Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015H0818(06)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Lulju 2015 fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Iżvezja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Iżvezja tal-2015

ĠU C 272, 18.8.2015, p. 18–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.8.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 272/18


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Lulju 2015

fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Iżvezja għall-2015 u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Iżvezja tal-2015

(2015/C 272/05)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fl-14 ta' Lulju 2015, il-Kunsill, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u l-Unjoni u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politika tal-impjiegi tal-Istati Membri (3). Flimkien dawn jiffurmaw il-'linji gwida integrati' li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politika nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u dwar l-impjiegi.

(3)

Fit-8 ta' Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Iżvezja għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tal-Iżvezja għall-2014.

(4)

Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għal koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih l-Iżvezja ġiet identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.

(5)

Fit-18 ta' Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex jiġi stimulat l-investiment, biex b'hekk kienu msaħħa r-riformi strutturali u titkompla t-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.

(6)

Fis-26 ta' Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Iżvezja. Dan ivvaluta l-progress li għamlet l-Iżvezja fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta' Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż jinkludi wkoll ir-riżultati tar-rieżami fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Iżvezja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi, li jirrikjedu azzjoni politika u monitoraġġ. B'mod partikolari, id-dejn tal-unitajiet domestiċi għadu f'livelli għoljin ħafna u qed ikompli jikber b'riżultat taż-żieda fil-prezzijiet tad-djar, rati tal-imgħax baxxi b'mod persistenti u limiti fl-inċentivi fiskali b'saħħithom u fil-provvista tad-djar. L-iżviluppi makroekonomiċi marbutin ma' dejn privat jibqa' jixirqilhom l-attenzjoni.

(7)

Fit-23 ta' April 2015, l-Iżvezja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2015 u, fl-24 ta' April 2015, il-Programm ta' Konverġenza tal-2015 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

Bħalissal-Iżvezja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu tal-2015, il-Gvern qed jippjana titjib gradwali tad-defiċit nominali għal 1,4 % tal-PDG fl-2015 u jilħaq bilanċ fl-2018, u li l-objettiv ta' terminu medju — defiċit srutturali ta' 1 % tal-PDG — ikompli jiġi rispettat matul il-perijodu tal-programm. Il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern hu mistenni li jilħaq il-massimu tiegħu fl-2015 b'44,2 % u li jonqos gradwalment għal 40,0 % fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Madankollu, jeħtieġ li jiġu speċifikati miżuri li jappoġġaw il-miri tad-defiċit ippjanati mill-2016 'il quddiem. Fuq il-bażi tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-bilanċ strutturali hu mbassar li jibqa' fuq l-objettiv ta' terminu medju ta' – 1 % fl-2015 u jitjieb għal – 0,9 % tal-PDG fl-2016. Fuq il-bażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u meta jikkunsidra t-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2015, il-Kunsill hu tal-opinjoni li l-Iżvezja hi mistennija tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(9)

B'kuntrast ma' ħafna Stati Membri oħrajn, il-prezzijiet tad-djar fl-Iżvezja ma sofrew l-ebda korrezzjoni kbira u ilhom li reġgħu bdew jikbru bis-saħħa minn nofs l-2013. Ir-rieżami fil-fond imwettaq mill-Kummissjoni jissuġġerixxi li l-prezzijiet tad-djar Żvediżi jidhru li huma ogħla mill-valuri fundamentali tagħhom. Dan huwa parzjalment minħabba kondizzjonijiet bażiċi favorevoli bħal introjtu disponibbli ogħla, rati tal-imgħax baxxi u demografiji tajbin. Madankollu, ir-rapport tal-pajjiż identifika muturi tal-prezzijiet tad-djar kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista. Fuq in-naħa tad-domanda, l-inċentivi ta' kreditu kienu partikolarment favorevoli. Barra minn hekk, is-sistema ta' tassazzjoni tal-Iżvezja, li tipprovdi waħda mill-aktar inċentivi fiskali b'saħħithom għas-sjieda tad-djar fl-Unjoni, għandha t-tendenza li tgħolli l-prezzijiet tad-djar. Min-naħa l-oħra, din xprunat ukoll iż-żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi fl-Iżvezja, li hu għoli u li qed jikber b'rata aktar mgħaġġla milli fil-bqija tal-Unjoni. Anke jekk l-assi totali tal-unitajiet domestiċi huma għoljin u l-introjti disponibbli żdiedu f'dawn l-aħħar snin, is-settur tal-unitajiet domestiċi huwa aktar vulnerabbli minn qabel u l-livell għoli tad-dejn tal-unitajiet domestiċi jikkostitwixxi riskju għall-istabbiltà makroekonomika. L-effetti tal-preferenza favur id-dejn fit-tassazzjoni fuq l-introjtu personali għandhom jiġu indirizzati billi jiġi limitat gradwalment it-tnaqqis fiskali fuq il-pagamenti tal-imgħax fuq ipoteki jew billi jiżdiedu t-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà. Barra minn hekk, jeħtieġ li jsiru sforzi sabiex jiżdied il-pass kajman tal-amortizzazzjoni tal-ipoteki bil-għan li jitnaqqas it-tkabbir fid-dejn tal-unitajiet domestiċi.

