Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D1073

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1073 tad-9 ta’ Jannar 2015 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35888 (2013/C) (ex 2013/NN) SA.37220 (2014/C) (ex 2013/NN) SA.38225 (2014/C) (ex 2013/NN) implimentata minn Ċipru għal Cyprus Airways (Public) Ltd (notifikata bid-dokument C(2014) 9362) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 179, 8.7.2015, p. 83–111 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/1073/oj

    8.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 179/83


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1073

    tad-9 ta’ Jannar 2015

    dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35888 (2013/C) (ex 2013/NN) SA.37220 (2014/C) (ex 2013/NN) SA.38225 (2014/C) (ex 2013/NN) implimentata minn Ċipru għal Cyprus Airways (Public) Ltd

    (notifikata bid-dokument C(2014) 9362)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

    Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw il-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija qabel (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

    Billi:

    1.   Proċedura

    1.1.   L-EWWEL PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI (SA.35888)

    (1)

    Fi Frar 2012 id-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu infurmati permezz tal-istampa li l-gvern Ċiprijott kien qiegħed jikkunsidra intervent favur Cyprus Airways (Public) Ltd (“Cyprus Airways” jew “il-Kumpanija”). Sabiex tikkjarifika jekk jistgħux jinqalgħu kwistjonijiet ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni fetħet kawża ex officio.

    (2)

    Il-Kummissjoni talbet informazzjoni permezz tal-ittri datati 20 ta’ Frar 2012, 15 ta’ Ġunju 2012 u 23 ta’ Awwissu 2012. L-awtoritajiet Ċiprijotti wieġbu fis-6 ta’ April 2012 u fit-30 ta’ Awwissu 2012. Fl-4 ta’ Ottubru 2012, saret laqgħa fi Brussell bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-awtoritajiet Ċiprijotti u ta’ Cyprus Airways.

    (3)

    Fit-13 ta’ Diċembru 2012, l-awtoritajiet Ċiprijotti nnotifikaw lill-Kummissjoni l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ ta’ Cyprus Airways (SA.35888). Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni bl-ittra tad-19 ta’ Diċembru 2012. L-awtoritajiet Ċiprijotti wieġbu fl-4 ta’ Jannar 2013.

    (4)

    Bl-ittra datata s-6 ta’ Marzu 2013 (“id-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2013”), il-Kummissjoni infurmat lil Ċipru li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”) fir-rigward ta’ ċerti miżuri tal-Istat deskritti fit-taqsima 3.2.1 aktar ’l isfel (“l-ewwel proċedura ta’ investigazzjoni formali”).

    (5)

    Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta’ Marzu 2013 li tibda l-proċedura kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2). Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ċiprijotti u lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-kummenti tagħhom dwar l-allegati miżuri ta’ għajnuna.

    (6)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mill-awtoritajiet Ċiprijotti fil-31 ta’ Mejju 2013. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand ħames partijiet interessati matul il-perjodu mill-4 ta’ April sat-3 ta’ Lulju 2013. Il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar dawk ippreżentati mill-partijiet interessati fl-10 ta’ Settembru 2013.

    1.2.   IT-TIENI PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI (SA.37220 u SA.38225)

    (7)

    Permezz tal-prenotifika tat-22 ta’ Lulju 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti kkomunikaw lill-Kummissjoni abbozz ta’ pjan ta’ ristrutturar u fit-23 ta’ Ottubru 2013 huma nnotifikaw verżjoni aġġornata ta’ dak il-pjan (“il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013”) (SA.37220). Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni permezz tal-ittra tal-15 ta’ Novembru 2013. L-awtoritajiet Ċiprijotti wieġbu fl-10 ta’ Jannar 2014.

    (8)

    Fil-kuntest tal-monitoraġġ regolari ta’ skemi approvati jew eżentati, is-servizzi tal-Kummissjoni vvalutaw l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ għajnuna għat-taħriġ Ċiprijotta (3). Il-Kummissjoni talbet informazzjoni fost l-oħrajn dwar l-għajnuna għat-taħriġ lil Cyprus Airways (SA.38225), bl-ittri tat-3 ta’ Diċembru 2012, il-15 ta’ Frar 2013 u s-6 ta’ Mejju 2013. L-awtoritajiet Ċiprijotti wieġbu fid-19 ta’ Diċembru 2012, l-14 ta’ Marzu 2013 u t-30 ta’ Mejju 2013.

    (9)

    Bl-ittra datata 4 ta’ Frar 2014 (“id-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014”), il-Kummissjoni infurmat lil Ċipru li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat fir-rigward tal-miżuri tal-Istat deskritti fit-taqsima 3.2.2. (“it-tieni proċedura ta’ investigazzjoni formali”).

    (10)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2014 kienet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4). Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Ċiprijotti u lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar l-allegati miżuri ta’ għajnuna.

    (11)

    Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-awtoritajiet Ċiprijotti fil-31 ta’ Marzu 2014. Fis-16 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand tliet partijiet interessati. Fis-26 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni rċeviet il-kummenti tal-awtoritajiet Ċiprijotti dwar dawk sottomessi mill-partijiet interessati.

    (12)

    Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni permezz tal-ittri tal-11 ta’ April 2014 u tat-2 ta’ Lulju 2014. L-awtoritajiet Ċiprijotti wieġbu fil-11 ta’ Mejju 2014 u fit-8 ta’ Awwissu 2014.

    (13)

    Bl-ittra datata l-14 ta’ Novembru 2014, Ċipru qabel li jirrinunzja għad-drittijiet tiegħu li joħorġu mill-Artikolu 342 tat-Trattat flimkien mal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-KE 1/1958 u li d-deċiżjoni preżenti tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż.

    2.   IS-SUQ ĊIPRIJOTT TAT-TRASPORT BL-AJRU

    (14)

    Ċipru għandu żewġ ajruporti internazzjonali, Larnaca (LCA – qrib il-kapitali Nikosia) u Paphos (PFO). Minħabba d-daqs żgħir tal-gżira, il-biċċa l-kbira tal-vjaġġaturi minn/lejn Ċipru jistgħu jilħqu faċilment iż-żewġ ajruporti.

    (15)

    L-oriġini prinċipali tal-passiġġieri li jaslu huma r-Renju Unit u r-Russja, b’numru konsiderevolment anqas ta’ passiġġieri li jaslu mill-Ġermanja, l-Isvezja u l-Greċja. L-ammont ta’ passiġġieri li jidħlu jvarja skont l-istaġun: matul ix-xhur tas-sajf (Lulju-Awwissu) ikun hemm iżjed minn tliet darbiet aktar passiġġieri milli matul ix-xhur tax-xitwa (Diċembru-Frar). Madankollu, it-traffiku mill-Greċja m’għandux varjazzjoni staġjonali sinifikanti.

    (16)

    Cyprus Airways għandha sehem mis-suq medju ta’ madwar 15 % tat-traffiku lejn/mill-gżira (dejta tal-2012), iżda s-sehem mis-suq tagħha jvarja skont l-istaġun. L-aktar swieq importanti għall-Kumpanija huma r-rotot bejn Ċipru u l-Greċja u bejn Ċipru u r-Renju Unit. Cyprus Airways kienet attiva wkoll fit-titjiriet domestiċi fis-suq Grieg sa nofs l-2013. Ċerti rotot għal-Lvant Nofsani kienu wkoll swieq tradizzjonali għal Cyprus Airways.

    (17)

    Il-linji tal-ajru Ewropej prinċipali tradizzjonalment kienu attivi fl-istess swieq bħal Cyprus Airways. Madankollu, xi rotot għal Ċipru huma moqdija biss fuq bażi reġjonali. Aktar riċentement, Cyprus Airways kienet qiegħda tiffaċċja wkoll kompetizzjoni minn linji tal-ajru low cost, li xi drabi joperaw minn bażi f’Ċipru.

    (18)

    L-ekonomija Ċiprijotta ilha tiffaċċja diffikultajiet, murija minn tnaqqis fil-PDG mill-2009, żieda fid-defiċit baġitarju u żieda fil-qgħad. Minħabba d-deterjorament tal-kundizzjonijiet finanzjarji tiegħu, Ċipru kien qiegħed jirċievi appoġġ finanzjarju mill-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (“FMI”).

    (19)

    B’riżultat tar-riċessjoni f’Ċipru, iżda wkoll f’pajjiżi Ewropej oħra, in-numru ta’ passiġġieri li jivvjaġġaw lejn u minn Ċipru naqas. In-noll medju wkoll naqas b’mod sinifikanti. Il-prestazzjoni futura tas-suq Ċiprijott se tiddependi fuq l-irkupru fl-Ewropa iżda wkoll fuq is-sitwazzjoni tal-ekonomija lokali.

    3.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI TA’ GĦAJNUNA

    3.1.   IL-BENEFIĊJARJU

    (20)

    Cyprus Airways twaqqfet fl-1947 u l-attivitajiet prinċipali tagħha huma t-trasport tal-passiġġieri u l-merkanzija bl-ajru u servizzi oħra relatati mal-linja tal-ajru. Il-Kumpanija hija elenkata fil-Borża Ċiprijotta. Mill-bidu tal-2013, wara żieda kapitali azzjonarju (koperta miż-żewġ proċeduri ta’ investigazzjoni formali), l-azzjonist prinċipali tal-Kumpanija huwa l-Istat Ċiprijott b’parteċipazzjoni azzjonarja ta’ 93,67 % filwaqt li l-investituri privati għandhom l-ishma li jifdal.

    (21)

    Fl-aħħar tal-2013, Cyprus Airways operat servizzi tal-ajru skedati lejn madwar 15-il destinazzjoni u kellha flotta ta’ 6 inġenji tal-ajru (Airbus A320) u madwar 600 impjegat. Għalhekk ikkwalifikat bħala intrapriża kbira (5).

    (22)

    Fl-2005, Cyprus Airways ibbenefikat minn CYP 30 miljun (madwar EUR 51 miljun) ta’ għajnuna għas-salvataġġ u fl-2007 minn numru ta’ miżuri ta’ ristrutturar li jikkonsistu prinċipalment minn (i) selfiet ta’ CYP 55 miljun (madwar EUR 96 miljun), li selfa ta’ CYP 45 miljun (madwar EUR 78 miljun) minnhom kienet appoġġata b’garanzija tal-Gvern, u (ii) żieda kapitali ta’ CYP 14-il miljun (madwar EUR 24 miljun), li involviet azzjonisti pubbliċi u privati fuq termini ugwali. Dawk il-miżuri, li kienu jinkludu pjan ta’ ristrutturar (“il-pjan ta’ ristrutturar tal-2007”), kienu approvati mill-Kummissjoni bħala għajnuna mill-Istat kompatibbli għar-ristrutturar (6).

    (23)

    Cyprus Airways tirċievi kumpens annwali għat-telf imġarrab b’riżultat tal-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija għall-inġenji tal-ajru Ċiprijotti. Il-kumpens huwa bbażat fuq skema ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-Trattat. Il-benefiċjarji tal-iskema huma kumpaniji tal-ajru stabbiliti f’Ċipru (7).

    3.2.   DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI

    3.2.1.   L-ewwel proċedura ta’ investigazzjoni formali

    (24)

    Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-6 ta’ Marzu 2013 fir-rigward tal-miżuri li ġejjin:

    (25)

    Matul il-perjodu minn Settembru 2012 sa Diċembru 2012, l-Istat żborża EUR 31,33 miljun lil Cyprus Airways fil-forma ta’ pagamenti “bil-quddiem” għal żieda ppjanata fil-kapital azzjonarju li tlaħħaq EUR 45 miljun. L-ammont tħallas f’segmenti.

    (26)

    F’Novembru 2012, ġie kkomunikat pjan tan-negozju ġdid (“pjan ta’ bidla fid-direzzjoni”) lill-Kummissjoni. Il-pjan kien jipprevedi l-bidla fid-direzzjoni tal-Kumpanija fi żmien 5 snin, abbażi ta’ żieda kapitali, titjib fil-fatturi tal-kostijiet u tal-produttività, investimenti ġodda u r-riorganizzazzjoni tal-Kumpanija f’“linja tal-ajru ta’ valur ta’ klassi waħda ta’ servizzi bbażati fuq għażliet”. Il-pjan ipprojjetta profittabilità marġinali diġà mit-tieni sena tal-implimentazzjoni tiegħu. Il-pjan kien soġġett għall-approvazzjoni mill-azzjonisti eżistenti, li se jkunu qegħdin jipparteċipaw fiż-żieda kapitali neċessarja għall-implimentazzjoni tiegħu. Finalment, ma ġiex implimentat.

    (27)

    Fiż-żmien tal-għoti tal-miżura 1, l-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew li l-Istat aġixxa bħal investitur f’ekonomija tas-suq, sabiex jissalvagwardja l-assi tiegħu sal-finalizzazzjoni tal-pjan ta’ bidla fid-direzzjoni u l-konklużjoni taż-żieda kapitali mill-azzjonisti kollha.

    (28)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċiprijotti antiċipaw li ż-żieda kapitali kienet se tiġi konkluża b’parteċipazzjoni pro rata tal-azzjonisti privati ta’ EUR 13,67 miljun addizzjonali. Madankollu, l-azzjonisti privati kkontribwew biss EUR 1 06  000, u għalhekk il-kapital azzjonarju tal-Kumpanija żdied biss b’EUR 31,4 miljun. Il-parteċipazzjoni azzjonarja tal-Istat f’Cyprus Airways għalhekk żdiedet minn 69,62 % għal 93,67 %.

    3.2.1.2.   Miżura 2: Għajnuna għas-salvataġġ

    (29)

    Fit-13 ta’ Diċembru 2012, l-awtoritajiet Ċiprijotti nnotifikaw għajnuna għas-salvataġġ ta’ EUR 73 miljun lil Cyprus Airways. Skont dak li qalu l-awtoritajiet Ċiprijotti fin-notifika, dak l-ammont kien jirrifletti l-ħtiġijiet ta’ flussi ta’ flus netti ta’ Cyprus Airways sat-30 ta’ Ġunju 2013, jiġifieri, għal sitt xhur. L-għajnuna għas-salvataġġ kienet se tiġi pprovduta bħala selfa mill-gvern b’imgħax ta’ 1,76 % u riedet titħallas lura sat-30 ta’ Ġunju 2013.

    (30)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew li mill-EUR 73 miljun tal-għajnuna għas-salvataġġ, EUR 16,3 miljun diġà kienu ngħataw lil Cyprus Airways fil-kuntest tal-miżura 1. Fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2013 il-Kummissjoni nnutat li l-awtoritajiet Ċiprijotti nnotifikaw għajnuna għas-salvataġġ fil-forma ta’ selfa, filwaqt li l-pagament ta’ EUR 16,3 miljun kien parti minn żieda kapitali.

    (31)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti argumentaw li l-għajnuna għas-salvataġġ kienet meħtieġa, sabiex tappoġġja lil Cyprus Airways għal perjodu qasir. Huma rrikonoxxew l-għoti ta’ għajnuna għar-ristrutturar fl-2007, iżda spjegaw li kien hemm ċirkustanzi eċċezzjonali, li dawru l-implimentazzjoni inizjali tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2007 u li dgħajfu l-vijabilità fit-tul tal-Kumpanija. Iċ-ċirkustanzi kienu marbuta mas-sitwazzjoni finanzjarja f’Ċipru u fil-Greċja, tnejn mis-swieq prinċipali fejn hija attiva Cyprus Airways, kif ukoll is-sitwazzjoni politika instabbli fil-Lvant Nofsani, l-effett tal-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija għall-inġenji tal-ajru Ċiprijotti, id-dħul ta’ kompetitur ġdid bi prezzijiet baxxi fis-suq, allegatament issussidjat bi skema Statali, u l-pożizzjoni sottokapitalizzata ta’ Cyprus Airways.

