Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0613

Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/613 tal-20 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 889/2005

ĠU L 102, 21.4.2015, p. 3–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/613/oj

21.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/3


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/613

tal-20 ta' April 2015

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1183/2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 889/2005

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b'mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2008/369/PESK (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 (2) jagħti effett lid-Deċiżjoni 2010/788/PESK u jipprevedi ċerti miżuri diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (“RDK)”), inkluż l-iffriżar tal-assi tagħhom.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 889/2005 (3) jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tal-projbizzjoni tal-forniment ta' assistenza teknika u finanzjarja relatata ma' attivitajiet militari fir-RDK, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK.

(3)

Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2198 (2015) emendat il-kriterji sabiex persuni u entitajiet jiġu inklużi ma' dawk soġġetti għall-miżuri restrittivi mniżżla fil-paragrafi 9 u 11 tal-UNSCR 1807 (2008). Permezz tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/620 (4), il-Kunsill iddeċieda li jestendi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk il-kriterji kif meħtieġ.

(4)

Dik il-miżura taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat u, għalhekk azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa sabiex tiġi implimentata, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħha mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement, ir-Regolament (UE) Nru 1183/2005 għandu jiġi emendat kif meħtieġ.

(5)

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 889/2005 għandhom jiġu integrati fir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 u r-Regolament (KE) Nru 889/2005 għandu jitħassar.

(6)

Xi dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1183/2005 għandhom ukoll jiġu aġġornati biex jirriflettu l-formolazzjoni standard użata f'atti legali reċenti dwar miżuri restrittivi li jirrigwardaw ir-responsabbiltà, is-sodisfazzjon tal-pretensjonijiet, u l-evitar ta' projbizzjonijiet.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1183/2005 hu emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘pretensjoni’ tfisser kull talba, sew asserita bi proċeduri legali jew le, magħmula qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, taħt jew b' rabta ma' kuntratt jew tranżazzjoni, u b' mod partikolari tinkludi talba:

(i)

għat-twettiq ta' kull obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b' rabta ma' wieħed minnhom;

(ii)

għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, ta' garanzija finanzjarja jew ta' indennizz ta' kull forma;

(iii)

għal kumpens marbut ma' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv)

li tikkonsisti f'kontrotalba;

(v)

għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, deċiżjoni arbitrali jew deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn issir jew tingħata;

(b)

‘kuntratt jew tranżazzjoni’ tfisser kull tranżazzjoni ta' liema forma hi u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, sew jekk tikkonsisti f'kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew differenti; għal dan l-iskop, ‘kuntratt’ jinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew mhux, kif ukoll kull dispożizzjoni relatata li toriġina mit-tranżazzjoni jew tkun marbuta magħha;

(c)

‘awtoritajiet kompetenti’ tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq il-websites elenkati fl-Anness II;

(d)

‘riżorsi ekonomiċi’ tfisser assi ta' kwalunkwe tip, kemm dawk tanġibbli kif ukoll dawk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

(e)

‘l-iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi’ tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta' fondi, beni jew servizzi b'kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

(f)

‘iffriżar tal-fondi’ tfisser il-prevenzjoni ta' kull mossa, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew innegozjar ta' fondi b'mod li jwassal għal xi bidla fil-volum, ammont, pożizzjoni, propjetà, pussess, karattru, destinazzjoni jew bidla oħra tagħhom li jippermetti l-użu tal-fondi, inkluż l-amministrazzjoni tal-portafoll;

(g)

‘fondi’ tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull xorta, li jinkludu, iżda mhux limitati għal:

(i)

flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet ta' flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' ħlas;

(ii)

depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii)

titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv)

imgħax, dividends jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jakkumula minnhom jew iġġenerat minnhom;

(v)

kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi)

ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta' bejgħ; u

(vii)

dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(h)

‘assistenza teknika’ tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma' tiswijiet, żvilupp, manifattura, muntaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, fil-forma ta' istruzzjoni, pariri, taħriġ, trasmissjoni ta' tagħrif prattiku jew ħiliet jew servizzi ta' konsulenza inkluż forom verbali ta' assistenza;

(i)

‘servizzi ta' senserija’ tfisser:

(i)

in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-forniment ta' beni u teknoloġija jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, minn pajjiż terz lil kull pajjiż terz ieħor; jew

(ii)

il-bejgħ jew ix-xiri ta' beni u teknoloġija, jew ta' servizzi finanzjarji u tekniċi, li jkunu f'pajjiżi terzi biex jiġu ttrasferiti lejn xi pajjiż terz ieħor;

(j)

‘territorju tal-Unjoni’ tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.”