(10)

Fuq in-naħa tal-provvista, l-ineffiċjenzi strutturali qegħdin iwasslu għal nuqqas ta' djar u qegħdin jikkontribwixxu għal żieda fil-prezzijiet tad-djar. Dawn ir-restrizzjonijiet qegħdin jillimitaw il-mobilità tas-suq tax-xogħol u joħolqu sfidi soċjali għal gruppi vulnerabbli. Il-provvista qed tinżamm lura minħabba użu ineffettiv tal-istokk eżistenti tad-djar kif ukoll minn nuqqas ta' investiment strutturali f'bini ġdid. B'mod partikolari, l-inċentivi għall-muniċipalitajiet sabiex jippromwovu l-investiment b'mod attiv fil-kostruzzjoni u jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-abitazzjoni ta' gruppi vulnerabbli għandhom jissaħħu. Il-kompetizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni jeħtieġ li titħeġġeġ u, sabiex dan isir, għandhom jiġu żgurati l-proċeduri ta' akkwist pubbliku kompletament trasparenti. Il-proċessi tal-ippjanar u tal-appelli huma twal u kumplessi u għandhom jiġu ssimplifikati. Ir-riġiditajiet fis-suq tal-kera, li ma jidhirx li jissodisfa r-rwol tiegħu li jtaffi l-pressjoni tal-prezzijiet tad-djar jew li jappoġġja l-ħtiġijiet tal-mobilità, huma dovuti prinċipalment għal-livell għoli tal-kontroll tal-kera. Dawn għandhom jiġu indirizzati permezz ta' riforma gradwali tas-sistema li tistabbilixxi l-kera. Dan għandu jippermetti diverġenza usa' fil-livelli tal-kera — li jista' jwassal għal użu aktar effettiv tal-istokk eżistenti tad-djar — u aktar libertà fil-kuntratti bejn il-kerrejja u sidien il-kera individwali.

(11)

Il-Gvern qed jieħu passi sabiex ittejjeb l-eżiti tal-iskola, wara deterjorament qawwi f'dawn l-aħħar għaxar snin li jikkontribwixxi għal qgħad relattivament għoli fost iż-żgħażagħ. Il-Gvern qed jieħu wkoll miżuri sabiex jiffaċilita t-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol u sabiex itejjeb l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' żgħażagħ b'livell baxx ta' edukazzjoni u persuni li ġejjin minn ambjent ta' migrazzjoni. Il-progress f'dan il-qasam jeħtieġ li jiġi ssorveljat.

(12)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Iżvezja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Iżvezja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Iżvezja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(13)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u hu tal-opinjoni (5) li l-Iżvezja tikkonforma mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

(14)

Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

JIRRAKKOMANDA li l-Iżvezja tieħu azzjoni fl-2015 u fl-2016 biex:

1.

Tindirizza ż-żieda fid-dejn tal-unitajiet domestiċi billi jiġu aġġustati l-inċentivi fiskali, b'mod partikolari billi gradwalment tillimita t-tnaqqis fiskali fuq il-pagamenti tal-imgħax fuq l-ipoteki jew billi żżid it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, u billi żżid il-pass tal-amortizzazzjoni tal-ipoteki. Sabiex ittaffi n-nuqqas ta' provvista strutturali tad-djar, tħeġġeġ il-kompetizzjoni fis-settur tal-kostruzzjoni, tissimplifika l-proċeduri tal-ippjanar u tal-appelli għall-kostruzzjoni u tirrevedi s-sistema li tistabbilixxi l-kera sabiex tippermetti livelli ta' kera aktar orjentati lejn is-suq.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta' Lulju 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

P. GRAMEGNA


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Inżammu permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(4)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Iżvezja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Iżvezja, 2014 (ĠU C 247, 29.7.2014, p. 132).

(5)  Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top