This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015H0818(14)
Council Recommendation of 14 July 2015 on the 2015 National Reform Programme of Spain and delivering a Council opinion on the 2015 Stability Programme of Spain
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Spanja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Spanja tal-2015
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Spanja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Spanja tal-2015
ĠU C 272, 18.8.2015, p. 46–50
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.8.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 272/46 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-14 ta' Lulju 2015
fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Spanja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Spanja tal-2015
(2015/C 272/13)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politiki ekonomiċi (1), u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1) |
Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività. |
(2) |
Fl-14 ta' Lulju 2015, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3). Flimkien dawn jiffurmaw il-'linji gwida integrati' li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi. |
(3) |
Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Spanja tal-2014, u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà aġġornat ta' Spanja tal-2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju ta' Spanja għall-2015. |
(4) |
Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2015 għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih Spanja ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond. |
(5) |
Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir. |
(6) |
Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport dwar il-pajjiż għal Spanja għall-2015. Dan ivvaluta l-progress ta' Spanja meta indirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi adottati fit-8 ta' Lulju 2014. Ir-Rapport dwar il-Pajjiż jinkludi wkoll ir-riżultati tal-analiżi fil-fond, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Il-Kummissjoni, permezz tal-analiżi tagħha tikkonkludi li Spanja tinsab għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ speċifiku. B'mod partikolari, minkejja li kien hemm xi titjib fir-riekwilibrar tal-kont kurrenti u l-isforz sinifikanti ta' tnaqqis fl-ingranaġġ fl-aħħar snin, ir-riskji relatati mal-livelli għoljin fil-pożizzjoni tad-dejn tas-settur pubbliku u dak privat, u l-pożizzjoni netta ferm negattiva tal-investiment internazzjonali, għadhom jeħtieġu attenzjoni mill-qrib fil-kuntest ta' qgħad għoli ħafna. Il-bżonn ta' azzjoni sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-effetti negattivi fuq l-ekonomija Spanjola u, minħabba d-daqs tagħha, tal-effetti konsegwenzjali negattivi li jaffettwaw l-unjoni ekonomika u monetarja, huwa partikolarment importanti. |
(7) |
Fit-30 ta' April 2015, Spanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2015 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2015. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. |
(8) |
Bħalissa Spanja qiegħda fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2015, il-Gvern qed jippjana li jilħaq il-miri tad-defiċit nominali tal-EDP ta' 4,2 % tal-PDG fl-2015 u ta' 2,8 % tal-PDG fl-2016. Il-Gvern qed jippjana li jilħaq l-objettiv tat-terminu medju ta' pożizzjoni baġitarja ibbilanċjata f'termini strutturali sal-2019. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern huwa mistenni li jilħaq il-massimu ta' 98,9 % fl-2015, u li gradwalment jonqos għal 93,2 % fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli għall-2015, u minn wara din is-sena favorevoli. Abbażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2015, huwa previst defiċit ta' 4,5 % u ta' 3,5 % tal-PDG għall-2015 u l-2016, rispettivament. Għaldaqstant, hemm ir-riskju li l-miri għad-defiċit nominali tal-2015 u l-2016 ma jintlaħqux. Barra minn hekk, l-isforz fiskali previst minn Spanja għall-2013-2016 huwa mistenni li jkun taħt il-livell irrakkomandat, u aktar miżuri strutturali se jkunu meħtieġa fl-2015 u l-2016. Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta' Stabbiltà u filwaqt li tiġi kkunsidrata l-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni għall-2015, il-Kunsill huwa tal-fehma li hemm ir-riskju li Spanja ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Spanja għamlet ftit progress rigward l-eliminazzjoni tal-arretrati kummerċjali tas-settur pubbliku. Fl-2014, Spanja għamlet ukoll xi progress fl-identifikazzjoni ta' proposti sabiex tirrazzjonalizza l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni kif ukoll l-infiq soċjali fil-livell reġjonali, għalkemm dawn, fl-aħħar mill-aħħar ma ġewx adottati. Madankollu, leġislazzjoni sabiex tiġi introdotta regola dwar l-infiq reġjonali fuq il-prodotti farmaċewtiċi u għall-kura tas-saħħa ġiet adottata fit-28 ta' Mejju 2015. |
(9) |
L-implimentazzjoni tal-miżuri preventivi, korrettivi u ta' infurzar li jinsabu fil-Liġi Organika dwar l-Istabbiltà Baġitarja u s-Sostenibbiltà Finanzjarja miexja 'l quddiem bil-mod. Il-kosteffettività fis-settur tal-kura tas-saħħa tjiebet, iżda jibqa' importanti li jinżamm taħt kontroll t-tkabbir fl-infiq farmaċewtiku u, speċifikament, jinżamm taħt monitoraġġ l-infiq farmaċewtiku fl-isptarijiet. Id-defiċit fis-sistema tal-elettriku ġie effettivament eliminat mill-2014, u l-problema ta' awtostradi bil-pedaġġ insolventi ġiet indirizzata, u b'hekk tnaqqsu l-ispejjeż għall-Istat. Spanja madankollu, ma poġġietx fis-seħħ sistema sabiex jitwettqu valutazzjonijiet indipendenti fuq proġetti kbar tal-infrastruttura futuri. Fl-aħħar nett, filwaqt li d-disponibbiltà ta' data tal-eżekuzzjoni tal-baġit żdiedet b'mod konsiderevoli, hemm lok għal titjib fuq livell reġjonali billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju tal-liġi tal-istabbiltà dwar it-trasparenza u tal-pluriannwalità, il-konverġenza tar-regoli tal-kontabbiltà pubblika u l-użu korrett ta' kontijiet barra mill-baġit. |
(10) |
Sar xi progress fil-qasam tat-tassazzjoni bl-introduzzjoni ta' riforma fit-taxxa komprensiva sabiex is-sistema fiskali tkun aktar sempliċi kif ukoll twassal għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tkabbir. Ir-riforma fiskali ġiet adottata fl-20 ta' Novembru 2014, sabiex tidħol fis-seħħ f'Jannar 2015, u tkopri t-tassazzjoni fuq l-introjtu personali u korporattiv. Sar ukoll xi progress fir-rigward tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, iżda progress limitat kien hemm fil-qasam tat-tassazzjoni ambjentali. Ir-ristrutturar tas-settur bankarju Spanjol, u b'mod partikolari ta' dawk il-banek li jirċievu l-għajnuna mill-Istat, miexi 'l quddiem sew. Fl-istess ħin, il-miżuri riċenti li jippromwovu l-aċċess għal finanzjament mhux bankarju taw lill-kumpaniji — għallinqas sa ċertu punt — aċċess aħjar għall-finanzjament, speċjalment fid-dawl tal-livell għoli ta' dipendenza tad-ditti Spanjoli fuq il-kreditu mill-banek. L-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn ir-riformi hija kruċjali sabiex tiġi ffaċilitata r-riallokazzjoni tar-riżorsi u sabiex l-aġġustament li għaddej bħalissa jiġi appoġġjat. Sar xi progress fit-tneħħija tal-ostakli li kien fadal fis-sistema li titratta l-fallimenti korporattivi, u ġie adottat Liġi b'Digriet Rjali dwar l-insolvenza personali fis-27 ta' Frar 2015. Madankollu għad hemm bżonn ta' aktar titjib fil-kapaċità amministrattiva u ġudizzjarja sabiex jiġu ttrattati l-każijiet ta' insolvenza. |
(11) |
Id-diżokkupazzjoni għolja fuq terminu twil u s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol għadhom ixekklu t-tkabbir tal-produttività u għandhom effett ħażin fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol fi Spanja. F'dan ir-rigward, u minħabba r-rata tal-qgħad ferm għolja, il-pagi ta' xi setturi u kumpaniji fuq terminu medju jista' jkun meħtieġ li jikbru anqas mill-produzzjoni, sabiex jinħolqu impjiegi u jinkisbu aktar vantaġġi fil-kompetittività. Is-sħab soċjali laħqu ftehim interprofessjonali komprensiv bil-quddiem għall-2015-2017. Dan il-ftehim bil-quddiem jiddikjara l-importanza li, permezz ta' negozjati settorjali u mal-kumpaniji, jiġi stabbilit il-prinċipju li l-pagi għandhom jimxu id f'id mad-differenzjali tal-produttività ta' bejn il-kumpaniji. Minkejja r-riformi regolatorji, il-proporzjon ta' ħaddiema b'impjieg temporanju