Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0942

Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/942 tal-4 ta' Marzu 2015 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 529/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ivvalutar tal-materjalità ta' estensjonijiet u ta' bidliet tal-approċċi interni meta jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tas-suq (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 154, 19.6.2015, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/942/oj

19.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/1


REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/942

tal-4 ta' Marzu 2015

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 529/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ivvalutar tal-materjalità ta' estensjonijiet u ta' bidliet tal-approċċi interni meta jiġu kkalkulati r-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tas-suq

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tas-26 ta' Ġunju 2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 363(4),

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 529/2014 (2) jistabbilixxi l-kriterji għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-estensjonijiet u l-bidliet tal-Approċċi Bbażati fuq il-Klassifikazzjonijiet Interni (IRB) u l-Approċċi ta' Kejl Avvanzat (AMA), użati għall-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali għar-riskju ta' kreditu u għar-riskju operazzjonali. Dan ir-Regolament għandu jispeċifika l-kundizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-estensjonijiet u l-bidliet fl-approċċi ta' Mudell Intern (IMA), li jintużaw għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji għar-riskju tas-suq. Meta wieħed iqis li l-kwistjonijiet u l-proċeduri superviżorji rilevanti kollha huma simili għat-tipi kollha ta' approċċi interni, jiġifieri relatati ma' riskju ta' kreditu, riskju operazzjonali jew riskju tas-suq, huwa importanti li tiġi żgurata l-koerenza bejn id-dispożizzjonijiet kollha li jirregolaw l-estensjonijiet u l-bidliet għall-approċċi interni u li jiġu ffaċilitati perspettiva komprensiva u aċċess b'mod koordinat għalihom minn persuni soġġetti għall-obbligi stabbiliti f'dawn id-dispożizzjonijiet. Għalhekk, jeħtieġ li l-istandards tekniċi regolatorji kollha rikjesti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar estensjonijiet u bidliet fl-approċċi interni jiġu inklużi f'test ġuridiku wieħed.

(2)

Bħal fil-każ tal-Approċċi IRB jew AMA, għall-estensjonijiet u l-bidliet fl-użu tal-IMA li huma soġġetti għal proċedura ta' notifika, ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ma jindikax jekk dawk il-bidliet għandhomx jiġu nnotifikati qabel jew wara l-implimentazzjoni tagħhom. L-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx għalfejn ikunu jafu minn qabel bl-estensjonijiet jew il-bidliet li huma ta' importanza minuri u jkun aktar effiċjenti u ta' inqas piż fuq l-istituzzjonijiet kieku jinġabru dawn il-bidliet ta' importanza minuri u jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti f'intervalli regolari, b'hekk jonqos ukoll il-piż superviżorju fuq l-awtoritajiet kompetenti. Estensjonijiet u bidliet oħrajn li huma soġġetti għal proċedura ta' notifika għandhom jiġu nnotifikati qabel l-implimentazzjoni tagħhom sabiex jippermettu li l-awtoritajiet kompetenti janalizzaw l-applikazzjoni korretta ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, l-istess distinzjoni bejn l-estensjonijiet u l-bidliet skont il-proċedura ta' notifika kif stabbilit fir-Regolament Delegat (UE) Nru 529/2014 għall-approċċi IRB u AMA, għandha tapplika wkoll għall-estensjonijiet u l-bidliet għall-IMA li jirrikjedu notifika, u għaldaqstant għandhom ukoll jiġu differenzjati aktar f'estensjonijiet u bidliet li jkunu jirrikjedu notifika qabel l-implimentazzjoni u estensjonijiet u bidliet li ma jkunux jirrikjedu notifika qabel l-implimentazzjoni.

(3)

L-IMA jinkludi kull mudell intern soġġett għall-Parti Tlieta tat-Titolu IV tal-Kapitolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, li l-awtoritajiet kompetenti taw permess li jintuża sabiex jiġu kkalkulati r-rekwiżiti kapitali.

