EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015H0818(16)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Kroazja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Kroazja tal-2015

ĠU C 272, 18.8.2015, p. 56–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/56


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Kroazja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Kroazja tal-2015

(2015/C 272/15)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq il-koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3). Flimkien dawn jagħmlu “l-linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Kroazja għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tal-Kroazja għall-2014.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih il-Kroazja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Kroazja. Dan ivvaluta l-progress li għamlet il-Kroazja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati fit-8 ta' Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż jinkludi wkoll ir-riżultati tar-rieżami fil-fond, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Il-Kummissjoni, permezz tal-analiżi tagħha tikkonkludi li l-Kroazja tinsab għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ speċifiku. B'mod partikolari, fil-kuntest ta' tkabbir batut, ta' ristrutturar tal-kumpaniji mdewwem u ta' prestazzjoni miżera fl-impjiegi, ir-riskji marbuta mal-kompetittività dgħajfa, mal-obbligazzjonijiet esterni kbar u mad-dejn pubbliku li qed jiżdied flimkien ma' governanza dgħajfa fis-settur pubbliku, żdiedu b'mod sinifikanti.

(7)

F'Marzu 2015, wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-pajjiż, l-awtoritajiet Kroati daħlu f'taħdidiet mas-servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-riformi l-aktar meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. L-awtoritajiet daħlu għat-taħdidiet b'mod kostruttiv, u ħabbru għadd ta' miżuri rilevanti, inkluż it-tnaqqis ta' imposti parafiskali fl-2016 u fl-2017, l-irrazzjonalizzar tas-sistema ta' aġenziji tal-Istat u ta' unitajiet reġjonali tal-amministrazzjoni ċentrali tal-Istat, l-inċentivar ta' fużjonijiet ta' unitajiet awtonomi lokali tal-gvern, it-tnaqqis tal-inċertezza leġislattiva u t-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat. Pjanijiet ta' riforma f'diversi oqsma oħrajn, bħalma huma t-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq l-intrapriżi u t-titjib fil-governanza tal-intrapriżi tal-Istat, ġew stipulati f'aktar dettall. Madankollu, il-livell ta' ambizzjoni għadu taħt l-aspettattivi f'għadd ta' oqsma, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli dwar l-irtirar bikri u l-pubblikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-analiżi tan-nefqa, għalkemm xi miżuri addizzjonali ġew ippreżentati sabiex jikkumpensaw parzjalment għan-nuqqas.

(8)

Bħalissal-Kroazja qiegħda fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2015, il-Gvern qed jippjana li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2017, u dan mhux konformi mal-iskadenza tal-2016 irrakkomandata mill-Kunsill. Il-Gvern qed jippjana li jnaqqas gradwalment id-defiċit nominali għal 5,0 % tal-PDG fl-2015, għal 3,9 % fl-2016 u ulterjorament sa 2,7 % tal-PDG fl-2017. Skont il-Programm ta' Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern huwa mistenni li jilħaq il-massimu ta' 92,5 % fl-2017, u li b'mod ġenerali se jistabbilizza għal 92,4 % tal-PDG fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji jidher kemxejn favorevoli peress li t-tkabbir huwa paragunabbli, filwaqt li l-isforz sottostanti ta' konsolidazzjoni huwa ogħla fil-Programm ta' Konverġenza milli fil-previżjoni tal-Kummissjoni. Il-miżuri li jsostnu l-miri tad-defiċit ippjanati mill-2015 'il quddiem huma biss speċifikati parzjalment. Abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni tal-2015, mhux mistennija korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv f'waqtha u li sservi sal-2016. Abbażi tal-ammont ta' miżuri diskrezzjonali meħuda, l-isforz fiskali fl-2014 kien konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Dan huwa wkoll il-każ tat-termini kumulattivi għall-2014 u l-2015, minkejja n-nuqqas previst għall-2015. Madankollu, it-tibdil (aġġustat) fil-bilanċ strutturali għall-2014-2015 huwa taħt il-valur irrakkomandat. L-isforz fiskali għall-2016 qiegħed taħt dak stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Għaldaqstant, huma meħtieġa aktar miżuri strutturali. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Kroazja hi mistennija tikkonforma b'mod ġenerali mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Fit-23 ta' April 2015, il-Kroazja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2015 u, fit-30 ta' April 2015, il-Programm ta' Konverġenza tagħha tal-2015. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(10)