għadu għoli u jaffettwa b'mod partikolari liż-żgħażagħ u dawk b'ħiliet limitati. Barra minn hekk, it-tipi ta' kuntratti ġodda introdotti għall-impjegati tal-SMEs u l-inċentivi li jħeġġu lil impjegaturi biex jimpjegaw persunal għal żmien indeterminat jidher li għadhom mhux qed jiġu totalment sfruttati. L-awtoritajiet Spanjoli ħabbru li sa Mejju 2016 se ssir valutazzjoni tas-sussidji offruti lil impjegaturi li jirreklutaw persunal ġdid. Il-prestazzjoni tas-servizz pubbliku tal-impjiegi, u tal-aġenziji li għandhom ġew esternalizzati is-servizzi, hija kruċjali sabiex jiġu żgurati l-effikaċja tas-suq tax-xogħol attiv u tal-politiki ta' attivazzjoni kif ukoll l-iffukar adegwat fuq dawn, inkluż it-taħriġ mill-ġdid effikaċi li jippermetti lin-nies jiċċaqalqu għal setturi fejn qed jinħolqu aktar impjiegi. Spanja, għamlet progress limitat biex tħaffef il-modernizzazzjoni tas-servizzi tal-impjieg pubbliku u biex tindirizza l-inugwaljanzi reġjonali. |
(12) |
Il-qgħad fost iż-żgħażagħ fi Spanja għadu għoli ħafna (aktar minn 50 %), u r-rata ta' abbandun bikri mill-iskola hija waħda fost l-ogħla fl-Unjoni. Spanja qed timplimenta l-iskemi edukattivi l-ġodda introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2013 dwar il-kwalità tal-edukazzjoni, imfasslin sabiex tiżdied il-kwalità tal-edukazzjoni primarja u sekondarja. Sar progress limitat sabiex tiżdied ir-rilevanza tal-edukazzjoni u tat-taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol, u l-isforzi biex titjieb l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u l-impjegaturi waqgħu lura fiż-żmien. Hemm pjanijiet sabiex tiġi estiża l-iskema ta' taħriġ vokazzjonali doppju fl-2015, iżda għad hemm differenzi konsiderevoli fl-implimentazzjoni tagħha fost ir-reġjuni. Ġie stabbilit kumitat speċifiku biex jeżamina r-rilevanza tal-kurrikuli tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. |
(13) |
Spanja għamlet progress limitat sabiex ittejjeb l-effettività tas-sistema ta' ħarsien soċjali tagħha. Hija waqqfet programm ta' attivazzjoni ġdid għal dawk li jkunu ilhom qiegħda għal żmien twil, li jgħaqqad flimkien l-appoġġ bl-introjtu kif ukoll għajnuna sabiex jinstab xogħol. Il-koordinazzjoni limitata bejn is-servizzi tax-xogħol u dawk soċjali, u l-inkompatibilità tad-diversi skemi ta' introjtu minimu naqqsu madankollu l-effettività tal-programmi ta' assistenza soċjali. Għall-familji bit-tfal bi dħul baxx, li qed jaffaċċjaw livell għoli ta' faqar, Spanja għamlet progress limitat biex jitjieb l-iffukar fuq l-iskemi ta' appoġġ tal-familja u s-servizzi ta' kura. |
(14) |
Ir-riformi strutturali jeħtieġ li jinkludu t-tneħħija tal-ostakli li jżommu lin-negozji milli jikbru, għajnuna lill-SMEs sabiex jespandu s-swieq tagħhom u jippromwovu l-innovazzjoni, żieda fil-kapaċità tal-esportazzjoni, l-istimolu għall-ħolqien tal-impjiegi u għajnuna lill-kumpaniji sabiex jikkompetu b'mod aktar effiċjenti — anke fi swieq interni — u kumplessivament titjib fil-produttività. Spanja bdiet teżamina r-raġunijiet l-għala hemm proporzjon għoli ta' mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar fl-ekonomija tagħha. L-istudju tar-raġunijiet l-għala n-negozji baqgħu żgħar se jippermetti lill-Gvern biex ineħħi l-ostakoli regolatorji li jimpedixxu lill-kumpaniji milli jikbru. Għalkemm sar xi progress fl-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 20/2013 dwar l-unità tas-suq, fil-livell ta' gvern reġjonali għad hemm dewmien. Il-liġi dwar ir-regolamentazzjoni tal-permessi ambjentali għadha ma ġietx implimentata fir-reġjuni kollha. Ma sar l-ebda progress marbut mal-adozzjoni tar-riforma għas-servizzi professjonali u l-assoċjazzjonijiet professjonali. Dgħufijiet strutturali fis-sistema ta' riċerka u ta' innovazzjoni ta' Spanja jkomplu jillimitaw il-potenzjal għat-tkabbir tagħha. Għalhekk, jibqa' essenzjali li jiġu identifikati sorsi ġodda ta' finanzjament, jiġi żgurat l-użu effettiv u effiċjenti tar-riżorsi, titwaqqaf l-aġenzija ta' riċerka l-ġdida u jiġu mħeġġa miżuri sabiex l-ambjent kummerċjali jkun aktar miftuħ għall-innovazzjoni. |
(15) |
