This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015L0121
Council Directive (EU) 2015/121 of 27 January 2015 amending Directive 2011/96/EU on the common system of taxation applicable in the case of parent companies and subsidiaries of different Member States
Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/121 tas- 27 ta' Jannar 2015 li temenda d-Direttiva 2011/96/UE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti
Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/121 tas- 27 ta' Jannar 2015 li temenda d-Direttiva 2011/96/UE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti
ĠU L 21, 28.1.2015, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
28.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 21/1 |
DIRETTIVA TAL-KUNSILL (UE) 2015/121
tas-27 ta' Jannar 2015
li temenda d-Direttiva 2011/96/UE dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 115 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),
Filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE (3) teżenta dividendi u distribuzzjonijiet oħrajn ta' profitti mħallsa minn kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji prinċipali tagħhom mit-taxxi minn ras il-għajn u telimina t-tassazzjoni doppja ta' tali introjtu fil-livell tal-kumpannija prinċipali. |
(2) |
Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li d-Direttiva 2011/96/UE ma tiġix abbużata minn dawk li jħallsu t-taxxi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha. |
(3) |
Xi Stati Membri japplikaw dispożizzjonijiet domestiċi jew imsejsa fuq ftehimiet bil-mira li jiġġieldu kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew prattiki abbużivi b'mod ġenerali jew speċifiku. |
(4) |
Madanakollu, dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jkunu ta' livelli differenti ta' severità u, fi kwalunkwe każ, huma mfassla biex jirriflettu l-ispeċifiċitajiet tas-sistema tat-taxxa ta' kull Stat Membru. Barra minn hekk, xi Stati Membri ma għandhom ebda dispożizzjoni domestika jew imsejsa fuq ftehim għall-prevenzjoni tal-abbuż. |
(5) |
Għaldaqstant, l-inklużjoni ta' regola minima komuni kontra l-abbuż fid-Direttiva 2011/96/UE tkun ta' għajnuna kbira biex jiġi evitat l-użu ħażin ta' dik id-Direttiva u biex tiġi żgurata konsistenza akbar fl-applikazzjoni tagħha fi Stati Membri differenti. |
(6) |
L-applikazzjoni ta' regoli kontra l-abbuż għandha tkun proporzjonata u għandha taqdi l-iskop speċifiku li jiġi indirizzat arranġament jew sensiela ta' arranġamenti li ma jkunux ġenwini, jiġifieri li ma jirriflettux ir-realtà ekonomika. |
(7) |
Għal dak il-għan, meta jivvalutaw jekk arranġament jew sensiela ta' arranġamenti jkunux abbużivi, l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri għandhom jagħmlu analiżi oġġettiva tal-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti. |
(8) |
Filwaqt li l-Istati Membri għandhom jużaw il-klawżola kontra l-abbuż biex jiġu indirizzati arranġamenti li ma jkunux, fit-totalità tagħhom, ġenwini, jista' jkun hemm ukoll każijiet fejn xi passi jew partijiet uniċi ta' arranġament, meħuda separatament, ma jkunux ġenwini. L-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jużaw il-klawżola kontra l-abbuż biex jindirizzaw ukoll dawk il-passi jew partijiet speċifiċi, mingħajr preġudizzju għall-passi jew partijiet ġenwini li jifdal tal-arranġament. Dak iżid, kemm jista' jkun, l-effettività tal-klawżola kontra l-abbuż filwaqt li jiggarantixxi l-proporzjonalità tagħha. L-“approċċ ta' safejn” jista' jkun effettiv f'każijiet fejn l-entitajiet konċernati, bħala tali, ikunu ġenwini iżda fejn, pereżempju, l-ishma minn fejn toriġina d-distribuzzjoni tal-profitti ma jkunux ġenwinament attribwiti lil persuna li tħallas it-taxxa li tkun stabbilita fi Stat Membru, jiġifieri jekk l-arranġament, abbażi tal-forma legali tiegħu, jittrasferixxi d-dritt ta' proprjetà fir-rigward tal-ishma iżda l-karatteristiċi tiegħu ma jirriflettux ir-realtà ekonomika. |
(9) |
Din id-Direttiva ma għandha tinċidi bl-ebda mod fuq il-kapaċità tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet domestiċi tagħhom jew imsejsa fuq ftehimiet tagħhom immirati biex jimpedixxu l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-abbuż. |
(10) |
Id-Direttiva 2011/96/UE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Fid-Direttiva 2011/96/UE, l-Artikolu 1(2) huwa sostitwit mill-paragrafi li ġejjin:
“2. L-Istati Membri ma għandhomx jagħtu l-benefiċċji ta' din id-Direttiva lil arranġament jew sensiela ta' arranġamenti li, peress li jkunu ġew attwati għall-iskop ewlieni jew għal wieħed mill-iskopijiet ewlenin li jinkiseb vantaġġ tat-taxxa li jmur kontra l-objettiv jew l-iskop ta' din id-Direttiva, ma jkunux ġenwini fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha.
Arranġament jista' jinkludi aktar minn pass wieħed jew parti waħda.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 2, arranġament jew sensiela ta' arranġamenti għandhom jitqiesu bħala mhux ġenwini sa fejn ma jsirux għal raġunijiet kummerċjali validi li jirriflettu r-realtà ekonomika.
4. Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi l-applikazzjoni ta' dispożizzjonijiet domestiċi jew ibbażati fuq ftehimiet li jkunu meħtieġa għall-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa jew l-abbuż.”
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta' Jannar 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
J. REIRS
(1) Opinjoni tat-2 ta' April 2014 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tal-25 ta' Marzu 2014 (ĠU C 226, 16.7.2014, p. 40).
(3) Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta' Novembru 2011 dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti (ĠU L 345, 29.12.2011, p. 8).