Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015Q0618(01)

    Dispożizzjonijiet prattiċi għall-implementazzjoni tar-regoli tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali

    ĠU L 152, 18.6.2015, p. 1–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2015/618(1)/oj

    18.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 152/1


    DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI GĦALL-IMPLEMENTAZZJONI TAR-REGOLI TAL-PROĊEDURA TAL-QORTI ĠENERALI

    I.

    FUQ IR-REĠISTRU 4

    A.

    Il-kompiti tar-Reġistratur 4

    B.

    Il-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru 4

    C.

    Ir-reġistru 5

    D.

    In-numru tal-kawża 5

    E.

    Il-proċess tal-kawża u konsultazzjoni tal-proċess tal-kawża 6

    E.1.

    Żamma tal-proċess tal-kawża 6

    E.2.

    Konsultazzjoni tal-proċess tal-kawża 6

    F.

    L-oriġinali tas-sentenzi u tad-digrieti 6

    G.

    It-traduzzjonijiet 7

    H.

    Ix-xhieda u l-periti 7

    I.

    It-tariffa tar-Reġistru 7

    J.

    Irkupru ta' ammonti 8

    K.

    Il-pubblikazzjoni u t-tqegħid ta' dokumenti fuq l-Internet 8

    II.

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IT-TRATTAMENT TAL-KAWŻI 8

    A.

    In-notifiki 8

    B.

    It-termini 9

    C.

    L-anonimat 9

    D.

    L-ommissjoni ta' informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku 9

    III.

    FUQ L-ATTI PROĊEDURALI U FUQ L-ANNESSI TAGĦHOM 10

    A.

    Il-preżentata tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom 10

    A.1.

    Permezz tal-applikazzjoni e-Curia 10

    A.2.

    Permezz tal-faks 10

    A.3.

    Permezz tal-posta 10

    B.

    Rifjut ta' atti proċedurali u ta' annessi 11

    C.

    Il-preżentazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom 11

    C.1.

    Fuq l-atti proċedurali 11

    C.2.

    Fuq l-iskeda li telenka l-annessi 12

    C.3.

    Fuq l-annessi 12

    D.

    Il-preżentazzjoni tal-fajls ippreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia 13

    E.

    Regolarizzazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom 13

    E.1.

    Punti ġenerali 13

    E.2.

    Każijiet ta' regolarizzazzjoni tar-rikorsi 13

    E.3.

    Każijiet ta' regolarizzazzjoni ta' atti proċedurali oħra 14

    IV.

    FUQ IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA 14

    A.

    Tul tan-noti 14

    A.1.

    Rikorsi diretti 14

    A.2.

    Kawżi dwar proprjetà intellettwali 14

    A.3.

    Appelli 14

    A.4.

    Regolarizzazzjoni tan-noti li jkunu twal wisq 15

    B.

    Struttura u kontenut tan-noti 15

    B.1.

    Rikorsi diretti 15

    1.

    Ir-rikors promotur 15

    2.

    Ir-risposta 16

    3.

    Ir-replika u l-kontroreplika 16

    B.2.

    Kawżi dwar il-proprjetà intellettwali 16

    1.

    Ir-rikors promotur 16

    2.

    Ir-risposta 16

    3.

    Ir-rikors inċidentali u r-risposta għar-rikors inċidentali 17

    B.3.

    Appelli 17

    1.

    Ir-rikors tal-appell 17

    2.

    Ir-risposta għall-appell 18

    3.

    L-appell inċidentali u r-risposta għall-appell inċidentali 18

    4.

    Ir-replika u l-kontroreplika 18

    V.

    FUQ IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA 19

    A.

    Talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali 19

    A.1.

    Talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali fir-rikorsi diretti u fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali 19

    A.2.

    Talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali fl-appelli 19

    B.

    Preparazzjoni għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali 19

    C.

    Żvolġiment tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali 20

    D.

    Interpretazzjoni 21

    E.

    Il-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali 22

    VI.

    FUQ IT-TRATTAMENT KUNFIDENZJALI 22

    A.

    Punti ġenerali 22

    B.

    Trattament kunfidenzjali fil-każ ta' talba għal intervent 22

    C.

    Trattament kunfidenzjali fil-każ ta' tgħaqqid ta' kawżi 23

    D.

    Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura 23

    E.

    Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura 24

    F.

    Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura 24

    VII.

    FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI 24

    VIII.

    FUQ IL-PROĊEDURI B'URĠENZA 25

    A.

    Fuq il-proċedura mħaffa 25

    A.1.

    Talba għal proċedura mħaffa 25

    A.2.

    Verżjoni mqassra 26

    A.3.

    Ir-risposta 26

    A.4.

    Il-fażi orali tal-proċedura 26

    B.

    Fuq is-sospensjoni u fuq miżuri provviżorji oħra 27

    IX.

    DĦUL FIS-SEĦĦ TA' DAWN ID-DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI TA' IMPLEMENTAZZJONI 27

    ANNESSI

    Anness 1:

    Kundizzjonijiet li n-nuqqas ta' osservanza tagħhom jiġġustifika li r-rikors ma jiġix innotifikat (punt 110 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni) 28

    Anness 2:

    Regoli formali li n-nuqqas ta' osservanza tagħhom jiġġustifika l-posponiment tan-notifika (punt 111 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni) 29

    Anness 3:

    Regoli formali li n-nuqqas ta' osservanza tagħhom ma jipprekludix in-notifika (punt 112 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni) 30

    IL-QORTI ĠENERALI

    wara li rat l-Artikolu 224 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha (1);

    billi tqis li, għal finijiet ta' trasparenza, ta' ċertezza legali u ta' implementazzjoni tajba tar-Regoli tal-Proċedura, ir-responsabbiltajiet tar-Reġistratur, b'mod partikolari dawk dwar iż-żamma tar-reġistru u tal-proċessi tal-kawżi, dwar ir-regolarizzazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi, dwar in-notifika tagħhom u dwar it-tariffa tar-Reġistru, għandhom ikunu s-suġġett ta' dispożizzjonijiet ta' implementazzjoni;

    billi tqis li, inkonformità mal-Artikolu 37 tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tiġi stabbilita t-tariffa tar-Reġistru;

    billi tqis li, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, ir-rappreżentanti tal-partijiet, kemm jekk avukati u kemm jekk aġenti fis-sens tal-Artikolu 19 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem l-“Istatut”), għandhom jingħataw istruzzjonijiet prattiċi dwar kif għandhom jiġu ppreżentati l-atti proċedurali u l-annessi, kif ukoll dwar kif għandhom jippreparaw ruħhom bl-aħjar mod possibbli għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali quddiem il-Qorti Ġenerali;

    billi tqis li dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni jispjegaw, jippreċiżaw u jikkompletaw ċerti dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura u huma intiżi li jippermettu lir-rappreżentanti tal-partijiet jieħdu inkunsiderazzjoni elementi li l-qorti għandha tikkunsidra, b'mod partikolari dawk dwar il-preżentata tal-atti proċedurali u tal-annessi, dwar il-preżentazzjoni tagħhom, dwar it-traduzzjoni tagħhom u dwar l-interpretazzjoni waqt is-seduti għas-sottomissjonijiet orali;

    billi tqis il-karatteristiċi partikolari tal-kwistjonijiet marbuta mat-trattament kunfidenzjali tal-atti proċedurali u tal-annessi;

    billi tqis li r-Reġistratur għandu jiżgura l-konformità tal-atti proċedurali u tal-annessi inklużi fil-proċess tal-kawża mad-dispożizzjonijiet tal-Istatut, tar-Regoli tal-Proċedura u ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni;

    billi tqis li l-preżentata ta' atti proċedurali u ta' annessi mhux konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Istatut, tar-Regoli tal-Proċedura u ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni tikkontribwixxi għal żieda, xi draba sinjifikattiva, fit-tul tal-istanza u fl-ispejjeż proċedurali;

    billi tqis li, bl-osservanza ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni, ir-rappreżentanti tal-partijiet, fil-kwalità tagħhom ta' prattikant fil-qasam tal-ġustizzja, jikkontribwixxu permezz tal-lealtà proċedurali tagħhom għall-effikaċja tal-ġustizzja billi jippermettu li l-Qorti Ġenerali tkun tista' tittratta effettivament l-atti proċedurali u l-annessi ppreżentati minnhom u ma jesponux ruħhom, fir-rigward tal-punti koperti f'dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 139(a) tar-Regoli tal-Proċedura;

    billi tqis li n-nuqqas repetut li jiġu osservati r-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura jew ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni li minħabba fih ikollha tintalab ir-regolarizzazzjoni jista' jagħti lok għar-rimbors tal-ispejjeż marbuta mat-trattament meħtieġ min-naħa tal-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 139(c) tar-Regoli tal-Proċedura;

    billi tqis li t-trattament tal-informazzjoni jew tal-annessi prodotti skont l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jiġi rregolat mid-deċiżjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-Artikolu 105(11) tar-Regoli tal-Proċedura;

    wara li kkonsultat l-aġenti tal-Istat Membri, tal-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) u tal-Conseil des barreaux européens (CCBE);

    TADOTTA DAWN ID-DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI TA' IMPLEMENTAZZJONI:

    I.   FUQ IR-REĠISTRU

    A.   Il-kompiti tar-Reġistratur

    1.

    Ir-Reġistratur għandu jkun responsabbli għaż-żamma tar-reġistru tal-Qorti Ġenerali u tal-proċessi tal-kawżi pendenti, għar-riċezzjoni, għat-trażmissjoni, għan-notifika u għaż-żamma tad-dokumenti, tal-korrispondenza mal-partijiet, ma' min iressaq talba għal intervent u ma' min iressaq talba għal għajnuna legali, kif ukoll għall-kustodja tas-siġilli tal-Qorti Ġenerali. Huwa għandu jiżgura li d-drittijiet tar-Reġistru jinġabru u li l-ammonti dovuti lill-kaxxier tal-Qorti Ġenerali jiġu rkuprati. Ir-Reġistratur għandu jkun responsabbli għall-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u għat-tqegħid fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ta' dokumenti li jirrigwardaw lill-Qorti Ġenerali.

    2.

    Ir-Reġistratur għandu jkun assistit minn Assistent Reġistratur wieħed jew iktar fil-kompiti speċifikati fil-punt 1 iktar 'il fuq. Fil-każ ta' impediment tar-Reġistratur, wieħed mill-Assistenti Reġistraturi, skont l-ordni ta' anzjanità fil-kariga, għandu jassumi r-responsabbiltà għall-eżekuzzjoni ta' dawn il-kompiti u għandu jieħu d-deċiżjonijiet li skont id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u skont dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni għandhom jittieħdu mir-Reġistratur, kif ukoll id-delegi mogħtija lilu skont dawn l-istrumenti.

    B.   Il-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru

    3.

    Ir-Reġistru għandu jkun miftuħ fil-jiem ta' xogħol kollha. Għandhom jitqiesu li huma jiem ta' xogħol il-jiem kollha ħlief is-Sibtijiet, il-Ħdud kif ukoll il-jiem ta' vaganza legali previsti fil-lista msemmija fl-Artikolu 58(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    4.

    Meta jum ta' xogħol fis-sens tal-punt 3 iktar 'il fuq jkun jum ta' vaganza għall-uffiċjali u għall-membri tal-persunal tal-Istituzzjoni, il-possibbiltà li r-Reġistru jiġi kkuntattjat matul il-ħinijiet tal-ftuħ għandha tiġi żgurata permezz ta' preżenza permanenti.

    5.

    Il-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru għandhom ikunu:

    filgħodu, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mid-09.30 sa 12.00,

    wara nofsinhar, mit-Tnejn sal-Ħamis, mis-14.30 sal-17.30 u l-Ġimgħa mis-14.30 sal-16.30.

    6.

    Nofs siegħa qabel tibda seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-Reġistru għandu jkun aċċessibbli għar-rappreżentanti tal-partijiet imsejħa għal din is-seduta.

    7.

    Barra mill-ħinijiet tal-ftuħ tar-Reġistru, l-atti proċedurali jistgħu, f'kull ħin tal-ġurnata jew tal-lejl, jiġu validament ippreżentati lill-gwardjan li jkun qiegħed fl-entrati tal-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan għandu jieħu nota tad-data u tal-ħin tal-preżentata, li jkunu awtentiċi, u għandu jagħti rċevuta jekk din tintalab.

    C.   Ir-reġistru

    8.

    Fir-reġistru għandhom jiġu rreġistrati d-dokumenti kollha inklużi fil-proċessi fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali.

    9.

    Fir-reġistru għandhom jiġu rreġistrati wkoll l-informazzjoni jew l-annessi prodotti skont l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura, li t-trattament tagħhom huwa rregolat mid-deċiżjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-Artikolu 105(11) tar-Regoli tal-Proċedura.

    10.

    Ir-reġistrazzjonijiet fir-reġistru għandhom jiġu nnumerati f'ordni konsekuttiv u kontinwu. Dawn għandhom isiru fil-lingwa tal-kawża u għandhom jinkludu l-indikazzjonijiet neċessarji għall-identifikazzjoni tal-att, b'mod partikolari d-dati tal-preżentata u tar-reġistrazzjoni, in-numru tal-kawża u n-natura tal-att.

    11.

    Ir-reġistru miżmum f'forma elettronika għandu jkun maħsub b'mod li ebda reġistrazzjoni ma tkun tista' titħassar u b'mod li kull emenda sussegwenti ta' reġistrazzjoni tkun tista' tingħaraf.

    12.

    In-numru tal-ordni tar-reġistrazzjoni fir-reġistru għandu jiġi indikat fl-ewwel paġna ta' kull att li joħroġ mill-Qorti Ġenerali.

    13.

    In-notament tar-reġistrazzjoni fir-reġistru, li għandu jinkludi l-indikazzjoni tan-numru tal-ordni, tad-data tal-preżentata u tad-data tar-reġistrazzjoni fir-reġistru, għandu jsir fuq l-oriġinal tal-att proċedurali ppreżentat mill-partijiet jew fuq il-verżjoni meqjusa li hija l-oriġinal ta' dan l-att (2), kif ukoll fuq kull kopja li tiġi nnotifikata lilhom. Dan in-notament għandu jsir fil-lingwa tal-kawża.

    14.

    Fir-rigward tad-data tal-preżentata msemmija fil-punt 13 iktar 'il fuq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, skont il-każ, id-data li fiha l-att proċedurali jiġi rċevut mir-Reġistru, id-data msemmija fl-Artikolu 5 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Settembru 2011, id-data msemmija fil-punt 7 iktar 'il fuq jew, fil-każijiet previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 54 tal-Istatut u fl-Artikolu 8(1) tal-Anness ta' dan l-Istatut, id-data tal-preżentata tal-att proċedurali quddiem ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew quddiem ir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

    D.   In-numru tal-kawża

    15.

    Meta rikors promotur jiġi rreġistrat fir-reġistru, il-kawża għandha tingħata numru tal-ordni ppreċedut b'“T-” u segwit bl-indikazzjoni tas-sena. Fil-każ ta' appell minn deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan in-numru għandu jkun segwit b'notament speċifiku.

    16.