Il-Kroazja attwalment qed tirrevedi n-nefqa tagħha bl-għan li tilħaq effiċjenza b'mod partikolari fil-pagi, fis-sigurtà soċjali u fl-infiq tas-sussidji u biex tipprovdi spazju fiskali suffiċjenti sabiex tingħata prijorità lin-nefqa u l-investiment li jsaħħu t-tkabbir. Id-dħul tal-Kroazja mit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà immobbli bħala proporzjon tal-PDG huma fost l-aktar baxxi fl-Unjoni. Matul is-sena li għaddiet ittieħdu passi sabiex titjieb il-konformità fiskali, inklużi miżuri li jindirizzaw il-frodi tal-VAT, u issa hemm bżonn li tittieħed azzjoni. Il-qafas fiskali tal-Kroazja ġie msaħħaħ mir-riformi reċenti, iżda għad hemm sfidi sinifikanti. Hemm dgħufijiet rigward il-kontroll effettiv tan-nefqa, u l-applikazzjoni konsistenti ta' restrizzjonijiet baġitarji jħallu impatt negattiv fuq it-tfassil tal-politiki fiskali u l-konklużjonijiet tal-awditi. Iż-żieda rapida fid-dejn tal-gvern titlob għal approċċ aktar attiv fil-ġestjoni tad-dejn tal-gvern.

(11)

Is-sistema tal-pensjonijiet tbati minn għadd kbir ta' persuni li rtiraw kmieni, sistema ġeneruża wisq ta' pensjonijiet bikrija għal ċerti professjonijiet u bosta skemi tal-pensjonijiet speċjali. L-irtirar kmieni huwa ffaċilitat minn tnaqqis fil-pensjonijiet relattivament baxx, jew għal ċerti ħaddiema tnaqqis ta' xejn. Id-diskrepanza bejn l-età minima għall-irtirar bikri u dik statutorja hija wkoll għolja meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' anqas minn tliet snin. Barra minn hekk is-sistema hija wisq frammentata, u l-infiq jiġi indirizzat fuq il-pensjonijiet standard. Bħala riżultat, il-proporzjon tal-benefiċċju fis-sistema tal-pensjonijiet huwa aktar baxx minn dak f'ħafna Stati Membri, minkejja nefqa komparabbli. Rigward is-settur tal-kura tas-saħħa, l-arrettrati rikorrenti għadhom qed jippreżentaw riskju fiskali. Inbdew miżuri sabiex il-finanzjament tal-isptar jiġi razzjonalizzat, iżda hemm riskji ta' implimentazzjoni. Iż-żieda ta' 10 % fil-baġit tkopri biss parzjalment il-bżonnijiet ta' finanzjament; irid isir titjib ulterjuri fl-effiċjenza sabiex tiġi żgurata l-eliminazzjoni totali tal-arretrati sal-2017.

(12)

L-aġġustament limitat fil-pagi fil-perjodu ta' wara l-kriżi ggrava l-impatt negattiv fuq l-impjiegi. L-analiżi komprensiva dwar id-determinazzjoni tal-pagi u l-prattiki tal-iffissar tal-pagi, li tlestiet fl-2014, kixfet li s-sistema ma kinitx flessibbli sabiex tadatta ruħha għal tibdiliet fl-ambjent makroekonomiku. Dgħufijiet partikolari jirrigwardaw id-diskrepanzi kbar bejn is-settur privat u dak pubbliku, inklużi l-intrapriżi tal-Istat, l-estensjoni ta' ftehimiet kollettivi għal partijiet mhux firmatarji, u d-diffikultajiet relatati mat-temma ta' ftehimiet li ma għadhomx relevanti. Hemm bżonn li l-analiżi tiġi segwita minn azzjoni politika konkreta. Huwa wkoll importanti li jiġu mmonitorjati l-effetti tar-riforma tal-2013-2014 fuq is-suq tax-xogħol.

(13)

Il-forza tax-xogħol hija affettwata b'mod negattiv minn tixjiħ tal-popolazzjoni rapidu flimkien ma' rati ta' attività baxxi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u għal ħaddiema li qabżu l-50 sena. Minkejja żieda fl-ambitu u fin-nefqa għall-politiki attivi fis-suq tax-xogħol, l-ilħuq tagħhom għadu mhux biżżejjed f'dak li għandu x'jaqsam mal-qgħad fit-tul, mal-ħaddiema ta' età akbar u maż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, minn impjieg jew taħriġ. Ir-rata tal-edukazzjoni terzjarja hija waħda mill-aktar baxxi fl-Unjoni. In-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u dgħufijiet fis-sistema edukattiva u ta' taħriġ huma deterrenti sabiex tintlaħaq l-edukazzjoni għolja. Id-daqs tal-ekonomija informali għadu sfida persistenti u jagħti lok għal rata għolja ta' inċidenza ta' xogħol mhux iddikjarat. Il-miżuri li l-Kummissjoni fl-aħħar tal-2014 identifikat sabiex tiġġieled ix-xogħol mhux iddikjarat issa jeħtieġ li jiġu implimentati. Bħalissa hemm aktar minn 80 benefiċċju soċjali u programm differenti. Il-konsolidazzjoni tal-benefiċċji inbdiet, iżda fl-2015 huma meħtieġa aktar sforzi fir-riforma sabiex titjieb il-kopertura u l-adegwatezza tal-benefiċċji.

