Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015H0818(07)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tar-Renju Unit għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit tal-2015

ĠU C 272, 18.8.2015, p. 21–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/21


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tar-Renju Unit għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit tal-2015

(2015/C 272/06)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (3). Flimkien dawn jiffurmaw il-“linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politika nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u dwar l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tar-Renju Unit għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Renju Unit għall-2014.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih ir-Renju Unit ġie identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għar-Renju Unit. Dan ivvaluta l-progress li għamel ir-Renju Unit fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż jinkludi wkoll ir-riżultati tar-rieżami fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li r-Renju Unit jinsab għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi, li jisħoqqilhom monitoraġġ u azzjoni ta' politika. B'mod partikolari, ir-riskji marbuta mal-livell għoli tad-dejn tal-unitajiet domestiċi, konnessi wkoll ma' karatteristiċi strutturali tas-suq tad-djar, ikomplu jistħoqqilhom l-attenzjoni. Ir-reżiljenza tal-ekonomija u s-settur finanzjarju żdiedet. Madankollu, in-nuqqas ta' djar se jkompli u aktarx jirfed prezzijiet tad-djar għoljin fit-terminu medju u jkompli jagħmel is-settur inqas reżiljenti kontra r-riskji.

(7)

Fit-26 ta' Marzu 2015, ir-Renju Unit ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tiegħu tal-2015 u l-Programm ta' Konverġenza tal-2015 tiegħu. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

Bħalissa r-Renju Unit qiegħed fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2014-15, il-Gvern qed jippjana titjib tad-defiċit nominali minn 4,3 % tal-PDG fl-2015-16 għal 2,2 % tal-PDG fl-2016-17, b'tali mod li jintlaħaq bilanċ pożittiv ta' 0,1 % tal-PDG fl-2019-20. Il-Programm ta' Konverġenza ma jinkludix objettiv ta' terminu medju. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern hu mistenni jilħaq livell rekord fl-2015-16 għal 88,8 % u li jonqos gradwalment għal 81,4 % fl-2019-20. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, ir-Renju Unit mhux mistenni jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2014-15, skadenza stabbilita mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-isforz fiskali kien inqas minn dak li kien ġie rrakkomandat mill-Kunsill. Għal din ir-raġuni, fid-19 ta' Ġunju, il-Kunsill iddeċieda li skont l-Artikolu 126(8) TFUE, ir-Renju Unit ma kienx ħa azzjoni effettiva b'reazzjoni għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont ir-rakkomandazzjoni tat-2 ta' Diċembru 2009 dwar id-defiċit eċċessiv u ħareġ rakkomandazzjoni ġdida fejn jitlob lir-Renju Unit biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2016-17. Il-Programm ta' Konverġenza huwa kompatibbli mal-iskadenza l-ġdida għall-2016-17 taħt il-proċedura ta' defiċit eċċessiv. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, ir-Renju Unit huwa previst li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2016-17 u jwettaq l-isforz fiskali rrakkomandat. Il-miżuri li jappoġġjaw ir-rati ppjanati tad-defiċit mill-2015-16 'il quddiem huma diġà speċifikati iżda aktar dettall huwa meħtieġ dwar il-limiti ta' nfiq dipartimentali assenjati. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li r-Renju Unit huwa mistenni li jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

Ġie identifikat livell għoli u possibbilment eċċessiv ta' dejn domestiku li potenzjalment jikkostitwixxi żbilanċ makroekonomiku li joħloq riskji għall-ekonomija tar-Renju Unit. Minkejja li d-dejn tas-settur tal-unitajiet domestiċi kompla jonqos b'pass modest, għadu għoli u jħalli lir-Renju Unit vulnerabbli għal riskji li jistgħu jaffettwaw it-tkabbir ekonomiku u l-istabbiltà finanzjarja. F'nofs l-2014, il-Kumitat tal-Politika Finanzjarja tal-Bank of England ħabbar żewġ miżuri biex jittaffew ir-riskji assoċjati ma' livelli għolja ta' dejn tal-unitajiet domestiċi. Huma rrakkomandaw li selliefa ta' self ipotekarju japplikaw test tal-istress tar-rata tal-imgħax biex jivvalutaw il-kapaċità ta' dawk li jieħdu kreditu ipotekarju biex jissodisfaw l-obbligi jekk ir-rati tal-imgħax jitilgħu. Huma jirrakkomandaw ukoll li selliefa ta' self ipotekarju jillimitaw il-proporzjon ta' ipoteki bi proporzjonijiet tas-self mal-introjtu ta' 4,5 u aktar għal 15 % ta' self ipotekarju ġdid. L-impatt ta' dawn il-miżuri għandu jiġi mmonitorjat bir-reqqa.