    It-talbiet għal miżuri provviżorji, it-talbiet għal intervent, it-talbiet għal rettifika jew għal interpretazzjoni, it-talbiet sabiex jiġi rrimedjat nuqqas li tingħata deċiżjoni, it-talbiet għal reviżjoni, it-talbiet għal oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja jew għal oppożizzjoni minn terzi, it-talbiet għall-intaxxar tal-ispejjeż u t-talbiet għal għajnuna legali li jkunu jirrigwardaw rikorsi pendenti għandhom jingħataw l-istess numru tal-ordni bħall-kawża prinċipali, segwit b'notament li jindika n-natura partikolari distinta ta' dawn il-proċeduri.

    17.

    Talba għal għajnuna legali mressqa bl-intenzjoni li eventwalment titressaq kawża għandha tingħata numru tal-ordni ppreċedut b'“T-”, segwit bl-indikazzjoni tas-sena u b'notament speċifiku.

    18.

    Rikors li l-preżentata tiegħu tkun ippreċeduta b'talba għal għajnuna legali relatata miegħu għandu jingħata l-istess numru tal-kawża bħal din it-talba.

    19.

    Kawża mibgħuta lura mill-Qorti tal-Ġustizzja wara annullament jew wara eżami mill-ġdid għandha tingħata n-numru li kienet ingħatat preċedentement quddiem il-Qorti Ġenerali, segwit b'notament speċifiku.

    20.

    In-numru tal-ordni tal-kawża, bl-indikazzjoni tal-partijiet, għandu jiġi indikat fl-atti proċedurali, fil-korrispondenza relatata mal-kawża kif ukoll, bla ħsara għall-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-pubblikazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali u fid-dokumenti tal-Qorti Ġenerali mqiegħda fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    E.   Il-proċess tal-kawża u konsultazzjoni tal-proċess tal-kawża

    E.1.   Żamma tal-proċess tal-kawża

    21.

    Il-proċess tal-kawża għandu jinkludi: l-atti proċedurali, jekk ikun il-każ flimkien mal-annessi, li jkunu ser jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tinqatal-kawża, bin-notament previst fil-punt 13 iktar 'il fuq, iffirmat mir-Reġistratur; il-korrispondenza mal-partijiet; jekk ikun il-każ, ir-rapport għas-seduta, il-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali u l-proċess verbal tas-seduta istruttorja, kif ukoll id-deċiżjonijiet meħuda f'din il-kawża.

    22.

    Id-dokumenti inklużi fil-proċess tal-kawża għandhom jingħataw numru konsekuttiv.

    23.

    Il-verżjonijiet kunfidenzjali u l-verżjonijiet mhux kunfidenzjali tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom għandhom jinżammu b'mod separat fil-proċess tal-kawża.

    24.

    Id-dokumenti dwar il-proċeduri partikolari msemmija fil-punt 16 iktar 'il fuq għandhom jinżammu b'mod separat fil-proċess tal-kawża.

    25.

    Att proċedurali u l-annessi tiegħu prodotti f'kawża u inklużi fil-proċess ta' din il-kawża ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-preparazzjoni ta' kawża oħra.

    26.

    Wara li tintemm il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Reġistru għandu jiżgura l-għeluq u l-arkivjar tal-proċess tal-kawża. Il-proċess magħluq għandu jinkludi lista tad-dokumenti kollha inklużi fil-proċess tal-kawża, b'indikazzjoni tan-numru tagħhom, kif ukoll paġna quddiem li tindika n-numru tal-ordni tal-kawża, il-partijiet u d-data meta ngħalqet il-kawża.

    27.

    It-trattament tal-informazzjoni jew tal-annessi prodotti skont l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura huwa rregolat mid-deċiżjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi tal-Artikolu 105(11) tar-Regoli tal-Proċedura.

    E.2.   Konsultazzjoni tal-proċess tal-kawża

    28.

    Ir-rappreżentanti tal-partijiet prinċipali f'kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għandhom ikunu jistgħu jikkonsultaw, fl-uffiċċji tar-Reġistru, il-proċess tal-kawża, inklużi l-inkartamenti amministrattivi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, u għandhom ikunu jistgħu jitolbu kopji tal-atti proċedurali jew ta' estratti mill-proċess tal-kawża u mir-reġistru.

    29.

    Ir-rappreżentanti tal-partijiet li l-intervent tagħhom ikun ġie aċċettat skont l-Artikolu 144 tar-Regoli tal-Proċedura għandhom l-istess dritt li jikkonsultaw il-proċess tal-kawża bħall-partijiet prinċipali, bla ħsara għall-Artikolu 144(5) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura.

    30.

    Fil-kawżi magħquda, ir-rappreżentanti tal-partijiet kollha għandhom id-dritt li jikkonsultaw il-proċessi tal-kawżi kkonċernati mit-tgħaqqid, bla ħsara għall-Artikolu 68(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

    31.

    Il-persuni li jkunu ressqu talba għal għajnuna legali skont l-Artikolu 147 tar-Regoli tal-Proċedura mingħajr l-assistenza ta' avukat għandhom id-dritt li jikkonsultaw il-proċess dwar l-għajnuna legali.

    32.

    Il-konsultazzjoni tal-verżjoni kunfidenzjali tal-atti proċedurali u, jekk ikun il-każ, tal-annessi tagħhom għandha tkun awtorizzata biss fir-rigward tal-partijiet li għalihom ma jkun ġie ordnat ebda trattament kunfidenzjali.

    33.

    Fir-rigward tal-informazzjoni jew tal-annessi prodotti skont l-Artikolu 105(1) jew (2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jsir riferiment għall-punt 27 iktar 'il fuq.

    F.   L-oriġinali tas-sentenzi u tad-digrieti

    34.

    L-oriġinali tas-sentenzi u tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali għandhom jinżammu, f'ordni kronoloġiku, fl-arkivji tar-Reġistru. Kopja awtentikata tagħhom għandha tiġi inkluża fil-proċess tal-kawża.

    35.

    Fuq talba mill-partijiet, ir-Reġistratur għandu jagħtihom kopja tal-oriġinal ta' sentenza jew ta' digriet, jekk ikun il-każ, f'verżjoni mhux kunfidenzjali.

    36.

    Ir-Reġistratur jista' jagħti kopja sempliċi tas-sentenzi jew tad-digrieti lil terzi li jitolbuha, iżda biss sa fejn dawn id-deċiżjonijiet ma jkunux diġà aċċessibbli pubblikament u sa fejn ma jkunx fihom informazzjoni kunfidenzjali.

    37.

    Id-digrieti dwar rettifika ta' sentenza jew ta' digriet, is-sentenzi jew id-digrieti dwar l-interpretazzjoni ta' sentenza jew ta' digriet, is-sentenzi mogħtija fuq oppożizzjoni għal sentenza fil-kontumaċja, is-sentenzi jew id-digrieti mogħtija fuq oppożizzjoni minn terzi jew fuq talba għal reviżjoni, kif ukoll is-sentenzi jew id-digrieti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-appell jew fil-każ ta' eżami mill-ġdid għandhom jiġu indikati permezz ta' notament fil-marġni tas-sentenza jew tad-digriet ikkonċernat; l-oriġinal jew kopja awtentikata tagħhom għandhom jiġu annessi mal-oriġinal tas-sentenza jew tad-digriet.

    G.   It-traduzzjonijiet

    38.

    Ir-Reġistratur għandu jiżgura li, inkonformità mal-Artikolu 47 tar-Regoli tal-Proċedura, dak kollu li jintqal jew jinkiteb matul il-proċedura jiġi tradott, fuq talba minn Imħallef, minn Avukat Ġenerali jew minn parti, fil-lingwa tal-kawża jew, jekk ikun il-każ, f'lingwa oħra msemmija fl-Artikolu 45(1) tar-Regoli tal-Proċedura. Sa fejn traduzzjoni f'lingwa oħra msemmija fl-Artikolu 44 tar-Regoli tal-Proċedura tkun neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, ir-Reġistratur għandu jiżgura li titwettaq ukoll tali traduzzjoni.

    H.   Ix-xhieda u l-periti

    39.

    Ir-Reġistratur għandu jieħu l-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tad-digrieti li jordnaw perizja jew is-smigħ ta' xhieda.

    40.

    Ir-Reġistratur għandu jitlob lix-xhieda jippreżentawlu d-dokumenti ta' sostenn fir-rigward tal-ispejjeż tagħhom u għat-telf ta' qligħ tagħhom u għandu jitlob lill-periti jippreżentawlu nota tal-onorarji li tiġġustifika x-xogħol u l-ispejjeż tagħhom.

    41.

    Ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-kaxxier tal-Qorti Ġenerali jħallas l-ammonti dovuti lix-xhieda u lill-periti, skont ir-Regoli tal-Proċedura. Fil-każ ta' kontestazzjoni dwar dawn l-ammonti, ir-Reġistratur għandu jressaqha quddiem il-President sabiex tittieħed deċiżjoni dwarha.

    I.   It-tariffa tar-Reġistru

    42.

    Meta jingħata estratt mir-reġistru inkonformità mal-Artikolu 37 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur għandu jiġbor dritt tar-Reġistru ta' EUR 3,50 għal kull paġna għal kopja awtentikata u ta' EUR 2,50 għal kull paġna għal kopja sempliċi.

    43.

    Meta kopja ta' att proċedurali jew estratt mill-proċess tal-kawża jingħataw fuq karta lil parti fuq talba tagħha inkonformità mal-Artikolu 38(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur għandu jiġbor dritt tar-Reġistru ta' EUR 3,50 għal kull paġna għal kopja awtentikata u ta' EUR 2,50 għal kull paġna għal kopja sempliċi.

    44.

    Meta kopja awtentikata ta' digriet jew ta' sentenza, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni, tingħata lil parti fuq talba tagħha inkonformità mal-Artikolu 38(1) jew mal-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur għandu jiġbor dritt tar-Reġistru ta' EUR 3,50 għal kull paġna.

    45.

    Meta kopja sempliċi ta' sentenza jew ta' digriet tingħata inkonformità mal-punt 36 iktar 'il fuq lil terz fuq talba tiegħu, ir-Reġistratur għandu jiġbor dritt tar-Reġistru ta' EUR 2,50 għal kull paġna.

    46.

    Meta r-Reġistratur jiżgura li titwettaq, fuq talba ta' parti, traduzzjoni ta' att proċedurali jew ta' estratt mill-proċess tal-kawża, li l-volum tagħhom jitqies, skont l-Artikolu 139(b) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa żejjed, għandu jinġabar dritt tar-Reġistru ta' EUR 1,25 għal kull linja.

    47.

    Meta parti jew min iressaq talba għal intervent jonqsu b'mod repetut milli josservaw ir-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura jew ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni, ir-Reġistratur għandu jiġbor, inkonformità mal-Artikolu 139(c) tar-Regoli tal-Proċedura, dritt tar-Reġistru li ma jistax ikun ta' iktar minn EUR 7 000 (2 000 darba t-tariffa ta' EUR 3,50 prevista fil-punti 42 sa 44 iktar 'il fuq).

    J.   Irkupru ta' ammonti

    48.

    Jekk ikun hemm lok li jiġu rkuprati, favur il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali, ammonti mħallsa bħala għajnuna legali, ammonti mħallsa lix-xhieda jew lill-periti jew l-ispejjeż sostnuti mill-Qorti Ġenerali li setgħu jiġu evitati fis-sens tal-Artikolu 139(a) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Reġistratur għandu jitlob dawn l-ammonti mingħand il-parti li tkun responsabbli għalihom.

    49.

    Fil-każ li l-ammonti msemmija fil-punt 48 iktar 'il fuq ma jitħallsux fit-terminu ffissat mir-Reġistratur, dan tal-aħħar jista' jitlob lill-Qorti Ġenerali tagħti digriet li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv u li tiegħu għandu, jekk ikun il-każ, jeżiġi l-infurzar.

    50.

    Jekk ikun hemm lok li jiġu rkuprati, favur il-kaxxier tal-Qorti Ġenerali, drittijiet tar-Reġistru, ir-Reġistratur għandu jitlob dawn l-ammonti mingħand il-parti jew it-terz li jkunu responsabbli għalihom.

    51.

    Fil-każ li l-ammonti msemmija fil-punt 50 iktar 'il fuq ma jitħallsux fit-terminu ffissat mir-Reġistratur, dan tal-aħħar jista' jadotta, fuq il-bażi tal-Artikolu 35(4) tar-Regoli tal-Proċedura, deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv u li tagħha għandu, jekk ikun il-każ, jeżiġi l-infurzar.

    K.   Il-pubblikazzjoni u t-tqegħid ta' dokumenti fuq l-Internet

    52.

    Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-ismijiet tal-President u tal-Viċi President tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll tal-Presidenti ta' awla li jkunu ġew eletti mill-Qorti Ġenerali, tal-kompożizzjoni tal-awli u tal-kriterji stabbiliti għall-assenjazzjoni tal-kawżi lill-awli, tal-kriterji stabbiliti, jekk ikun il-każ, sabiex jiġi kkompletat il-kulleġġ ġudikanti jew sabiex jintlaħaq il-kworum fil-każ ta' impediment ta' Membru tal-kulleġġ ġudikanti, tal-isem tar-Reġistratur u, jekk ikun il-każ, tal-Assistent Reġistratur wieħed jew iktar eletti mill-Qorti Ġenerali, kif ukoll tad-dati tal-vaganzi ġudizzjarji.

    53.

    Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjonijiet previsti fl-Artikolu 11(3), fl-Artikolu 57(4), fl-Artikolu 74 u fl-Artikolu 105(11) tar-Regoli tal-Proċedura.

    54.

    Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-formola tal-għajnuna legali.

    55.

    Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-pubblikazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-avviżi dwar ir-rikorsi ppreżentati u dwar id-deċiżjonijiet li jagħlqu l-istanza, ħlief fil-każ ta' deċiżjonijiet li jagħlqu l-istanza adottati qabel in-notifika tar-rikors lill-konvenut.

    56.

    Ir-Reġistratur għandu jiżgura l-pubblikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali inkonformità mal-modalitajiet deċiżi minn din tal-aħħar. Dawn il-modalitajiet għandhom ikunu disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    II.   DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI DWAR IT-TRATTAMENT TAL-KAWŻI

    A.   In-notifiki

    57.

    In-notifiki għandhom jitwettqu mir-Reġistru inkonformità mal-Artikolu 57 tar-Regoli tal-Proċedura.

    58.

    Mal-kopja tal-att li jkun qiegħed jiġi nnotifikat għandha tintbagħat ittra li tispeċifika n-numru tal-kawża, in-numru tar-reġistru u l-indikazzjoni fil-qosor tan-natura tal-att.

    59.

    Fil-każ ta' notifika ta' att skont l-Artikolu 57(2) tar-Regoli tal-Proċedura, id-destinatarju għandu jiġi informat b'din in-notifika permezz tat-trażmissjoni bl-applikazzjoni e-Curia jew b'faks ta' kopja tal-ittra li tintbagħat man-notifika filwaqt li l-attenzjoni tad-destinatarju għandha tinġibed għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 57(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

    60.

    Il-prova tan-notifika għandha tinżamm fil-proċess tal-kawża.

    61.

    Meta l-verżjoni sħiħa ta' anness ta' att proċedurali tiġi prodotta, inkonformità mal-Artikolu 72(4) tar-Regoli tal-Proċedura, f'kopja waħda minħabba l-volum tal-anness, ir-Reġistratur għandu jinforma b'dan lill-partijiet u għandu jindikalhom li l-anness jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom fir-Reġistru fejn ikun jista' jiġi kkonsultat.