.

(2)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 1a

1.   Huwa pprojbit il-forniment, direttament jew indirettament, ta':

(a)

għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati mal-beni u mat-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (*) (‘Lista Militari Komuni’) jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tal-beni inklużi f'din il-lista, lil kull entità jew persuna mhux governattiva li topera fit-territorju tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (‘RDK’);

(b)

finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata mal-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-merkanzija u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' tali beni, jew għal kwalunkwe forniment ta' għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati lil kwalunkwe entità jew persuna non governattiva li topera fir-RDK;

2.   Il-forniment ta' assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja jew servizzi ta' senserija lil kwalunkwe persuna non governattiva jew persuna oħra, entità jew korp fir-RDK, jew għall-użu fir-RDK, minbarra d-dispożizzjonijiet ta' tali għajnuna lill-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-RDK (‘MONUSCO’) jew lit-Task Force Reġjonali tal-Unjoni Afrikana f'konformità mal-Artikolu 1b(1) għandhom ikunu notifikati bil-quddiem lill-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit permezz tal-paragrafu 8 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà 1533 (2004) (‘Kumitat tas-Sanzjonijiet’). Dawk in-notifiki għandu jkun fihom l-informazzjoni kollha relevanti, inkluż, fejn xieraq, l-utent aħħari, id-data proposta tal-kunsinnja u l-itinerarju tal-merkanzija.

Artikolu 1b

1.   B'deroga mill-Artikolu 1a, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta':

(a)

assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja jew servizzi ta' senserija relatati mal-armi u l-materjal relatat maħsuba biss għas-sostenn tal-MONUSCO jew għall-użu minnha;

(b)

assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja jew servizzi ta' senserija relatati ma' tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, fejn l-għoti ta' din l-assistenza jew servizzi jkun ġie notifikat minn qabel lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet skont l-Artikolu 1a(2);

(c)

assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja jew servizzi ta' senserija relatati mal-armi u l-materjal relatat maħsuba biss għas-sostenn tat-Task Force Reġjonali tal-Unjoni Afrikana jew għall-użu minnha.

2.   L-ebda awtorizzazzjoni ma għandha tingħata għal attivitajiet li diġà seħħew.

(*)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.”"

.

(3)

Fl-Artikolu 2, jitħassar il-paragrafu 3.

(4)

Fl-Artikolu 2a, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

“1.   L-Anness I jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala li huma involuti jew li jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RDK. Tali atti għandhom jinkludu:

(a)

li jaġixxu bi ksur tal-embargo fuq l-armi u miżuri relatati kif imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2010/788/PESK u l-Artikolu 1a ta' dan ir-Regolament;

(b)

li jkunu mexxejja politiċi u militari ta' gruppi armati barranin li joperaw fir-RDK li jimpedixxu d-diżarm u r-ripatriazzjoni volontarja jew is-sistemazzjoni mill-ġdid ta' kumbattenti li jappartjenu lil dawk il-gruppi;

(c)

li jkunu mexxejja politiċi u militari ta' milizzji Kongoliżi, inklużi dawk li jirċievu appoġġ minn barra r-RDK, li jimpedixxu l-parteċipazzjoni tal-kombattenti tagħhom fil-proċessi ta' diżarm, id-demobilizzazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid;

(d)

li jirreklutaw jew jużaw lit-tfal fil-konflitt armat bi ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;