(4)

Il-materjalità tal-estensjonijiet jew tal-bidliet fl-IMA normalment tiddependi fuq it-tip u l-kategorija tal-estensjoni jew tal-bidla proposta (li għandha tiġi riflessa fi kriterji kwalitattivi), u fuq il-potenzjal tagħhom li jbiddlu r-rekwiżiti ta' fondi proprji (li għandhom jiġu riflessi fi kriterji kwantitattivi). Madankollu, xi bidliet, bħall-bidliet organizzattivi, il-bidliet fil-proċess intern jew il-bidliet fil-proċess ta' mmaniġġjar tar-riskju, jista' ma jkollhomx impatt kwantitattiv dirett. Għal dawn il-bidliet, għandhom jiġu permessi biss il-kriterji kwalitattivi għall-valutazzjoni tal-materjalità.

(5)

Il-limiti kwantitattivi għandhom ikunu mfassla sabiex iqisu l-impatt globali ta' estensjoni jew bidla fl-IMA fuq in-numri tar-riskju kkalkulati minn kull mudell intern milqut mill-estensjoni jew il-bidla, kif ukoll fuq il-kapital rikjest, abbażi tal-approċċi interni kif ukoll standardizzati, sabiex jirriflettu l-punt sa fejn l-approċċi interni jintużaw għar-rekwiżiti ta' fondi proprji globali għar-riskju tas-suq. Madankollu, sabiex jitnaqqas il-piż għall-istituzzjonijiet, huwa xieraq li, għall-finijiet ta' komputazzjoni ta' dawn il-limiti kwantitattivi, fil-kalkolu ta' kull numru tar-riskju meħtieġ matul il-perjodu ta' osservazzjoni ta' 15-il jum ta' negozju, ma tiġix ikkunsidrata l-medja tan-numri tar-riskju tal-IMA rilevanti matul is-60 jum ta' negozju preċedenti, iżda minflok jiġi kkunsidrat in-numru tar-riskju l-aktar reċenti.

(6)

F'kull ħin, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu miżuri superviżorji xierqa fir-rigward ta' estensjonijiet u bidliet ta' approċċi interni li ġew notifikati, abbażi ta' rieżami kontinwu ta' permessi eżistenti għall-użu ta' approċċi interni, kif previst fl-Artikolu 101 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3). Din is-setgħa hija stabbilita sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti Tlieta tat-Titolu II tal-Kapitolu 3 tat-Taqsima 6, jew fil-Parti Tlieta tat-Titolu III tal-Kapitolu 4 jew fil-Parti Tlieta tat-Titolu IV tal-Kapitolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jibqgħu jiġu ssodisfati. Barra minn hekk, għandhom jiġu stabbiliti l-ixkattaturi għal approvazzjonijiet u notifiki ġodda tal-estensjonijiet u l-bidliet għall-approċċi interni. Ir-regoli li jistabbilixxu l-ixkattaturi ma għandhomx jaffettwaw ir-rieżami ta' approċċi interni superviżorji jew il-proċessi amministrattivi previsti fl-Artikolu 20(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

(7)

Il-permess tal-awtoritajiet kompetenti jirrigwarda l-metodi, il-proċessi, il-kontrolli, is-sistemi ta' ġbir ta' dejta u tal-IT tal-approċċi, għalhekk l-allinjament kontinwu tal-mudelli mal-kalkolu tas-sett ta' dejta użat, il-korrezzjoni ta' żbalji jew l-aġġustamenti minuri regolari tal-approċċi interni, li jseħħu fil-limitu strett tal-metodi diġà approvati, il-proċessi, il-kontrolli, is-sistemi ta' ġbir ta' dejta u tal-IT, ma għandhomx ikunu koperti b'dan ir-Regolament.

(8)

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) Nru 529/2014 għandu jiġi emendat skont dan.

(9)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea lill-Kummissjoni.

(10)

L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu jissejjes dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Kkonċernati mwaqqaf skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 529/2014

Ir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 529/2014 huwa emendat kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-valutazzjoni tal-materjalità tal-estensjonijiet u l-bidliet għall-approċċi Bbażati fuq il-Klassifikazzjoni Interna, l-Approċċi ta' Kejl Avvanzat u l-Approċċ ta' Mudelli Interni permessi f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inklużi l-modalitajiet tan-notifiki ta' dawn il-bidliet u l-estensjonijiet.”

