt kwota tariffarja.

(2)  Bl-eċċezzjoni ta' importazzjonijiet ta' zokkor preferenzjali bil-kodiċi NM 1701 99 10 li joriġinaw fir-Repubblika tal-Moldova msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/492/UE (ĠU L 260, 30.8.2014, p. 1), u ta' importazzjonijiet preferenzjali taz-zokkor bil-kodiċi NM 1701 li joriġinaw fil-Georgia msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/494/UE (ĠU L 261, 30.8.2014, p. 1).

(—)

Għal kwalunkwe kwantità jeħtieġ liċenzja jew ċertifikat.”


Top