    3.2.1.3.   Miżura 3: Kumpens ex gratia

    (32)

    Skont in-notifika tat-13 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill tal-Ministri Ċiprijott fl-4 ta’ Diċembru 2012 iddeċieda li jagħti kumpens ex gratia lill-persunal ta’ Cyprus Airways, li kien se jitqies żejjed fil-kuntest tar-ristrutturar tal-Kumpanija. Skont dik id-deċiżjoni, il-kundizzjonijiet għal kwalunkwe kumpens ex gratia kienu li (i) dan jikkonforma mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat; (ii) it-trejdjunjins tal-Kumpanija jaċċettaw il-pjan ta’ direzzjoni tan-negozju l-ġdid (jiġifieri l-pjan ta’ bidla fid-direzzjoni) u (iii) li dan ma jaqbiżx 50 % tal-kumpens normali li għandu jitħallas lill-persunal issensjat mill-Fond Ċiprijott għall-Persunal Issensjat (“RPF”).

    3.2.2.   It-tieni proċedura ta’ investigazzjoni formali

    (33)

    Il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali fl-4 ta’ Frar 2014 fir-rigward tal-miżuri li ġejjin:

    3.2.2.1.   Miżura 4: Għajnuna għar-ristrutturar

    (34)

    Fit-23 ta’ Ottubru 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti nnotifikaw għajnuna għar-ristrutturar ta’ EUR 102,9 miljun lil Cyprus Airways, akkumpanjata bi pjan ta’ ristrutturar ġdid (jiġifieri l-pjan ta’ ristrutturar tal-2013), mhux relatat mal-pjan ta’ bidla fid-direzzjoni msemmi fil-premessa 26 hawn fuq. L-ammont tal-għajnuna għar-ristrutturar kien jikkonsisti minn:

    (a)

    Il-parteċipazzjoni ta’ EUR 31,33 miljun mill-Istat għaż-żieda kapitali, diġà mogħtija fl-2012 (miżura 1);

    (b)

    Is-segmenti tas-selfa ta’ għajnuna għas-salvataġġ mogħtija lil Cyprus Airways (miżura 2) għal total ta’ EUR 34,5 miljun. L-ammont mogħti mhux se jitħallas lura minn Cyprus Airways u d-dejn korrispondenti se jiġi maqlub f’ekwità;

    (c)

    Fl-2007 u bħala parti mill-pakkett ta’ ristrutturar approvat, l-Istat Ċiprijott ipprovda garanzija għal selfa ta’ CYP 45 miljun (madwar EUR 78 miljun), li Cyprus Airways ħadet mingħand Hellenic Bank (ara l-premessa (22) above). Din is-selfa kienet isservizzjata b’mod regolari minn Cyprus Airways permezz ta’ ħlasijiet parzjali darbtejn fis-sena u f’Awwissu 2013 l-ammont pendenti li ried jitħallas lura kien ta’ EUR 28,5 miljun. Skont l-għajnuna għar-ristrutturar li ġiet innotifikata, il-Kumpanija ma kinitx se tħallas lura l-ammont pendenti lil Hellenic Bank. B’riżultat ta’ dan, tiġi eżerċitata l-garanzija tal-Gvern, li toħloq dejn ġdid ta’ Cyprus Airways lejn l-Istat, billi dan tal-aħħar ikun irid iħallas lura s-selfa. Dak id-dejn ta’ EUR 28,5 miljun suċċessivament jiġi maqlub mill-Istat f’ekwità ta’ Cyprus Airways;

    (d)

    Il-Fond Providenti ta’ Cyprus Airways għall-impjegati bbażati f’Ċipru (esklużi l-bdoti) huwa skema definita ta’ benefiċċji, imħallsa permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-impjegati u Cyprus Airways. L-ammont sħiħ allokat għall-Fond Providenti abbażi tal-intitolamenti kuntrattwali tal-persunal (“kapaċità tal-akkwist”) huwa fl-aħħar mill-aħħar għad-dispożizzjoni tal-Kumpanija. Il-kapaċità tal-akkwist tal-Fond Providenti hija garantita wkoll mill-Kumpanija. Minħabba l-prestazzjoni ħażina tal-investiment, il-Fond Providenti kien qiegħed jiffaċċja defiċit sinifikanti, fl-1 ta’ Jannar 2013 ikkalkulat bħala EUR 12-il miljun fuq bażi ta’ negozju avvjat (jiġifieri jekk wieħed jassumi li Cyprus Airways se tkompli topera) jew EUR 14,9 miljun fuq bażi mwaqqfa. Fil-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturar, l-Istat Ċiprijott se jkopri EUR 8,6 miljun mid-defiċit tal-Fond Providenti fuq bażi ta’ negozju avvjat, filwaqt li l-ammont li jifdal se jiġi kopert permezz ta’ tranżazzjonijiet immobiljari (ir-rikavat mill-bejgħ tal-proprjetà tal-kumpanija f’Nikosia u t-trasferiment tal-proprjetà tal-Kumpanija f’Ateni lill-Fond Providenti).

    (35)

    L-elementi a) u b) tal-għajnuna għar-ristrutturar jikkorrispondu għall-miżuri 1 u 2, li suċċessivament kienu nnotifikati fil-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturar lil Cyprus Airways.

    (36)

    Barra minn hekk, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien jipprevedi wkoll selfa possibbli ta’ EUR 10 miljun għal żmien qasir mill-Istat, li, skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, tingħata b’termini tas-suq. Madankollu, id-data prevista tal-għoti jew il-kundizzjonijiet ta’ din is-selfa ma kinux ċari u din mhijiex inkluża fl-ammont totali ta’ EUR 102,9 miljun.

    (37)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti spjegaw li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2007 inizjalment kien ġie implimentat skont l-iskeda. Madankollu, id-dħul tal-Kumpanija beda jonqos fl-2009, b’riżultat tal-kriżi finanzjarja fl-Unjoni, b’mod partikolari fil-Greċja u f’Ċipru. Fatturi oħra għad-diffikultajiet ġodda tal-Kumpanija kienu l-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija, li ma tippermettix lil Cyprus Airways li tilħaq swieq prospettivi, bħar-Russja, l-Armenja u l-Ukraina f’ħinijiet ta’ titjir kompetittivi, l-inkwiet fil-Lvant Nofsani u l-operat ta’ kompetituri low cost b’bażi f’Ċipru.

    3.2.2.2.   Il-Pjan ta’ Ristrutturar tal-2013

    (38)

    Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ippreveda perjodu ta’ ristrutturar minn April 2012 (l-ewwel bejgħ ta’ assi fil-kuntest tal-kontribuzzjoni proprja tal-Kumpanija għall-kostijiet tar-ristrutturar tagħha) sal-aħħar tal-2017. L-għan huwa li tiġi restawrata l-profittabilità ta’ Cyprus Airways mis-sena finanzjarja 2014. Madankollu, l-awtoritajiet Ċiprijotti kkjarifikaw li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ma indirizzax il-mudell kummerċjali fundamentali tal-Kumpanija. Il-Kumpanija diġà wettqet xi wħud mill-miżuri previsti fil-pjan ta’ ristrutturar tal-2013.

    Ristrutturar tal-flotta u tal-operazzjonijiet

    (39)

    Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien jipprevedi tnaqqis tal-flotta għal sitt inġenji tal-ajru (minn 13 fil-bidu ta’ April 2012). Dan it-tnaqqis inkiseb sal-10 ta’ Diċembru 2013, bil-bejgħ ta’ żewġ inġenji tal-ajru proprji f’April 2012 u l-iskadenza tal-kuntratti ta’ lokazzjoni għal ħames inġenji tal-ajru oħra. Mill-flotta li jifdal ta’ sitt inġenji tal-ajru, ħames inġenji tal-ajru, li kienu mikrija minn Cyprus Airways, se jinżammu fl-operazzjonijiet, filwaqt li inġenju tal-ajru wieħed, sjieda tal-Kumpanija, se jinżamm bħala żejjed.

    (40)

    It-tnaqqis fil-flotta se jkun rifless f’numru ta’ rotot imnaqqsa għal 13. Ir-rotot li ġejjin diġà kienu ngħalqu minn April 2012: LCA-ATH-SKG-LCA; LCA-ATH-HER-LCA; LCA-ATH-RHO-LCA; LCA-LED (8). Ir-rotot li ġejjin kienu ppjanati wkoll li jingħalqu: LCA-HER-RHO-LCA; LCA-SKG-HER-LCA; LCA-SKG-RHO-LCA; LCA-FCO; LCA-VIE u LCA-LHR, li se tiġi sostitwita b’LCA-STN (9). Barra minn hekk, il-Kumpanija se tnaqqas il-frekwenza ta’ tliet rotot: LCA-LON, LCA-SKG u LCA-HER (10). Ir-rotot li ġejjin kienu previsti li jinżammu: LCA-ATH, LCA-SKG, LCA-HER, LCA-AMS, LCA-CDG, LCA-SVO, LCA-SOF, LCA-FRA, LCA-MUC, LCA-ZRH, LCA-TLV, LCA-BEY, LCA-STN (11). Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 għalhekk kien jipprevedi tnaqqis ta’ 35 % fil-kapaċità f’termini ta’ ASK (12) meta mqabbel mal-kapaċità fl-2012.

    (41)

    Il-pjan kien jipprevedi allokazzjoni aħjar tal-ħinijiet tat-titjir, sabiex jiġi massimizzat l-użu tal-flotta. Ir-rotta lejn Londra nbidlet minn Heathrow għal Stansted u hija meqjusa bħala strateġika, minħabba l-attrattività tagħha.

    Miżuri ta’ tnaqqis fil-kostijiet

    (42)

    Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien jipprevedi tnaqqis ta’ kostijiet diretti fl-ammont totali ta’ EUR 45,7 miljun sal-aħħar tas-sena finanzjarja 2014 bħala xenarju bażi. Minn dan it-tnaqqis fil-kostijiet, EUR 16,2 miljun huma dovuti għal tnaqqis fil-volum li jinkludi parti mis-sensji lil persunal u tnaqqis fil-pagamenti relatat ma’ dan it-tnaqqis filwaqt li l-EUR 29,5 miljun li jifdal huma dovuti għal iffrankar addizzjonali. Il-komponenti prinċipali huma s-sensji lil persunal (EUR 17,6 miljun); tnaqqis ieħor fil-kostijiet tal-persunal (EUR 4,5 miljun); tnaqqis fil-kostijiet tal-fjuwil (li jirriżulta minn flotta unifikata ta’ Airbus A320 b’kapaċità ta’ siġġijiet rikonfigurata – EUR 12,5 miljuni); kostijiet iffrankati fuq il-passiġġieri (bħat-tneħħija tal-opzjoni tal-ikel fil-klassi ekonomika – EUR 5,5 miljun); tnaqqis u nnegozjar mill-ġdid tat-tariffi tal-groundhandling fl-ajruport LCA (EUR 4,2 miljuni); tnaqqis u nnegozjar mill-ġdid tat-tariffi tal-ajruport u en route (EUR 3,3 miljun); kostijiet imwaqqfa għal-lokazzjoni ta’ inġenji tal-ajru (EUR 4,5 miljun).

    (43)

    Minbarra t-tnaqqis fil-flotta u fir-rotot, sa Jannar 2014 kienu ġew implimentati l-miżuri li ġejjin: it-tneħħija tal-forniment tal-ikel fil-klassi ekonomika, l-innegozjar mill-ġdid tat-tariffi tal-groundhandling fl-ajruport LCA li wassal għal iffrankar ta’ EUR 1,2 miljun (meta mqabbel ma’ EUR 0,6 miljun mistennija fil-pjan ta’ ristrutturar tal-2013; tnaqqis ta’ 10 % fis-salarji u fil-kontribuzzjonijiet għall-Fond Providenti. Madankollu, it-tnaqqis tat-tariffi tal-inżul u parkeġġ fl-ajruport LCA mhuwiex mistenni li jintlaħaq fil-futur prevedibbli minħabba tilwimiet li għaddejjin dwar imposti oħra li ma jippermettux innegozjar mill-ġdid tat-tariffi tal-inżul u parkeġġ f’dan l-istadju.

    (44)

    Rigward is-sensji tal-persunal, in-numru ta’ persunal naqas minn 1,037 minn Diċembru 2011 għal 650 f’Jannar 2014, filwaqt li jidhru li ġew maqbula sensji oħra ta’ 321 membru tal-persunal iżda għadhom pendenti. L-awtoritajiet Ċiprijotti kkjarifikaw li ma ngħata l-ebda kumpens ex gratia għal dawn is-sensji.

    Inizjattivi tal-introjtu

    (45)

    Rigward inizjattivi ġodda tal-introjtu, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 assuma żidiet fin-nollijiet ta’ 2–3 % fis-sena mill-2015 fix-xenarju bażi. Bħala ipoteżi baxxa, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 assuma tnaqqis fid-dħul ta’ 1 % fl-2014 u l-ebda żieda wara l-2015. Barra minn hekk, il-pjan għamel referenza għal dħul anċillari minn servizzi addizzjonali pprovduti lill-passiġġieri, iżda ma pprovda l-ebda ammont.

    Restawr tal-vijabilità – suppożizzjonijiet

    (46)

    Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien jipprevedi r-restawr tal-vijabilità tal-Kumpanija mill-2014. Il-pjan ikkunsidra r-riżultati finanzjarji li ġejjin fix-xenarju bażi, bis-suppożizzjoni li r-ristrutturar finanzjarju (taħt il-miżura 4) se jkun implimentat qabel l-aħħar tal-2013:

    Tabella 1

    Profitt u telf previst (xenarju bażi) (f’miljuni ta’ EUR)

     

    2013

    2014

    2015

    2016

    2017

    Dħul

    168,1

    108,2

    109,6

    111,7

    113,1

    EBIT

    (18,8 )

    0,4

    2,1

    4,6

    6,0

    Riżultat nett qabel it-taxxa

    (18,9 )

    0,4

    2,1

    4,6

    6,0

    EBIT %

    (24,9 )%

    0,4  %

    1,9  %

    4,1  %

    5,3  %

    Riżervi kapitali

    0,0

    0,0

    0,0

    0,0

    0,0

    Riżervi totali

    (103,1 )

    (102,7 )

    (100,5 )

    (96,0 )

    (90,0 )

    Ekwità totali

    1,4

    1,8

    4,0

    8,5

    14,5

    (47)

    Rigward il-profittabilità, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ikkunsidra l-profittabilità segwenti:

    Tabella 2

    Profittabilità prevista

    (f’%)

     

    2014

    2015

    2016

    2017

    ROE (Redditu fuq l-Ekwità)

    21,2

    54,1

    53,5

    41,3

    ROCE (Redditu fuq il-Kapital Impjegat)

    1,2

    6,1

    11,4

    13,0

    (48)

    Minbarra l-miżuri ta’ ristrutturar hawn fuq imsemmija, ir-riżultati kienu bbażati fuq is-suppożizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    Tnaqqis fil-passiġġieri u d-dħul, b’riżultat tan-netwerk imnaqqas;

    (b)

    Iffrankar fil-kostijiet tal-fjuwil minħabba użu akbar ta’ sistema ta’ ġestjoni tal-fjuwil. Il-prezz tal-fjuwil kien preżunt ċatt;

    (c)

    Ir-riskedar ippjanat tad-dejn ta’ parti terza li jwassal biex ma jkun dovut jew jitħallas l-ebda mgħax u għall-ebda self ġdid;

    (d)

    Proporzjon tal-kambju USD/EUR stabbli sal-2017;

    (e)

    L-ebda ħħeġġjar kontra r-riskji tal-prezzijiet tal-fjuwil jew tal-kambju USD/EUR minħabba l-inabilità li jiġi pprovdut xi kollateral għal tali strumenti.

