Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1367

    Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/1367 tal-4 ta' Ġunju 2015 li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 807/2014 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għal programmi tal-iżvilupp rurali 2007-2013

    ĠU L 211, 8.8.2015, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R2527

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/1367/oj

    8.8.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 211/7


    REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1367

    tal-4 ta' Ġunju 2015

    li jemenda r-Regolament ta' Delega (UE) Nru 807/2014 dwar dispożizzjonijiet tranżitorji għal programmi tal-iżvilupp rurali 2007-2013

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 89 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 (2) ħassar ir-Regolament (UE) Nru 1974/2006 (3). Madankollu, l-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 807/2014 jistipula li r-Regolament (KE) Nru 1974/2006 jkompli japplika għal operazzjonijiet implimentati li jsegwu programmi approvati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (4) qabel l-1 ta' Jannar 2014.

    (2)

    L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 jiffissa limitu massimu għal trasferimenti mill-Istati Membri tal-kontribuzzjoni tal-FAEŻR bejn l-assi ta' prijorità tal-programmi tal-iżvilupp rurali tagħhom u jiffissal-iskadenzi għan-notifika ta' tibdil bħal dan lill-Kummissjoni u għall-valutazzjoni ta' dawk il-bidliet mill-Kummissjoni.

    (3)

    Id-diffikultajiet ekonomiċi kontinwi fl-Istati Membri kellhom impatt sinifikanti fuq il-prestazzjoni ta' assi ta' prijorità speċifika fi ħdan il-programmi tal-iżvilupp rurali tal-2007-2013.

    (4)

    L-adozzjoni tard tal-bażi legali għall-perjodu ta' programmar il-ġdid ittardjat b'mod sinifikanti l-adozzjoni tal-programmi ta' żvilupp rurali għall-2014-2020, li b'hekk kompliet tnaqqas il-possibbiltajiet tal-Istati Membri li jappoġġaw l-ekonomiji rurali.

    (5)

    Sabiex jinvestu r-riżorsi kollha possibbli fit-tkabbir u l-impjiegi, l-Istati Membri għandhom jitħallew jagħmlu użu mill-fondi li diġà ġew impenjati skont programmi kofinanzjati mill-Unjoni.

    (6)

    Għaldaqstant huwa xieraq li tiżdied il-flessibbiltà għat-trasferimenti bejn l-assi.

    (7)

    Għalhekk, ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 807/2014 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Artikolu 19 tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 807/2014, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “Fir-rigward tat-trasferimenti bejn l-assi, il-limitu ta' 3 % stabbilit fl-Artikolu 9(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 għandu jiżdied għal 5 %.

    Fir-rigward tad-data ta' skadenza għan-notifika tal-bidliet fil-programm lill-Kummissjoni, id-data ta' skadenza tal-31 ta' Awwissu 2015 stabbilita fl-Artikolu 9(3) tar Regolament (KE) Nru 1974/2006 għanda tiġi estiża sat-30 ta' Settembru 2015.

    Fir-rigward tad-data ta' skadenza tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tat-tibdiliet mitluba, il-perjodu ta' erba' xhur stabbilit fl-Artikolu 9(6) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 għandu jiġi mnaqqas għal perjodu ta' tliet xhur.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Ġunju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

    (2)  Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji (ĠU L 227, 31.7.2014, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1974/2006 tal-15 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 368, 23.12.2006, p. 15).

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta' Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1).


    Top