    62.

    Fil-każ li tentattiv ta' notifika tar-rikors lill-konvenut ma jirnexxix, ir-Reġistratur għandu jiffissa terminu lir-rikorrent, skont il-każ, sabiex jipprovdi informazzjoni addizzjonali għall-finijiet tan-notifika jew sabiex jistaqsi jekk ir-rikorrent jaċċettax li juża, bi spejjeż tiegħu, is-servizzi ta' marixxal sabiex titwettaq notifika ġdida.

    B.   It-termini

    63.

    Fir-rigward tal-Artikolu 58(1)(a) u (b) tar-Regoli tal-Proċedura, meta terminu jkun espress f'ġimgħat, f'xhur jew fi snin, dan it-terminu għandu jiskadi fi tmiem il-jum li, fl-aħħar ġimgħa, fl-aħħar xahar jew fl-aħħar sena indikati mit-terminu, ikollu l-istess isem jew l-istess numru bħall-jum li minnu beda jiddekorri t-terminu, jiġifieri l-jum li matulu seħħ l-avveniment jew twettaq l-att li minnhom jibda jiddekorri t-terminu, u mhux il-jum segwenti.

    64.

    Ir-Reġistratur għandu jiffissa t-termini previsti mir-Regoli tal-Proċedura, inkonformità mad-delegi li jkun irċieva mill-President.

    65.

    Inkonformità mal-Artikolu 62 tar-Regoli tal-Proċedura, l-atti proċedurali jew l-annessi li jaslu fir-Reġistru wara l-iskadenza tat-terminu ffissat għall-preżentata tagħhom jistgħu jiġu aċċettati biss bl-awtorizzazzjoni tal-President.

    66.

    Ir-Reġistratur jista' jipproroga t-termini ffissati, inkonformità mad-delegi li jkun irċieva mill-President; jekk ikun il-każ, huwa għandu jissottometti lill-President proposti dwar il-proroga tat-termini. It-talbiet għall-proroga ta' termini għandhom ikunu debitament motivati u għandhom jitressqu fi żmien suffiċjenti qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat.

    67.

    Terminu jista' jiġi pprorogat għal iktar minn darba għal raġunijiet eċċezzjonali biss.

    C.   L-anonimat

    68.

    Meta parti tqis li l-identità tagħha ma għandhiex tiġi żvelata fil-konfront tal-pubbliku fil-kuntest ta' kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali, din il-parti tista' titlob lil din tal-aħħar, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tapplika, jekk ikun il-każ, l-anonimat, totali jew parzjali, għall-kawża ineżami.

    69.

    It-talba għal anonimat għandha titressaq permezz ta' att separat li jinkludi motivazzjoni adegwata.

    70.

    Sabiex titħares l-effikaċja tal-anonimat, huwa rrakkomandat li t-talba titressaq sa mill-bidu tal-proċedura. Minħabba l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kawża fuq l-Internet, ikun fil-fatt ħafna iktar diffiċli li jiġi implementat l-anonimat meta l-avviż dwar il-kawża kkonċernata jkun diġà ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    D.   L-ommissjoni ta' informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku

    71.

    Fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, parti tista' tressaq talba għall-ommissjoni tal-identità ta' terzi msemmija fil-kuntest tal-proċedura jew ta' ċerta informazzjoni ta' natura kunfidenzjali fid-dokumenti marbuta mal-kawża li għalihom ikollu aċċess il-pubbliku.

    72.

    It-talba għal ommissjoni għandha titressaq permezz ta' att separat. Din it-talba għandha tindika b'mod preċiż l-informazzjoni kkonċernata u għandha tinkludi motivazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta' kull element ta' din l-informazzjoni.

    73.

    Sabiex titħares l-effikaċja tal-ommissjoni ta' informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku, huwa rrakkomandat li t-talba titressaq, skont il-każ, sa mill-bidu tal-proċedura jew meta jiġi ppreżentat l-att proċedurali li jkun fih l-informazzjoni inkwistjoni jew immedjatament wara li tittieħed konoxxenza tiegħu. Minħabba l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-kawża fuq l-Internet, ikun fil-fatt ħafna iktar diffiċli li tiġi implementata l-ommissjoni ta' informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku meta l-avviż dwar il-kawża kkonċernata jkun diġà ġie ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew meta d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, meħuda fil-mori tal-kawża jew li tagħlaq il-kawża, tkun aċċessibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    III.   FUQ L-ATTI PROĊEDURALI U FUQ L-ANNESSI TAGĦHOM

    A.   Il-preżentata tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom

    A.1.   Permezz tal-applikazzjoni e-Curia

    74.

    Il-preżentata tal-atti proċedurali b'mod esklużivament elettroniku hija permessa permezz tal-użu tal-applikazzjoni e-Curia (https://curia.europa.eu/e-Curia), b'osservanza tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Settembru 2011 u tal-Kundizzjonijiet ta' użu tal-applikazzjoni e-Curia. Dawn id-dokumenti huma disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    75.

    Fil-każ li tintuża l-applikazzjoni e-Curia, ma huwiex meħtieġ li verżjoni stampata fuq karta tal-att proċedurali, kif ukoll kopji awtentikati ta' dan l-att, jiġu kkomunikati lill-Qorti Ġenerali permezz tal-posta.

    76.

    L-annessi ta' att proċedurali, li jissemmew fit-test ta' dan l-att, li ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati permezz ta' e-Curia minħabba n-natura tagħhom, jistgħu jintbagħtu b'mod separat skont l-Artikolu 73(2) tar-Regoli tal-Proċedura, bil-kundizzjoni li dawn l-annessi jissemmew fl-iskeda li telenka l-annessi tal-att ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia. L-iskeda li telenka l-annessi għandha tidentifika l-annessi li ser jiġu ppreżentati b'mod separat. Dawn l-annessi għandhom jaslu fir-Reġistru mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara l-preżentata tal-att proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

    77.

    Bla ħsara għal rekwiżiti speċifiċi, dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni għandhom japplikaw għall-atti proċedurali ppreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia.

    A.2.   Permezz tal-faks

    78.

    It-trażmissjoni lir-Reġistru, prevista fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tal-kopja sħiħa tal-oriġinal ta' att proċedurali li tkun tinkludi l-firma bl-idejn tar-rappreżentant, inkluża l-iskeda li telenka l-annessi, tista' ssir permezz ta' faks fuq in-numru tal-faks: + 352 43032100.

    79.

    Id-data tal-preżentata ta' att proċedurali permezz ta' faks għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza ta' terminu biss fil-każ li d-dokument oriġinali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant, li kien is-suġġett tat-trażmissjoni permezz ta' faks, jiġi ppreżentat fir-Reġistru mhux iktar tard minn għaxart ijiem wara, kif previst fl-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    80.

    Id-dokument oriġinali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant għandu jintbagħat mingħajr dewmien, immedjatament wara li jintbagħat permezz ta' faks, mingħajr ma jsirulu korrezzjonijiet jew emendi, lanqas dawk minuri.

    81.

    Fil-każ ta' differenza bejn id-dokument oriġinali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant u l-kopja li tkun waslet preċedentement fir-Reġistru permezz ta' faks, id-data li tittieħed inkunsiderazzjoni għandha tkun dik tal-preżentata ta' dan id-dokument oriġinali ffirmat.

    82.

    Skont l-Artikolu 73(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-oriġinal ta' kull att proċedurali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant għandu jiġi ppreżentat flimkien ma' numru suffiċjenti ta' kopji awtentikati.

    83.

    Id-dikjarazzjoni ta' parti li permezz tagħha taċċetta, inkonformità mal-Artikolu 77(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li n-notifiki jsirulha permezz ta' faks, għandha tinkludi l-indikazzjoni tan-numru tal-faks għall-finijiet tan-notifiki mir-Reġistru. Għandu jiġi indikat numru tal-faks wieħed, għaliex inkella tintalab regolarizzazzjoni.

    A.3.   Permezz tal-posta

    84.

    Il-preżentata ta' atti proċedurali bil-posta għandha ssir fl-indirizz segwenti:

    Greffe du Tribunal de l'Union européenne

    Rue du Fort Niedergrünewald

    L-2925 Lussemburgu

    85.

    Skont l-Artikolu 73(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-oriġinal ta' kull att proċedurali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant għandu jiġi ppreżentat flimkien ma' numru suffiċjenti ta' kopji awtentikati.

    B.   Rifjut ta' atti proċedurali u ta' annessi

    86.

    Ir-Reġistratur għandu jirrifjuta li jirreġistra fir-reġistru u li jinkludi fil-proċess tal-kawża l-atti proċedurali u, jekk ikun il-każ, l-annessi mhux previsti mir-Regoli tal-Proċedura. Fil-każ ta' dubju, ir-Reġistratur għandu jressaq il-kwistjoni quddiem il-President sabiex tittieħed deċiżjoni.

    87.

    Bla ħsara għall-Artikolu 73(3) tar-Regoli tal-Proċedura u għall-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Settembru 2011, ir-Reġistratur għandu jaċċetta biss l-atti proċedurali li jkollhom il-firma oriġinali bl-idejn tal-avukat jew tal-aġent tal-parti kkonċernata.

    88.

    Ir-Reġistratur jista' jitlob li jiġi ppreżentat kampjun, jekk ikun il-każ awtentikat, tal-firma bl-idejn ta' avukat jew ta' aġent sabiex ikun jista' jivverifika l-osservanza tal-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 73(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    89.

    Ħlief fil-każijiet previsti espliċitament fir-Regoli tal-Proċedura u bla ħsara għall-punti 108 u 109 iktar 'il quddiem, ir-Reġistratur għandu jirrifjuta li jirreġistra fir-reġistru u li jinkludi fil-proċess tal-kawża l-atti proċedurali jew l-annessi redatti b'lingwa li ma tkunx il-lingwa tal-kawża.

    90.

    Fil-każ li parti tikkontesta r-rifjut ta' reġistrazzjoni fir-reġistru jew ta' inklużjoni fil-proċess tal-kawża ta' att proċedurali jew ta' anness mir-Reġistratur, dan tal-aħħar għandu jressaq il-kwistjoni quddiem il-President sabiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk l-att jew l-anness inkwistjoni għandhomx jiġu aċċettati.

    C.   Il-preżentazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom

    C.1.   Fuq l-atti proċedurali

    91.

    L-indikazzjonijiet segwenti għandhom ikunu inklużi fuq l-ewwel paġna ta' kull att proċedurali:

    (a)

    in-numru tal-kawża (T-…/…), sa fejn dan ikun diġà ġie kkomunikat mir-Reġistru;

    (b)

    it-tip ta' att proċedurali (rikors, risposta, replika, kontroreplika, talba għal intervent, nota ta' intervent, eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, osservazzjonijiet dwar …, tweġibiet għall-mistoqsijiet, eċċ.);

    (c)

    l-ismijiet tar-rikorrent, tal-konvenut, jekk ikun il-każ dak tal-intervenjent, kif ukoll dak ta' kull parti oħra fil-proċedura fir-rigward tal-kawżi dwar proprjetà intellettwali u fir-rigward tal-appelli mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

    (d)

    l-isem tal-parti li għaliha jkun qiegħed jiġi ppreżentat l-att proċedurali.

    92.

    Kull paragrafu tal-att proċedurali għandu jkun innumerat b'mod kontinwu u b'ordni konsekuttiva.

    93.

    Bla ħsara għall-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Settembru 2011, il-firma bl-idejn ta' kull att proċedurali hija meħtieġa għall-finijiet tal-awtentifikazzjoni tal-awtur tal-att proċedurali. Din il-firma hija intiża wkoll sabiex jiġi żgurat li l-firmatarju jassumi r-responsabbiltà għall-kontenut tal-att proċedurali. Għal dawn ir-raġunijiet, fl-atti proċedurali li ma jiġux ippreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia,

    il-firma bl-idejn tar-rappreżentant tal-parti għandha tkun inkluża fl-aħħar tal-att proċedurali;

    il-firma bl-idejn ma għandhiex tiġi inkluża waħedha fuq l-aħħar paġna tal-att proċedurali;

    l-atti proċedurali ffirmati “għal” jew fl-isem ta' uffiċċju ta' avukati ma jistgħux jiġu aċċettati.

    94.

    Fil-każ ta' iktar minn rappreżentant wieħed, il-firma bl-idejn tal-att proċedurali minn wieħed minnhom għandha tkun biżżejjed.

    95.

    Fuq l-ewwel paġna ta' kull waħda mill-kopji tal-oriġinal tal-att proċedurali ffirmat bl-idejn mir-rappreżentant tal-parti kkonċernata li ma jkunx ġie ppreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia, li l-partijiet huma obbligati jipproduċu skont l-Artikolu 73(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rappreżentant għandu jindika “kopja awtentikata” u għandu jagħmel l-inizjali tiegħu taħt din l-indikazzjoni.

    96.

    L-atti proċedurali għandhom jiġu ppreżentati b'mod li jippermetti l-ġestjoni elettronika tad-dokumenti mill-Qorti Ġenerali u, b'mod partikolari, b'mod li jippermetti d-diġitalizzazzjoni tagħhom u r-rikonoxximent tal-ittri. B'hekk, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti segwenti:

    (a)

    it-test, f'format A4, għandu jkun jista' jinqara faċilment u għandu jidher biss fuq naħa waħda tal-paġna (“recto” u mhux “recto verso”);

    (b)

    id-dokumenti prodotti fuq karta għandhom ikunu miġbura flimkien b'mod li jkun jista' faċilment jitneħħa (mingħajr legatura u mingħajr mezzi fissi oħra bħalma huma l-kolla, l-istaples, eċċ.);

    (c)

    it-test għandu jkun miktub b'ittri ta' tipa komuni (bħal Times New Roman, Courier jew Arial) b'daqs ta' minn tal-inqas 12-il punt fit-test u minn tal-inqas 10 punti fin-noti ta' qiegħ il-paġna, bi spazju ta' 1 bejn il-linji u b'marġnijiet, fuq il-parti ta' fuq, ta' isfel, tax-xellug u tal-lemin tal-paġna ta' minn tal-inqas 2,5 cm;

    (d)

    il-paġni ta' kull att proċedurali għandhom ikunu nnumerati b'mod kontinwu u b'ordni konsekuttiva.

    C.2.   Fuq l-iskeda li telenka l-annessi

    97.

    L-iskeda li telenka l-annessi għandha tiġi inkluża fl-aħħar tal-att proċedurali. Annessi ppreżentati mingħajr l-iskeda li telenka l-annessi ma jiġux aċċettati.

    98.

    L-iskeda li telenka l-annessi għandha tindika, għal kull anness mehmuż:

    (a)

    in-numru tal-anness (b'riferiment għall-att proċedurali li miegħu jkunu mehmuża l-annessi bl-użu ta' ittra u ta' numru: pereżempju, Anness A.1, A.2, … għall-annessi mar-rikors; B.1, B.2, … għall-annessi mar-risposta; C.1, C.1, … għall-annessi mar-replika; D.1, D.2, … għall-annessi mal-kontroreplika);

    (b)

    deskrizzjoni qasira tal-anness b'indikazzjoni tan-natura tiegħu (pereżempju: “ittra” b'indikazzjoni tad-data, tal-awtur, tad-destinatarju u tan-numru ta' paġni tal-anness);

    (c)

    l-indikazzjoni tal-bidu u tat-tmiem ta' kull anness skont in-numru tal-paġni kontinwu tal-annessi (pereżempju: paġni 43 sa 49 tal-annessi);

    (d)

    l-indikazzjoni tal-paġna tal-att proċedurali u tan-numru tal-paragrafu fejn jissemma l-anness u li tiġġustifika l-produzzjoni tiegħu.