    (49)

    Il-profittabilità kienet xprunata prinċipalment mit-titjiriet li jifdal LCA-BEY, LCA-TLV, LCA-SOF u LCA-SVO, li huma l-uniċi titjiriet b’EBIT pożittiv matul il-perjodu tar-ristrutturar. Ir-rotot l-oħra li nżammu huma previsti li jkollhom profitt nett ta’ żero jew negattiv.

    (50)

    Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien jinkludi l-aħjar xenarju possibbli u l-agħar xenarju possibbli. L-agħar xenarju possibbli kien jirrifletti biss it-tnaqqis fid-dħul deskritt fil-premessa (45) above u rriżulta (f’livell EBIT) f’telf ta’ EUR 0,3 miljun għall-2014, EUR 0 għall-2015 u profitt ta’ EUR 0,3 miljun għall-2016 u l-2017.

    (51)

    Il-pjan irrikonoxxa ċerti riskji relatati mar-restawr tal-vijabilità, mingħajr ma rrifletta l-impatt tagħhom fuq ix-xenarji differenti, b’mod partikolari l-agħar xenarju possibbli. B’mod partikolari:

    (a)

    Riskju makroekonomiku, speċjalment relatat ma’ żieda possibbli fil-prezz taż-żejt jew bidla fir-rata tal-kambju USD/EUR. Għal dawn iż-żewġ riskji, il-pjan ikkalkula separatament l-impatt ta’ varjazzjoni ta’ 1 % għal madwar EUR 310 elef u EUR 425 elf għal sena, rispettivament.

    (b)

    Riskju ta’ żieda fil-kompetizzjoni fuq ir-rotot lejn Tel. Aviv (minħabba ftehim għad-deregolamentazzjoni tas-Sema Miftuħ li mistenni jwassal għal żieda fil-kompetizzjoni fuq din ir-rotta mill-2015) u Moska (minħabba ż-żieda mistennija fil-frekwenzi operati mill-kompetitur ta’ Cyprus Airways, Transaero). L-impatt potenzjali ta’ dawn ir-riskji fuq id-dħul ġejjieni ta’ Cyprus Airways ma ġiex immudellat.

    Kostijiet u finanzjament tar-ristrutturar

    (52)

    Il-kostijiet totali tar-ristrutturar ammontaw għal EUR 147,4 miljun u se jkunu allokati skont il-kategoriji li ġejjin:

    Tabella 3

    Kostijiet tar-ristrutturar (f’miljuni ta’ EUR)

    Tel.f akkumulat

    99,7

    Kostijiet oħra tar-ristrutturar (saldu tal-lokazzjoni tal-inġenji tal-ajru, intitolamenti għas-sensji, eċċ.)

    10,4

    Kapital operatorju

    37,4

    Total ta’ kostijiet ta’ ristrutturar

    147,4

    (53)

    L-għajnuna totali għar-ristrutturar prevista mill-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kienet tammonta għal EUR 102,9 miljun, jiġifieri 69,8 % tal-kostijiet tar-ristrutturar. Il-Kumpanija se tikkontribwixxi għall-kostijiet tar-ristrutturar (“kontribuzzjoni proprja”) permezz tal-bejgħ jew it-trasferiment ta’ assi b’valur totali stmat ta’ EUR 54,46 miljun. Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien jipprevedi li l-kontribuzzjoni proprja tkun magħmula mill-elementi li ġejjin:

    Tabella 4

    Kontribuzzjoni proprja ssuġġerita fil-pjan ta’ ristrutturar tal-2013

     

    L-ammont (f’miljuni ta’ EUR)

    Data stmata tar-realizzazzjoni

    Bejgħ ta’ żewġ inġenji tal-ajru A319

    22,1

    Konkluż f’April 2012

    Bejgħ tal-islott ta’ filgħaxija f’LHR

    15

    Qed jiġi nnegozjat

    Bejgħ tal-islott ta’ filgħodu f’LHR

    10

    Lejn l-aħħar tal-2014

    Bejgħ ta’ parts tal-bdil

    3,5

    EUR 2,0 miljun fl-2013;

    EUR 1,1 miljun fl-2014;

    EUR 0,4 miljun fl-2015

    Bejgħ ta’ proprjetà f’Nikosia

    3,1

    Konkluż fis-6 ta’ Awwissu 2013

    Trasferiment ta’ proprjetà f’Ateni lill-Fond Providenti

    0,76

    Il-ftehim ta’ trasferiment ġie konkluż f’Awwissu 2013

    Kontribuzzjoni proprja totali ssuġġerita

    54,46

     

    (54)

    Rigward il-bejgħ konkluż (żewġ inġenji tal-ajru Airbus A319, proprjetà f’Nikosia), l-awtoritajiet Ċiprijotti pprovdew il-kuntratti ta’ bejgħ li kkonfermaw l-ammonti assunti mill-pjan ta’ ristrutturar tal-2013. Rigward il-bejgħ mhux realizzat, l-awtoritajiet Ċiprijotti kienu pprovdew studji ta’ valutazzjoni mwettqa minn kumpaniji speċjalizzati rigward iż-żewġ slotts f’LHR u l-proprjetà f’Ateni.

    Evitar ta’ distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni

    (55)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti pproponew li xi wħud mill-miżuri msemmija qabel jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ kumpens, sabiex jiġi minimizzat l-impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kompetituri. B’mod partikolari:

    a.

    Twaqqif ta’ rotot profittabbli (13) li jirrappreżentaw 8,8 % tal-ASK tal-2012; HER-SKG; LCA-FCO; LCA-LED; LCA-LED-PFO-LED-LCA; RHO-SKG-RHO. Barra minn hekk, tnaqqis tal-kapaċità fuq ir-rotot profittabbli: LCA-LON; LCA-ATH; LCA-SKG; LCA-HER. L-awtoritajiet Ċiprijotti qiesu li b’mod globali l-ASK se jitnaqqsu b’24 % fuq ir-rotot profittabbli meta mqabbel mal-kapaċità fl-2012;

    b.

    Bejgħ taż-żewġ slotts f’LHR. Billi LHR huwa ajruport kompletament ikkoordinat, l-awtoritajiet Ċiprijotti qiesu li dawn l-islotts jipprovdu kumpens suffiċjenti lill-kompetituri potenzjali;

    c.

    Tnaqqis tal-flotta b’seba’ inġenji tal-ajru.

    (56)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew li l-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali tal-2012 ma kinitx għajnuna mill-Istat iżda xorta waħda inkludew il-miżura 1 fl-għajnuna għar-ristrutturar innotifikata tagħhom. Huma argumentaw ukoll li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien prudenti, kien jinkludi miżuri ta’ kumpens suffiċjenti, il-kontribuzzjoni proprja tal-Kumpanija kienet l-ogħla possibbli u li kienet se tirrestawra l-profittabilità tal-Kumpanija fuq terminu medju.

    (57)

    B’mod ġenerali, l-awtoritajiet Ċiprijotti spjegaw l-importanza tat-trasport bl-ajru għall-ekonomija Ċiprijotta u reġgħu sostnew iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli, li għandhom jippermettu lil Cyprus Airways li tirċievi għajnuna għar-ristrutturar addizzjonali. Ma’ dawk iċ-ċirkustanzi huma żiedu wkoll l-operazzjoni ta’ ajruport “illegali” fil-parti tat-Tramuntana okkupata ta’ Ċipru, li linji tal-ajru Torok allegatament qegħdin jużaw sabiex iġibu turisti minn destinazzjonijiet Ewropej lejn Ċipru.

    3.2.2.3.   Miżura 5: Għajnuna għat-taħriġ

    (58)

    Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, matul il-perjodu 2010-2011, Cyprus Airways irċeviet għajnuna għat-taħriġ ta’ EUR 2 69  317,94 taħt l-Iskema għall-programmi ta’ taħriġ kostanti għal intrapriżi individwali, implimentata mill-awtoritajiet Ċiprijotti skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 (14) (Regolament Għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, “GBER”).

    (59)

    Kuntrarju għall-argumentazzjoni tagħhom fir-rigward tal-miżuri nnotifikati (ara pereżempju l-premessa 68), fis-sottomissjonijiet tagħhom rigward l-iskema ta’ għajnuna għat-taħriġ u b’mod partikolari s-sottomissjoni tal-14 ta’ Marzu 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti argumentaw li Cyprus Airways ma kinitx f’diffikultà meta ngħatat l-għajnuna għat-taħriġ inkwistjoni. L-awtoritajiet Ċiprijotti għalhekk iqisu li l-miżura kienet konformi mal-iskema nazzjonali ta’ għajnuna għat-taħriġ, li hija bbażata fuq il-GBER, u għalhekk hija kompatibbli mas-suq intern.

    3.3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

    3.3.1.   L-ewwel proċedura ta’ investigazzjoni formali

    (60)

    Fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2013 (premessi 41-46), il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li Cyprus Airways tista’ titqies bħala impriża f’diffikultà skont it-tifsira tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (“Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar”) (15) tal-anqas mill-2010.

    (61)

    F’dak l-isfond, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżuri 1, 2 u 3 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u esprimiet dubji dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern. Il-miżuri ma dehrux li kienu konformi mal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, minħabba n-nuqqas ta’ pjan ta’ ristrutturar għaż-żieda kapitali u l-forma ta’ għajnuna għall-għajnuna għas-salvataġġ, li donnha kienet tinkludi wkoll parti mill-injezzjoni kapitali. Il-Kummissjoni esprimiet dubji wkoll rigward il-prinċipju ta’ “darba biss, l-aħħar darba”, li skontu, kumpanija tista’ tirċievi biss għajnuna għas-salvataġġ u/jew għar-ristrutturar darba biss kull għaxar snin. Hija esprimiet dubji b’mod partikolari dwar jekk il-ġustifikazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Ċiprijotti jikkostitwixxux ċirkustanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli li jistgħu jippermettu aktar għajnuna għar-ristrutturar.

    3.3.2.   It-tieni proċedura ta’ investigazzjoni formali

    (62)

    Fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni reġgħet sostniet il-konklużjoni preliminari tagħha li Cyprus Airways setgħet titqies bħala impriża f’diffikultà mill-2010. Għalhekk, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżuri 4 (li kienet tinkludi wkoll il-miżuri 1 u 2) u 5 kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u esprimiet dubji rigward il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern, għaliex il-miżuri ma dehrux li kienu konformi mal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar (miżuri 1, 2 u 4) u l-GBER (miżura 5).

    (63)

    B’mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji li l-pjan ta’ ristrutturar kien ibbażat fuq suppożizzjonijiet prudenti u li kien se jirrestawra l-vijabilità tal-Kumpanija fi żmien raġonevoli skont il-prattika tal-każ rilevanti. Il-Kummissjoni qieset ukoll li l-livell ta’ kontribuzzjoni proprja tal-Kumpanija ma kienx suffiċjenti u esprimiet dubji dwar jekk il-miżuri ta’ kumpens proposti kinux fil-fatt jirrigwardaw rotot li ma jagħmlux telf.

    (64)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni reġgħet sostniet id-dubji tagħha rigward iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw eċċezzjoni mill-prinċipju ta’ “darba biss, l-aħħar darba”. Hija nnutat li Cyprus Airways espandiet it-titjiriet domestiċi tagħha fil-Greċja bejn l-2011 u l-2013 u għalhekk kienet qiegħda konxjament iżżid l-esponiment tagħha għas-suq Grieg. Il-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija għall-inġenji tal-ajru Ċiprijotti u t-tħaddim ta’ ajruport fit-territorju okkupat tal-gżira, wkoll ma setgħux jikkwalifikaw bħala ċirkustanzi eċċezzjonali, billi kienu fis-seħħ għal żmien twil.

    (65)

    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnotat li l-ammont mogħti bħala għajnuna għas-salvataġġ kellu jkun parti mill-għajnuna għar-ristrutturar lil Cyprus Airways u għalhekk ikkunsidrat ukoll fil-pjan ta’ ristrutturar tal-2013.

    (66)

    Fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014 il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni dwar il-kwalifika bħala għajnuna mill-istat ta’ selfa possibbli għal terminu qasir ta’ EUR 10 miljuni, billi l-kundizzjonijiet ma kinux ċari.

    4.   KUMMENTI DWAR IL-PROĊEDURI TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI

    4.1.   KUMMENTI MINN ĊIPRU

    (67)

    Għalkemm din id-deċiżjoni tirreferi għal tliet proċeduri separati, il-Kummissjoni tinnota li hemm trikkib tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, billi jirreferu għall-istess benefiċjarju u xi miżuri huma l-istess. Għalhekk, il-Kummissjoni tħoss li huwa opportun li tiġbor fil-qosor flimkien il-kummenti ta’ Ċipru dwar iż-żewġ proċeduri ta’ investigazzjoni formali.

    (68)

    Fil-kummenti tagħhom fil-kuntest tal-ewwel proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Ċiprijotti kkonfermaw li Cyprus Airways kienet impriża f’diffikultà mill-2009.

    (69)

    Rigward il-kontribuzzjoni mill-Istat għaż-żieda kapitali azzjonarju tal-2012, l-awtoritajiet Ċiprijotti l-ewwel insistew li l-Istat aġixxa bħala investitur prudenti f’ekonomija tas-suq, sabiex jipproteġi l-valur tal-investiment tiegħu u jevita impatt negattiv fuq attivitajiet kummerċjali oħra f’Ċipru li huma relatati ma’ Cyprus Airways. In-nuqqas ta’ parteċipazzjoni minn azzjonisti oħra kien attribwit għas-sitwazzjoni diffiċli tal-ekonomija Ċiprijotta f’dak iż-żmien. Madankollu, l-awtoritajiet Ċiprijotti aċċettaw li jinkludu l-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali azzjonarju tal-2012 fl-għajnuna għar-ristrutturar li ġiet innotifikata.

    (70)

    Rigward l-għajnuna għas-salvataġġ, l-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew li dik kienet il-likwidità minima meħtieġa mill-Kumpanija sakemm jiġi finalizzat pjan ġdid għar-ristrutturar, li jieħu post il-pjan ta’ bidla fid-direzzjoni. Huma sostnew li r-rata tal-imgħax ta’ 1,66 % (16) kienet ir-rata għal impriżi b’saħħithom. Huma semmew ukoll l-impatt soċjali ta’ falliment ta’ Cyprus Airways, mingħajr l-għajnuna għas-salvataġġ, u l-importanza tal-Kumpanija għall-konnettività tal-gżira.

    (71)

    Rigward il-kumpens ex gratia, l-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew li Cyprus Airways ma kienet obbligata tħallas l-ebda kumpens bħal dan lill-persunal issensjat. Għalhekk, kieku l-Istat kellu jipprovdi kumpens ex gratia, dan ma jipprovdix vantaġġ lil Cyprus Airways, għax ma jeħlisha mill-ebda pagament kuntrattwali dovut.

    (72)

    Rigward id-durata tal-perjodu ta’ ristrutturar, huma rreferew għal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, li jeħtieġu perjodu ta’ ristrutturar “qasir kemm jista’ jkun”, u kkwotaw każijiet fejn il-Kummissjoni approvat perjodi ta’ ristrutturar itwal minn ħames snin (17). Huma spjegaw ukoll li l-perjodu sa Diċembru 2012 kien essenzjalment “mitluf”, minħabba bidla fil-Bord tad-Diretturi, il-preparazzjoni u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ bidla fid-direzzjoni u t-taħżin tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Kumpanija, li ma ppermettewx li l-pjan oriġinali jitwettaq, jiġifieri żieda kapitali pari passu li ma tinvolvix għajnuna mill-Istat u selfa ta’ għajnuna għas-salvataġġ.

