EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015H0818(25)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Polonja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja tal-2015

ĠU C 272, 18.8.2015, p. 91–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/91


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Polonja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja tal-2015

(2015/C 272/24)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta' Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2). Flimkien dawn jagħmlu l-'linji gwida integrati' li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Polonja għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tal-Polonja għall-2014.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew 2015 għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih il-Polonja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Polonja. Dan ivvaluta l-progress li għamlet il-Polonja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014.

(7)

Fid-29 ta' April 2015, il-Polonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2015 u fit-30 ta' April 2015 ippreżentat il-Programm ta' Konverġenza tal-2015 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

Bħalissal-Polonja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir wara t-tneħħija tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv f'Ġunju 2015 (5). Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2015, il-Gvern qed jippjana tnaqqis gradwali tad-defiċit nominali minn 3,2 % tal-PDG għal 2,7 % tal-PDG fl-2015 u minn hemm għal 1,2 % tal-PDG fl-2018. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, id-defiċit eċċessiv jista' jitqies li ġie diġà kkoreġut fl-2014, sena qabel l-iskadenza, billi jitqies li l-eċċess 'il fuq minn 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG fit-Trattat huwa spjegat mill-ispiża baġitarja netta tar-riforma sistemika tal-pensjoni. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-Gvern biħsiebu jilħaq l-objettiv ta' terminu medju, — defiċit strutturali ta' 1 % tal-PDG — sal-2019. Wara quċċata ta' 51,7 % fil-proporzjon tad-dejn meta mqabbel mal-PDG fl-2015, il-Gvern biħsiebu jnaqqsu għal 49,1 % fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli fl-2015 u favorevoli fl-2016. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni globali, il-Polonja hija pproġettata li tkun konformi mal-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv ta' terminu medju fl-2015 billi t-tkabbir fl-infiq nett huwa taħt il-limitu referenzjarju. Miżuri għall-appoġġ tal-miri tad-defiċit ippjanati mill-2016 ma ġewx speċifikati b'mod suffiċjenti. Fid-dawl tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, hemm ir-riskju ta' xi devjazzjoni mit-triq ta' aġġustament meħtieġa fl-2016 billi l-aġġustament strutturali ma jilħaqx ir-rekwiżit. Għalhekk, ser jinħtieġu iktar miżuri fl-2016. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Polonja hija mistennija tikkonforma b'mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-dħul mit-taxxa jista' jiżdied billi jitnaqqas l-użu estensiv li qed isir attwalment mir-rati mnaqqsa tal-VAT u billi tiżdied l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa.

(9)

Il-qafas fiskali tal-Polonja jibbenefika mill-ħolqien ta' korp indipendenti, kemm bħala istituzzjoni għal rasha jew fi ħdan istituzzjoni eżistenti, responsabbli għat-twettiq ta' valutazzjonijiet ex ante u ex post ta' konformità mar-regoli fiskali, valutazzjoni ta' previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji u analiżi tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(10)

Il-Polonja reġġgħet lura r-riforma sistemika tal-pensjonijiet tal-1999 fi tmiem l-2013. Filwaqt li pproduċa xi ftit appoġġ baġitarju fuq terminu qasir, it-treġġigħ lura tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet tal-1999 ma tejjibx is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, billi l-benefiċċji fuq terminu qasir minn kontribuzzjonijiet soċjali ogħla u pagament tal-imgħax iktar baxxi se jkunu kkumpensati minn pagamenti futuri ogħla tal-pensjoni mill-pilastru tal-pensjoni pubblika. B'mod ġenerali t-treġġigħ lura tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet tal-1999 jfisser xi riskji għall-finanzi pubbliċi Pollakki fit-tul.

(11)

Il-privileġġi tas-sigurtà soċjali mogħtija lil bdiewa u minaturi jkomplu jxekklu l-mobilità professjonali u jimponu spejjeż sinifikanti fuq il-finanzi pubbliċi. Dawn l-iskemi preferenzjali jiskoraġġixxu lin-nies milli jiċċaqilqu għal setturi aktar produttivi, joħolqu qgħad mistur u, minħabba kontribuzzjonijiet baxxi, huma konsiderevolment issussidjati mill-kontribwenti. Fl-2014, is-settur agrikolu tal-Polonja jimpjega 11,5 % tal-forza tax-xogħol, aktar mid-doppju tal-medja tal-UE, filwaqt li jiġġenera biss 3,3 % tal-valur miżjud gross nazzjonali. Is-sussidji mill-Istat għall-iskema tas-sigurtà soċjali għal bdiewa għandhom valur ta' kważi 1 % tal-PDG, u dawk għall-pensjonijiet tal-minaturi huma 0,5 % tal-PDG. Ir-rabta bejn il-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji hija dgħajfa u l-kontribuzzjonijiet huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ibbażati fuq rata fissa. Il-bdiewa fuq introjti għoljin ma jistgħux jiġu sistematikament esklużi mill-iskema, u s-sistema hija għalhekk miftuħa għall-abbuż. L-introduzzjoni ta' sistema għar-reġistrazzjoni u l-valutazzjoni tad-dħul tal-bdiewa tikkostitwixxi pass inizjali indispensabbli lejn riforma tal-iskema tas-sigurtà soċjali għall-bdiewa.