    99.

    Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament mir-Reġistru, huwa rrakkomandat li fl-iskeda li telenka l-annessi jiġi indikat liema annessi huma bil-kulur.

    C.3.   Fuq l-annessi

    100.

    Ma' att proċedurali jistgħu jiġu mehmuża biss l-annessi msemmija fit-test tal-att proċedurali u li jsir riferiment għalihom fl-iskeda li telenka l-annessi, u li jkunu neċessarji sabiex jiġi pprovat jew ikkjarifikat il-kontenut tiegħu.

    101.

    L-annessi mehmuża ma' att proċedurali għandhom jiġu ppreżentati b'mod li jippermetti l-ġestjoni elettronika tad-dokumenti mill-Qorti Ġenerali u b'mod li tiġi evitata kull possibbiltà ta' konfużjoni. B'hekk, għandhom jiġu osservati r-rekwiżiti segwenti:

    (a)

    kull anness għandu jkun innumerat inkonformità mal-punt 98(a) iktar 'il fuq;

    (b)

    l-użu ta' karti ta' separazzjoni speċifiċi (dividers) għandu jiġi evitat iżda huwa rrakkomandat li kull anness ikollu paġna ta' introduzzjoni speċifika fil-forma ta' karta sempliċi ta' daqs A4;

    (c)

    meta l-annessi jkun fihom huma stess annessi, in-numerazzjoni u l-preżentazzjoni tagħhom għandhom isiru b'tali mod li tiġi evitata kull possibbiltà ta' konfużjoni;

    (d)

    l-annessi mehmuża ma' att proċedurali għandhom ikollhom numru tal-paġna, fil-parti ta' fuq tal-lemin tal-paġna, b'ordni konsekuttiva. In-numru tal-paġna ta' dawn l-annessi għandu jkun kontinwu iżda b'mod separat mill-att proċedurali li miegħu jkunu mehmuża;

    (e)

    l-annessi għandhom ikunu jistgħu jinqraw faċilment.

    102.

    Kull riferiment għal anness prodott għandu jinkludi n-numru tal-anness rilevanti, kif indikat fuq il-lista li telenka l-annessi u l-indikazzjoni tal-att proċedurali li miegħu jkun ġie prodott l-anness (pereżempju: Anness A.1 mar-rikors).

    D.   Il-preżentazzjoni tal-fajls ippreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia

    103.

    L-atti proċedurali u l-annessi tagħhom ippreżentati permezz tal-applikazzjoni e-Curia għandhom jiġu ppreżentati fil-forma ta' fajls. Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament tagħhom mir-Reġistru, huwa rrakkomandat li jiġu segwiti l-pariri prattiċi fformulati fil-Manwal għall-użu tal-applikazzjoni e-Curia li huwa disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri:

    kull fajl għandu jkollu isem li jidentifika l-att proċedurali (Nota, Annessi parti 1, Annessi parti 2, Ittra ta' akkumpanjament, eċċ.);

    it-test tal-att proċedurali jista' jiġi maħżun direttament f'format PDF mis-softwer għall-ipproċessar ta' test, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi skannjat;

    l-att proċedurali għandu jinkludi l-iskeda li telenka l-annessi;

    l-annessi għandhom ikunu f'fajl wieħed jew iktar separati mill-fajl li jkun fih l-att proċedurali. Fajl wieħed jista' jkun fih diversi annessi. Ma huwiex obbligatorju li jinħoloq fajl għal kull anness. Huwa rrakkomandat li l-annessi jiġu miżjuda meta ssir il-preżentata skont l-ordni konsekuttiv tagħhom u li l-isem tagħhom ikun preċiż biżżejjed (pereżempju: Annessi 1 sa 3, Annessi 4 sa 6, eċċ.).

    E.   Regolarizzazzjoni tal-atti proċedurali u tal-annessi tagħhom

    E.1.   Punti ġenerali

    104.

    Ir-Reġistratur għandu jiżgura li l-atti proċedurali inklużi fil-proċess tal-kawża u l-annessi tagħhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Istatut u tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll ma' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni.

    105.

    Jekk ikun il-każ, ir-Reġistratur għandu jiffissa lill-partijiet terminu sabiex ikunu jistgħu jirrimedjaw irregolaritajiet formali fl-atti proċedurali ppreżentati.

    106.

    Fil-każ ta' nuqqasijiet repetuti ta' osservanza tar-rekwiżiti tar-Regoli tal-Proċedura jew ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni li jeħtieġu li tintalab ir-regolarizzazzjoni, ir-Reġistratur għandu jitlob mingħand il-parti jew mingħand min iressaq talba għal intervent ir-rimbors tal-ispejjeż marbuta mat-trattament mill-Qorti Ġenerali, inkonformità mal-Artikolu 139(c) tar-Regoli tal-Proċedura.

    107.

    Fil-każ li, minkejja talbiet għal regolarizzazzjoni, l-annessi jibqgħu mhux ippreżentati inkonformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura jew ma' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni, ir-Reġistratur għandu jressaq il-kwistjoni quddiem il-President sabiex dan jiddeċiedi jekk hemmx lok li dawn l-annessi jiġu rrifjutati.

    108.

    Fil-każ li l-annessi mehmuża ma' att proċedurali ma jkunux akkumpanjati minn traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża, ir-Reġistratur għandu jitlob lill-parti kkonċernata tirregolarizza dan in-nuqqas jekk din it-traduzzjoni tidher neċessarja għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura. Fin-nuqqas ta' regolarizzazzjoni, l-annessi inkwistjoni għandhom jiġu rtirati mill-proċess tal-kawża.

    109.

    Fil-każ li talba għal intervent, imressqa minn terz li ma jkunx Stat Membru, ma tkunx redatta fil-lingwa tal-kawża, ir-Reġistratur għandu jitlob ir-regolarizzazzjoni tagħha qabel jinnotifikaha lill-partijiet. Jekk verżjoni ta' din it-talba redatta fil-lingwa tal-kawża titressaq fit-terminu ffissat għal dan il-għan mir-Reġistratur, id-data tal-preżentata tal-ewwel verżjoni f'lingwa oħra għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala d-data tal-preżentata tal-att proċedurali.

    E.2.   Każijiet ta' regolarizzazzjoni tar-rikorsi

    110.

    Jekk rikors ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet speċifikati fl-Anness 1 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni, ir-Reġistru ma jwettaqx in-notifika tiegħu u għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni. L-assenza ta' regolarizzazzjoni tista' twassal għaċ-ċaħda tar-rikors minħabba inammissibbiltà, inkonformità mal-Artikolu 78(5), mal-Artikolu 177(7) u mal-Artikolu 194(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

    111.

    Jekk rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali speċifikati fl-Anness 2 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni, in-notifika tar-rikors għandha tiġi posposta u għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni.

    112.

    Jekk rikors ma jkunx konformi mar-regoli formali speċifikati fl-Anness 3 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni, ir-rikors għandu jiġi nnotifikat u għandu jiġi ffissat terminu raġonevoli għall-finijiet tar-regolarizzazzjoni.

    E.3.   Każijiet ta' regolarizzazzjoni ta' atti proċedurali oħra

    113.

    Il-każijiet ta' regolarizzazzjoni msemmija fil-punti 110 sa 112 iktar 'il fuq għandhom japplikaw, sa fejn ikun meħtieġ, għall-atti proċedurali l-oħra li ma jkunux rikors.

    IV.   FUQ IL-FAŻI BIL-MIKTUB TAL-PROĊEDURA

    A.   Tul tan-noti

    A.1.   Rikorsi diretti

    114.

    Fir-rikorsi diretti fis-sens tal-Artikolu 1 tar-Regoli tal-Proċedura, in-numru massimu ta' paġni tan-noti (3) huwa ffissat b'dan il-mod:

    50 paġna għar-rikors, kif ukoll għar-risposta;

    25 paġna għar-replika, kif ukoll għall-kontroreplika;

    20 paġna għal nota li tqajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, kif ukoll għall-osservazzjonijiet dwarha;

    20 paġna għal nota ta' intervent u 15-il paġna għall-osservazzjonijiet dwar din in-nota.

    115.

    Numru ta' paġni ikbar minn dawn il-limiti massimi jista' jiġi awtorizzat biss f'każijiet partikolarment kumplessi fid-dritt jew fil-fatt.

    A.2.   Kawżi dwar proprjetà intellettwali

    116.

    Fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali, in-numru massimu ta' paġni tan-noti (3) huwa ffissat b'dan il-mod:

    20 paġna għar-rikors, kif ukoll għar-risposti;

    15-il paġna għar-rikors inċidentali u għar-risposti għal dan ir-rikors inċidentali;

    10 paġni għal nota li tqajjem eċċezzjoni ta' inammissibbiltà, kif ukoll għall-osservazzjonijiet dwarha;

    10 paġni għal nota ta' intervent u 5 paġni għall-osservazzjonijiet dwar din in-nota.

    117.

    Numru ta' paġni ikbar minn dawn il-limiti massimi jista' jiġi awtorizzat biss f'każijiet partikolarment kumplessi fid-dritt jew fil-fatt.

    A.3.   Appelli

    118.

    Fl-appelli, in-numru massimu ta' paġni tan-noti (3) huwa ffissat b'dan il-mod:

    15-il paġna għar-rikors tal-appell u għar-risposti;

    10 paġni għar-replika, kif ukoll għall-kontroreplika;

    15-il paġna għall-appell inċidentali u għar-risposti għal dan l-appell inċidentali;

    10 paġni għar-replika, kif ukoll għall-kontroreplika sussegwentement għal appell inċidentali;

    10 paġni għal nota ta' intervent u 5 paġni għall-osservazzjonijiet dwar din in-nota.

    119.

    Numru ta' paġni ikbar minn dawn il-limiti massimi jista' jiġi awtorizzat biss f'każijiet partikolarment kumplessi fid-dritt jew fil-fatt.

    A.4.   Regolarizzazzjoni tan-noti li jkunu twal wisq

    120.

    Nota li n-numru ta' paġni tagħha jaqbeż b'40 % n-numru massimu ta' paġni previst, skont il-każ, fil-punti 114, 116 jew 118 iktar 'il fuq, għandha tagħti lok għal regolarizzazzjoni, sakemm il-President ma jagħtix istruzzjoni kuntrarja.

    121.

    Nota li n-numru ta' paġni tagħha jaqbeż b'inqas minn 40 % l-istess numru massimu ta' paġni previst, skont il-każ, fil-punti 114, 116 jew 118 iktar 'il fuq, tista' tagħti lok għal regolarizzazzjoni fuq istruzzjoni f'dan is-sens mill-President.

    122.

    Fil-każ li parti tintalab tirregolarizza nota minħabba tul eċċessiv, in-notifika tan-nota, li l-volum tagħha jiġġustifika r-regolarizzazzjoni, għandha tiġi posposta.

    B.   Struttura u kontenut tan-noti

    B.1.   Rikorsi diretti

    1.   Ir-rikors promotur

    123.

    L-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom ikunu inklużi fir-rikors promotur huma previsti fl-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura.

    124.

    Ir-rikors għandu jinkludi wkoll id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 77(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    125.

    Il-parti introduttorja tar-rikors għandha tkun segwita minn espożizzjoni qasira tal-fatti li jkunu wasslu għat-tilwima.

    126.

    It-talbiet tar-rikors għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-rikors.

    127.

    L-argumenti legali għandhom ikunu strutturati skont il-motivi invokati. B'mod ġenerali, ikun utli li qabel ma jiġu żviluppati l-argumenti legali ssir preżentazzjoni skematika tal-motivi invokati. Barra minn hekk, sabiex il-motivi invokati jkunu jistgħu jiġu identifikati faċilment, huwa rrakkomandat li kull wieħed minn dawn il-motivi jingħata titolu.

    128.

    Flimkien mar-rikors għandhom jiġu prodotti d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 51(2) u (3) u fl-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura.

    129.

    Għall-finijiet tal-produzzjoni tad-dokument ta' leġittimazzjoni, previst fl-Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jiċċertifika li l-avukat li jkun qiegħed jirrappreżenta parti jew jassisti lill-aġent tagħha huwa awtorizzat jipprattika quddiem qorti ta' Stat Membru jew ta' Stat ieħor li huwa parti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista' jsir riferiment għal anness ieħor li jkun diġà ġie ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

    130.

    Ma' kull rikors għandu jiġi ppreżentat sunt tal-motivi u tal-argumenti prinċipali invokati, liema sunt huwa intiż li jiffaċilita t-tħejjija tal-avviż previst fl-Artikolu 79 tar-Regoli tal-Proċedura. Peress li l-avviż jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwi uffiċjali kollha, huwa meħtieġ li dan is-sunt ma jkunx ta' iktar minn żewġ paġni u li jiġi redatt fil-lingwa tal-kawża inkonformità mal-mudell disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    131.

    Is-sunt tal-motivi u tal-argumenti prinċipali invokati għandu jiġi prodott b'mod separat mit-test prinċipali tar-rikors u mill-annessi msemmija fir-rikors.

    132.

    Jekk ma jiġix ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia, is-sunt tal-motivi u tal-argumenti prinċipali għandu jintbagħat, b'posta elettronika, fil-forma ta' sempliċi fajl elettroniku mħejji b'softwer għall-ipproċessar tat-test, fl-indirizz GC.Registry@curia.europea.eu, b'indikazzjoni tal-kawża li għaliha jirreferi.

    133.

    Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara li tkun tressqet talba għal għajnuna legali, liema talba għandha l-effett li tissospendi t-terminu għall-preżentata ta' rikors inkonformità mal-Artikolu 147(7) tar-Regoli tal-Proċedura, din l-informazzjoni għandha tiġi indikata fil-bidu tar-rikors promotur.

    134.

    Jekk ir-rikors jiġi ppreżentat wara n-notifika tad-digriet li permezz tiegħu tingħata deċiżjoni dwar talba għal għajnuna legali jew, fil-każ li f'dan id-digriet ma jkunx ġie nnominat avukat sabiex jirrappreżenta lill-persuna li tkun talbet l-għajnuna legali, wara n-notifika tad-digriet li jinnomina lill-avukat inkarigat li jirrappreżenta lill-persuna li tkun talbet l-għajnuna legali, fir-rikors għandha tiġi indikata wkoll id-data li fiha d-digriet kien ġie nnotifikat lir-rikorrent.

    135.

    Sabiex tiġi ffaċilitata t-tħejjija tar-rikors mill-aspett formali, ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mistiedna jikkonsultaw id-dokumenti “Check-list — Rikors ippreżentat fuq karta” u “Check-list — Rikors ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia” li huma disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    2.   Ir-risposta

    136.

    L-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom ikunu inklużi fir-risposta huma previsti fl-Artikolu 81(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    137.

    It-talbiet tal-konvenut għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta.

    138.

    Kull kontestazzjoni tal-fatti allegati mir-rikorrent għandha tkun espliċita u għandha tindika bi preċiżjoni l-fatti kkonċernati.

    139.

    Peress li l-qafas legali tal-istanza huwa ffissat permezz tar-rikors, l-argumenti żviluppati fir-risposta għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu strutturati skont il-motivi jew l-ilmenti indikati fir-rikors.