    (73)

    Rigward il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew l-opinjoni tagħhom li dan jippermetti lill-Kumpanija tirrestawra l-vijabilità tagħha, minkejja r-riskji ta’ żieda fil-kompetizzjoni u t-telf potenzjali ta’ passiġġieri minħabba l-eliminazzjoni tal-forniment tal-ikel fil-klassi ekonomika. Huma sostnew ukoll li l-pjan kien ibbażat fuq suppożizzjonijiet prudenti dwar il-pożizzjoni finanzjarja tal-Kumpanija, l-effikaċja tan-netwerk miżmum, il-varjazzjoni fil-prezzijiet tal-fjuwil u r-rata tal-kambju EUR/USD. Barra minn hekk, huma rrimarkaw li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien jipprevedi inizjattivi ta’ introjtu fuq terminu medju sa twil, li ma kinux inklużi fil-kalkoli tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013, bħall-introduzzjoni possibbli ta’ metodi diretti ta’ kummerċjalizzazzjoni u bejgħ.

    (74)

    Għar-rotot li kienu qegħdin jagħmlu t-telf, li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien qiegħed jipprevedi li jżomm, l-awtoritajiet Ċiprijotti argumentaw li dawn kollha kellhom kontribuzzjoni grossa pożittiva (jiġifieri mill-anqas kienu qegħdin ikopru l-kostijiet varjabbli tagħhom) u li l-Kumpanija kien jeħtiġilha li żżomm daqs kritiku tan-netwerk tagħha, sabiex tattira l-passiġġieri.

    (75)

    Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċiprijotti rreferew għal elementi tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013, li kienu żviluppaw aħjar milli previst, bħat-tnaqqis b’suċċess fl-ispejjeż tal-groundhandling f’LCA. Huma kkjarifikaw ukoll li ma kien hemm l-ebda dejn pendenti lejn il-Kumpanija tal-groundhandling f’LCA.

    (76)

    Rigward il-miżuri ta’ kumpens, l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw li r-rotot kollha proposti sabiex jiġu abbandunati jew sabiex titnaqqas il-kapaċità, ħlief waħda (18), kienu profittabbli fuq livell ta’ kontribuzzjoni grossa fl-2012, jiġifieri kienu qegħdin ikopru l-kostijiet varjabbli tagħhom. Huma pprovdew ukoll Tabella bl-ASK għal kull rotta.

    (77)

    Dwar il-kwistjonijiet tal-għajnuna limitata għall-kontribuzzjoni minima u proprja, huma pprovdew assi addizzjonali, li Cyprus Airways kienet beħsiebha tbigħ, sabiex iżżid il-livell tal-kontribuzzjoni proprja, jiġifieri l-inġenji tal-ajru u ż-żewġ magni proprji li kien fadal. Sadanittant, iż-żewġ slotts f’LHR nbiegħu għal prezz totali li kien ogħla milli antiċipat, biex hekk il-kontribuzzjoni proprja prevista żdiedet ulterjorment għal 41.8 % tal-kostijiet tar-ristrutturar.

    (78)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti kkonfermaw li l-Fond Providenti huwa parti minn Cyprus Airways iżda entità legali separata u li t-trasferiment tal-proprjetà f’Ateni kien ifisser li Cyprus Airways ma jkollhiex aktar kontroll fuqha. Għalhekk, huma insistew li t-trasferiment tal-proprjetà f’Ateni lill-Fond Providenti kien kontribuzzjoni proprja ġenwina, li naqqset l-kostijiet tar-ristrutturar li jirriżultaw mill-kopertura tad-defiċit tagħha.

    (79)

    Fil-fatt, l-awtoritajiet Ċiprijotti spjegaw ukoll li l-għajnuna għar-ristrutturar skont il-miżura 4 se tkun aġġustata għall-kontribuzzjoni proprja realizzata, sabiex it-total taż-żewġ ammonti jkopri biss l-kostijiet tar-ristrutturar. Għalhekk, dħul ogħla permezz tal-kontribuzzjoni proprja jkun ifisser għajnuna għar-ristrutturar aktar baxxa.

    (80)

    Il-kontribuzzjoni proprja finali proposta għalhekk kienet kif ġej:

    Tabella 5

    Kontribuzzjoni proprja ssuġġerita aġġornata wara l-kummenti minn Ċipru

     

    L-ammont (f’miljuni ta’ EUR)

    Realizzazzjoni – Evalwazzjoni

    Bejgħ ta’ żewġ inġenji tal-ajru Airbus A319

    22,1

    Konkluż f’April 2012

    Bejgħ tal-islott ta’ filgħaxija f’LHR

    6,3

    Il-ftehim ta’ trasferiment ġie konkluż f’Marzu 2014

    Bejgħ tal-islott ta’ filgħodu f’LHR

    22,8

    Il-ftehim ta’ trasferiment ġie konkluż f’Ġunju 2014

    Bejgħ ta’ parts tal-bdil

    3,5

    L-ebda evalwazzjoni esperta – stmat:

    EUR 2,0 miljun fl-2013;

    EUR 1,1 miljun fl-2014;

    EUR 0,4 miljun fl-2015

    Realizzat abbażi tal-evidenza pprovduta mill-awtoritajiet Ċiprijotti: EUR 0,86 miljun

    Bejgħ ta’ proprjetà f’Nikosija

    3,1

    Konkluż fis-6 ta’ Awwissu 2013

    Trasferiment ta’ proprjetà f’Ateni lill-Fond Providenti

    0,76

    Appoġġat b’evalwazzjoni esperta – Il-ftehim ta’ trasferiment ġie konkluż f’Awwissu 2013

    Bejgħ ta’ Airbus A320 wieħed

    2,5

    L-ebda evalwazzjoni esperta – bejgħ pendenti

    Bejgħ ta’ żewġ magni

    0,51

    Konkluż fit-28 ta’ April 2014

    Kontribuzzjoni proprja totali ssuġġerita

    61,57

     

    (81)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti rrikonoxxew li l-kontribuzzjoni proprja prevista ta’ 41,8 % hija anqas mil-livell meħtieġ mil-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar (50 % tal-kostijiet tar-ristrutturar għall-impriżi l-kbar). Madankollu, huma argumentaw li l-każ ta’ Cyprus Airways kien wieħed ta’ tbatija partikolari, li għandu jiġġustifika kontribuzzjoni proprja aktar baxxa, b’mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-pajjiż u l-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija. Huma rreferew ukoll għat-tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità.

    (82)

    Rigward il-prinċipju ta’ “darba biss, l-aħħar darba”, l-awtoritajiet Ċiprijotti f’diversi sottomissjonijiet reġgħu sostnew l-argumenti tagħhom rigward l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq il-Greċja u Ċipru, il-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija għall-inġenji tal-ajru Ċiprijotti, l-operazzjoni ta’ ajruport “illegali” fil-parti tat-Tramuntana okkupata ta’ Ċipru, is-sitwazzjoni politika instabbli fil-Lvant Nofsani u l-fatt li l-għoti ta’ għajnuna għas-salvataġġ u/jew għar-ristrutturar m’għandux ikun raġuni suffiċjenti sabiex tiġi pprojbita aktar għajnuna bħal din lill-istess benefiċjarju.

    (83)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti argumentaw li l-espansjoni tat-titjiriet domestiċi ta’ Cyprus Airways fil-Greċja fil-perjodu 2011–2013 kienet prova tal-fatt li l-impatt tal-kriżi kien diffiċli biex jiġi mbassar u li xi rotot fil-Lvant Nofsani, li jirrappreżentaw parti “mhux negliġibbli” mid-dħul tal-Kumpanija, kellhom tnaqqis sinifikanti fin-numru ta’ passiġġieri, bħal tnaqqis ta’ 94 % fin-numru ta’ passiġġieri mill-Eġittu. Twissijiet rilevanti tal-effett avvers tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Ewropa u tal-inkwiet fil-Lvant Nofsani fuq Cyprus Airways, li diġà kienu jinsabu fir-rapporti annwali tal-Kumpanija tal-2007, 2008 u 2009 u ssemmew mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2013, tqiesu bħala “dikjarazzjonijiet ġeneriċi”.

    (84)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti rrimarkaw ukoll li n-numru totali ta’ passiġġieri fis-suq Ċiprijott baqa’ relattivament stabbli matul dawn l-aħħar snin, iżda li l-biċċa l-kbira tal-passiġġieri issa kienu ġejjin mill-Israel u r-Russja. Il-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija kienet tfisser li Cyprus Airways kellha żvantaġġ biex topera lejn is-suq Russu, minħabba l-ħin addizzjonali tat-titjir. Barra minn hekk, huma pprovdew evidenza li għalkemm in-numru ta’ passiġġieri fis-suq Grieg naqas b’mod marġinali mill-2008, in-noll medju tat-titjiriet Griegi (inklużi t-titjiriet domestiċi) naqas b’mod sinifikanti.

    (85)

    Rigward is-selfa għal perjodu qasir ta’ EUR 10 miljun, l-awtoritajiet Ċiprijotti spjegaw li huma kienu qegħdin jistennew li jbigħu l-islott ta’ filgħaxija f’LHR għal prezz għoli u għalhekk l-għoti tas-selfa ma jkunx neċessarju.

    (86)

    Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Ċiprijotti ġġustifikaw l-għoti ta’ għajnuna għat-taħriġ matul il-perjodu 2010-2011 billi argumentaw li Cyprus Airways daħlet f’diffikultajiet biss lejn l-aħħar tal-2011. Dan kien f’kontradizzjoni mas-sottomissjonijiet preċedenti tagħhom (ara l-premessa (68) above).

    4.2.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

    (87)

    Matul iż-żewġ proċeduri ta’ investigazzjoni formali, ġew sottomessi kummenti minn Air France Consulting, tliet kompetituri (Ryanair, International Airlines Group u tielet kompetitur li ma xtaqx li l-identità tiegħu tiġi żvelata), it-trejdjunjins ta’ Cyprus Airways (19) u l-benefiċjarju.

    (88)

    Air France Consulting, li ppreparat il-pjan ta’ bidla fid-direzzjoni, ikkjarifikat li l-pjan kien jipprovdi bidla fid-direzzjoni f’sena u l-irkupru finanzjarju sħiħ ta’ Cyprus Airways fi żmien sentejn u li l-kapital meħtieġ seta’ jiġi pprovdut permezz ta’ ristrutturar finanzjarju, pjuttost milli likwidità. Hija sostniet ukoll it-twemmin tagħha fil-kredibilità tal-pjan ta’ bidla fid-direzzjoni u argumentat li l-pjan kien ibbażat fuq li Cyprus Airways tiżviluppa operazzjonijiet barra minn Ateni fuq rotot Ewropej internazzjonali. Barra minn hekk, hija sostniet li d-deċiżjonijiet meħuda minn Cyprus Airways fl-2013 (it-tnaqqis tal-flotta għal 6 inġenji tal-ajru, l-għoti tas-sensja lil 490 membru tal-persunal) kienu se jagħmlu biss is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Kumpanija aktar fraġli.

    (89)

    It-tliet kompetituri ma qablux mal-argumenti tal-awtoritajiet Ċiprijotti rigward is-sinifikat ta’ Cyprus Airways għall-infrastruttura u l-iżvilupp ta’ Ċipru u ddikjaraw ruħhom lesti biex jespandu r-rotot lejn/minn Ċipru.

    (90)

    Rigward l-eżistenza ta’ għajnuna u l-kompatibbiltà, il-kompetituri qablu mal-Kummissjoni li l-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali azzjonarju tal-Kumpanija ma kinitx dak li kien jagħmel investitur f’ekonomija tas-suq.

    (91)

    Il-kompetituri kellhom dubji wkoll dwar ir-restawr tal-vijabilità tal-Kumpanija, fejn esprimew dubji dwar l-effikaċja tan-netwerk u l-flotta miżmuma u jekk is-suppożizzjonijiet tal-pjan u l-profittabilità prevista kinux realistiċi, speċjalment fir-rigward tal-iffrankar tal-fjuwil u d-dħul addizzjonali permezz ta’ żieda fin-noll. Huma semmew ukoll iż-żieda fir-riskji tal-kompetizzjoni għar-rotot profittabbli previsti li jinżammu minn Cyprus Airways, flimkien ma’ Tel. Aviv u Moska.

    (92)

    Il-kompetituri esprimew dubji wkoll dwar l-eżistenza ta’ ċirkustanzi verament eċċezzjonali u mhux prevedibbli li jiġġustifikaw eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ “darba biss, l-aħħar darba”. Barra minn hekk, il-kompetitur li ma xtaqx jiżvela l-identità tiegħu qies li l-profittabilità tar-rotot proposti bħala miżuri ta’ kumpens għandha titkejjel fuq livell ta’ profitt nett, jiġifieri billi jiġu inklużi l-kostijiet fissi allokati, u mhux biss fuq livell gross, jiġifieri billi jiġi inkluż biss il-kost varjabbli.

    (93)

    Fl-aħħar nett, Ryanair esprimiet dubji dwar jekk il-Kumpanija setgħetx tikseb it-tnaqqis previst fil-persunal minħabba r-reżistenza tat-trejdjunjins u ssuġġeriet li, jekk l-għajnuna għar-ristrutturar lil Cyprus Airways tinstab kompatibbli, dan jista’ jkun bil-kundizzjoni li l-Kumpanija tabbanduna r-rotot li jkunu baqgħu mhux profittabbli tliet snin wara l-approvazzjoni. Ryanair argumentat ukoll li hija u kumpanija oħra kienu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet fir-rigward tal-inkwiet fil-Lvant Nofsani u l-kriżi ekonomika fil-Greċja u f’Ċipru. Minkejja dan, Ryanair sostniet li kumpaniji oħra rnexxielhom jaddattaw u jikbru fl-ambjent il-ġdid, fejn bħala eżempju semmiet it-tkabbir tagħha stess fis-suq Grieg u Ċiprijott f’dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk, fis-sottomissjoni tagħha tas-6 ta’ Ġunju 2014, Ryanair irreferiet għal Artikolu fl-istampa tad-19 ta’ Mejju 2014 li indika li l-gvern Ċiprijott kien wiegħed li jiġu pprovduti EUR 4 miljuni lill-persunal ta’ Cyprus Airways li ngħataw is-sensja u sostniet li dan jikkostitwixxi aktar għajnuna mill-Istat lil Cyprus Airways.

    (94)

    Cyprus Airways u t-trejdjunjins tagħha appoġġaw l-argumenti tal-awtoritajiet Ċiprijotti u reġgħu sostnew il-konvinzjoni tagħhom fil-vijabilità tal-kumpanija u r-rwol tagħha għall-ekonomija u l-konnettività ta’ Ċipru.

    4.3.   KUMMENTI MINN ĊIPRU DWAR IL-KUMMENTI MILL-PARTIJIET INTERESSATI

    (95)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti ħassew li ma kellhomx għalfejn jikkummentaw dwar il-pjan ta’ bidla fid-direzzjoni u l-kummenti minn Air France Consulting, la kien hemm pjan ta’ ristrutturar aġġornat. Huma reġgħu sostnew ir-rwol importanti ta’ Cyprus Airways għall-ekonomija u l-konnettività tal-gżira u insistew li l-inkwiet fil-Lvant Nofsani kien sitwazzjoni eċċezzjonali u mhux prevedibbli li qiegħda taffettwa lil Cyprus Airways. Huma esprimew dubji kemm il-kompetituri jistgħu jimlew kwalunkwe vojt fil-konnettività li jirriżulta minn falliment possibbli ta’ Cyprus Airways, minħabba l-istaġjonalità tas-suq.