2.

L-Artikolu 2(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Il-materjalità tal-bidliet fil-firxa tal-applikazzjoni ta' sistema ta' klassifikazzjoni jew fl-approċċ ibbażat fuq mudelli interni għal skoperturi tal-ekwità, jew tal-bidliet fis-sistemi ta' klassifikazzjoni jew fl-approċċ ibbażat fuq mudelli interni għal skoperturi tal-ekwità, għall-approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjoni Interna (‘bidliet fl-approċċ IRB’), jew il-materjalità tal-estensjonijiet u l-bidliet fl-Approċċ ta' Kejl Avvanzat (‘estensjonijiet u bidliet fl-AMA’) jew il-materalità tal-estensjonijiet u l-bidliet fl-Approċċ ta' Mudelli Interni (‘estensjonijiet u bidliet fl-IMA’), tiġi kklassifikata f'waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

l-estensjonijiet u l-bidliet materjali, li, skont l-Artikoli 143(3), 312(2) u 363(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jeħtieġu permess mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti;

(b)

estensjonijiet u bidliet oħrajn, li jeħtieġu li jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti.”

3.

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, jiżdied it-tielet subparagrafu li ġej:

“Il-klassifikazzjoni tal-estensjonijiet u l-bidliet fl-IMA jitwettqu f'konformità ma' dan l-Artikolu u l-Artikoli 7a u 7b.”

(b)

Fil-paragrafu 2, il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej:

“(c)

għal bidliet li ma għandhom l-ebda impatt kwantitattiv dirett, ma jeħtieġ li jiġi kkalkulat l-ebda impatt kwantitattiv kif stipulat fl-Artikolu 4(1)(c) għall-approċċ IRB jew fl-Artikolu 6(1)(c) għall-AMA jew fl-Artikolu 7a(1)(c) għall-IMA.”

4.

Jiddaħħlu l-Artikoli 7a u 7b li ġejjin:

“Artikolu 7a

Estensjonijiet u bidliet materjali fl-IMA

1.   L-estensjonijiet u l-bidliet fl-IMA jitqiesu bħala materjali jekk jissodisfaw xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

jekk jaqgħu taħt waħda mill-estensjonijiet deskritti fl-Anness III tal-Parti I tat-Taqsima 1;

(b)

jekk jaqgħu taħt waħda mill-bidliet deskritti fl-Anness III tal-Parti II tat-Taqsima 1;

(c)

jekk jirriżultaw f'bidla f'valur assolut ta' 1 % jew aktar, ikkalkulat għall-ewwel jum ta' negozju tal-ittestjar tal-impatt tal-estensjoni jew tal-bidla, ta' wieħed min-numri ta' riskju rilevanti msemmija fl-Artikolu 364(1)(a)(i), jew fl-Artikolu 364(1)(b)(i) jew fl-Artikolu 364(2)(b)(i) jew fl-Artikolu 364(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u assoċjat mal-kamp ta' applikazzjoni tal-mudell tal-IMA rilevanti li għalih jirreferi n-numru tar-riskju, u jirriżulta f'waħda minn dawn li ġejjin:

(i)

f'bidla ta' 5 % jew aktar tas-somma totali tan-numri tar-riskju msemmija fl-Artikolu 364(1)(a)(i) u fl-Artikolu 364(1)(b)(i), skalata bil-fatturi ta' multiplikazzjoni (mc) u (ms) rispettivament skont l-Artikolu 366 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-Artikolu 364(2)(b)(i) u l-Artikolu 364(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u tar-rekwiżiti ta' fondi proprji skont il-Kapitoli 2, 3 u 4 tat-Titolu IV ta' dak ir-Regolament, kif applikabbli, ikkalkulati fil-livell tal-istituzzjoni prinċipali tal-UE jew, fil-każ ta' istituzzjoni li la tkun istituzzjoni prinċipali u lanqas sussidjarja, fil-livell ta' dik l-istituzzjoni;