(12)

Is-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol għadha tippersisti fil-Polonja. L-inċidenza ta' kuntratti temporanji hija l-ogħla fl-Unjoni, filwaqt li r-rata ta' tranżizzjoni minn impjieg temporanju għal wieħed permanenti hija baxxa u d-differenzjali fil-paga hija l-ogħla fl-Unjoni. Id-dispożizzjonijiet dwar it-tkeċċija riġidi, proċedimenti ġudizzjarji twal u piżijiet oħra li jitpoġġew fuq min iħaddem iħeġġu l-użu ta' kuntratti ta' impjieg b'terminu fiss u mhux standard. Barra minn hekk, il-perċezzjoni li hemm spejjeż għolja assoċjati mal-kuntratti koperti mill-Kodiċi tax-Xogħol twassal għal użu eċċessiv ta' kuntratti tal-liġi ċivili (umowy cywilno-prawne), li huma attraenti għal min iħaddem minħabba li huma assoċjati ma' kontributi iktar baxxi tas-sigurtà soċjali. Il-proporzjon għoli ta' kuntratti ta' dan it-tip, jiġifieri assoċjati ma' kontribuzzjonijiet aktar baxxi, jista', madankollu, inaqqas il-kwalità ta' impjiegi disponibbli, speċjalment għal ħaddiema żgħażagħ. Il-qgħad huwa għoli fost iż-żgħażagħ, parzjalment minħabba nuqqas ta' tqabbil bejn il-kwalifiki u l-ħiliet tal-kandidati, min-naħa l-waħda, u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, fuq in-naħa l-oħra. Għaldaqstant huma meħtieġa sforzi kontinwi biex tiġi riformata s-sistema ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, u biex jiżdied il-livell baxx ta' parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha baxxa. Sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, il-Polonja żiedet id-disponibbiltà tal-edukazzjoni preprimarja, iżda għadha tgħodd fost l-Istati Membri bl-inqas disponibbiltà ta' servizzi tal-indukrar tat-tfal żgħar.

(13)

Is-settur ferrovjarju jsofri bħala riżultat ta' tariffi tal-aċċess għall-binarji għolja u ta' finanzjament nazzjonali inadegwat. Proċeduri għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta' proġetti għandhom it-tendenza li jkunu twal u kkumplikati, bħala riżultat tal-ambjent regolatorju u amministrattiv. Filwaqt li l-bidliet leġislattivi reċenti jistgħu jkollhom effett pożittiv fuq it-trasport ferrovjarju, mhuwiex probabbli li dawn jaffettwaw il-proġetti tal-investiment imnedija matul il-perijodu ta' programmazzjoni 2007-2013. Matul il-perjodu 2014-2020, madankollu, il-finanzjament tal-UE għas-settur ferrovjarju għandu jiżdied b'mod sinifikanti.

(14)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Polonja u ppublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Polonja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Polonja, imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt.

(15)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Polonja tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.

Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, twettaq aġġustament fiskali ta' 0,5 % tal-PDG lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju kemm fl-2015 kif ukoll fl-2016. Twaqqaf kunsill fiskali indipendenti. Twessa' l-bażi tat-taxxa, b'mod partikolari billi tillimita l-użu ta' sistema estensiva ta' rati mnaqqsa tal-VAT.

2.

Tibda l-proċess ta' allinjament għall-arranġamenti tal-pensjonijiet għal bdiewa u minaturi ma' dawk għal ħaddiema oħra, u tadotta skeda għal allinjament sħiħ progressiv; twaqqaf sistema għall-valutazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-dħul tal-bdiewa.

3.

Tieħu miżuri biex tnaqqas l-użu eċċessiv ta' kuntratti temporanji u tal-liġi ċivili fis-suq tax-xogħol.

4.

Tneħħi l-ostakli għall-investiment fi proġetti ferrovjarji.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Polonja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 97).

(4)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(5)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1026 tad-19 ta' Ġunju 2015 li tħassar id-Deċiżjoni 2009/589/KE dwar l-eżistenza ta' defiċit eċċessiv fil-Polonja (ĠU L 163, 30.6.2015, p. 37).

(6)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top