    (96)

    Rigward il-kompatibbiltà tal-miżuri mal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, l-awtoritajiet Ċiprijotti insistew li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kien ibbażat fuq suppożizzjonijiet realistiċi u ma kien qiegħed jissottovaluta l-ebda effett negattiv li jirriżulta mill-flotta żgħira jew id-diffikultajiet fir-realizzazzjoni ta’ inizjattivi relatati mal-kostijiet.

    (97)

    Fl-aħħar nett, fis-sottomissjoni tagħhom tad-9 ta’ Settembru 2013, l-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew li ma kien se jingħata l-ebda pagament ex gratia lill-impjegati li ngħataw is-sensja. Sussegwentement, fis-sottomissjoni tagħhom tat-3 ta’ Awwissu 2014, l-awtoritajiet Ċiprijotti spjegaw li, għal raġunijiet soċjoekonomiċi, il-Gvern iddeċieda li jikkumpensa direttament lill-ex impjegati ta’ Cyprus Airways li diġà kienu rriżenjaw jew ingħataw is-sensja. Id-deċiżjoni ttieħdet u l-kumpensi tħallsu biss wara li r-riżenji jew is-sensji kienu ġew finalizzati u għalhekk ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat lil Cyprus Airways. L-obbligi legali kollha ta’ Cyprus Airways lejn dawk l-impjegati kienu onorati b’mod sħiħ mill-Kumpanija nnifisha.

    (98)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti ma ħassewx ukoll li l-approvazzjoni tal-għajnuna għandha tkun soġġetta għal xi kundizzjonijiet.

    5.   VALUTAZZJONI

    (99)

    Din id-Deċiżjoni se tivvaluta jekk il-miżuri li qed jiġu eżaminati jikkostitwux għajnuna mill-Istat lil Cyprus Airways fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u jekk tali għajnuna tistax tkun kompatibbli mas-suq intern.

    (100)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-għajnuna pprovduta permezz tal-miżura 4 innotifikata flimkien mal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 f’Ottubru 2013 diġà tinkludi l-għajnuna pprovduta bil-miżura 1 (żborżata bħala pagamenti bil-quddiem bejn Settembru u Diċembru 2012), kif ukoll il-miżura 2 (l-għajnuna għas-salvataġġ innotifikata f’Diċembru 2012 u żborżata parzjalment bejn Jannar u Lulju 2013). Dawn iż-żewġ miżuri kienu implimentati bil-għan li tkun assigurata s-sopravivenza fuq żmien qasir tal-Kumpanija qabel ma jkun jista’ jiġi ppreparat pjan ta’ ristrutturar komprensiv. Billi l-pjan ta’ bidla fid-direzzjoni tal-2012 ma ġiex implimentat, il-Kummissjoni tqis dawn iż-żewġ miżuri bħala parti mill-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 u għalhekk se tivvaluta biss il-miżuri 1 u 2, safejn dawn jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, fil-kuntest tal-miżura 4, jiġifieri bħala miżura ġenerali waħda ta’ għajnuna għar-ristrutturar.

    5.1.   EŻISTENZA TA’ GĦAJNUNA MILL-ISTAT

    (101)

    L-Artikolu 107(1) tat-Trattat jistipula li kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li tgħawweġ jew thedded li tgħawweġ il-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti, safejn tkun taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

    5.1.1.   Miżuri 1, 2 u 4

    (102)

    Fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni preliminari li l-miżura 1, jiġifieri l-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali azzjonarju tal-2012 ta’ Cyprus Airways, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

    (103)

    Il-miżura kienet tinvolvi riżorsi tal-Istat u kienet imputabbli lill-Istat. Hija tat vantaġġ selettiv lil Cyprus Airways, minħabba li l-Kummissjoni qieset li investitur privat ma kienx jipprovdi kapital lill-Kumpanija f’dawk il-kundizzjonijiet, minħabba d-diffikultajiet serji ta’ Cyprus Airways, in-nuqqas ta’ prospetti ta’ vijabilità fid-data tal-għoti kif ukoll l-alternattiva ta’ selfa mill-azzjonisti li tinkludi garanziji xierqa. Barra minn hekk, prattikament l-ebda azzjonist privat eżistenti ta’ Cyprus Airways ma pparteċipa fiż-żieda kapitali billi nġabbru biss EUR 1 06  000 minn azzjonisti privati (meta mqabbel ma’ EUR 13,67 miljun mistennija oriġinarjament). Il-parteċipazzjoni azzjonarja tal-Istat f’Cyprus Airways għalhekk żdiedet minn 69 % għal 93,67 %. Il-miżura għalhekk ma kinitx konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq (20).

    (104)

    Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-awtoritajiet Ċiprijotti li l-Istat aġixxa bħala investitur f’ekonomija tas-suq sabiex jipproteġi l-valur tal-investiment tiegħu, minħabba li ż-żieda kapitali ta’ EUR 31,33 miljun xorta ma kinitx suffiċjenti biex tippermetti s-sopravvivenza tal-Kumpanija. Dan kien ippruvat mill-fatt li l-Kumpanija rċeviet finanzjament addizzjonali għas-salvataġġ bħala parti mill-miżura 2 (għajnuna għas-salvataġġ) ftit xhur biss wara. Rigward in-nuqqas ta’ parteċipazzjoni ta’ investituri oħra minħabba s-sitwazzjoni ta’ stress tal-ekonomija Ċiprijotta f’dak iż-żmien, il-Kummissjoni tinnota li kieku investiment bħal dan kien attraenti għal investitur tas-suq, wieħed jista’ jistenna li investituri privati kienu jesprimu interess.

    (105)

    Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tieħu nota tal-intenzjoni tal-awtoritajiet Ċiprijotti li jinkludu l-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali azzjonarju tal-2012 fl-għajnuna għar-ristrutturar li ġiet innotifikata.

    (106)

    Il-miżura 1 għalhekk ippermettiet lil Cyprus Airways li tkompli topera minħabba li l-Kumpanija ma kellhiex tiffaċċja l-konsegwenzi li normalment isegwu mir-riżultati finanzjarji ħżiena tagħha. Billi Cyprus Airways tikkompeti fis-suq liberalizzat taż-ŻEE għat-trasport bl-ajru ma’ linji tal-ajru oħra taż-ŻEE, il-miżura 1 kellha l-potenzjal li tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

    (107)

    Il-miżura 2 kienet innotifikata bħala selfa ta’ għajnuna għas-salvataġġ mogħtija fil-forma ta’ selfa mill-gvern, li jkollha mgħax ta’ 1,76 % u għandha titħallas lura sat-30 ta’ Ġunju 2013. Fid-deċiżjoni tagħha tas-6 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni qieset li l-ebda kreditur prudenti ma kien jipprovdi selfa b’rata tal-imgħax bħal dik lil impriża f’diffikultà. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Ċiprijotti ma wrewx kif Cyprus Airways kienet se tkun kapaċi tħallas lura s-selfa wara sitt xhur. Billi l-kriterji l-oħra kollha skont l-Artikolu 107(1) tat-Trattat huma ssodisfati (kif spjegat ulterjorment fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2013, li għaliha tirreferi d-deċiżjoni preżenti fuq dak il-punt), il-miżura 2 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. L-awtoritajiet Ċiprijotti jirrikonoxxu li s-selfa tikkostitwixxi għajnuna għas-salvataġġ fit-tweġiba tagħhom għad-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2013. Il-Kummissjoni tinnota li s-selfa mhix se titħallas lura u ġiet innotifikata mill-awtoritajiet Ċiprijotti fil-kuntest tal-għajnuna għar-ristrutturar (miżura 4).

    (108)

    Il-miżura 4 ġiet innotifikata bħala għajnuna għar-ristrutturar. Fil-fatt, il-komponenti kollha tagħha jinvolvu riżorsi tal-Istat u huma imputabbli lill-Istat, fil-forma ta’ injezzjoni ta’ kapital, konverżjoni ta’ dejn f’ekwità jew billi tiġi koperta direttament parti mid-defiċit tal-Fond Providenti. Il-miżura 4 tipprovdi vantaġġ selettiv lil Cyprus Airways, billi investitur f’ekonomija tas-suq ma kienx jipprovdi tali finanzjament lil kumpanija f’sitwazzjoni finanzjarja bħal dik (b’telf akkumulat ta’ EUR 99.7 miljun, ingranata żżejjed ħafna u l-ekwità tagħha eliminata). Fl-aħħar nett, għar-raġunijiet stabbiliti fil-premessa (106) above, il-miżura hija probabbli li taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u tfixkel il-kompetizzjoni.

    (109)

    Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura 4 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, favur Cyprus Airways. Skont in-notifika, l-għajnuna tammonta għal EUR 102,9 miljun. Il-Kummissjoni tieħu nota tad-dikjarazzjoni mill-awtoritajiet Ċiprijotti li l-għoti possibbli tas-selfa għal żmien qasir ta’ EUR 10 miljuni mhux se jkun neċessarju u għalhekk ma tinkludix is-selfa fl-għajnuna totali għar-ristrutturar. Rigward id-data tal-għoti, il-Kummissjoni tinnota li l-miżura 4 ngħatat f’segmenti.

    (110)

    Is-segment (a) li jammonta għal EUR 31,33 miljun (il-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali azzjonarju tal-2012) ingħata kif ġej:

    Tabella 6

    Dati tal-għoti tal-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali azzjonarju tal-2012

    L-ammont (f’miljuni ta’ EUR)

    Data tal-għoti

    3,0

    it-12 ta’ Settembru 2012

    3,0

    l-20 ta’ Settembru 2012

    5,0

    is-26 ta’ Settembru 2012

    4,0

    il-11 ta’ Ottubru 2012

    16,33

    it-28 ta’ Diċembru 2012

    Total: 31,33

     

    (111)

    Is-segment (b) li jammonta għal EUR 34,5 miljun (is-selfa ta’ għajnuna għas-salvataġġ) ingħata kif ġej:

    Tabella 7

    Id-dati tal-għoti tas-selfa ta’ għajnuna għas-salvataġġ tal-2013 mill-Istat

    L-ammont (f’miljuni ta’ EUR)

    Data tal-għoti

    3,0

    it-22 ta’ Jannar 2013

    5,0

    id-29 ta’ Jannar 2013

    3,5

    it-28 ta’ Frar 2013

    10,0

    it-2 ta’ Mejju 2013

    13,0

    is-26 ta’ Lulju2013

    Total: 34,5

     

    (112)

    Rigward is-segmenti l-oħra tal-miżura 4, jiġifieri (c) is-sejħa tal-garanzija tal-Gvern u l-konverżjoni sussegwenti tad-dejn ta’ EUR 28,5 miljun f’ekwità, u (d) il-kopertura ta’ EUR 8,6 miljun mid-defiċit tal-Fond Providenti, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda indikazzjoni li dawn diġà ngħataw.

    5.1.2.   Miżura 3

    (113)

    Il-Kummissjoni tieħu nota tal-kjarifika pprovduta mill-awtoritajiet Ċiprijotti f’Settembru 2013 li l-ebda kumpens ex gratia ma ngħata jew se jingħata lill-impjegati li ngħataw is-sensja.

    (114)

    Kważi sena wara, fis-sottomissjoni tagħhom ta’ Awwissu 2014, l-awtoritajiet Ċiprijotti indikaw li f’Mejju/Ġunju 2014, għal raġunijiet soċjoekonomiċi, il-gvern Ċiprijott iddeċieda li jikkumpensa direttament lil ex impjegati ta’ Cyprus Airways li diġà kienu rriżenjaw jew ingħataw is-sensja. Dik id-deċiżjoni ttieħdet u l-kumpensi tħallsu biss wara li r-riżenji jew is-sensji kienu ġew finalizzati. L-obbligi legali kollha ta’ Cyprus Airways lejn dawk l-impjegati kienu onorati b’mod sħiħ mill-Kumpanija nnifisha.

    (115)

    Skont l-awtoritajiet Ċiprijotti, ir-riżenji u s-sensji tal-impjegati ta’ Cyprus Airways skont il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 kienu implimentati mingħajr l-ebda kumpens addizzjonali offrut mill-gvern Ċiprijott. Pjuttost, dan tal-aħħar kien jieħu deċiżjoni ex post biex jikkumpensa direttament lill-ex impjegati ta’ Cyprus Airways.

    (116)

    Għalhekk jidher li l-intenzjonijiet inizjali tal-awtoritajiet Ċiprijotti sabiex jipprovdu kumpens ex gratia lill-impjegati li kienu ser jingħataw is-sensja kienu abbandunati u l-Kummissjoni għalhekk tħoss li m’hemmx għalfejn tikkonkludi dwar il-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat għall-miżura 3.

    5.1.3.   Miżura 5

    (117)

    L-ammont ta’ EUR 2 69  317,94 ingħata lil Cyprus Airways fl-2010 u fl-2011 permezz ta’ skema ta’ għajnuna mill-Istat, li ppermettiet għotjiet mill-baġit tal-Istat lil kumpaniji magħżula għal skopijiet ta’ taħriġ. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-miżura 5 tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, favur Cyprus Airways. Din il-kwalifika mhijiex ikkontestata mill-awtoritajiet Ċiprijotti.

    (118)

    L-għajnuna għat-taħriġ ingħatat lil Cyprus Airways għal 303 proġett ta’ taħriġ matul is-snin 2010 u 2011. Madankollu, l-awtoritajiet Ċiprijotti ma pprovdewx analiżi tad-data tal-għoti ta’ kull proġett.

    5.1.4.   Konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

    (119)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li mhijiex meħtieġa valutazzjoni ta’ jekk il-miżura 3 tikkostitwix għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni tqis li l-miżuri 1, 2, 4 u 5 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

    (120)

    L-ammont totali ta’ għajnuna mill-Istat inkluż fil-miżuri 1, 2 u 4 huwa EUR 102,9 miljun. L-ewwel żewġ segmenti, jiġifieri EUR 65,83 miljun, diġà ngħataw f’diversi dati bejn it-12 ta’ Settembru 2012 u s-26 ta’ Lulju 2013.

    (121)

    L-għajnuna mill-Istat inkluża fil-miżura 5 hija ta’ EUR 2 69  317,94 u ngħatat matul il-perjodu 2010-2011.

    5.2.   GĦAJNUNA ILLEGALI

    (122)

    Il-miżuri 1, 2 u, għalhekk, il-miżura 4 jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat u ngħataw bi ksur tan-notifika u l-obbligi ta’ waqfien stabbiliti fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat. L-istess japplika għall-miżura 5. Konsegwentement, kull waħda minn dawk il-miżuri tikkostitwixxi għajnuna illegali mill-Istat.

    5.3.   IL-KOMPATIBILITÀ TAL-GĦAJNUNA

    (123)

    Safejn ċerti miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, il-kompatibbiltà tagħhom għandha tiġi vvalutata fid-dawl tal-eċċezzjonijiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dak l-Artikolu. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa kompitu tal-Istat Membru li jinvoka raġunijiet possibbli ta’ kompatibbiltà u li juri li l-kundizzjonijiet għal tali kompatibbiltà jintlaħqu (21).

    (124)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti inizjalment kienu tal-fehma li l-miżura 1 ma kinitx tinvolvi għajnuna mill-Istat u nnotifikaw il-miżura 2 bħala għajnuna għas-salvataġġ. Madankollu, wara l-ewwel proċedura ta’ investigazzjoni formali u d-dubji mqajma fiha mill-Kummissjoni, kif ukoll in-nuqqas ta’ ħlas lura previst tas-selfa għas-salvataġġ skont il-miżura 2, l-awtoritajiet Ċiprijotti suċċessivament argumentaw li l-miżuri 1, 2 u 4 huma kompatibbli bħala għajnuna għar-ristrutturar skont il-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar.