Sar xi progress f'dak li għandu x'jaqsam man-netwerk ferrovjarju, permezz ta' miżuri li qed jittieħdu sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni effikaċi fis-servizzi ferrovjarji għall-merkanzija u l-passiġġieri. Fl-4 ta' Lulju 2014, il-Kunsill tal-Ministri adotta Liġi b'Digriet Rjali 8/2014, sabiex jinħoloq fond ħalli titjieb l-aċċessibbiltà tal-art fil-portijiet marittimi. |
(16) |
Spanja għamlet progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat għar-riforma fl-amministrazzjoni pubblika f'kull livell tal-gvern. Ittieħdu passi importanti sabiex tittejjeb it-trasparenza fid-deċiżjonijiet amministrattivi, iżda ma sar l-ebda progress sabiex is-sistemi superviżorji jissaħħu, b'mod partikolari fl-akkwist pubbliku f'livell reġjonali u lokali. Ma ttieħdet l-ebda miżura sabiex jissaħħu s-setgħat superviżorji fl-akkwist pubbliku u fl-ippjanar urban. Sar progress limitat rigward l-adozzjoni ta' riformi fis-sistema ġudizzjarja li għandhom l-għan li jtejbu l-effikaċja tas-sistema ġudizzjarja: abbozzi ta' liġijiet dwar il-proċedura ġudizzjarja u ċivili li jinkludu xi riformi ġew ippreżentati lill-Parlament fis-27 ta' Frar 2015; abbozzi ta' liġijiet dwar l-għajnuna legali u l-ġurisdizzjoni volontarja huma suġġetti għall-proċedura parlamentari. Sar xi progress fl-implimentazzjoni tar-riformi li ġew adottati, inkluża l-Oficina Judicial, ir-riforma li tintroduċi d-diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja u li ttejjeb l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi għall-ġestjoni tal-kawżi fir-reġjuni. Jeħtieġ li l-isforzi f'dan il-qasam ikomplu. |
(17) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta' Spanja u ppubblikatha fir-Rapport tal-Pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma kif ukoll s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Spanja fis-snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Spanja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt. |
(18) |
Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. |
(19) |
Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt. |
(20) |
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro (7). Bħala pajjiż li l-munita tiegħu hija l-euro, Spanja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, |
B'DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 sabiex:
1. |
Tiżgura korrezzjoni durabbli tad-defiċit eċċessiv sal-2016 billi tieħu l-miżuri strutturali meħtieġa fl-2015 u fl-2016, u billi tuża gwadanji mhux previsti sabiex taċċellera t-tnaqqis tad-defiċit u tad-dejn. Issaħħaħ it-trasparenza u r-responsabbiltà fil-finanzi pubbliċi reġjonali. Ittejjeb il-kosteffettività tas-settur tal-kura tas-saħħa, u tirrazzjonalizza l-infiq farmaċewtiku tal-isptar. |
2. |
Tlesti r-riforma tas-settur bankarju tat-tfaddil, anke permezz ta' miżuri leġislattivi, u tlesti r-ristrutturar u l-privatizzazzjoni ta' banek tat-tifdil tal-Istat. |
3. |
Tippromwovi l-allinjament tal-pagi u tal-produttività, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u skont il-prattiki nazzjonali, filwaqt li tieħu inkonsiderazzjoni d-differenzi fil-ħiliet u fil-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali kif ukoll d-diverġenzi fil-prestazzjonijiet ekonomiċi tar-reġjuni, tas-setturi u tal-kumpaniji. Tieħu passi sabiex iżżid il-kwalità u l-effikaċja tal-għajnuna għat-tfittix ta' impjieg u tal-konsulenza, anki bħala parti mill-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ. Tissimplifika l-introjtu minimu u l-iskemi ta' appoġġ għall-familja kif ukoll trawwem il-mobilità reġjonali. |
4. |
Tneħħi l-ostakli li jimpedixxu lin-negozji milli jikbru, inklużi l-ostakoli b'riżultat ta' regolamenti assoċjati mad-daqs; tadotta r-riforma ppjanata dwar is-servizzi professjonali; taċċellera l-implimentazzjoni tal-liġi dwar l-unità tas-suq. |
Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
P. GRAMEGNA
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3) Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).
(4) Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 ta' Spanja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà ta' Spanja, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 35).
(5) Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).
(6) Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.
(7) ĠU C 272, 18.8.2015, p. 98.