EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1160

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1160 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H7N7 fir-Renju Unit (notifikata bid-dokument C(2015) 4978) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 187, 15.7.2015, p. 88–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/1160/oj

15.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 187/88


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1160

tat-13 ta' Lulju 2015

dwar ċerti miżuri protettivi fir-rigward ta' influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja tas-sottotip H7N7 fir-Renju Unit

(notifikata bid-dokument C(2015) 4978)

(It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta' Diċembru 1989 dwar spezzjonijiet veterinarji fil-kummerċ intra-Komunitarju bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta' Ġunju 1990 dwar l-iċċekkjar, veterinarju u zootekniku applikabbli għall-kummerċ intra-Kommunitarju ta' ċertu annimali ħajjin u prodotti bil-ħsieb tat-tlestija tas-suq intern (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(4) tagħha,

Billi:

(1)

L-influwenza avjarja hija marda virali infettiva tal-għasafar, inkluż il-pollam. L-infezzjonijiet bil-vajrusis tal-influwenza avjarja fil-pollam domestiku jagħtu lok għal żewġ forom ta' din il-marda li huma distinti mill-virulenza tagħhom. Il-forma ta' patoġeniċità baxxa ġeneralment tikkawża biss sintomi ħfief, filwaqt li l-forma ta' patoġeniċità għolja twassal għal rati ferm għoljin ta' mwiet fil-parti l-kbira tal-ispeċijiet tal-pollam. Din il-marda tista' tħalli impatt qawwi fuq il-profitabbiltà mit-trobbija tal-pollam tal-irziezet.

(2)

L-influwenza avjarja tinstab l-aktar fl-għasafar, iżda f'ċerti ċirkustanzi jaf ikun hemm infezzjonijiet ukoll fil-bnedmin, minkejja li r-riskju ta' dan huwa ġeneralment baxx ħafna.

(3)

Fil-każ ta' tifqigħa tal-influwenza avjarja, hemm riskju li l-aġent tal-marda jinfirex f'azjendi oħrajn fejn jittrabbew pollam jew għasafar oħra. Minħabba f'hekk, din tista' tinfirex minn Stat Membru għal Stati Membri oħra jew għal pajjiżi terzi permezz tal-kummerċ ta' tjur ħajjin jew tal-prodotti tagħhom.

(4)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (3) tistabbilixxi ċerti miżuri preventivi relatati mas-sorveljanza u d-detezzjoni kmieni tal-influwenza avjarja u l-miżuri minimi tal-kontroll li jridu jiġu applikati f'każ ta' tifqigħa ta' dik il-marda f'pollam jew f'għasafar mrobbijin oħra. Dik id-Direttiva tistipula li jitwaqqfu żoni ta' protezzjoni u sorveljanza f'każ li tfaqqa' l-influwenza avjarja b'patoġeniċità għolja.

(5)

Ir-Renju Unit għarraf lill-Kummissjoni b'tifqigħa tal-influwenza avjarja b'patoġenità għolja tas-sottotip H7N7 fi stabbiliment fit-territorju tiegħu fejn kienu qed jitrabbew il-pollam jew għasafar oħra u ħa minnufih il-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva 2005/94/KE, inkluż it-twaqqif ta' żoni ta' protezzjoni u sorveljanza.

(6)

Il-Kummissjoni eżaminat dawk il-miżuri b'kollaborazzjoni mar-Renju Unit u ħarġet sodisfatta li l-fruntieri taż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti mill-awtorità kompetenti f'dak l-Istat Membru jinsabu 'l bogħod biżżejjed mill-istabbiliment proprju fejn ġiet konfermata t-tifqigħa.

(7)

Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bla bżonn fil-kummerċ tal-Unjoni u sabiex jiġu evitati ostakli mhux ġustifikati fil-kummerċ li jistgħu jimponu pajjiżi terzi, jeħtieġ li ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti fir-Renju Unit jiġu stabbiliti fil-livell tal-Unjoni f'kollaborazzjoni ma' dak l-Istat Membru.

(8)

Għaldaqstant, iż-żoni ta' protezzjoni u ta' sorveljanza fir-Renju Unit, fejn qed jiġu applikati l-miżuri ta' kontroll għas-saħħa tal-annimali stipulati fid-Deċiżjoni 2005/94/KE, għandhom ikunu ddefiniti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni u d-durata ta' dik ir-reġjonalizzazzjoni għandha tiġi stipulata.

(9)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Renju Unit għandu jiżgura li ż-żoni ta' protezzjoni u sorveljanza stabbiliti skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2005/94/KE ikunu jinkludu mill-inqas iż-żoni elenkati bħala żoni ta' protezzjoni u sorveljanza fil-Parti A u fil-Parti B tal-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika sal-31 ta' Diċembru 2015.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 395, 30.12.1989, p. 13.

(2)  ĠU L 224, 18.8.1990, p. 29.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza tat-tjur u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16).


ANNESS

Parti A

Iż-żona ta' protezzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1:

Kodiċi ISO tal-Pajjiż

Stat Membru

Kodiċi

(jekk disponibbli)

Isem

Id-data sa meta tibqa' applikabbli skont l-Artikolu 29 tad-Direttiva 2005/94/KE

UK

Ir-Renju Unit

Kodiċi Postali/ADNS

Żona li tinkludi:

 

 

 

PR1-PR2/00151

Fi Preston (Lancashire, fil-Majjistral tal-Ingilterra), iz-żona inkluża fiċ-ċirku b'raġġ ta' 3 kilometri, biċ-ċentru tagħha fil-koordinati ta' referenza SD 5685637176 kif jidhru fil-mappa tal-Ordnance Survey Landranger bi skala ta' 1: 250 000 (il-koordinati 53.829045,-2.656974).

2.8.2015

Parti B

Iż-żona ta' sorveljanza kif imsemmija fl-Artikolu 1:

Kodiċi ISO tal-Pajjiż

Stat Membru

Kodiċi

(jekk disponibbli)

Isem

Id-data sa meta tibqa' applikabbli skont l-Artikolu 31 tad-Direttiva 2005/94/KE

UK

Ir-Renju Unit

Kodiċi Postali/ADNS

Żona li tinkludi:

 

 

 

PR1-PR2/00151

Fi Preston (Lancashire, fil-Majjistral tal-Ingilterra), iz-żona inkluża fiċ-ċirku b'raġġ ta' 10 kilometri, biċ-ċentru tagħha fil-koordinati ta' referenza SD 5685637176 kif jidhru fil-mappa tal-Ordnance Survey Landranger bi skala ta' 1: 250 000 (il-koordinati 53.829045,-2.656974), fuq barra taż-żona inkluża fiċ-ċirku deskritt fil-Parti A.

11.8.2015

 

 

 

Fi Preston (Lancashire, fil-Majjistral tal-Ingilterra), iz-żona inkluża fiċ-ċirku b'raġġ ta' 3 kilometri, biċ-ċentru tagħha fil-koordinati ta' referenza SD 5685637176 kif jidhru fil-mappa tal-Ordnance Survey Landranger bi skala ta' 1: 250 000 (il-koordinati 53.829045,-2.656974)

3.8. — 11.8.2015


Top