    140.

    Il-punti 124, 128 u 129 iktar 'il fuq għandhom japplikaw għar-risposta.

    3.   Ir-replika u l-kontroreplika

    141.

    Fil-każ li jsir it-tieni skambju ta' noti, il-partijiet prinċipali jistgħu jikkompletaw l-argumenti tagħhom, skont il-każ, permezz ta' replika jew ta' kontroreplika.

    142.

    Peress li l-qafas u l-motivi jew l-ilmenti fil-qofol tal-tilwima jkunu ġew esposti (jew ikkontestati) b'mod iddettaljat fir-rikors u fir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika għandhom bħala għan li jippermettu lir-rikorrent u lill-konvenut jippreċiżaw il-pożizzjoni tagħhom u li jirfinaw l-argumenti tagħhom dwar punt importanti u li jwieġbu għall-punti ġodda li joħorġu fir-risposta u fir-replika. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 83(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-President jista' jispeċifika huwa stess il-punti li fuqhom għandhom jikkonċentraw dawn l-atti proċedurali.

    B.2.   Kawżi dwar il-proprjetà intellettwali

    1.   Ir-rikors promotur

    143.

    L-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom ikunu inklużi fir-rikors promotur huma previsti fl-Artikolu 177(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    144.

    Ir-rikors għandu jinkludi wkoll id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 77(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kif ukoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 177(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    145.

    Flimkien mar-rikors għandhom jiġu prodotti d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 177(3) sa (5) tar-Regoli tal-Proċedura.

    146.

    Il-punti 125 sa 127, 129, 133 sa 135 iktar 'il fuq għandhom japplikaw għar-rikorsi fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali.

    2.   Ir-risposta

    147.

    L-indikazzjonijiet obbligatorji li għandhom ikunu inklużi fir-risposta huma previsti fl-Artikolu 180(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    148.

    Ir-risposta għandha tinkludi wkoll id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 77(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    149.

    It-talbiet tal-konvenut jew tal-intervenjent għandhom ikunu fformulati bi preċiżjoni, fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta.

    150.

    Flimkien mar-risposta ppreżentata mill-intervenjent għandhom jiġu prodotti d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 177(4) u (5) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn dawn id-dokumenti ma jkunux ġew ippreżentati diġà inkonformità mal-Artikolu 173(5) tar-Regoli tal-Proċedura.

    151.

    Il-punti 129, 138 u 139 iktar 'il fuq għandhom japplikaw għar-risposta.

    3.   Ir-rikors inċidentali u r-risposta għar-rikors inċidentali

    152.

    Jekk, meta ssirilha n-notifika tar-rikors, parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ma tkunx ir-rikorrent ikollha l-intenzjoni tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta' punt li ma jkunx tqajjem fir-rikors, din il-parti għandha tippreżenta, meta tippreżenta r-risposta tagħha, rikors inċidentali. Dan ir-rikors inċidentali għandu jiġi ppreżentat permezz ta' att separat u għandu jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 183 u 184 tar-Regoli tal-Proċedura.

    153.

    Meta jiġi ppreżentat tali rikors inċidentali, il-partijiet l-oħra fl-istanza jistgħu jippreżentaw risposta li s-suġġett tagħha jkun limitat għat-talbiet, għall-motivi u għall-argumenti invokati fir-rikors inċidentali.

    B.3.   Appelli

    1.   Ir-rikors tal-appell

    154.

    Ir-rikors tal-appell għandu jkollu l-kontenut previst fl-Artikolu 194(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    155.

    Ir-rikors tal-appell għandu jinkludi wkoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 77(1) u fl-Artikolu 194(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

    156.

    It-talbiet tal-appellant għandhom ikunu fformulati b'mod preċiż fil-bidu jew fl-aħħar tar-rikors. Inkonformità mal-Artikolu 195(1) tar-Regoli tal-Proċedura, dawn it-talbiet għandhom ikunu neċessarjament intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hekk kif tinsab fid-dispożittiv tagħha.

    157.

    B'mod ġenerali, ma huwiex neċessarju li jiġu deskritti l-fatti li wasslu għat-tilwima u s-suġġett tagħha; huwa biżżejjed li jsir riferiment għad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

    158.

    Huwa rrakkomandat li l-aggravji jiġu indikati b'mod sommarju u skematiku fil-bidu tar-rikors. L-argumenti legali għandhom ikunu strutturati skont l-aggravji invokati insostenn tal-appell, b'mod partikolari skont l-iżbalji ta' liġi invokati.

    159.

    L-aggravji u l-argumenti legali invokati fl-appell għandhom jidentifikaw ir-raġunijiet ikkontestati tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku filwaqt li jippreċiżaw il-punti ta' din id-deċiżjoni li jkunu qegħdin jiġu kkritikati u filwaqt li jesponu b'mod iddettaljat ir-raġunijiet għaliex din id-deċiżjoni hija allegatament ivvizzjata bi żball ta' liġi.

    160.

    Flimkien mar-rikors tal-appell għandhom jiġu prodotti, jekk ikun il-każ, id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 194(3) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura.

    161.

    Ma' kull rikors tal-appell għandu jiġi ppreżentat sunt tal-aggravji u tal-argumenti prinċipali invokati, liema sunt huwa intiż li jiffaċilita t-tħejjija tal-avviż previst fl-Artikolu 79 tar-Regoli tal-Proċedura. Peress li l-avviż jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-lingwi uffiċjali kollha, huwa meħtieġ li dan is-sunt ma jkunx ta' iktar minn żewġ paġni u li jiġi redatt fil-lingwa tal-kawża inkonformità mal-mudell disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    162.

    Is-sunt tal-aggravji u tal-argumenti prinċipali invokati għandu jiġi prodott b'mod separat mit-test prinċipali tar-rikors tal-appell u mill-annessi msemmija fir-rikors tal-appell.

    163.

    Jekk ma jiġix ippreżentat permezz tal-applikazzjoni e-Curia, is-sunt tal-aggravji u tal-argumenti prinċipali għandu jintbagħat, bil-posta elettronika, fil-forma ta' sempliċi fajl elettroniku mħejji b'softwer għall-ipproċessar tat-test, fl-indirizz GC.Registry@curia.europea.eu, b'indikazzjoni tal-kawża li għaliha jirreferi.

    164.

    Il-punt 129 iktar 'il fuq għandu japplika għar-rikorsi tal-appell.

    2.   Ir-risposta għall-appell

    165.

    Ir-risposta għall-appell għandha jkollha l-kontenut previst fl-Artikolu 199(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    166.

    Ir-risposta għall-appell għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 77(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    167.

    It-talbiet tal-parti li tkun qiegħda tippreżenta r-risposta għandhom ikunu fformulati b'mod preċiż fil-bidu jew fl-aħħar tar-risposta għall-appell. Inkonformità mal-Artikolu 200 tar-Regoli tal-Proċedura, dawn it-talbiet għandhom ikunu intiżi sabiex l-appell jintlaqa' jew jiġi miċħud, totalment jew parzjalment.

    168.

    L-argumenti legali għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu strutturati skont l-aggravji invokati mill-appellant.

    169.

    Peress li l-kuntest fattwali u ġuridiku jkun diġà s-suġġett tas-sentenza jew tad-digriet appellati, dan il-kuntest għandu jiġi rriprodott fir-risposta għall-appell biss f'każijiet eċċezzjonali sa fejn il-preżentazzjoni ta' dan il-kuntest fir-rikors tal-appell tkun qiegħda tiġi kkontestata jew tkun teħtieġ preċiżazzjoni. Kull kontestazzjoni għandha tkun espliċita u għandha tindika bi preċiżjoni l-punt ta' fatt jew ta' liġi kkonċernat.

    170.

    Kontestazzjoni dwar l-ammissibbiltà, totali jew parzjali, tal-appell għandha tiġi inkluża fit-test prinċipali stess tar-risposta għall-appell peress li l-possibbiltà — prevista fl-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura — li eċċezzjoni ta' inammissibbiltà tar-rikors titqajjem permezz ta' att separat ma tapplikax għall-appelli.

    171.

    Flimkien mar-risposta għall-appell għandhom jiġu prodotti, jekk ikun il-każ, id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 194(3) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura.

    172.

    Il-punt 129 iktar 'il fuq għandu japplika għar-risposti ppreżentati fil-kawżi dwar appell.

    3.   L-appell inċidentali u r-risposta għall-appell inċidentali

    173.

    Jekk, meta ssirilha n-notifika tal-appell, parti fil-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkollha l-intenzjoni tikkontesta d-deċiżjoni ta' dan tal-aħħar fir-rigward ta' aspett li ma jkunx tqajjem fir-rikors tal-appell, din il-parti għandha tippreżenta appell inċidentali kontra d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Dan l-appell għandu jiġi ppreżentat permezz ta' att separat u għandu jissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 203 u 204 tar-Regoli tal-Proċedura. L-aggravji u l-argumenti legali inklużi fl-appell għandhom ikunu neċessarjament distinti minn dawk invokati fir-risposta għall-appell.

    174.

    Meta jiġi ppreżentat tali appell inċidentali, l-appellant, bħal kull parti oħra fil-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jkollha interess li l-appell inċidentali jintlaqa' jew jiġi miċħud, jista' jippreżenta risposta li s-suġġett tagħha jkun limitat għall-aggravji invokati fl-appell inċidentali.

    4.   Ir-replika u l-kontroreplika

    175.

    Kemm fil-każ ta' appell prinċipali u kemm fil-każ ta' appell inċidentali, l-appell u r-risposta jistgħu jiġu kkompletati permezz ta' replika u ta' kontroreplika, b'mod partikolari sabiex il-partijiet ikunu jistgħu jieħdu pożizzjoni dwar eċċezzjoni ta' inammissibbiltà jew dwar punti ġodda invokati fir-risposta.

    176.

    Inkonformità mal-Artikolu 201(1) u mal-Artikolu 206(1) tar-Regoli tal-Proċedura, din il-possibbiltà hija suġġetta għall-awtorizzazzjoni espliċita tal-President fuq talba tal-appellant jew tal-parti li tkun ippreżentat l-appell inċidentali.

    177.

    Ħlief f'ċirkustanzi partikolari, tali talba ma għandhiex tkun ta' iktar minn żewġ paġni u għandha tkun limitata għal indikazzjoni fil-qosor tar-raġunijiet speċifiċi għaliex tkun meħtieġa replika. It-talba għandha tkun tista' tinftiehem fiha nnifisha mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir riferiment għall-appell jew għar-risposta.

    178.

    Minħabba n-natura partikolari tal-appelli, li huma limitati għal eżami ta' punti ta' liġi, il-President jista', jekk jilqa' t-talba sabiex tiġi ppreżentata replika, jillimita s-suġġett u n-numru ta' paġni tar-replika kif ukoll tal-kontroreplika sussegwenti. L-osservanza ta' dawn l-indikazzjonijiet hija kundizzjoni essenzjali għall-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura.

    V.   FUQ IL-FAŻI ORALI TAL-PROĊEDURA

    A.   Talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali

    A.1.   Talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali fir-rikorsi diretti u fil-kawżi dwar proprjetà intellettwali

    179.

    Kif jirriżulta mill-Artikolu 106 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha torganizza seduta għas-sottomissjonijiet orali jew ex officio jew fuq talba minn parti prinċipali.

    180.

    Il-parti prinċipali li tkun tixtieq tinstema' f'seduta għas-sottomissjonijiet orali għandha tressaq, f'terminu ta' tliet ġimgħat min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, talba motivata f'dan is-sens. Din il-motivazzjoni — li ma għandhiex titqies li hija nota jew osservazzjonijiet bil-miktub u li ma għandhiex tkun ta' iktar minn tliet paġni — għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta tal-utilità ta' seduta għas-sottomissjonijiet orali għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-atti tal-proċess tal-kawża jew l-argumenti li fil-fehma ta' din il-parti jkun meħtieġ li jiġu żviluppati jew ikkontestati b'mod iktar iddettaljat fil-kuntest ta' seduta għas-sottomissjonijiet orali. Sabiex tingħata indikazzjoni aħjar fir-rigward tas-suġġett tad-dibattiti matul din is-seduta, huwa mixtieq li l-motivazzjoni ma tkunx ta' natura ġenerali li tirreferi sempliċement, pereżempju, għall-importanza tal-kawża.

    181.

    Fl-assenza ta' talba motivata mressqa fit-terminu mogħti minn parti prinċipali, il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura.

    A.2.   Talbiet għal seduta għas-sottomissjonijiet orali fl-appelli

    182.

    Kif jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tal-Anness I tal-Istatut u mill-Artikolu 207(1) tar-Regoli tal-Proċedura, parti fil-proċedura tal-appell li tkun tixtieq tinstema' f'seduta għas-sottomissjonijiet orali għandha tressaq, f'terminu ta' tliet ġimgħat min-notifika lill-partijiet tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, talba motivata f'dan is-sens. Din il-motivazzjoni — li ma għandhiex titqies li hija nota jew osservazzjonijiet bil-miktub u li ma għandhiex tkun ta' iktar minn tliet paġni — għandha tirriżulta minn evalwazzjoni konkreta tal-utilità ta' seduta għas-sottomissjonijiet orali għall-parti inkwistjoni u għandha tindika l-atti tal-proċess tal-kawża jew l-argumenti li fil-fehma ta' din il-parti jkun meħtieġ li jiġu żviluppati jew ikkontestati b'mod iktar iddettaljat fil-kuntest ta' seduta għas-sottomissjonijiet orali. Sabiex tingħata indikazzjoni aħjar fir-rigward tas-suġġett tad-dibattiti matul din is-seduta, huwa mixtieq li l-motivazzjoni ma tkunx ta' natura ġenerali li tirreferi sempliċement, pereżempju, għall-importanza tal-kawża.

    183.

    Madankollu, il-Qorti Ġenerali, jekk tqis li għandha biżżejjed informazzjoni fuq il-bażi tal-atti tal-proċess tal-kawża, tista' tiddeċiedi li taqtal-appell mingħajr fażi orali tal-proċedura. Fil-fatt, fil-kawżi dwar appell, il-Qorti Ġenerali tista' ma torganizzax seduta għas-sottomissjonijiet orali anki jekk parti fil-proċedura tal-appell tkun ressqet talba motivata.

    B.   Preparazzjoni għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali

    184.

    Ir-Reġistru għandu jiżgura li l-partijiet jissejħu għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali minn tal-inqas xahar qabel l-iżvolġiment tagħha, bla ħsara għal sitwazzjonijiet fejn iċ-ċirkustanzi jiġġustifikaw li jissejħu f'terminu iqsar.

    185.

    Inkonformità mal-Artikolu 107(2) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet għall-posponiment ta' data ta' seduta għas-sottomissjonijiet orali jistgħu jiġu aċċettati biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali. Tali talbiet jistgħu jitressqu biss mill-partijiet prinċipali, għandhom ikunu debitament motivati, għandhom jiġu ppreżentati flimkien ma' dokumenti ta' sostenn adegwati u għandhom jintbagħtu lill-Qorti Ġenerali fl-iqsar żmien possibbli wara s-sejħa.

    186.

    Jekk ir-rappreżentant ta' parti jkollu l-intenzjoni li ma jassistix għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, dan ir-rappreżentant huwa mitlub li jinforma b'dan lill-Qorti Ġenerali fl-iqsar żmien possibbli wara s-sejħa.