(ii)

f'bidla ta' 10 % jew aktar ta' wieħed min-numri tar-riskju rilevanti jew aktar imsemmija fl-Artikolu 364(1)(a)(i), jew fl-Artikolu 364(1)(b)(i) jew fl-Artikolu 364(2)(b)(i) jew fl-Artikolu 364(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u assoċjata mal-kamp ta' applikazzjoni tal-mudell tal-IMA rilevanti li għalih jirreferi n-numru tar-riskju.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu (1)(c)(i), u f'konformità mal-Artikolu 3(2), l-impatt ta' kull estensjoni jew bidla jiġi vvalutat bħala l-ogħla valur assolut matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu ta' proporzjon ikkalkulat kif ġej:

(a)

bħala numeratur, id-differenza bejn is-somma msemmija fil-paragrafu (1)(c)(i) bl-estensjoni jew il-bidla u mingħajrha;

(b)

bħala denominatur, is-somma msemmija fil-paragrafu (1)(c)(i) mingħajr l-estensjoni jew il-bidla.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu (1)(c)(ii), u f'konformità mal-Artikolu 3(2), l-impatt ta' kull estensjoni jew bidla jiġi vvalutat bħala l-ogħla valur assolut matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu ta' proporzjon ikkalkulat kif ġej:

(a)

bħala numeratur, id-differenza bejn in-numru tar-riskju msemmija fl-Artikolu 364(1)(a)(i), fl-Artikolu 364(1)(b)(i), fl-Artikolu 364(2)(b)(i) jew fl-Artikolu 364(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 bl-estensjoni jew il-bidla u mingħajrha;

(b)

bħala denominatur, in-numru tar-riskju msemmi, rispettivament, fl-Artikolu 364(1)(a)(i), jew fl-Artikolu 364(1)(b)(i), jew fl-Artikolu 364(2)(b)(i) jew fl-Artikolu 364(3)(a) mingħajr l-estensjoni jew il-bidla;

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu (1)(c)(i) u (1)(c)(ii) il-proporzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 jiġu kkalkulati għal perjodu li t-tul tiegħu huwa l-iqsar bejn dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) li ġejjin:

(a)

15-il jum konsekuttiv ta' negozju li jibdew mill-ewwel jum ta' negozju tal-ittestjar tal-impatt tal-estensjoni jew tal-bidla;

(b)

sakemm kalkolu ta' kuljum ta' waħda mill-proporzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 jirriżulta f'impatt daqs jew akbar mill-perċentwali msemmija fil-paragrafu (1)(c)(i) jew fil-paragrafu (1)(c)(ii), rispettivament.

Artikolu 7b

Estensjonijiet u bidliet fl-IMA li mhumiex ikkunsidrati bħala materjali

Estensjonijiet u bidliet fl-IMA, li mhumiex materjali iżda li għandhom jiġu notifikati lill-awtoritajiet kompetenti skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 363(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jiġu nnotifikati kif ġej:

(a)

estensjonijiet u bidliet li jaqgħu taħt l-Anness III tal-Parti I tat-Taqsima 2 u l-Parti II tat-Taqsima 2 jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti ġimagħtejn qabel l-implimentazzjoni ppjanata tagħhom;

(b)

l-estensjonijiet u l-bidliet l-oħrajn kollha jiġu nnotifikati lill-awtoritajiet kompetenti wara l-implimentazzjoni tagħhom mill-inqas kull sena.”

5.

L-Artikolu 8(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“1.   Għall-estensjonijiet u l-bidliet fl-approċċ IRB jew fl-AMA jew fl-IMA kklassifikati bħala li jirrikjedu l-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, l-istituzzjonijiet jissottomettu, flimkien mal-applikazzjoni, id-dokumentazzjoni li ġejja:

(a)

deskrizzjoni tal-estensjoni jew tal-bidla, ir-raġuni għaliha u l-għan tagħha;

(b)

id-data tal-implimentazzjoni;

(c)

il-kamp ta' applikazzjoni affettwat mill-estensjoni jew mill-bidla fil-mudell, b'karatteristiċi ta' volum;

(d)

dokument(i) tekniċi u tal-proċess;

(e)

ir-rapporti tar-rieżami jew il-validazzjoni indipendenti tal-istituzzjonijiet;