    (125)

    B’mod partikolari, l-awtoritajiet Ċiprijotti nnotifikaw minn qabel pjan ta’ ristrutturar fit-22 ta’ Lulju 2013 u nnotifikaw pjan aġġornat fit-23 ta’ Ottubru 2013. Huma sussegwentement ipprovdew kjarifiki addizzjonali. Madankollu, is-suppożizzjonijiet u l-ideat prinċipali tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 baqgħu mhux mibdula min-notifika tat-23 ta’ Ottubru 2013.

    (126)

    Rigward il-miżura 5, l-awtoritajiet Ċiprijotti argumentaw li din kienet għajnuna kompatibbli għat-taħriġ skont il-GBER. Madankollu, il-Kummissjoni stabbiliet li Cyprus Airways kienet impriża f’diffikultà mill-2009, bi qbil ma’ sottomissjoni mill-awtoritajiet Ċiprijotti. Skont il-punt (c) tal-Artikolu 1(6) tal-GBER, l-impriżi f’diffikultà huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Għalhekk, Cyprus Airways ma kinitx eliġibbli għal għajnuna għat-taħriġ mill-2009.

    (127)

    Barra minn hekk, skont il-punt 20 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, “impriża f’diffikultà ma tistax titqies bħala veikolu xieraq għall-promozzjoni ta’ għanijiet oħra ta’ politika pubblika sakemm tkun assigurata l-vijabilità tagħha. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li l-għajnuna lil impriżi f’diffikultà tista’ tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi mingħajr ma taffettwa ħażin il-kummerċ f’livell kuntrarju għall-interess tal-Komunità biss jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn il-Linji Gwida jkunu ssodisfati.” Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tivvaluta biss il-miżura 5 bħala għajnuna għar-ristrutturar soġġetta għall-pjan ta’ ristrutturar tal-2013.

    (128)

    Minħabba li bażi waħda biss ta’ kompatibbiltà hija adattata għall-miżuri 1, 2, 4 u 5, il-Kummissjoni tarah opportun li tivvaluta l-miżuri kollha flimkien. Għal din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni se tagħmel referenza b’mod partikolari għall-punti 31-77 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar.

    5.3.1.   Eliġibbiltà – Impriża f’diffikultà

    (129)

    Fid-deċiżjoni tas-6 ta’ Marzu 2013 (premessi 41-46), il-Kummissjoni kkonkludiet fuq bażi preliminari li Cyprus Airways kienet impriża f’diffikultà mill-2010. Din il-konklużjoni preliminari reġgħet ġiet sostnuta fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014 (premessi 83–84). Suċċessivament, l-awtoritajiet Ċiprijotti rrikonoxxew li Cyprus Airways kienet impriża f’diffikultà mill-2009.

    (130)

    Skont informazzjoni minn rapporti finanzjarji pubblikament disponibbli, id-dejta finanzjarja prinċipali ta’ Cyprus Airways mill-2009 kienet kif ġej:

    Tabella 8

    Dejta finanzjarja prinċipali ta’ Cyprus Airways 2008 sal-ewwel nofs tal-2012 (f’miljuni ta’ EUR)

     

    2008

    2009

    2010

    2011

    L-ewwel nofs tal-2012 (*)

    Dħul

    311,4

    247,5

    236,3

    212,8

    71,3

    QLIGĦ QABEL IT-TAXXA

    2,1

    - 3,2

    - 2,9

    -  23,8

    -  34,2

    Kapital irreġistrat

    35,2

    35,2

    35,2

    35,2

    35,2

    Ekwità proprja

    13,9

    9,4

    7,7

    -  15,9

    -  48,6

    (131)

    Il-punt 10(a) tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar isostni li kumpannija b’responsabbiltà limitata titqies li tkun f’diffikultà meta “aktar minn nofs il-kapital irreġistrat ikun għeb u aktar minn kwart ta’ dak il-kapital ikun intilef matul it-12-il xahar preċedenti”.

    (132)

    Barra minn hekk, skont il-punt 11 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, impriża tista’ titqies li hija f’diffikultà “meta jkun hemm preżenti s-sinjali tas-soltu ta’ impriża f’diffikultà, bħal żieda fit-telf, tnaqqis fil-fatturat, żieda fl-inventarju tal-istokk, kapaċità żejda, tnaqqis fil-fluss tal-flus, żieda fid-dejn, żieda fl-imposti tal-imgħax u valur tal-assi nieżel jew żero”. F’dan ir-rigward, skont il-każistika tal-Qorti Ġenerali, “l-eżistenza ta’ kapital proprju negattiv […] tista’ titqies bħala indikatur importanti li impriża tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja diffiċli”  (22).

    (133)

    Il-punt 10(a) tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar jirrifletti s-suppożizzjoni li kumpanija li tkun qiegħda tesperjenza telf kbir fil-kapital irreġistrat tagħha mhux se tkun kapaċi twaqqaf it-telf li kważi ċertament se jikkundannaha biex toħroġ min-negozju fi żmien qasir jew medju. Il-Kummissjoni tqis li l-istess suppożizzjoni tapplika a fortiori għal kumpanija li tilfet il-kapital irreġistrat kollu tagħha u għandha ekwità negattiva (23).

    (134)

    Kif indikat fit-Tabella 8 aktar ’il fuq, Cyprus Airways kellha ekwità proprja negattiva mill-2011. Barra minn hekk, l-ekwità proprja kienet qiegħda tonqos diġà fl-2009 u fl-2010 u kienet anqas sewwa mil-livell tal-kapital irreġistrat. Rigward il-punt 11, it-Tabella 8 turi li Cyprus Airways kellha tnaqqis fil-fatturat u żieda fit-telf diġà mill-2009. Fl-2009, il-fatturat naqas bi kważi 21 % meta mqabbel mal-2008 u l-Kumpanija rreġistrat telf (EBT) ta’ EUR 3,2 miljuni. Din ix-xejra kompliet fis-snin ta’ wara.

    (135)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u wara li qieset is-sottomissjonijiet tal-awtoritajiet Ċiprijotti (ara l-premessa (68) above), il-Kummissjoni tikkonkludi li Cyprus Airways kienet impriża f’diffikultà mill-2009 parzjalment skont il-punt 10 (b’mod partikolari mill-2011) u fi kwalunkwe każ skont il-punt 11 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar.

    (136)

    Skont il-punt 33 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, “L-impriża trid tikkwalifika bħala impriża f’diffikultà skont it-tifsira ta’ dawn il-Linji gwida”. Din il-kundizzjoni għalhekk hija ssodisfata.

    5.3.2.   Durata tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 – Restawr tal-vijabilità fuq perjodu fit-tul

    (137)

    Il-punti 35-37 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar jipprovdu li:“35. Il-pjan tar-ristrutturar, li jrid jieħu l-inqas żmien possibbli, għandu jwassal sabiex, fi żmien raġonevoli u abbażi ta’ presuppożizzjonijiet realistiċi f’dak li għandu x’jaqsam mal-kundizzjonijiet tal-operat fil-ġejjieni, il-kumpanija terġa’ tkun vijabbli fit-tul. L-għajnuna għar-ristrutturar għalhekk trid tintrabat ma’ pjan vijabbli ta’ ristrutturar, li fuqha jimpenja ruħu l-Istat Membru. Dan il-pjan irid ikun ippreżentat lill-Kummissjoni flimkien ma’ kull preċiżazzjoni neċessarja, partikolarment studju tas-suq. It-titjib fil-vijabilità jrid jinkiseb prinċipalment minn miżuri interni kontenuti fil-pjan ta’ ristrutturar; huwa jista’ jkun ibbażat fuq fatturi esterni bħall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet u d-domanda li l-kumpanija m’għandha l-ebda influwenza kbira fuqhom, iżda biss jekk is-suppożizzjonijiet tas-suq li jsiru jkunu rikonoxxuti b’mod ġenerali. Ir-ristrutturar irid jinvolvi l-abbandun ta’ dawk l-attivitajiet li jkomplu jwasslu għal telf strutturali anke wara li jsir ir-ristrutturar.”

    (138)

    “36. Il-pjan ta’ ristrutturar irid jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-kumpanija, u b’hekk jipprovdi bażi sabiex jiġi valutat jekk il-miżuri proposti humiex adattati. Fost affarijiet oħra, huwa jrid jikkunsidra l-istat preżenti ta’ u l-prospetti futuri għall-provvista u d-domanda fis-suq tal-prodott rilevanti, b’xenarji li jirriflettu s-suppożizzjonijiet tal-aħjar każ, l-agħar każ u intermedji, u l-qawwiet u d-dgħufijiet prinċipali tal-impriża. Din trid tagħti possibbiltà lill-impriża biex tevolvi lejn struttura ġdida li toffrilha prospetti għal vijabbiltà fuq perjodu twil ta’ żmien u tagħtiha l-possibbiltà biex terġa’ tieqaf fuq saqajha.”

    (139)

    “37. Il-pjan irid jipprovdi għal bidla li twassal lill-kumpanija, wara li tkun irristrutturat ruħha, sabiex tkun tista’ tkopri l-kostijiet kollha tagħha, inklużi dawk ta’ deprezzament u spejjeż finanzjarji. Il-qligħ mistenni fuq il-kapital irid ikun biżżejjed sabiex l-impriża ristrutturata tkun tista’ tikkompeti fis-suq fuq il-merti tagħha stess. Fejn id-diffikultajiet tal-impriża jirriżultaw minn nuqqasijiet fis-sistema ta’ governanza korporattiva tagħha, iridu jiddaħħlu addattamenti xierqa.”

    (140)

    Rigward id-durata, il-pjan ta’ ristrutturar innotifikat ikopri l-perjodu mill-ewwel bejgħ ta’ assi fil-kuntest tal-kontribuzzjoni proprja tal-Kumpanija għall-kostijiet ta’ ristrutturar tagħha f’April 2012 sal-aħħar tal-2017 u jipprevedi r-restawr tal-profittabilità ta’ Cyprus Airways mis-sena finanzjarja 2014. Id-durata tal-perjodu ta’ ristrutturar skont in-notifika għalhekk hija ta’ ħames snin u sitt xhur.

    (141)

    Il-Kummissjoni tosserva li dan huwa itwal mill-perjodu ta’ ristrutturar approvat mill-Kummissjoni għal linji tal-ajru oħra, li normalment huwa ta’ ħames snin (24).

    (142)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li l-miżura 5 ingħatat matul il-perjodu 2010-2011. Billi l-miżura 5 ingħatat fi żmien meta l-Kumpanija diġà kienet f’diffikultà finanzjarja, hija ma kinitx taqa’ taħt il-GBER. Dan ifisser li jew kienet għajnuna għat-taħriġ mhux kompatibbli jew li riedet titqies bħala għajnuna għar-ristrutturar li l-kompatibbiltà tagħha trid tiġi valutata f’dak il-kuntest. Fix-xenarju tal-aħħar, dan jestendi l-perjodu ta’ ristrutturar għal madwar seba’ snin (u mbagħad għandha tifforma wkoll parti mill-perjodu ta’ ristrutturar innotifikat).

    (143)

    F’każijiet iġġustifikati, il-Kummissjoni tista’ taċċetta perjodu itwal ta’ ristrutturar. Madankollu, f’dan il-każ, l-awtoritajiet Ċiprijotti ma kinux kapaċi jiġġustifikaw għaliex Cyprus Airways kellha bżonn aktar minn ħames snin biex tikkonkludi r-ristrutturar tagħha. Fil-fatt, il-Kummissjoni tosserva li ż-żmien “mitluf” deskritt mill-awtoritajiet Ċiprijotti fil-premessa (72) above minħabba dewmien fil-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet intern tal-Istat (25) kien fi ħdan il-kontroll tal-awtoritajiet. Barra minn hekk, b’differenza minn każijiet oħra, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ta’ Cyprus Airways ma jippreżenta l-ebda waħda mill-ispeċifiċitajiet aċċettati qabel mill-Kummissjoni fid-deċiżjonijiet imsemmija mill-awtoritajiet Ċiprijotti, li jippermettu lill-Kummissjoni li tikkonkludi li perjodu ta’ ristrutturar itwal fil-każ preżenti seta’ jiġi aċċettat. Tali speċifiċitajiet jistgħu pereżempju jkunu tnaqqis sinifikanti ħafna fil-kapaċità jew sehem mis-suq partikolarment żgħir (26).

    (144)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma taqbilx li l-perjodu ta’ ħames snin u sitt xhur (u anqas u anqas ta’ seba’ snin) huwa raġonevoli fil-każ ta’ Cyprus Airways.

    (145)

    Rigward il-kontenut tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Ċiprijotti ma indirizzawx b’mod suffiċjenti d-dubji espressi fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014.

    (146)

    B’mod partikolari, l-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew li l-pjan qies l-effikaċja tan-netwerk miżmum u t-telf potenzjali tad-domanda mill-passiġġieri, li ma kien hemm l-ebda riskju ta’ varjazzjoni avversa fil-prezz tal-fjuwil u fir-rata tal-kambju EUR/USD, abbażi tal-varjazzjoni tagħhom matul il-passat riċenti. Huma sostnew ukoll li l-pożizzjoni finanzjarja prevista tal-Kumpanija kienet sodisfaċenti meta mqabbla mal-prestazzjoni ħażina tagħha fl-imgħoddi. Huma indikaw elementi tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 li kienu żviluppaw aħjar milli previst, bħall-innegozjar mill-ġdid tat-tariffi tal-groundhandling fl-ajruport ta’ Larnaca.

    (147)

    Madankollu, fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014 il-Kummissjoni esprimiet dubji minħabba li kellha raġunijiet biex tikkunsidra li ħafna suppożizzjonijiet tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ma kinux prudenti biżżejjed, fid-dawl tal-esperjenza tagħha bi pjanijiet oħra ta’ ristrutturar fis-settur tal-linji tal-ajru, minħabba s-sitwazzjoni negattiva fis-suq u l-prinċipju ġenerali li ristrutturar kredibbli jrid jikkunsidra wkoll il-possibbiltà realistika ta’ żviluppi avversi.

    (148)

    Fil-fatt, il-Kummissjoni tinnota li s-suppożizzjonijiet magħmula minn Cyprus Airways la huma rikonoxxuti b’mod ġenerali u lanqas appoġġati b’evidenza dwar il-prospetti tas-suq. Fil-fatt, il-kompetituri sfidaw dawk is-suppożizzjonijiet, speċjalment fir-rigward tal-pressjoni potenzjali mill-kompetituri fuq ir-rotot previsti li jagħmlu l-profitt, l-iffrankar fuq il-fjuwil u d-dħul previst miż-żieda fin-nollijiet.

    (149)

    Il-Kummissjoni tinnota li x-xenarju bażi tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 jipprevedi li l-Kumpanija se jkollha EBIT pożittiv ta’ EUR 0,4 miljun diġà fl-2014 u żżidu fis-snin ta’ wara. Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li l-pjan jassumi li ma jkun dovut l-ebda mgħax fuq djun ta’ partijiet terzi jew jitħallas matul il-perjodu sħiħ tar-ristrutturar. Madankollu, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 jindika biss li d-dejn ta’ partijiet terzi għalhekk irid jiġi riskedat mingħajr ma jipprovdi dettalji ta’ kif se jsir dan. Il-kummerċ u pagabbli oħra (eskluż id-dejn ma’ Hellenic Bank) fuq il-karta bilanċjali għall-perjodu 2013–2018 huma mbassra li jibqgħu fil-livell ta’ EUR 27,9 miljun. Għalhekk, l-ammont ta’ dejn ma’ partijiet terzi huwa sinifikanti u kwalunkwe nuqqas ta’ suċċess li tilħaq ir-ristrutturar tagħha jista’ jkollu konsegwenzi serji għall-previżjonijiet finanzjarji.

