EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0943

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/943 tat-18 ta' Ġunju 2015 dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 154, 19.6.2015, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 26/05/2020; Imħassar b' 32020R0625

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/943/oj

19.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/943

tat-18 ta' Ġunju 2015

dwar miżuri ta' emerġenza li jissospendu l-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa min-Niġerja u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u l-welfare tal-annimali (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali li jirregolaw l-ikel b'mod ġenerali, u b'mod partikolari s-sikurezza tal-ikel, fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali. Jistipula miżuri ta' emerġenza li għandhom jittieħdu mill-Kummissjoni meta jkun hemm evidenza li ikel impurtat minn pajjiż terz x'aktarx jikkostitwixxi riskju serju għas-saħħa tal-bniedem.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 (3) jipprovdi għal żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta' ċertu għalf u ikel li ma joriġinawx mill-annimali, elenkati fl-Anness I ta' dak ir-Regolament. Fir-rigward ta' fażola mnixxfa li toriġina min-Niġerja, din iż-żieda fil-livell fir-rigward tal-preżenza ta' residwi ta' pestiċidi ilha tapplika mill-1 ta' Lulju 2013.

(3)

Ir-riżultati tal-kontrolli uffiċjali mwettqa mill-Istati Membri fil-qafas tar-Regolament (KE) Nru 669/2009 dwar fażola mnixxfa min-Niġerja juru frekwenza għolja kontinwa ta' nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-ikel fir-rigward tar-residwi ta' pestiċidi. Wara iktar minn sena miż-żieda fil-frekwenza tal-kontrolli fuq il-fruntieri tal-Unjoni, l-ebda titjib tas-sitwazzjoni ma ġie osservat.

(4)

Minn Jannar 2013, intbagħtu aktar minn 50 notifika lis-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf fir-rigward ta' fażola mnixxfa li toriġina min-Niġerja, u kważi kollha kemm huma jirrappurtaw il-preżenza tas-sustanza attiva mhux awtorizzata dichlorvos f'livelli fil-biċċa l-kbira ogħla mid-doża ta' referenza akuta tentattivament stabbilita mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

(5)

Dawn ir-riżultati jipprovdu evidenza li l-importazzjoni ta' dan l-ikel tirrapreżenta riskju serju għas-saħħa tal-bniedem u li riskju bħal dan ma jistax jitrażżan b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżuri meħuda mill-Istati Membri kkonċernati. Huwa għalhekk xieraq li tiġi sospiża l-importazzjoni fl-Unjoni ta' fażola mnixxfa min-Niġerja, sakemm l-awtoritajiet Niġerjani ikunu jistgħu jipprovdu garanziji sostanzjali li rnexxielhom jimplimentaw sistema adegwata ta' kontroll uffiċjali biex ikun żgurat li l-prodotti kkonċernati jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi tal-ikel rilevanti.

(6)

Bħala konsegwenza ta' dik is-sospensjoni, l-ebda żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta' fażola mnixxfa ġejja min-Niġerja ma tkun meħtieġa. Huwa għalhekk meħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 669/2009 jiġi emendat kif xieraq.

(7)

Sabiex jingħata ż-żmien meħtieġ lin-Niġerja biex tipprovdi rispons u tqis il-miżuri xierqa għall-immaniġġjar tar-riskji, is-sospensjoni tal-importazzjonijiet ta' fażola mnixxfa għandha tapplika sat-30 ta' Ġunju 2016.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-fażola mnixxfa kollha min-Niġerja ddikjarata taħt il-kodiċi NM 0713 39 00.

Artikolu 2

L-importazzjoni fl-Unjoni tal-oġġetti tal-ikel imsemmija fl-Artikolu 1 hija pprojbita.

Artikolu 3

L-ispejjeż kollha mġarrba fl-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mid-destinatarju jew mill-aġent tiegħu.

Artikolu 4

Fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 669/2009, titħassar l-entrata li ġejja:

“Fażola mnixxfa

(Ikel)

0713 39 00

 

In-Niġerja (NG)

Residwi ta' pestiċidi (2)

50”

Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sat-30 ta' Ġunju 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar iż-żieda fil-livell tal-kontrolli uffiċjali mwettqa fuq l-importazzjoni ta' ċertu għalf u ikel ta' oriġini mhux mill-annimali u li jemenda d-Deċiżjoni 2006/504/KE (ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11).


Top