    187.

    Il-Qorti Ġenerali għandha tagħmel l-aħjar li tista' sabiex tliet ġimgħat qabel is-seduta tgħaddi lir-rappreżentanti tal-partijiet rapport għas-seduta sommarju. Ir-rapport għas-seduta għandu jservi għall-preparazzjoni għas-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

    188.

    Ir-rapport għas-seduta sommarju, stabbilit mill-Imħallef Relatur, għandu jkun limitat għal espożizzjoni tal-motivi jew tal-aggravji u għal preżentazzjoni qasira tal-argumenti tal-partijiet.

    189.

    L-osservazzjonijiet li l-partijiet jista' jkollhom dwar ir-rapport għas-seduta sommarju jistgħu jiġu ppreżentati fil-kuntest tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali. F'tali każ, għandha ssir nota ta' tali osservazzjonijiet fil-proċess verbal tas-seduta.

    190.

    Ir-rapport għas-seduta sommarju għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku quddiem l-awla fejn tinżamm is-seduta dakinhar tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, sakemm din ma tinżammx bil-magħluq.

    191.

    Qabel kull seduta pubblika, ir-Reġistratur għandu jiżgura li, quddiem l-awla fejn tkun ser tinżamm is-seduta, tiġi indikata, fil-lingwa tal-kawża, l-informazzjoni segwenti: id-data u l-ħin tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-kulleġġ ġudikanti kompetenti, il-kawża jew il-kawżi li jkunu ser jissejħu u l-ismijiet tal-partijiet.

    192.

    Talba għall-użu ta' ċerti mezzi tekniċi għall-finijiet ta' preżentazzjoni għandha titressaq minn tal-inqas ġimagħtejn qabel id-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-modalitajiet ta' użu ta' tali mezzi għandhom jiġu ddeterminati mar-Reġistru, u dan sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-limitazzjonijiet ta' natura teknika jew prattika li jista' jkun hemm. Il-fajls użati għal tali preżentazzjonijiet ma jiġux inklużi fil-proċess tal-kawża, sakemm il-President ma jiddeċidix mod ieħor.

    193.

    Fid-dawl tal-miżuri ta' sigurtà applikabbli fir-rigward tal-aċċess għall-bini tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa rrakkomandat li r-rappreżentanti tal-partijiet jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jkunu preżenti fl-awla fejn tkun ser tinżamm is-seduta minn tal-inqas 15-il minuta qabel tibda s-seduta għas-sottomissjonijiet orali peress li hemm l-użanza li l-membri tal-kulleġġ ġudikanti jiltaqgħu ma' dawn ir-rappreżentanti sabiex jiddiskutu l-organizzazzjoni tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali.

    194.

    Sabiex jippreparaw għall-parteċipazzjoni f'seduta għas-sottomissjonijiet orali, ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mistiedna jikkonsultaw id-dokument “Check-list — Seduta għas-sottomissjonijiet orali”, li huwa disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    C.   Żvolġiment tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali

    195.

    Ir-rappreżentanti tal-partijiet huma meħtieġa jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom bit-toga.

    196.

    Is-seduta għas-sottomissjonijiet tikkonsisti:

    fit-tfakkira, jekk ikun il-każ, b'mod qasir ħafna tal-pożizzjoni meħuda, filwaqt li jiġu enfasizzati l-motivi jew l-aggravji essenzjali żviluppati bil-miktub;

    fil-kjarifika jekk meħtieġ ta' ċerti argumenti żviluppati matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura u fil-preżentazzjoni, jekk ikun hemm, ta' punti ġodda li joħorġu minn avvenimenti li jkunu seħħew minn wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura u li għalhekk ma setgħux jiġu esposti fis-sottomissjonijiet bil-miktub;

    fit-tweġiba għall-mistoqsijiet li tista' tagħmel il-Qorti Ġenerali.

    197.

    Kull parti għandha tevalwa, fid-dawl tal-finalità tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali kif iddefinita fil-punt 196 iktar 'il fuq, jekk sottomissjonijiet orali jkunux verament utli jew jekk sempliċi riferiment għall-osservazzjonijiet jew għan-noti bil-miktub huwiex biżżejjed. F'dan il-każ, is-seduta għas-sottomissjonijiet orali tista' tiffoka fuq it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali. Meta r-rappreżentant iqis li jkun meħtieġ li jagħmel sottomissjonijiet orali, huwa dejjem jista' jillimita ruħu għal espożizzjoni ta' ċerti punti filwaqt li jirreferi għan-noti fir-rigward ta' punti oħra.

    198.

    Meta, qabel iż-żamma tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-Qorti Ġenerali tkun stiednet lill-partijiet, inkonformità mal-Artikolu 89(4) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jiffokaw is-sottomissjonijiet orali fuq punt wieħed jew iktar partikolari, dawn il-punti għandhom jiġu indirizzati l-ewwel matul is-sottomissjonijiet orali.

    199.

    Jekk parti tastjeni milli tagħmel sottomissjonijiet orali, is-silenzju tagħha ma jfissirx li qiegħda taqbel mas-sottomissjonijiet orali magħmula minn parti oħra jekk l-argumenti inkwistjoni jkunu diġà ġew ikkontestati bil-miktub. Dan is-silenzju ma jostakolax lil din il-parti milli tirreplika għal sottomissjoni orali tal-parti l-oħra.

    200.

    Għal finijiet ta' ċarezza u sabiex is-sottomissjonijiet orali jkunu jistgħu jinftiehmu aħjar mill-Membri tal-Qorti Ġenerali, huwa ġeneralment aħjar jekk wieħed jitkellem b'mod liberu fuq il-bażi ta' noti milli jaqra minn test. Huwa mixtieq ukoll li r-rappreżentanti tal-partijiet jissemplifikaw, sa fejn ikun possibbli, il-preżentazzjoni tagħhom tal-kawża u li jużaw iktar sentenzi qosra. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti jkunu qegħdin jgħinu lill-Qorti Ġenerali jekk jisstrutturaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom u jekk, qabel jibdew, jispeċifikaw il-pjan li jkollhom l-intenzjoni jsegwu.

    201.

    It-tul tas-sottomissjonijiet orali jista' jvarja skont il-kumplessità tal-kawża u skont jekk ikunx hemm jew le punti ta' fatt ġodda. Kull parti prinċipali għandha 15-il minuta u kull intervenjent għandu 10 minuti sabiex jagħmlu s-sottomissjonijiet orali tagħhom (fil-kawżi magħquda, kull parti prinċipali jkollha 15-il minuta għal kull waħda mill-kawżi u kull intervenjent ikollu 10 minuti għal kull waħda mill-kawżi), sakemm ir-Reġistru ma jkunx tahom indikazzjoni differenti f'dan ir-rigward. Din il-limitazzjoni tikkonċerna biss is-sottomissjonijiet orali fil-veru sens tal-kelma u ma tinkludix il-ħin neċessarju sabiex jitwieġbu l-mistoqsijiet magħmula waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali jew għar-repliki finali.

    202.

    Jekk iċ-ċirkustanzi jitolbu hekk, talba għal deroga minn dan it-tul normali, debitament motivata u li tispeċifika l-ħin meqjus li huwa neċessarju, tista' titressaq fir-Reġistru, minn tal-inqas ġimagħtejn (jew iktar tard fil-każ ta' ċirkustanzi eċċezzjonali, debitament motivati) qabel id-data tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Ir-rappreżentanti għandhom jiġu informati bit-tul tal-ħin li ser ikollhom għas-sottomissjonijiet orali b'riżultat ta' tali talbiet.

    203.

    Meta diversi rappreżentanti jkunu qegħdin jaġixxu għal parti waħda, bħala prinċipju tnejn biss minnhom jistgħu jagħmlu s-sottomissjonijiet orali u t-total tal-interventi orali tagħhom ma għandux jaqbeż il-ħin speċifikat fil-punt 201 iktar 'il fuq. Madankollu, it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Imħallfin u r-repliki finali jistgħu jsiru minn rappreżentanti differenti minn dawk li jkunu għamlu s-sottomissjonijiet orali.

    204.

    Meta diversi partijiet ikunu qegħdin jiddefendu l-istess pożizzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (dan ikun il-każ b'mod partikolari meta jkun hemm interventi jew kawżi magħquda), ir-rappreżentanti tagħhom huma mistiedna jikkollaboraw qabel is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, sabiex tiġi evitata repetizzjoni ta' sottomissjonijiet orali.

    205.

    Ir-rappreżentanti huma mitluba, meta jiċċitaw deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Ġenerali jew tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, jindikawha permezz tal-isem normali tagħha u tan-numru tal-kawża u jispeċifikaw, jekk ikun il-każ, il-punt jew punti rilevanti.

    206.

    Inkonformità mal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, f'każijiet eċċezzjonali, il-partijiet jistgħu jipproduċu provi anki matul is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. F'tali każ, il-partijiet l-oħra għandhom jinstemgħu dwar l-ammissibbiltà u dwar il-kontenut tagħhom. Jekk ikun il-każ, ikun tajjeb li wieħed jipprepara numru suffiċjenti ta' kopji.

    D.   Interpretazzjoni

    207.

    Sabiex tiġi ffaċilitata l-interpretazzjoni, ir-rappreżentanti tal-partijiet huma mistiedna jgħaddu minn qabel it-test jew in-noti bil-miktub li jista' jkollhom tas-sottomissjonijiet orali tagħhom lid-Direttorat tal-interpretazzjoni permezz tal-posta elettronika (interpret@curia.europa.eu).

    208.

    Il-kunfidenzjalità tan-noti tas-sottomissjonijiet orali trażmessi hija żgurata. Sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni, għandu jiġi indikat l-isem tal-parti. In-noti tas-sottomissjonijiet orali ma jiġux inklużi fil-proċess tal-kawża.

    209.

    Ir-rappreżentanti huma mfakkra li, skont il-każ, ċerti Membri biss tal-Qorti Ġenerali jsegwu s-sottomissjonijiet orali fil-lingwa li fiha jsiru u li l-Membri l-oħra jisimgħu l-interpretazzjoni simultanja. Huwa rrakkomandat ferm li r-rappreżentanti, fl-interess ta' żvolġiment aħjar tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali u taż-żamma tal-istandard ta' kwalità tal-interpretazzjoni simultanja, jitkellmu bil-mod u fil-mikrofonu.

    210.

    Meta r-rappreżentanti jkollhom l-intenzjoni li jiċċitaw letteralment siltiet ta' ċerti testi jew dokumenti, b'mod partikolari siltiet li ma jissemmewx fil-proċess tal-kawża, ikun utli li jindikawhom lill-interpreti qabel is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Bl-istess mod, jista' jkun utli li jindikawlhom dawk it-termini li jistgħu jkunu diffiċli li jiġu tradotti.

    E.   Il-proċess verbal tas-seduta għas-sottomissjonijiet orali

    211.

    Ir-Reġistratur għandu jistabbilixxi, fil-lingwa tal-kawża, proċess verbal ta' kull seduta għas-sottomissjonijiet orali li għandu jinkludi: l-indikazzjoni tal-kawża; id-data, il-ħin u l-post tas-seduta; l-indikazzjoni, jekk ikun il-każ, li s-seduta nżammet bil-magħluq; l-ismijiet tal-Imħallfin u tar-Reġistratur preżenti; l-ismijiet u l-kwalitajiet tar-rappreżentanti tal-partijiet preżenti; l-indikazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-osservazzjonijiet dwar ir-rapport għas-seduta sommarju; il-kunjomijiet, l-ismijiet, il-kwalità u l-indirizz, jekk ikun il-każ, tax-xhieda u tal-periti li jkunu nstemgħu; l-indikazzjoni, jekk ikun il-każ, tal-atti proċedurali jew tal-annessi prodotti fis-seduta u, sa fejn ikun meħtieġ, id-dikjarazzjonijiet magħmula matul is-seduta, kif ukoll id-deċiżjonijiet mogħtija matul is-seduta mill-Qorti Ġenerali jew mill-President.

    VI.   FUQ IT-TRATTAMENT KUNFIDENZJALI

    A.   Punti ġenerali

    212.

    Inkonformità mal-Artikolu 64 u bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68(4), tal-Artikolu 104, tal-Artikolu 105(8), kif ukoll tal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-atti proċedurali u l-annessi li tagħhom ir-rappreżentanti tal-partijiet setgħu jiksbu konoxxenza u li dwarhom setgħu jieħdu pożizzjoni.

    213.

    Minn dan jirriżulta li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 103 sa 105 tar-Regoli tal-Proċedura, talba għat-trattament kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni fil-proċess tal-kawża mressqa mir-rikorrent fil-konfront tal-konvenut ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni. Bl-istess mod, il-konvenut ma jistax iressaq tali talba fil-konfront tar-rikorrent.

    214.

    Madankollu, parti prinċipali tista' titlob li ċerta informazzjoni fil-proċess tal-kawża li tkun ta' natura kunfidenzjali tiġi eskluża mill-komunikazzjoni lil intervenjent inkonformità mal-Artikolu 144(7) tar-Regoli tal-Proċedura.

    215.

    Kull parti tista' titlob ukoll li ċerta informazzjoni fil-proċessi kkonċernati minn tgħaqqid tiġi eskluża mill-konsultazzjoni minn parti fil-kawżi magħquda inkonformità mal-Artikolu 68(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

    B.   Trattament kunfidenzjali fil-każ ta' talba għal intervent

    216.

    Meta titressaq talba għal intervent f'kawża, il-partijiet prinċipali għandhom jiġu mistiedna jindikaw, fit-terminu mogħti mir-Reġistratur, jekk jixtiqux it-trattament kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni li tinsab fl-atti proċedurali u fl-annessi diġà inklużi fil-proċess tal-kawża.

    217.

    Fir-rigward tal-atti proċedurali u tal-annessi li jippreżentaw sussegwentement, il-partijiet prinċipali għandhom jippreżentaw fl-istess ħin mal-preżentata tagħhom, jekk ikun il-każ, talba għal trattament kunfidenzjali. Jekk ma titressaqx tali talba, l-atti proċedurali u l-annessi ppreżentati jiġu kkomunikati lill-intervenjent.

    218.

    Kull talba għal trattament kunfidenzjali għandha titressaq permezz ta' att separat. Din it-talba ma tistax titressaq bħala verżjoni kunfidenzjali u għaldaqstant ma għandhiex tinkludi informazzjoni kunfidenzjali.

    219.

    Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tispeċifika l-parti li fil-konfront tagħha tkun qiegħda tintalab il-kunfidenzjalità.

    220.

    Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tkun limitata għal dak li jkun strettament neċessarju u f'ebda każ ma jista' jkollha bħala s-suġġett att proċedurali kollu u, f'każijiet eċċezzjonali biss, anness sħiħ. Fil-fatt, il-komunikazzjoni ta' verżjoni mhux kunfidenzjali ta' att proċedurali u tal-annessi, li fiha jkunu tħassru ċerti siltiet, kliem jew ċifri, hija normalment possibbli mingħajr ma jintlaqtu l-interessi inkwistjoni.

    221.

    Talba għal trattament kunfidenzjali għandha tindika b'mod preċiż il-punti jew is-siltiet ikkonċernati u għandha tinkludi motivazzjoni tan-natura kunfidenzjali ta' kull wieħed jew waħda minn dawn il-punti jew siltiet. L-assenza ta' dawn l-indikazzjonijiet tista' tiġġustifika ċ-ċaħda tat-talba mill-Qorti Ġenerali.