    (150)

    Il-Kummissjoni terġa’ ssostni l-argument tagħha inkluż fid-deċiżjoni tal-4 ta’ Frar 2014 li fi tmiem il-perjodu tar-ristrutturar, Cyprus Airways tkun kumpanija mingħajr riżervi ta’ kapital u riżervi totali negattivi. Kumpanija bħal din ma tistax titqies bħala vijabbli, billi effettivament mhux se jkun hemm l-ebda marġini ta’ sigurtà.

    (151)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-miżuri proposti fil-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ma jidhrux li huma xierqa biex jindirizzaw iċ-ċirkustanzi li wasslu għad-diffikultajiet tal-Kumpanija, kif stabbiliti fin-notifika. B’mod partikolari, il-pjan jipprevedi ż-żamma ta’ tliet rotot li ma jagħmlux profitt lejn il-Greċja u tnejn lejn il-Lvant Nofsani, minkejja l-fatt li dawk iż-żewġ swieq ikkontribwew għad-diffikultajiet tal-Kumpanija. Il-pjan jipprevedi wkoll iż-żamma ta’ mill-anqas erba’ rotot f’kompetizzjoni diretta ma’ linji tal-ajru low cost u ż-żieda tan-nollijiet. Fl-aħħar nett, hija żżomm mill-anqas rotta waħda, li hija affettwata b’mod sinifikanti mill-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija.

    (152)

    Fi kwalunkwe każ, il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ma jinkludi l-ebda valutazzjoni konkreta tal-prospetti futuri ta’ provvista u domanda fis-swieq rilevanti, apparti milli jirrikonoxxi r-riskju għal pressjoni tal-kompetizzjoni fuq xi rotot li se jinżammu.

    (153)

    Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-agħar xenarju possibbli ma jikkunsidrax b’mod suffiċjenti d-dgħufijiet tal-Kumpanija u r-riskji applikabbli fis-swieq rilevanti, li xi wħud minnhom kienu ġew identifikati fil-pjan innifsu. Tali dgħufijiet u riskji jinkludu l-pressjoni mill-kompetituri, id-devjazzjoni ta’ parametri ewlenin li fuqhom huma bbażati l-projezzjonijiet finanzjarji tal-linja bażi (pereżempju, id-dħul unitarju medju għal kull passiġġier (rendita), il-prezz tal-fjuwil, ir-rata tal-kambju USD/EUR, it-tnaqqis fid-domanda) u s-sitwazzjoni ekonomika fis-swieq prinċipali.

    (154)

    Fil-fatt, l-agħar xenarju possibbli kien jirrifletti biss tnaqqis fid-dħul ta’ 1 % u pprojjetta EBIT pożittiv ta’ EUR 0,3 miljun biss fl-2016 u fl-2017. Madankollu, jekk jimmaterjalizza xi riskju addizzjonali kif ammess mill-pjan ta’ ristrutturar tal-2013, bħal żieda ta’ 1 % fil-prezz taż-żejt jew bidla ta’ 1 % fir-rata tal-kambju EUR/USD, dan ikun suffiċjenti biex iħassar il-profitti previsti (ara l-premessa 51 above). Dawn ir-riskji huma aggravati ulterjorment mill-fatt li Cyprus Airways m’għandhiex il-kollateral neċessarju sabiex tkun tista’ tiħħeġġja kontra ċ-ċaqliq fil-prezzijiet tal-fjuwil jew ir-riskju tal-valuta. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li, sabiex jistabbilixxu l-agħar xenarju possibbli, kawżi preċedenti relatati mal-linji tal-ajru kienu kkunsidraw devjazzjonijiet ferm akbar tal-parametri bażi (27). Barra minn hekk, ir-riskju ta’ żieda sinifikanti fil-kompetizzjoni b’mod partikolari fuq ir-rotot ta’ Tel Aviv u Moska, li jirrappreżentaw ir-raba’ u l-ħames rotot l-aktar importanti ta’ Cyprus Airways f’termini tan-numru ta’ passiġġieri, ma ġiex ikkunsidrat minkejja li ssemma espliċitament fil-pjan ta’ ristrutturar tal-2013. Barra minn hekk, kellha tiġi kkunsidrata wkoll il-possibbiltà ta’ riċessjoni fit-tul fil-Greċja u f’Ċipru.

    (155)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ma jindirizzax b’mod suffiċjenti ċ-ċirkustanzi li wasslu għad-diffikultajiet ta’ Cyprus Airways, ma jikkunsidrax b’mod sħiħ il-prospetti futuri tas-suq u ma jinkludix l-agħar xenarju possibbli kredibbli.

    (156)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ma jindirizzax il-problemi fundamentali tal-mudell kummerċjali tal-Kumpanija, li jidher li kkontribwixxa għad-diffikultajiet tagħha. Ir-ristrutturar ta’ Cyprus Airways huwa bbażat fuq il-mudell kummerċjali eżistenti b’operazzjoni tradizzjonali bħala linja tal-ajru b’servizzi sħaħ li tiddependi prinċipalment fuq partijiet intermedji għall-bejgħ tal-biljetti, filwaqt li qiegħda f’kompetizzjoni ma’ linji tal-ajru low cost jew ma’ linji tal-ajru ta’ servizz sħiħ b’netwerk aktar wiesa’, li ħafna minnhom jibbażaw fuq bejgħ dirett għall-biljetti online.

    (157)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-punti 35-37 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar mhumiex issodisfati, minħabba li (i) id-durata tal-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 hija twila żżejjed, (ii) il-pjan ma jirrestawrax il-vijabilità fit-tul tal-Kumpanija f’qafas ta’ żmien raġonevoli u mhuwiex ibbażat fuq suppożizzjonijiet realistiċi u (iii) il-pjan ma jikkunsidrax is-sitwazzjoni tas-suq b’xenarji suffiċjentement varjabbli.

    5.3.3.   Evitar ta’ distorsjonijiet indebiti tal-kompetizzjoni

    (158)

    Skont il-punti 38–42 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, kumpanija li tirċievi għajnuna għar-ristrutturar trid tipprovdi miżuri ta’ kumpens għad-distorsjoni maħluqa għall-kompetizzjoni mill-għajnuna mill-Istat. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu ċ-ċessjoni ta’ assi, it-tnaqqis fil-kapaċità jew fil-preżenza fis-suq u t-tnaqqis ta’ ostakoli għad-dħul fis-swieq ikkonċernati u jridu jirreferu għal rotot jew prodotti li ma jagħmlux telf.

    (159)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti pproponew miżuri ta’ kumpens, inkluż it-twaqqif jew it-tnaqqis tal-kapaċità ta’ rotot li mhumiex jagħmlu t-telf, il-bejgħ ta’ żewġ slotts f’LHR u t-tnaqqis tal-flotta u l-ASK.

    (160)

    Il-Kummissjoni tinnota li l-bejgħ ta’ żewġ slotts f’LHR, ajruport ikkoordinat għal kollox (28), jista’ jitqies bħala tnaqqis suffiċjenti tal-ostakolu għad-dħul għall-kompetituri, speċjalment minħabba l-fatt li Cyprus Airways se tabbanduna għal kollox dan l-ajruport. It-tnaqqis sinifikanti fil-flotta huwa wkoll sinjal sinifikanti tat-tnaqqis fil-kapaċità.

    (161)

    Rigward ir-rotot proposti bħala miżuri ta’ kumpens, il-Kummissjoni konsistentement aċċettat bħala miżuri ta’ kumpens l-abbandun jew it-tnaqqis tal-kapaċità f’rotot li ma jagħmlux it-telf, jiġifieri rotot li għandhom kontribuzzjoni grossa pożittiva, b’kont meħud tal-kostijiet varjabbli (29).

    (162)

    Madankollu, il-Kummissjoni tosserva li r-rotta LCA-ATH, li għaliha l-awtoritajiet Ċiprijotti pproponew li titnaqqas il-kapaċità operata minn Cyprus Airways bħala miżura ta’ kumpens, kellha kontribuzzjoni grossa negattiva u l-awtoritajiet Ċiprijotti ma pprovdewx evidenza sabiex jappoġġaw l-argument tagħhom li l-parti tar-rotta rilevanti bħala miżura ta’ kumpens (tnaqqis tal-frekwenza b’4 titjiriet fil-ġimgħa) ma kinitx tagħmel it-telf.

    (163)

    Madanakollu, il-Kummissjoni tinnota li t-tnaqqis propost ta’ 24 % fl-ASK meta mqabbel mal-kapaċità tal-2012 huwa ogħla mit-tnaqqis fl-ASK propost f’każijiet oħra ta’ ristrutturar ta’ linji tal-ajru (30). Dan ifisser li, anki jekk ma jitqiesx it-tnaqqis fil-kapaċità tar-rotta LCA-ATH (li tirrappreżenta biss 0,84 % tal-ASK totali), it-tnaqqis fl-ASK xorta jkun suffiċjentement għoli.

    (164)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-punti 38-42 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar huma ssodisfati.

    5.3.4.   Għajnuna limitata għall-minimu: kontribuzzjoni reali, mingħajr għajnuna

    (165)

    Skont il-punti 43–45 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, il-benefiċjarji ta’ għajnuna għar-ristrutturar huma mistennija li jagħmlu kontribuzzjoni sinifikanti għall-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 mir-riżorsi proprji tagħhom, li għandha tkun mill-anqas 50 % tal-kostijiet ta’ ristrutturar għall-impriżi l-kbar, bħal Cyprus Airways, ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali u f’każijiet ta’ tbatija partikolari. Il-kontribuzzjoni proprja trid tkun reali, jiġifieri, attwali, esklużi l-profitti futuri kollha bħall-flussi tal-flus.

    (166)

    Il-Kummissjoni tieħu nota tal-ammont aġġornat tal-kontribuzzjoni proprja proposta ta’ EUR 61,57 miljun. Dan jirrappreżenta 41,8 % tal-kostijiet totali ta’ ristrutturar ta’ EUR 147,4 miljun u l-għajnuna għar-ristrutturar tiġi aġġustata għall-kontribuzzjoni proprja realizzata, sabiex it-total taż-żewġ ammonti jkopri biss il-kostijiet tar-ristrutturar.

    (167)

    Il-Kummissjoni tosserva li l-kontribuzzjoni proprja proposta ta’ 41,8 %, anki kieku kellha tinkiseb b’mod sħiħ, tkun taħt il-limitu ta’ 50 % stabbilit mil-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar.

    (168)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li abbażi tat-Tabella 5 fil-premessa 79, fil-fatt kien realizzat biss il-bejgħ ta’ assi b’valur ta’ EUR 55,67 miljun. Il-bejgħ ta’ elementi oħra proposti, bħall-parts tal-bdil u l-Airbus A320, ma ġiex realizzat b’mod sħiħ u l-valuri tagħhom mhumiex appoġġati b’valwazzjoni esperta.

    (169)

    Rigward il-bejgħ tal-parts tal-bdil, ir-rikavat attwali sal-lum (EUR 0,86 miljun) juri li l-estimi oriġinali ta’ EUR 2,0 miljuni fl-2013 u EUR 1,1 miljun fl-2014 kienu fil-biċċa l-kbira stmati b’mod eċċessiv. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe valwazzjoni esperta tal-parts tal-bdil li kien fadal sabiex jinbiegħu u mingħajr l-ebda evidenza oħra bħal ftehim li jindika b’mod ċar l-impenn futur ta’ xiri mix-xerrej, ir-rikavat futur possibbli mill-bejgħ tal-parts tal-bdil ma jistax jitqies bħala suffiċjentement reali u kontribuzzjoni proprja reali.

    (170)

    Rigward il-bejgħ tal-Airbus A320, li l-awtoritajiet Ċiprijotti fis-sottomissjoni tagħhom tal-11 ta’ Mejju 2014 jiddeskrivu bħala “inġenju tal-ajru qadim”, erbgħa mill-ħames offerti ppreżentati matul l-2014 ġew irtirati u fil-każ tal-ħames offerta, l-offerent ma rrispondiex għall-kontroproposta ta’ Cyprus Airways. Billi l-awtoritajiet Ċiprijotti ma pprovdew l-ebda valwazzjoni esperta tal-inġenju tal-ajru, id-dħul projettat mill-bejgħ, ta’ EUR 2,5 miljuni, ma jistax jiġi aċċettat bħala suffiċjentement reali u kontribuzzjoni proprja attwali.

    (171)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-awtoritajiet Ċiprijotti u tqis li t-trasferiment ta’ proprjetà lill-Fond Providenti ma jistax jitqies bħala kontribuzzjoni attwali u reali. Dan minħabba li, kif ikkonfermat mill-awtoritajiet Ċiprijotti u kif identifikat fil-kontijiet annwali tal-Kumpanija, il-Fond Providenti huwa kkontrollat minn Cyprus Airways, irrispettivament mill-istatus legali tiegħu, il-fondi tiegħu finalment huma għad-dispożizzjoni tal-Kumpanija u d-defiċit tiegħu huwa parti mill-kostijiet tar-ristrutturar (31). Għalhekk, billi tittrasferixxi assi lill-Fond Providenti, Cyprus Airways ma ġġib l-ebda kontribuzzjoni proprja reali għall-kostijiet tagħha tar-ristrutturar.

    (172)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis il-livell ta’ kontribuzzjoni proprja attwali u reali bħala EUR 55,67 miljun, li huwa 37,8 % tal-kostijiet tar-ristrutturar.

    (173)

    L-awtoritajiet Ċiprijotti jargumentaw li l-kontribuzzjoni proprja tista’ b’mod eċċezzjonali tkun anqas minn 50 % f’każ ta’ tbatija partikolari. B’mod aktar speċifiku, huma jargumentaw li livell aktar baxx ta’ kontribuzzjoni proprja fil-każ ta’ Cyprus Airways jista’ jkun ġustifikat mill-kriżi ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-projbizzjoni tal-ispazju tal-ajru Tork li jpoġġu piż addizzjonali fuq il-Kumpanija.

    (174)

    Il-Kummissjoni tieħu nota tas-sitwazzjoni partikolari tal-ekonomija Ċiprijotta u tirrikonoxxi li d-disponiment ta’ assi f’sitwazzjoni bħal din jista’ ma jkunx proċess faċli. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li Cyprus Airways topera f’suq internazzjonali u likwidu, minħabba li x-xerrejja potenzjali tal-assi tagħha, inklużi inġenji tal-ajru, slotts, parts tal-bdil, jistgħu jiġu minn kwalunkwe parti tad-dinja u għaldaqstant jistgħu ma jkunux ikkonċernati bis-sitwazzjoni fl-ekonomija Ċiprijotta, billi jistgħu jiksbu finanzjament iżjed faċilment u jistgħu jittrasferixxu l-assi jew jużawhom mingħajr l-ebda rabta ma’ Ċipru.

    (175)

    Barra minn hekk, il-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija ilha fis-seħħ għal bosta snin u ma hija relatata bl-ebda mod mal-bejgħ ta’ assi relatati mal-linja tal-ajru li jistgħu jintużaw xi mkien ieħor. Barra dan, it-tnaqqis sinifikanti fil-kapaċità huwa rilevanti għall-kompetituri, filwaqt li l-kontribuzzjoni proprja għandha l-għan li tillimita l-għajnuna meħtieġa mill-Istat u turi li s-swieq jemmnu fil-fattibbiltà tar-ritorn għall-vijabilità.

    (176)

    Fl-aħħar nett, filwaqt li l-Kummissjoni bbażat fuq il-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, hija aċċettat kontribuzzjonijiet proprji baxxi anki sa 40 % tal-kostijiet tar-ristrutturar, minħabba ċirkustanzi eċċezzjonali (32), dan xorta jaqbeż il-livell ta’ kontribuzzjoni proprja minn Cyprus Airways.