(14)

It-tqassim tal-kompetenzi bejn il-livell nazzjonali u lokali huwa kumpless u frammentat, u dan jimmina l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-effiċjenza fin-nefqa pubblika. L-attributi attwali tal-funzjonijiet tal-politiki u d-dgħufijiet amministrattivi tal-awtoritajiet lokali jaffettwaw direttament għadd ta' oqsma, bħalma huma l-ġbir tat-taxxi, l-għoti tal-benefiċċji soċjali, il-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, l-akkwist pubbliku u l-għoti tas-servizzi pubbliċi. Bħala miżura fuq terminu qasir, l-awtoritajiet qed jippjanaw li jistabbilixxu mekkaniżmi li jinkoraġġixxu l-fużjonijiet volontarji jew il-koordinazzjoni ta' unitajiet lokali awtonomi. Fil-gvern ċentrali, ir-riforma u r-razzjonalizzazzjoni tas-sistema tal-aġenziji tal-Istat tmexxew 'il quddiem abbażi tal-analiżi li tlestiet fl-2014

(15)

L-ambjent tan-negozju tal-Kroazja jbati minn nuqqasijiet istituzzjonali, inklużi l-instabbiltà regolatorja, il-kontroll dgħajjef tal-kwalità leġislattiva, kostijiet ta' konformità għoljin, prattiki ta' diskriminazzjoni u ostakli eċċessivi għall-fornituri ta' servizzi, piżijiet amministrattivi għoljin, għadd kbir ta' imposti parafiskali, nuqqas ta' trasparenza u prevedibbiltà baxxi fix-xogħol tal-korpi amministrattivi b'mod partikolari f'livell lokali, kanali tal-komunikazzjoni elettronika mhux żviluppati b'mod uniformi, u proċedimenti ġudizzjarji li jieħdu fit-tul, b'mod partikolari fil-qrati kummerċjali, fejn huwa meħtieġ titjib fil-ġestjoni tal-kawżi. L-istrateġija l-ġdida kontra l-korruzzjoni mhix iffukata u ma għandhiex livell suffiċjenti ta' dettall; dan irid jiġi indirizzat bi pjan ta' azzjoni sabiex tiġi implimentata l-istrateġija.

(16)

Is-superviżjoni tal-intrapriżi pubbliċi mhix kompluta f'dak li għandu x'jaqsam ma' kumpaniji stabbiliti f'livell lokali u ma' sussidjarji ta' intrapriżi pubbliċi kbar. L-awtoritajiet qed jippjanaw li jnaqqsu l-għadd ta' kumpaniji “strateġiċi” u li jżidu l-isforzi għall-aġenda ta' privatizzazzjoni. Huwa meħtieġ aktar progress fil-kwalità tal-governanza, anke rigward it-tisħiħ u l-armonizzar tas-sorveljanza għal diversi intrapriżi tal-Istat. In-nomina ta' membri tal-bord mhix trasparenti u l-ħtieġa ta' kompetenza hija relattivament dgħajfa, li jxekkel il-ġestjoni tajba tal-proprjetà pubblika.

(17)

It-twaqqif ta' qafas effiċjenti u trasparenti għas-salvataġġ bikri u l-insolvenza huwa prerekwiżit ewlieni sabiex tittaffa l-pressjoni konsiderevoli tat-tnaqqis fl-ingranaġġ iffaċċjata minn negozji Kroati u biex titrawwem kultura ta' ristrutturar bikri u tat-“tieni opportunità”. Valutazzjoni tal-leġislazzjoni ta' qabel l-insolvenza turi li l-effiċjenza ex ante tal-qafas leġislattiv attwali hija fost l-aktar baxxi tal-Unjoni. Inbdiet riforma fil-qafas tal-insolvenza, u l-adozzjoni parlamentari hija ppjanata għall-ewwel nofs tal-2015. Il-Bank Kroat għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp jista' jilgħab rwol kruċjali fl-irkupru tal-Kroazja. Huwa direttament espost għar-riskju ta' kreditu, li jista' jaffettwa l-finanzi pubbliċi. Huwa importanti li dan jitpoġġa taħt superviżjoni prudenzjali u governanza korporattiva b'saħħitha. Hemm ukoll lok għal titjib fl-istruttura u t-trasparenza tal-arranġamenti tiegħu tar-respobnsabbiltà maniġerjali. Wara li xiref ir-riskju tal-kreditu fil-munita u dak indott mill-munita, hija meħtieġa soluzzjoni fit-tul li hija proporzjonali u ekwitabbli, u li għandha bażi legali soda u li tiffoka fuq li tgħin lill-aktar mutwarji f'diffikultà.