    222.

    Meta tressaq it-talba għat-trattament kunfidenzjali ta' att jew atti proċedurali, il-parti għandha tipproduċi verżjoni mhux kunfidenzjali integrali tal-att jew tal-atti proċedurali u tal-annessi inkwistjoni li minnhom ikunu tneħħew il-punti jew is-siltiet li għalihom tirreferi t-talba.

    223.

    Talba għal trattament kunfidenzjali li ma tosservax il-punti 218, 219 u 222 iktar 'il fuq għandha tkun is-suġġett ta' talba għal regolarizzazzjoni indirizzata lill-parti kkonċernata mir-Reġistratur. Jekk, minkejja t-talba għal regolarizzazzjoni, ma tiġix żgurata l-konformità tat-talba għal trattament kunfidenzjali mar-rekwiżiti ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni, din it-talba ma tkunx tista' tiġi ttrattata b'mod effettiv u l-atti proċedurali u l-annessi kollha kkonċernati jiġu kkomunikati lill-intervenjent.

    C.   Trattament kunfidenzjali fil-każ ta' tgħaqqid ta' kawżi

    224.

    Meta jkun maħsub li diversi kawżi jitgħaqqdu, il-partijiet għandhom jiġu mistiedna jindikaw, fit-terminu mogħti mir-Reġistratur, jekk jixtiqux it-trattament kunfidenzjali ta' ċerta informazzjoni li tinsab fl-atti proċedurali u fl-annessi diġà inklużi fil-proċessi tal-kawżi kkonċernati mit-tgħaqqid.

    225.

    Fir-rigward tal-atti proċedurali u tal-annessi li huma jippreżentaw sussegwentement, il-partijiet għandhom jippreżentaw fl-istess ħin mal-preżentata tagħhom, jekk ikun il-każ, talba għal trattament kunfidenzjali. Jekk ma titressaqx tali talba, l-atti proċedurali u l-annessi ppreżentati ser ikunu aċċessibbli għall-partijiet l-oħra fil-kawżi magħquda.

    226.

    Il-punti 218 sa 223 iktar 'il fuq għandhom japplikaw għat-talbiet għal trattament kunfidenzjali mressqa fil-każ ta' tgħaqqid ta' kawżi.

    D.   Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura

    227.

    Fil-kuntest tal-miżuri istruttorji msemmija fl-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista' tordna lil parti tipproduċi informazzjoni jew annessi marbuta mal-kawża. Skont l-Artikolu 92(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tali produzzjoni tista' tiġi ordnata biss meta l-parti kkonċernata ma tkunx wieġbet għal miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura adottata minn qabel għal dan il-għan jew meta l-parti kkonċernata mill-miżura titlob dan espliċitament filwaqt li tiġġustifika l-ħtieġa ta' tali miżura fil-forma ta' digriet istruttorju.

    228.

    Meta parti prinċipali tinvoka n-natura kunfidenzjali ta' informazzjoni jew ta' annessi sabiex toġġezzjona għat-trażmissjoni tagħhom fit-tweġiba tagħha għat-talba għal miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura jew sabiex tissuġġerixxi li tintuża miżura istruttorja, il-Qorti Ġenerali, jekk tqis li din l-informazzjoni jew dawn l-annessi jistgħu jkunu rilevanti sabiex tinqatal-kawża, għandha tordna l-produzzjoni tagħhom permezz ta' digriet istruttorju skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura. It-trattament mogħti lill-informazzjoni jew lill-annessi kunfidenzjali prodotti b'dan il-mod quddiem il-Qorti Ġenerali huwa rregolat mill-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura. Il-qafas ta' regoli inkwistjoni ma jipprevedi ebda deroga mill-prinċipju tan-natura kontradittorja tal-proċedura iżda jipprevedi modalitajiet ta' implementazzjoni ta' dan il-prinċipju.

    229.

    Skont din id-dispożizzjoni, il-Qorti Ġenerali għandha twettaq eżami tar-rilevanza tal-informazzjoni jew tal-annessi sabiex tinqatal-kawża u għandha tivverifika n-natura kunfidenzjali tagħhom. Jekk tqis li l-informazzjoni inkwistjoni hija kemm rilevanti sabiex tinqatal-kawża u kemm kunfidenzjali, il-Qorti Ġenerali għandha tibbilanċja din in-natura kunfidenzjali u r-rekwiżiti marbuta mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b'mod partikolari mal-osservanza tal-prinċipju ta' kontradittorju u, meta ttemm dan l-eżerċizzju ta' bbilanċjar, ikollha żewġ għażliet.

    230.

    Il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li l-informazzjoni jew l-anness għandhom jiġu kkomunikati lill-parti prinċipali l-oħra, minkejja n-natura kunfidenzjali tagħhom. F'dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tista', permezz ta' miżura ta' organizzazzjoni tal-proċedura, tistieden lir-rappreżentanti tal-partijiet l-oħra minbarra dik li tkun ipproduċiet l-informazzjoni kunfidenzjali sabiex jassumu l-impenn li jħarsu l-kunfidenzjalità tad-dokument jew tal-anness billi ma jikkomunikawx lill-mandanti rispettivi tagħhom jew lil terz l-informazzjoni li huma jiksbu konoxxenza tagħha. Kull ksur ta' dan l-impenn jista' jagħti lok għall-applikazzjoni tal-Artikolu 55 tar-Regoli tal-Proċedura.

    231.

    B'mod alternattiv, il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li ma tikkomunikax l-informazzjoni kunfidenzjali filwaqt li tippermetti lill-parti prinċipali l-oħra jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni mhux kunfidenzjali sabiex din tkun tista', bl-iktar mod wiesa' possibbli, tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha b'osservanza tal-prinċipju ta' kontradittorju. F'dan il-każ il-Qorti Ġenerali għandha tordna lill-parti prinċipali li tkun ipproduċiet l-informazzjoni kunfidenzjali sabiex tikkomunika ċerti elementi ta' informazzjoni b'mod li jippermetti li jiġu kkonċiljati ż-żamma tan-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni u n-natura kontradittorja tal-proċedura. L-informazzjoni tista', pereżempju, tiġi trażmessa fil-forma ta' sunt. Jekk il-Qorti Ġenerali tqis li l-parti prinċipali l-oħra ma tistax teżerċita b'mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħha, hija tista' tadotta digriet, wieħed jew iktar, sakemm tqis li l-proċedura tista' effettivament titkompla b'mod kontradittorju.

    232.

    Meta l-Qorti Ġenerali tqis li l-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-parti prinċipali l-oħra, li tkun saret skont il-modalitajiet previsti fid-digriet adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura, tkun ippermettiet lil din il-parti tieħu effettivament pożizzjoni, l-informazzjoni jew l-annessi kunfidenzjali li ma jkunux ġew ikkomunikati lill-imsemmija parti ma jittieħdux inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali u għandhom jingħataw lura lill-parti prinċipali li tkun ipproduċiethom.

    E.   Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 104 tar-Regoli tal-Proċedura

    233.

    Fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità ta' att ta' istituzzjoni li permezz tiegħu tirrifjuta li tagħti aċċess għal dokument, il-Qorti Ġenerali tista' tordna, permezz ta' miżura istruttorja meħuda skont l-Artikolu 91(c) tar-Regoli tal-Proċedura, il-produzzjoni ta' dan id-dokument.

    234.

    Id-dokument prodott mill-istituzzjoni ma jiġix ikkomunikat lill-partijiet l-oħra għaliex inkella t-tilwima titlef is-suġġett tagħha.

    F.   Trattament kunfidenzjali fil-kuntest tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura

    235.

    Skont l-Artikolu 105(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, parti prinċipali fil-kawża tista', minn rajha jew wara miżura istruttorja adottata mill-Qorti Ġenerali, tipproduċi informazzjoni jew annessi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni Ewropea jew ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom. L-Artikolu 105(3) sa (10) tal-istess Regoli jipprevedi l-qafas ta' regoli proċedurali applikabbli għal tali informazzjoni jew għal tali annessi.

    236.

    Fid-dawl tan-natura sensittiva u kunfidenzjali tal-informazzjoni jew tal-annessi li jolqtu s-sigurtà tal-Unjoni jew ta' wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jew it-tmexxija tar-relazzjonijiet internazzjonali tagħhom, l-implementazzjoni tal-qafas ta' regoli stabbilit permezz tal-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura teħtieġ l-istabbiliment ta' sistema ta' sigurtà adegwata intiża li jiġi ggarantit livell għoli ta' protezzjoni għall-imsemmija informazzjoni jew annessi. Din is-sistema hija żviluppata fid-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 105(11) tar-Regoli tal-Proċedura.

    237.

    Skont l-Artikolu 227(3) tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 105 għandhom japplikaw biss mid-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 105(11).

    VII.   FUQ L-GĦAJNUNA LEGALI

    238.

    Inkonformità mal-Artikolu 147(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-użu ta' formola huwa obbligatorju sabiex titressaq talba għal għajnuna legali. Din il-formola hija disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    239.

    Meta l-persuna li tressaq talba għal għajnuna legali ma tkunx irrappreżentata minn avukat meta tippreżenta l-formola tal-għajnuna legali, din il-persuna tista' tippreżenta fir-Reġistru l-formola debitament mimlija u ffirmata fuq karta permezz tal-posta jew fuq il-post, jekk ikun il-każ wara t-trażmissjoni ta' kopja tal-oriġinal ta' din il-formola permezz ta' faks. Fil-każ li tintuża faks, għandhom japplikaw il-punti 78 sa 81 iktar 'il fuq.

    240.

    Meta l-persuna li tressaq talba għal għajnuna legali tkun irrappreżentata minn avukat meta tippreżenta l-formola tal-għajnuna legali, il-preżentata għandha titwettaq skont l-Artikolu 72(1) tar-Regoli tal-Proċedura filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti tal-punti 74 sa 85 iktar 'il fuq.

    241.

    Il-formola tal-għajnuna legali hija intiża li tippermetti lill-Qorti Ġenerali jkollha, inkonformità mal-Artikolu 147(3) u (4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-informazzjoni neċessarja sabiex tiddeċiedi effettivament dwar it-talba għal għajnuna legali. Din l-informazzjoni tirrigwarda:

    informazzjoni dwar is-sitwazzjoni ekonomika tal-persuna li tressaq it-talba

    u,

    fil-każ li r-rikors ikun għadu ma ġiex ippreżentat, informazzjoni dwar is-suġġett tal-imsemmi rikors, dwar il-fatti inkwistjoni u dwar l-argumenti relatati.

    242.

    Il-persuna li tressaq it-talba għandha tipproduċi, flimkien mal-formola tal-għajnuna legali, l-annessi li jiġġustifikaw l-informazzjoni msemmija fil-punt 241 iktar 'il fuq.

    243.

    Jekk ikun il-każ, flimkien mal-formola tal-għajnuna legali, għandhom jiġu prodotti d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 51(2) u (3) u fl-Artikolu 78(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

    244.

    Meta l-persuna li tressaq talba għal għajnuna legali tkun irrappreżentata minn avukat meta tippreżenta l-formola dwar għajnuna legali, din il-formola għandha tinkludi wkoll id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 77(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

    245.

    Il-formola dwar għajnuna legali debitament mimlija u l-annessi ta' sostenn għandhom ikunu jinftiehmu fihom innifishom.

    246.

    Bla ħsara għall-possibbiltà tal-Qorti Ġenerali li titlob informazzjoni jew il-produzzjoni ta' dokumenti komplementari skont l-Artikoli 89 u 90 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal għajnuna legali ma tistax tiġi kkompletata bil-preżentata sussegwenti ta' addenda. Jekk jiġu ppreżentati mingħajr ma jkunu ntalbu mill-Qorti Ġenerali, tali addenda jiġu rrifjutati. Madankollu, f'każijiet eċċezzjonali, annessi ta' sostenn intiżi li jipprovaw li l-persuna li tkun qiegħda tressaq it-talba ma tkunx tista' tħallas jistgħu jiġu aċċettati sussegwentement, permezz ta' spjegazzjoni adegwata tal-produzzjoni tardiva tagħhom.

    247.

    Skont l-Artikolu 147(7) tar-Regoli tal-Proċedura, it-tressiq ta' talba għal għajnuna legali jissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors li għalih tirreferi t-talba sad-data tan-notifika tad-digriet li jiddeċiedi dwar it-talba jew, meta f'dan id-digriet ma jiġix innominat avukat sabiex jirrappreżenta lill-persuna li tkun ressqet it-talba għal għajnuna legali, sad-data tan-notifika tad-digriet li jinnomina avukat sabiex jirrappreżentaha.

    248.

    Peress li t-tressiq tat-talba għal għajnuna legali għandu l-effett li jissospendi t-terminu għall-preżentata ta' rikors san-notifika tad-digriet imsemmi fil-punt 247 iktar 'il fuq, it-terminu għall-preżentata ta' rikors li jkun fadal sabiex jiġi ppreżentat ir-rikors jista' jkun qasir ħafna. Għaldaqstant, huwa rrakkomandat li l-persuna li tibbenefika mill-għajnuna legali, debitament irrappreżentata minn avukat, tagħti attenzjoni partikolari lill-osservanza tat-terminu legali.

    VIII.   FUQ IL-PROĊEDURI B'URĠENZA

    A.   Fuq il-proċedura mħaffa

    A.1.   Talba għal proċedura mħaffa

    249.

    Inkonformità mal-Artikolu 152(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għal proċedura mħaffa għandha titressaq permezz ta' att separat, skont il-każ, fl-istess ħin mar-rikors jew mar-risposta u għandha tinkludi motivazzjoni li tispeċifika l-urġenza partikolari tal-kawża u ċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra.

    250.

    Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament immedjat mir-Reġistru, it-talba għal proċedura mħaffa għandha tinkludi fuq l-ewwel paġna l-indikazzjoni li din it-talba qiegħda titressaq fuq il-bażi tal-Artikoli 151 u 152 tar-Regoli tal-Proċedura.

    251.

    Bħala prinċipju, ir-rikors li fir-rigward tiegħu titressaq talba sabiex il-kawża tinqata' skont il-proċedura mħaffa ma għandux ikun ta' iktar minn 25 paġna. Dan ir-rikors għandu jiġi ppreżentat inkonformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 123 sa 134 iktar 'il fuq.

    252.

    Huwa rrakkomandat li l-parti li titlob il-benefiċċju tal-proċedura mħaffa tispeċifika, fit-talba tagħha, il-motivi, l-argumenti jew is-siltiet tan-nota kkonċernata (rikors jew risposta) li jkunu qegħdin jiġu ppreżentati biss fil-każ li l-kawża ma tinqatax skont din il-proċedura. Dawn l-indikazzjonijiet, imsemmija fl-Artikolu 152(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għandhom jiġu fformulati fit-talba bi preċiżjoni u b'indikazzjoni tan-numru tal-paragrafi kkonċernati.

    A.2.   Verżjoni mqassra

    253.

    Huwa rrakkomandat li t-talba għal proċedura mħaffa li tinkludi l-indikazzjonijiet msemmija fil-punt 252 iktar 'il fuq tkun akkumpanjata, bħala anness, mill-verżjoni mqassra tan-nota kkonċernata.

    254.