(f)

konferma li l-estensjoni jew il-bidla ġiet approvata permezz tal-proċessi ta' approvazzjoni tal-istituzzjoni mill-korpi kompetenti u d-data tal-approvazzjoni;

(g)

fejn applikabbli, l-impatt kwantitattiv tal-bidla jew tal-estensjoni fuq l-ammonti tal-iskopertura ponderati għar-riskju, jew fuq ir-rekwiżiti ta' fondi proprji, jew fuq in-numri tar-riskju relevanti jew fuq is-somma tar-rekwiżiti ta' fondi proprji u n-numri tar-riskju rilevanti;

(h)

rekords tan-numri tal-verżjoni attwali u preċedenti tal-istituzzjoni tal-mudelli interni li huma soġġetti għall-approvazzjoni.”

6.

L-Anness III jiżdied mar-Regolament (UE) Nru 529/2014 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Marzu 2015.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 529/2014 tat-12 ta' Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-ivvalutar tal-materjalità ta' estensjonijiet u ta' bidliet tal-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjonijiet Interni u l-Approċċ ta' Kejl Avvanzat (ĠU L 148, 20.5.2014, p. 36)

(3)  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


ANNESS

“ANNESS III

Estensjonijiet u bidliet fl-IMA

PARTI I

ESTENSJONIET FL-IMA

Taqsima 1

Estensjonijiet li jirrikjedu l-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti (‘materjali’)

1.

Estensjoni tal-mudell tar-riskju tas-suq għal post addizzjonali f'ġuriżdizzjoni oħra, inkluża l-estensjoni tal-mudell tar-riskju tas-suq għall-pożizzjonijiet ta' unità li tinsab f'żona ta' ħin differenti, jew li għaliha jintużaw uffiċċji tan-negozjar jew sistemi tal-IT differenti.

2.

L-integrazzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni ta' mudell tal-IMA ta' klassijiet ta' prodotti, li għalihom in-numru tal-valur fir-riskju (VaR), ikkalkolat skont l-Artikolu 364(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jaqbeż il-5 % tan-numru VaR, ikkalkolat skont l-Artikolu 364(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, tal-portafoll totali li jifforma l-kamp ta' applikazzjoni ta' dak il-mudell tal-IMA qabel l-integrazzjoni.

3.

Kwalunkwe estensjoni inversa, bħall-każijiet fejn l-istituzzjonijiet ikollhom l-għan li japplikaw il-metodu standardizzat għall-kategoriji tar-riskju li għalihom jingħataw il-permess biex jintuża mudell intern tar-riskju tas-suq.

Taqsima 2

Estensjonijiet li jirrikjedu notifika ex ante lill-awtoritajiet kompetenti

L-inklużjoni fil-kamp ta' applikazzjoni ta' mudell tal-IMA ta' klassijiet ta' prodotti li jirrikjedu tekniki ta' mudellar ta' riskju oħrajn minn dawk li jiffurmaw parti mill-permess għall-użu ta' dak il-mudell tal-IMA, bħall-prodotti dipendenti fuq il-perkors, jew il-pożizzjonijiet sottostanti multipli, skont l-Artikolu 367 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

PARTI II

BIDLIET FL-IMA

Taqsima 1

Bidliet li jirrikjedu l-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti (‘materjali’)

1.

Bidliet fil-metodu tal-kalkolu tal-VaR bejn is-simulazzjoni storika, il-metodu parametriku jew il-metodu Monte Carlo.

2.

Bidliet fl-iskema aggregata bħal meta s-sempliċi addizzjoni totali ta' numri tar-riskju jiġi sostitwit b'immudellar integrat.

Taqsima 2

Bidliet li jirrikjedu notifika ex ante lill-awtoritajiet kompetenti

1.

Bidliet fl-elementi fundamentali tal-metodi statistiċi skont l-Artikoli 365, 374 jew 377 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluża iżda mhux limitata għal xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

tnaqqis fl-għadd ta' simulazzjonijiet;

(b)

introduzzjoni jew tneħħija ta' metodi għat-tnaqqis ta' varjanza;

(c)

bidliet fl-algoritmi sabiex jiġġeneraw numri aleatorji;

(d)

bidliet fil-metodu statistiku sabiex jiġu stmati l-volatilitajiet jew il-korrelazzjonijiet bejn il-fatturi ta' riskju;

(e)

bidliet fis-suppożizzjonijiet dwar id-distribuzzjoni konġunta ta' fatturi ta' riskju.