Twettqu numru ta' riformi tal-qafas tal-politika nazzjonali tal-ippjanar iżda dawn x'aktarx li ma jkollhomx impatt fuq perjodu ta' żmien qasir. Ir-risposta tal-awtoritajiet lokali għar-riforma fiż-żieda tal-provvista tad-djar għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib.

(10)

Is-suq tax-xogħol tar-Renju Unit mar tajjeb fis-snin riċenti u huwa mistenni li jibqa' b'saħħtu. Ir-rata tal-impjiegi laħqet 76,5 % fl-2014 filwaqt li r-rata tal-qgħad kompliet tonqos għal 6 %, u hija mistennija li tkompli tonqos fl-2015. Minkejja x-xejriet pożittivi f'dak li għandu x'jaqsam ma' riżultati tas-suq tax-xogħol, għad hemm sfidi soċjali. Ir-rata ta' persuni li jgħixu f'unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol żdiedet bi ftit, minn 13 % fl-2012 għal 13,2 % fl-2013, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta' 10,7 %. Id-differenza fl-ammont ta' xogħol fuq bażi part-time bejn in-nisa (42,6 % fl-2013) u l-irġiel (13,2 % fl-2013) hija waħda mill-ogħla fl-Unjoni. Il-persentaġġ ta' nisa li mhumiex attivi jew jaħdmu part-time minħabba responsabbiltajiet personali u tal-familja (12,5 %) kien kważi d-doppju tal-medja tal-UE (6,3 %) fl-2013. L-impjieg taż-żgħażagħ u l-ingaġġ tal-impjegatur fil-qasam tal-apprendistat huma sfidi oħra. Qasam ieħor li jeħtieġ attenzjoni, marbut mal-qgħad fost iż-żgħażagħ, huwa l-edukazzjoni u l-ħiliet. Proporzjon kbir ta' żgħażagħ għandhom livelli relattivament baxxi ta' ħiliet bażiċi. L-implimentazzjoni ta' miżuri li jindirizzaw ir-riformat tal-welfare u l-kura tat-tfal kienet limitata. Il-proporzjon ta' tfal li jgħixu f'familji fejn ħadd ma jaħdem fir-Renju Unit għadu wieħed mill-ogħla fl-Unjoni. Barra minn hekk, anki jekk l-offerta fis-sistema tal-kura tat-tfal żdiedet dan l-aħħar, id-disponibbiltà ta' kura tat-tfal full-time ta' kwalità għolja u affordabbli tibqa' kwistjoni ewlenija.

(11)

Spinta lill-investiment pubbliku u privat tista' tgħin biex titjieb il-produttività u l-kompetittività, li huma sfidi ewlenin għar-Renju Unit. Il-ħtieġa li jiġi żgurat investiment ta' kwalità għolja fl-infrastruttura hija riflessa fil-pjan nazzjonali infrastrutturali ta' Diċembru 2014 li ġie aġġornat u twessa' fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Is-settur privat huwa mistenni li jiffinanzja sehem kbir tal-pjan imma jibqgħu mistoqsijiet dwar kemm se jikkontribwixxi. Dan iġib miegħu riskji għas-suċċess tal-pjan, anke jekk kien hemm progress sostanzjali fl-għoti ta' informazzjoni f'waqtha dwar l-implimentazzjoni tiegħu. Ir-Renju Unit għandu jiżgura li s-sistemi tat-taxxa tan-negozji jkunu favur l-investiment, b'mod partikolari permezz tar-reviżjoni imminenti tar-rati tan-negozju.

(12)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Renju Unit u ppublikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Renju Unit fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Renju Unit imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (3) hawn taħt.

(13)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza u l-opinjoni tiegħu (5) hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(14)

Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (2) sa (3) hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Renju Unit jieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:

1.

Jiżgura azzjoni effettiva skont il-proċedura ta' defiċit eċċessiv u jagħmel ħiltu biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv b'mod dejjiemi sal-2016-17, b'mod partikolari billi jipprijoritizza n-nefqa kapitali.

2.

Jieħu aktar passi biex tiżdied il-provvista fis-settur tad-djar, inkluż billi jimplimenta r-riformi fil-qafas tal-politika nazzjonali tal-ippjanar.

3.

Jindirizza n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet billi jżid l-impenn ta' min iħaddem fl-għoti ta' apprendistati. Jieħu azzjoni biex jonqos aktar l-għadd ta' żagħżagħ b'ħiliet bażiċi baxxi. Ikompli jtejjeb id-disponibbiltà ta' kura tat-tfal ta' kwalità għolja, affordabbli u full-time.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta’ Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tar-Renju Unit u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tar-Renju Unit, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 136).

(5)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.


Top