(18)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Kroazja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma kif ukoll s-segwitu li ngħata għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kroazja fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Kroazja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (6) hawn taħt.

(19)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(20)

Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (6) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Kroazja tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 sabiex:

1.

Tiżgura korrezzjoni durabbli tad-defiċit eċċessiv sal-2016 billi tieħu l-miżuri meħtieġa fl-2015, u billi ssaħħaħ l-istrateġija baġitarja għall-2016. Tippubblika u timplimenta l-konklużjonijiet tal-analiżi tan-nefqa. Ittejjeb il-kontroll tan-nefqa f'livell ċentrali u lokali, b'mod partikolari billi tistabbilixxi mekkaniżmu ta' sanzjonijiet għal entitajiet li jkunu qed jiksru l-limiti baġitarji. Tadotta l-Att dwar ir-Responsabilità Fiskali u ssaħħaħ il-kapaċità u r-rwol tal-Uffiċċju tal-Awditjar tal-Istat. Tintroduċi taxxa fuq il-propjetà rikorrenti u ttejjeb il-konformità mal-VAT. Issaħħaħ l-immaniġġjar tad-dejn pubbliku, b'mod partikolari billi tippubblika fuq bażi annwali strateġija tal-immaniġġjar tad-dejn u tiżgura riżorsi adegwati.

2.

Tiskoraġġixxi l-irtirar bikri billi żżid sanzjonijiet għall-irtirar bikri. Ittejjeb l-adegwatezza u l-effiċjenza tal-infiq tal-pensjonijiet billi tirrestrinġi d-definizzjoni ta' professjonijiet ibsin u ta' periklu. Tindirizza r-riskji fiskali fil-kura tas-saħħa.

3.

Tindirizza d-dgħufijiet fil-qafas tal-iffissar tal-pagi, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u f'konformità mal-prattiki nazzjonali, sabiex jiġi xprunat l-allinjament tal-pagi mal-produttività u mal-kundizzjonijiet makroekonomiċi. Issaħħaħ l-inċentivi għall-persuni qiegħda u mhux attivi sabiex jidħlu għal impjieg bi ħlas. Abbażi tal-analiżi tal-2014, twettaq ir-riforma tas-sistema tal-protezzjoni soċjali u tkompli tikkonsolida l-benefiċċji soċjali billi ttejjeb l-iffukar fuq id-duplikazzjoni u teliminaha.

4.

Tnaqqas il-firxa tal-frammentazzjoni u tad-duplikazzjoni bejn il-livelli tal-gvern ċentrali u dak lokali billi tressaq mudell ġdid għad-distribuzzjoni funzjonali tal-kompetenzi u bl-irrazzjonalizzar tas-sistema ta' aġenziji tal-Istat. Iżżid it-trasparenza u r-responsabbiltà fis-settur korporattiv pubbliku, b'mod partikolari rigward il-ħatriet maniġerjali u l-ħtieġa tal-kompetenzi. Tagħmel elenkar minn qabel ta' pakketti minoritarji ta' ishma ta' kumpaniji pubbliċi u ta' privatizzazzjonijiet.

5.

Tnaqqas b'mod sinifikanti l-imposti parafiskali u tneħħi l-ostakli eċċessivi għall-fornituri tas-servizzi. Tidentifika u timplimenta l-passi li jtejbu l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja, b'mod partikolari fil-qrati kummerċjali.

6.

Issaħħaħ il-qafas ta' qabel l-insolvenza u dak tal-insolvenza għan-negozji, sabiex tiffaċilita r-ristrutturar tad-dejn u ddaħħal fis-seħħ proċedura ta' insolvenza personali. Issaħħaħ il-kapaċità tas-settur finanzjarju sabiex jiġi appoġġjat l-irkupru fid-dawl tal-isfidi kkawżati minn self korporattiv improdutttiv u self ipotekarju f'munita barranija għoljin, u l-prattiki ta' governanza dgħajfa f'xi istituzzjonijiet.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta’ Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Kroazja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Kroazja, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 50).

(5)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top