2.

Bidliet fit-tul effettiv ta' perjodu ta' osservazzjoni storika, inkluża bidla fi skema ta' ponderazzjoni tas-serje ta' żmien skont l-Artikolu 365(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

3.

Bidliet fl-approċċ għall-identifikazzjoni tal-perjodu ta' stress sabiex tiġi kkalkulata miżura ta' VaR taħt Stress, skont l-Artikolu 365(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4.

Bidliet fid-definizzjoni ta' fatturi ta' riskju tas-suq applikati fil-mudell ta' VaR intern, inkluża l-migrazzjoni għal qafas ta' skontar OIS, ċaqliqa bejn rati ta' żero, rati pari jew rati ta' swap.

5.

Il-bidliet f'kif il-varjazzjonijiet tal-fatturi ta' riskju tas-suq huma tradotti f'bidliet tal-valur tal-portafoll, bħal pereżempju bidliet fil-mudelli ta' valwazzjoni tal-istrument — użati sabiex jikkalkulaw is-sensittivitajiet għall-fatturi ta' riskju jew sabiex jirrivalwaw il-pożizzjonijiet meta jikkalkulaw in-numri ta' riskju -, bidliet minn mudell analitiku tal-ipprezzar għal mudell ibbażat fuq is-simulazzjoni, bidliet bejn approssimazzjoni Taylor u rivalwazzjoni sħiħa, jew bidliet fil-miżuri ta' sensittività applikati, skont l-Artikolu 367 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

6.

Bidliet fil-metodoloġija għad-definizzjoni tal-indikaturi.

7.

Bidliet fil-ġerarkija tas-sorsi ta' klassifikazzjonijiet użati għad-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni ta' pożizzjoni unika fl-IRC.

8.

Bidliet fil-metodoloġija rigward ir-rata tat-telf fil-każ ta' inadempjenza (LGD) jew l-orizzonti tal-likwidità għall-IRC jew mudelli ta' negozjar ta' korrelazzjoni skont it-Taqsima 4 jew it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

9.

Bidliet fil-metodoloġija użata għall-assenjar ta' skoperti għal klassijiet tal-iskoperturi individwali fl-IRC jew fil-mudelli ta' negozjar ta' korrelazzjoni skont it-Taqsima 4 jew it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

10.

Bidliet ta' metodi għall-istima tal-iskopertura jew korrelazzjoni tal-assi għall-IRC jew għall-mudelli ta' negozjar ta' korrelazzjoni skont it-Taqsima 4 jew it-Taqsima 5 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

11.

Bidliet fil-metodoloġija għall-kalkolu tal-profitt u tat-telf attwali jew ipotetiku meta jintuża għal skopijiet ta' ttestjar retrospettiv skont l-Artikolu 366(3) u 369(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

12.

Bidliet fil-metodoloġija ta' validazzjoni interna skont l-Artikolu 369 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

13.

Bidliet strutturali, organizzattivi jew operattivi għall-proċessi ewlenin fil-funzjonijiet ta' mmaniġġjar tar-riskju jew kontroll tar-riskji, skont l-Artikolu 368(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

bidliet tal-persunal ta' livell għoli;

(b)

il-qafas li jiffissal-limiti;

(c)

il-qafas tar-rappurtar;

(d)

il-metodoloġija tal-ittestjar tal-istress;

(e)

il-proċess tal-prodott il-ġdid;

(f)

il-politika għall-bidla tal-mudell intern.

14.

Bidliet fl-ambjent tal-IT, inkluż xi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

bidliet fis-sistema tal-IT, li jirriżultaw f'emendi fil-proċedura tal-kalkolu tal-mudell intern;

(b)

l-applikazzjoni tal-mudelli tal-ipprezzar tal-bejjiegħ;

(c)

l-esternalizzazzjoni tal-funzjonijiet ta' ġbir ta' dejta ċentrali.”


Top