    Meta tiġi annessa verżjoni mqassra, din għandha tkun konformi mal-istruzzjonijiet segwenti:

    (a)

    il-verżjoni mqassra għandha tieħu l-forma tal-verżjoni inizjali tan-nota kkonċernata bis-siltiet imħassra tagħha identifikati permezz ta' parenteżi li fihom ikun indikat “omissis”;

    (b)

    il-paragrafi li jinżammu fil-verżjoni mqassra għandu jkollhom l-istess numru bħal dak tal-verżjoni inizjali tan-nota kkonċernata;

    (c)

    l-iskeda li telenka l-annessi ppreżentata flimkien mal-verżjoni mqassra għandha tinkludi, jekk il-verżjoni mqassra ma tagħmilx riferiment għall-annessi kollha tal-verżjoni inizjali tan-nota kkonċernata, l-indikazzjoni “omissis” sabiex tidentifika kull wieħed mill-annessi mhux inklużi;

    (d)

    l-annessi li jinżammu fil-verżjoni mqassra għandu jkollhom l-istess numru bħal dak fl-iskeda li telenka l-annessi tal-verżjoni inizjali tan-nota kkonċernata;

    (e)

    l-annessi msemmija fl-iskeda li telenka l-annessi ppreżentata flimkien mal-verżjoni mqassra għandhom ikunu mehmuża ma' din il-verżjoni.

    255.

    Sabiex tkun tista' tiġi ttrattata fl-iqsar żmien possibbli, il-verżjoni mqassra għandha tkun konformi mal-istruzzjonijiet preċedenti.

    256.

    Meta l-Qorti Ġenerali titlob il-produzzjoni ta' verżjoni mqassra tan-nota fuq il-bażi tal-Artikolu 151(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-verżjoni mqassra għandha tiġi stabbilita, sakemm ma tingħatax indikazzjoni kuntrarja, inkonformità mal-istruzzjonijiet preċedenti.

    A.3.   Ir-risposta

    257.

    Jekk ir-rikorrent ma jkunx indika, fit-talba tiegħu, il-motivi, l-argumenti jew is-siltiet tar-rikors tiegħu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-każ li l-kawża ma tkunx ser tinqata' skont il-proċedura mħaffa, il-konvenut għandu jirrispondi, f'terminu ta' xahar, għar-rikors.

    258.

    Jekk ir-rikorrent ikun indika, fit-talba tiegħu, il-motivi, l-argumenti jew is-siltiet tar-rikors tiegħu li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss fil-każ li l-kawża ma tkunx ser tinqata' skont il-proċedura mħaffa, il-konvenut għandu jirrispondi, f'terminu ta' xahar, għall-motivi u għall-argumenti żviluppati fir-rikors, moqri fid-dawl tal-indikazzjonijiet mogħtija fit-talba għal proċedura mħaffa.

    259.

    Jekk mat-talba tiegħu r-rikorrent ikun annetta verżjoni mqassra tar-rikors, il-konvenut għandu jirrispondi, f'terminu ta' xahar, għall-motivi u għall-argumenti inklużi f'din il-verżjoni mqassra tar-rikors.

    260.

    Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa qabel ma l-konvenut ikun ippreżenta r-risposta tiegħu, it-terminu ta' xahar previst fl-Artikolu 154(1) tar-Regoli tal-Proċedura għall-preżentata ta' din in-nota għandu jiġi miżjud b'xahar supplimentari.

    261.

    Jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa wara li l-konvenut ikun ippreżenta r-risposta tiegħu fit-terminu ta' xahar previst fl-Artikolu 154(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-konvenut għandu jingħata terminu ġdid ta' xahar li jiddekorri min-notifika tad-deċiżjoni li tiċħad it-talba għal proċedura mħaffa sabiex ikun jista' jikkompleta r-risposta tiegħu.

    A.4.   Il-fażi orali tal-proċedura

    262.

    Fil-kuntest ta' proċedura mħaffa, peress li l-fażi bil-miktub tal-proċedura hija bħala prinċipju limitata għal skambju wieħed ta' noti, l-enfasi għandha tkun fuq il-fażi orali tal-proċedura u għandha tiġi organizzata seduta fi żmien qasir wara l-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tista' tiddeċiedi li taqtal-kawża mingħajr fażi orali tal-proċedura meta l-partijiet prinċipali jindikaw, f'terminu ffissat mill-President, li qegħdin jirrinunzjaw milli jipparteċipaw f'seduta għas-sottomissjonijiet orali u meta l-Qorti Ġenerali tqis li għandha biżżejjed informazzjoni fuq il-bażi tal-annessi fil-proċess tal-kawża.

    263.

    Meta l-Qorti Ġenerali ma tkunx awtorizzat il-preżentata ta' nota ta' intervent, l-intervenjent jista' jinvoka l-osservazzjonijiet tiegħu b'mod orali biss, jekk tiġi organizzata seduta għas-sottomissjonijiet orali.

    B.   Fuq is-sospensjoni u fuq miżuri provviżorji oħra

    264.

    Inkonformità mal-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra għandha titressaq permezz ta' att separat. Din it-talba għandha tkun tinftiehem fiha nnifisha, mingħajr ma jkun meħtieġ li jsir riferiment għar-rikors fil-kawża prinċipali, inkluż għall-annessi mar-rikors.

    265.

    Sabiex jiġi ffaċilitat it-trattament immedjat mir-Reġistru, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra għandha tinkludi, fuq l-ewwel paġna, l-indikazzjoni li din it-talba qiegħda titressaq fuq il-bażi tal-Artikolu 156 tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, huwa rrakkomandat li tali talba titressaq permezz tal-applikazzjoni e-Curia jew, fil-każ ta' trażmissjoni permezz ta' faks, li tintbagħat flimkien mal-annessi kollha inklużi d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura.

    266.

    It-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew għal miżuri provviżorji oħra għandha tindika, b'mod qasir u konċiż ħafna, is-suġġett tat-tilwima, il-motivi ta' fatt u ta' liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors prinċipali u li jesponu, prima facie, il-fondatezza tiegħu (fumus boni juris) kif ukoll iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza. Hija għandha tindika bi preċiżjoni l-miżura jew il-miżuri mitluba. Hija għandha tinkludi wkoll il-provi u l-provi proposti disponibbli kollha, intiżi li jiġġustifikaw l-għoti tal-miżuri provviżorji.

    267.

    Peress li t-talba għal miżuri provviżorji hija intiża li tippermetti evalwazzjoni tal-fumus boni juris fil-kuntest ta' proċedura sommarja, din it-talba ma għandhiex tirriproduċi b'mod sħiħ it-test tar-rikors fil-kawża prinċipali.

    268.

    Sabiex talba għal miżuri provviżorji tkun tista' tiġi ttrattata b'mod urġenti, in-numru massimu ta' paġni li, bħala prinċipju, din it-talba ma għandhiex taqbeż huwa, skont is-suġġett ikkonċernat u skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, ta' 25 paġna.

    IX.   DĦUL FIS-SEĦĦ TA' DAWN ID-DISPOŻIZZJONIJIET PRATTIĊI TA' IMPLEMENTAZZJONI

    269.

    Dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni jħassru u jissostitwixxu l-Istruzzjonijiet lir-reġistratur tal-5 ta' Lulju 2007 (ĠU L 232, 4.9.2007, p. 1), kif emendati fis-17 ta' Mejju 2010 (ĠU L 170, 6.7.2010, p. 53) u fl-24 ta' Jannar 2012 (ĠU L 68, 7.3.2012, p. 20), u l-Istruzzjonijiet prattiċi lill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali tal-24 ta' Jannar 2012 (ĠU L 68, p. 23).

    270.

    Dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Huma għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara l-pubblikazzjoni tagħhom.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta' Mejju 2015.

    Ir-Reġistratur

    E. COULON

    Il-President

    M. JAEGER


    (1)  Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (ĠU L 105, 23.4.2015, p. 1).

    (2)  Fis-sens tal-Artikolu 3 tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Settembru 2011, dwar il-preżentata u r-riċezzjoni [in-notifika] ta' atti proċedurali permezz tal-applikazzjoni e-Curia (ĠU C 289, 1.10.2011, p. 9) (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta' Settembru 2011”).

    (3)  It-test għandu jiġi ppreżentat inkonformità mar-rekwiżiti previsti fil-punt 96(c) ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni.


    ANNESS 1

    Kundizzjonijiet li n-nuqqas ta' osservanza tagħhom jiġġustifika li r-rikors ma jiġix innotifikat (punt 110 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni)

    L-assenza ta' regolarizzazzjoni tal-punti segwenti tista' twassal għaċ-ċaħda tar-rikors minħabba inammissibbiltà, inkonformità mal-Artikolu 78(5), mal-Artikolu 177(7) u mal-Artikolu 194(6) tar-Regoli tal-Proċedura.

     

    Rikorsi diretti

    Kawżi dwar proprjetà intellettwali

    Appelli

    a)

    produzzjoni tad-dokument ta' leġittimazzjoni tal-avukat [Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura]

    produzzjoni tad-dokument ta' leġittimazzjoni tal-avukat (Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura)

    produzzjoni tad-dokument ta' leġittimazzjoni tal-avukat [Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura]

    b)

    produzzjoni tal-prova tal-eżistenza ġuridika tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 78(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

    produzzjoni tal-prova tal-eżistenza ġuridika tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 177(4) tar-Regoli tal-Proċedura]

    produzzjoni tal-prova tal-eżistenza ġuridika tal-persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 194(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

    c)

    produzzjoni tal-mandat jekk il-parti rrappreżentata tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

    produzzjoni tal-mandat jekk il-parti rrappreżentata tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

    produzzjoni tal-mandat jekk il-parti rrappreżentata tkun persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat [Artikolu 51(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

    d)

    produzzjoni tal-att ikkontestat (rikors għal annullament) jew tad-dokument li jiġġustifika d-data tal-istedina sabiex tittieħed azzjoni (rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni) [it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut; Artikolu 78(1) tar-Regoli tal-Proċedura]

    produzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tal-Bord tal-Appell [Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

     

    e)

    produzzjoni ta' kopja tal-kuntratt li jinkludi l-klawżola ta' arbitraġġ [Artikolu 78(2) tar-Regoli tal-Proċedura]

     

     

    f)

     

    indikazzjoni tal-isem tal-parti jew tal-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell u tal-indirizz li dan kien indika jew li dawn kienu indikaw għall-finijiet tan-notifiki li kellhom jitwettqu fil-kuntest ta' dawn il-proċedimenti [Artikolu 177(2) tar-Regoli tal-Proċedura]

     

    g)

     

    indikazzjoni tad-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell [Artikolu 177(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

    indikazzjoni tad-data tan-notifika tad-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li tkun is-suġġett tal-appell [Artikolu 194(2) tar-Regoli tal-Proċedura]


    ANNESS 2

    Regoli formali li n-nuqqas ta' osservanza tagħhom jiġġustifika l-posponiment tan-notifika (punt 111 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni)

     

    Rikors ippreżentat fuq karta (preżentata, jekk ikun il-każ, ippreċeduta minn trażmissjoni permezz ta' faks)

    Rikors ippreżentat permezz ta' e-Curia

    a)

    indikazzjoni tal-indirizz tar-rikorrent [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut; Artikolu 76(a), Artikolu 177(1)(a) u Artikolu 194(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura]

    indikazzjoni tal-indirizz tar-rikorrent [l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut; Artikolu 76(a), Artikolu 177(1)(a) u Artikolu 194(1)(a) tar-Regoli tal-Proċedura]

    b)

    indikazzjoni tal-indirizz tar-rappreżentant tar-rikorrent [Artikolu 76(b), Artikolu 177(1)(b) u Artikolu 194(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura]

    indikazzjoni tal-indirizz tar-rappreżentant tar-rikorrent [Artikolu 76(b), Artikolu 177(1)(b) u Artikolu 194(1)(b) tar-Regoli tal-Proċedura]

    c)

    oriġinal ġdid tar-rikors meta dan ikun tqassar (punti 120 u 121 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni)

    oriġinal ġdid tar-rikors meta dan ikun tqassar (punti 120 u 121 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni)

    d)

    oriġinal ġdid bl-istess kontenut tar-rikors bil-paragrafi nnumerati (punt 92 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni)

    oriġinal ġdid bl-istess kontenut tar-rikors bil-paragrafi nnumerati (punt 92 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni)

    e)

    oriġinal ġdid bl-istess kontenut tar-rikors bil-paġni nnumerati [punt 96(d) ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

    oriġinal ġdid bl-istess kontenut tar-rikors bil-paġni nnumerati [punt 96(d) ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

    f)

    oriġinal ġdid bl-istess kontenut tar-rikors bil-firma bl-idejn tar-rappreżentant fl-aħħar (punt 93 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni)

     

    g)

    produzzjoni tal-iskeda li telenka l-annessi bl-indikazzjonijiet obbligatorji [Artikolu 72(3) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 98 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

    produzzjoni tal-iskeda li telenka l-annessi bl-indikazzjonijiet obbligatorji [Artikolu 72(3) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 98 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

    h)

    produzzjoni ta' numru suffiċjenti ta' kopji tal-iskeda li telenka l-annessi bl-indikazzjonijiet obbligatorji [Artikolu 73(2) tar-Regoli tal-Proċedura]

     

    i)

    produzzjoni tal-annessi msemmija fir-rikors u mhux prodotti [Artikolu 72(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

    produzzjoni tal-annessi msemmija fir-rikors u mhux prodotti [Artikolu 72(3) tar-Regoli tal-Proċedura]

    j)

    produzzjoni ta' numru suffiċjenti ta' kopji tal-annessi msemmija fir-rikors [Artikolu 73(2) tar-Regoli tal-Proċedura]

     

    k)

    produzzjoni tal-annessi bil-paġni nnumerati [punt 101(d) ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

    produzzjoni tal-annessi bil-paġni nnumerati [punt 101(d) ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

    l)

    produzzjoni tal-annessi nnumerati [punt 101(a) ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

    produzzjoni tal-annessi nnumerati [punt 101(a) ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

    m)

    produzzjoni ta' numru suffiċjenti ta' kopji awtentikati tar-rikors [Artikolu 73(2) tar-Regoli tal-Proċedura; punti 82, 83 u 95 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

     


    ANNESS 3

    Regoli formali li n-nuqqas ta' osservanza tagħhom ma jipprekludix in-notifika (punt 112 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni)

    a)

    għażla tal-modi ta' notifika, jiġifieri l-aċċettazzjoni li n-notifiki jitwettqu permezz ta' e-Curia jew permezz ta' faks (b'indikazzjoni ta' numru tal-faks wieħed) [Artikolu 77(1) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 83 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]

    b)

    produzzjoni tad-dokument ta' leġittimazzjoni għal kull avukat supplimentari ieħor [Artikolu 51(2) tar-Regoli tal-Proċedura]

    c)

    fil-kawżi li ma jkunux dwar proprjetà intellettwali, produzzjoni tas-sunt tal-motivi u tal-argumenti prinċipali (punti 130 sa 132 u 161 sa 163 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni)

    d)

    produzzjoni tat-traduzzjoni fil-lingwa tal-kawża ta' anness ifformulat f'lingwa li ma tkunx il-lingwa tal-kawża [Artikolu 46(2) tar-Regoli tal-Proċedura; punt 108 ta' dawn id-Dispożizzjonijiet prattiċi ta' implementazzjoni]


    Top