(e)

li jkunu involuti fl-ippjanar, it-tmexxija jew il-parteċipazzjoni fl-immirar ta' tfal jew nisa f'sitwazzjonijiet ta' konflitt armat, inklużi l-qtil u l-immankar, l-istupru u vjolenza sesswali oħra, il-ħtif, l-ispostament furzat u attakki fuq skejjel u sptarijiet;

(f)

li jfixklu l-aċċess għall-assistenza umanitarja jew id-distribuzzjoni tagħha fir-RDK;

(g)

persuni jew entitajiet li jappoġġaw, inklużi gruppi armati, involuti f'attivitajiet destabbilizzanti fir-RDK permezz tal-kummerċ illeċitu ta' riżorsi naturali, inklużi d-deheb jew l-annimali selvaġġi kif ukoll il-prodotti mill-annimali selvaġġi;

(h)

li jaġixxu f'isem jew skont id-direzzjoni ta' persuna jew entità nominata, jew li jaġixxu f'isem jew taħt id-direzzjoni ta' entità li hija proprjetà ta' persuna jew entità nominata jew ikkontrollata minnha;

(i)

li jippjanaw, jidderieġu, jisponsorjaw jew jieħdu sehem f'attakki kontra l-forzi taż-żamma tal-paċi tal-MONUSCO jew persunal tan-NU;

(j)

li jipprovdu sostenn finanzjarju, materjali, jew teknoloġiku għal, beni jew servizzi għal, jew b'sostenn għal persuna jew entità nominata”

.

(5)

L-Artikolu 7 jinbidel b'dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li fondi jew riżorsi ekonomiċi jintgħamlu disponibbli, imwettqa in bona fede abbażi li tali azzjoni hija konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandhomx joħolqu responsabbiltà ta' kwalunkwe xorta għall-persuna fiżika jew ġuridika, għall-entità jew il-korp li jimplimentawha, jew għad-diretturi jew impjegati tagħha, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati bħala riżultat ta' negliġenza.

2.   L-azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma joħolqux bl-ebda mod xi tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-projbizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament.”

.

(6)

Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 7a

1.   Ebda talba b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet effettwata, direttament jew indirettament, b'mod sħiħ jew parzjalment, permezz tal-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inkluż pretensjonijiet għal indennizz jew kull pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kull għamla, ma għandha tiġi sodisfatta, jekk din issir minn:

(a)

persuni fiżiċi jew ġuridiċi, mill-entitajiet jew mill-korpi nnominati, elenkati fl-Anness I;

(b)

kull persuna, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi jew li jaġixxu f'isimhom, imsemmija fil-punt (a).

2.   F'kull proċedura għall-infurzar ta' pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit taħt il-paragrafu 1, għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta' dik il-pretensjoni.

3.   Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal reviżjoni ġudizzjarja tal-legalità tal-inadempjenza ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 7b

Il-parteċipazzjoni, konsapevolment u intenzjonalment, f'attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri msemmija fl-Artikoli 1a u 2 għandha tkun ipprojbita.”

.

(7)

L-Anness II jinbidel bl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 889/2005 huwa b'dan imħassar.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' April 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

F. MOGHERINI


(1)  ĠU L 336, 21.12.2010, p. 30.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1183/2005 tat-18 ta' Lulju 2005 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra persuni li jaġixxu bi ksur għall-embargo tal-armi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ĠU L 193, 23.7.2005, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 889/2005 tat-13 ta' Ġunju 2005 li jimponi ċerti miżuri restrittivi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1727/2003 (ĠU L 152, 15.6.2005, p. 1).

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/620 tal-20 ta' April 2015 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/788/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (ara l-paġna 43 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).


ANNESS

“ANNESS II

Websites għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz tal-Kummissjoni Ewropea għan-notifiki

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://2010-2014.kormany.hu/download/b/3b/70000/ENSZBT-ET-szankcios-tajekoztato.pdf

MALTA

https://www.gov.mt/en/Government/Government%20of%20Malta/Ministries%20and%20Entities/Officially%20Appointed%20Bodies/Pages/Boards/Sanctions-Monitoring-Board-.aspx

IN-NETHERLANDS

http://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/omejevalni_ukrepi

IS-SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-IŻVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

B-1049 Brussels

Belgium

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu”


Top