    (177)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-punti 43-45 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar mhumiex issodisfati. Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ma jillimitax l-għajnuna għall-minimu neċessarju, billi ma jinkludix kontribuzzjoni proprja u attwali suffiċjentement għolja għall-kostijiet tar-ristrutturar ta’ Cyprus Airways.

    5.3.5.   Kundizzjonijiet speċjali fir-rigward ta’ kumpaniji f’żoni assistiti

    (178)

    Il-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar jipprovdu li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna jistgħu jkunu anqas stretti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens u d-daqs tal-kontribuzzjoni tal-benefiċjarju, meta jkunu ġġustifikati b’raġunijiet ta’ żvilupp reġjonali u b’mod partikolari jekk il-benefiċjarju tal-għajnunu jkun jinsab f’reġjun assistit.

    (179)

    Fil-każ ta’ Ċipru, għall-perjodu 2007-2013 kif ukoll 2014-2020, żewġ reġjuni li flimkien ikopru 50 % tal-popolazzjoni Ċiprijotta huma eliġibbli sabiex jirċievu għajnuna għall-investiment reġjonali skont id-deroga tal-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat (iż-Żona tal-Punent u ż-Żona tal-Lvant) (33). L-awtoritajiet Ċiprijotti sostnew ukoll li Ċipru għandu numru ta’ karatteristiċi territorjali li jaffettwaw l-iżvilupp soċjoekonomiku tiegħu, jiġifieri n-natura periferali u d-dipendenza tiegħu fuq it-trasport bl-ajru u l-baħar. Fl-aħħar nett, huma sostnew li r-riċessjoni ekonomika tal-ekonomija Ċiprijotta għandha a fortiori timmerita t-trattament ta’ Ċipru bħala żona assistita.

    (180)

    Il-Kummissjoni tinnota li Cyprus Airways għandha s-sede tagħha f’Nikosia, li ma tinsab fl-ebda waħda miż-żewġ żoni assistiti ta’ Ċipru. L-ajruport ta’ Larnaca, possibbilment iċ-ċentru prinċipali tal-operazzjonijiet ta’ Cyprus Airways, ukoll ma jinsabx f’waħda minn dawn iż-żewġ żoni assistiti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, sabiex ikunu assigurati kundizzjonijiet ekwi, l-istatus ta’ żona assistita jista’ jiġi stabbilit biss b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, skont il-kriterji tal-Linji gwida applikabbli dwar l-Għajnuna Reġjonali, u mhux ibbażat fuq karatteristiċi territorjali oħra jew riċessjoni ekonomika.

    (181)

    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta kundizzjonijiet anqas stretti fir-rigward tal-kriterji għall-għajnuna.

    5.3.6.   Il-prinċipju ta’ “darba biss, l-aħħar darba”

    (182)

    Il-Punt 73 Taqsima 3.3 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar jistipula li l-għajnuna għas-salvataġġ u/jew għar-ristrutturar għandha tingħata darba biss u “fejn ikunu għaddew inqas minn 10 snin minn meta tkun ingħatat l-għajnuna għas-salvataġġ jew ikun intemm il-perjodu ta’ ristrutturar jew tkun twaqqfet l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar (skont liema tkun l-aħħar), il-Kummissjoni mhix se tippermetti aktar għajnuna għas-salvataġġ jew għar-ristrutturar.” Din il-kundizzjoni hija magħrufa bħala l-prinċipju ta’ “darba biss, l-aħħar darba”.

    (183)

    Eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ “darba biss, l-aħħar darba” hija pprovduta fil-punt 73(c) tat-Taqsima 3.3 [jekk jogħġbok ikkonferma]:”

    “(…)

    (c)

    f’ċirkustanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli.

    (184)

    Il-Kummissjoni approvat għajnuna għar-ristrutturar lil Cyprus Airways fl-2007 fuq il-bażi ta’ pjan ta’ ristrutturar. Fil-prinċipju, għalhekk, Cyprus Airways fil-preżent mhijiex eliġibbli għal aktar għajnuna għar-ristrutturar skont il-prinċipju ta’ “darba biss, l-aħħar darba” u l-Kummissjoni qajmet dubji dwar jekk f’dan il-każ jeżistux ċirkustanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli skont it-tifsira tal-punt 73(c).

    (185)

    Minkejja li kkummentaw b’mod estensiv dwar dak il-punt wara l-ftuħ ta’ żewġ proċeduri ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Ċiprijotti ma kinux kapaċi jiġġustifikaw għaliex Cyprus Airways kienet iffaċċjata b’ċirkustanzi eċċezzjonali u mhux prevedibbli, li jimmeritahom aktar għajnuna għar-ristrutturar (34).

    (186)

    B’mod partikolari, il-projbizzjoni ta’ titjiriet minn fuq it-Turkija kienet introdotta fl-1974 (35) u Ċipru daħħal skema approvata għall-kumpens tal-kostijiet addizzjonali mġarrba minn kwalunkwe linja tal-ajru affettwata, inkluża Cyprus Airways (ara l-premessa 23 above). Għalhekk, dan l-avveniment ma jistax jikkwalifika bħala ċirkustanza eċċezzjonali u mhux prevedibbli u l-awtoritajiet Ċiprijotti ma ressqu l-ebda evidenza ġdida f’dak ir-rigward.

    (187)

    Għal raġunijiet simili, l-operazzjoni ta’ ajruport “illegali” fil-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru wkoll ma tistax titqies bħala ċirkustanza eċċezzjonali u mhux prevedibbli, billi l-possibbiltà għat-turisti li jivvjaġġaw lejn u mill-parti tat-Tramuntana ta’ Ċipru ilha fis-seħħ mill-anqas mill-2004.

    (188)

    Il-Kummissjoni ma taqbilx ukoll mal-awtoritajiet Ċiprijotti li d-dħul ta’ kwalunkwe kompetitur, linja tal-ajru low cost jew ta’ servizz sħiħ, jista’ jitqies bħala ċirkustanza eċċezzjonali u mhux prevedibbli, minħabba li Cyprus Airways topera f’settur liberalizzat u sakemm il-kompetituri tagħha qegħdin joperaw b’mod legali. Rigward l-allegazzjoni li l-Istat Ċiprijott qiegħed jissussidja kompetituri ta’ Cyprus Airways, il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda sostanzjament ta’ din l-allegazzjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tisħaq li ma jistax jiġi argumentat li l-Istat irid jipprovdi għajnuna mill-Istat lil Cyprus Airways sabiex jikkumpensa għall-effetti ħżiena ta’ allegata miżura li l-Istat jingħad li introduċa huwa stess, u jikkwalifika din tal-aħħar bħala miżura eċċezzjonali u mhux prevedibbli.

    (189)

    Rigward l-inkwiet fil-Lvant Nofsani, il-Kummissjoni tqis li din is-sitwazzjoni ma tistax titqies bħala eċċezzjonali, minħabba l-inkwiet persistenti f’partijiet tar-reġjun għal bosta għexieren ta’ snin. Rigward l-impatt ekonomiku tal-aktar inkwiet riċenti msemmi mill-awtoritajiet Ċiprijotti, jiġifieri r-“Rebbiegħa Għarbija”, ir-rapporti annwali tal-Kumpanija juru li d-dħul mir-rotot li jgħaqqdu lil Ċipru mal-Lvant Nofsani u r-reġjun tal-Golf jidher li jirrappreżenta tradizzjonalment 10 % tad-dħul totali ta’ Cyprus Airways. Għalhekk, anki tnaqqis sinifikanti fit-traffiku jkollu impatt relattivament żgħir (anki jekk “mhux negliġibbli”), jiġifieri jaffettwa sa massimu ta’ 10 % tad-dħul totali ta’ Cyprus Airways.

    (190)

    Rigward id-deterjorament tal-ekonomiji Griegi u Ċiprijotti, il-Kummissjoni tirrikonoxxi dawk l-avvenimenti, kif ukoll it-tnaqqis possibbli fin-nollijiet medji għat-titjiriet Griegi. Madankollu, il-Kummissjoni tfakkar li Cyprus Airways espandiet it-titjiriet domestiċi tagħha fil-Greċja bejn l-2011 u l-2013, u għalhekk kienet qiegħda konxjament iżżid l-esponiment tagħha għas-suq Grieg.

    (191)

    L-evidenza disponibbli fil-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 u l-informazzjoni pprovduta mill-kompetituri tissuġġerixxi li t-traffiku totali ta’ passiġġieri fis-suq Ċiprijott żdied mill-2009 ‘l hawn filwaqt li s-sehem mis-suq ta’ Cyprus Airways naqas. Barra minn hekk, linji tal-ajru oħrajn li joperaw fir-reġjun ukoll kienu ffaċċjati bil-kriżi ekonomika, iżda aġġustaw il-politika tal-ipprezzar u n-netwerk tagħhom, sabiex jibqgħu fis-suq. Fil-fatt, Ryanair irrimarkat li hija saħansitra kisbet tkabbir f’dawk is-swieq.

    (192)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li Cyprus Airways, minkejja li rrikonoxxiet ir-riskji permezz ta’ dikjarazzjonijiet espliċiti, għalkemm “ġeneriċi”, fir-rapporti annwali fl-2007, 2008 u 2009 (36), u minkejja l-għażliet disponibbli, naqset milli tagħmel l-aġġustamenti neċessarji fin-negozju tagħha, sabiex tevita l-effett tad-deterjorament ekonomiku fis-swieq prinċipali tagħha u biex tapprofitta minn swieq ġodda, kif għamlu l-kompetituri tagħha. Dawk l-effetti għalhekk ma jistgħux jikkwalifikaw bħala ċirkustanza eċċezzjonali u mhux prevedibbli, iżda pjuttost għandhom jiġu attribwiti għall-ġestjoni u l-prestazzjoni ħżiena ta’ Cyprus Airways.

    (193)

    Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-eċċezzjoni tal-punt 73(c) tat-Taqsima 3.3 tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar mhijiex issodisfata u li l-għajnuna għar-ristrutturar lil Cyprus Airways tikser il-prinċipju ta’ “darba biss, l-aħħar darba”.

    5.3.7.   Konklużjoni

    (194)

    Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni jirriżultalha li Ċipru implimenta b’mod illegali l-miżuri 1, 2, 4 u 5 favur Cyprus Airways, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    (195)

    Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-miżuri 1, 2, 4 u 5 u l-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar. Il-Kummissjoni ma identifikat l-ebda bażi oħra għall-kompatibbiltà u l-awtoritajiet Ċiprijotti wkoll ma semmew l-ebda bażi alternattiva għall-kompatibbiltà tal-miżuri (bl-eċċezzjoni tal-applikazzjoni tal-GBER għall-għajnuna għat-taħriġ – miżura 5). Għalhekk, il-Kummissjoni tqis l-għajnuna bħala inkompatibbli mas-suq intern.

    5.4.   IRKUPRU

    (196)

    Skont it-Trattat u l-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat irid jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern (37). Il-Qorti sostniet ukoll b’mod konsistenti li l-obbligu fuq Stat Membru li jannulla għajnuna meqjusa mill-Kummissjoni bħala inkompatibbli mas-suq intern huwa mfassal biex jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni kif kienet qabel (38).

    (197)

    F’dan il-kuntest, il-Qorti ddeċidiet li dan l-objettiv jintlaħaq meta r-riċevitur ikun ħallas lura l-ammonti mogħtija bħala għajnuna illegali, b’hekk jitlef il-vantaġġ li jkun ibbenefika minnu minflok il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tkun ġiet irkuprata s-sitwazzjoni ta’ qabel il-ħlas tal-għajnuna (39).

    (198)

    Bi qbil mal-każistika, l-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 (40) sostna li “fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna illegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]”.

    (199)

    Għalhekk, minħabba li l-miżuri inkwistjoni fl-ammont totali ta’ EUR 6 6 0 99  317,94 (EUR 31,33 miljun fil-forma tal-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali (miżura 1), EUR 34,5 miljun fil-forma tas-self għall-għajnuna għas-salvataġġ (miżura 2) u EUR 2 69  317,94 fil-forma tal-għajnuna għat-taħriġ (miżura 5) ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108 tat-Trattat, u għandhom jitqiesu bħala għajnuna illegali u mhux kompatibbli, huma jridu jiġu rkuprati sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti fis-suq qabel l-għoti tagħhom. L-irkupru għandu jkopri ż-żmien minn meta l-vantaġġ akkumula għall-benefiċjarju, jiġifieri meta l-għajnuna tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarju, sal-irkupru effettiv, u s-somom li jridu jiġu rkuprati għalhekk għandhom ikollhom imgħax sal-irkupru effettiv.

    6.   KONKLUŻJONI

    (200)

    Rigward il-miżura 3, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat ma baqgħalhiex skop minħabba n-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-miżura minn Ċipru.

    (201)

    Il-Kummissjoni jirriżultalha li l-miżuri 1, 2, 4 u 5 rigward il-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali, is-selfa ta’ għajnuna għas-salvataġġ, l-għajnuna għar-ristrutturar u l-għajnuna għat-taħriġ rispettivament, favur Cyprus Airways, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u mhumiex kompatibbli mas-suq intern, minħabba li l-kundizzjonijiet rilevanti tal-Linji gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar ma kinux issodisfati u ma kinux identifikati bażijiet oħra għall-kompatibbiltà.

    (202)

    Rigward il-miżuri 1, 2, 4 u 5, il-Kummissjoni jirriżultalha li Ċipru implimentahom b’mod illegali bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

    (203)

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li Ċipru qabel li d-deċiżjoni preżenti tiġi adottata u nnotifikata bl-Ingliż.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat li nbdiet fis-6 ta’ Marzu 2013 dwar kumpens ex gratia potenzjali minn Ċipru lil Cyprus Airways ma baqgħalhiex skop, minħabba li Ċipru abbanduna l-miżura. Dik il-proċedura hija b’dan magħluqa.

    Artikolu 2

    L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal mill-anqas EUR 6 6 0 99  317,94, li tirriżulta mis-somma ta’ EUR 31,33 miljun fil-forma tal-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali, EUR 34,5 miljun fil-forma ta’ selfa ta’ għajnuna għas-salvataġġ u EUR 2 69  317,94 fil-forma tal-għajnuna għat-taħriġ, mogħtija illegalment lil Cyprus Airways minn Ċipru bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat, mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 3

    Kwalunkwe għajnuna mill-Istat minbarra l-ammonti msemmija fl-Artikolu 2 li Ċipru ta jew jista’ jkun irid jagħti lil Cyprus Airways fil-kuntest tal-miżura 4, mhijiex kompatibbli mas-suq intern.

    Artikolu 4

    1.   Ċipru jirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 2 mingħand il-benefiċjarju. Huwa jirkupra wkoll kwalunkwe għajnuna addizzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 3 mingħand il-benefiċjarju.

    2.   Is-somom li għandhom jiġu rkuprati jinkludu l-interessi mid-data li fiha saru disponibbli lill-benefiċjarju sad-data tal-irkupru attwali tagħhom.

    3.   L-imgħax jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 (41), u r-Regolament (KE) Nru 271/2008 (42) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

    4.   Rigward il-miżura 4, Ċipru jinforma lill-Kummissjoni jekk tax xi ammonti addizzjonali minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2 fil-kuntest ta’ din il-miżura u jinforma wkoll lill-Kummissjoni dwar l-ammonti eżatti mogħtija u d-dati tal-għoti.

    5.   Rigward il-miżura 5, Ċipru jinforma lill-Kummissjoni dwar id-dati meta ngħataw l-ammonti individwali.

    6.   Ċipru jabolixxi l-miżura 4 u jħassar il-pagamenti pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 u 3 b’effett mid-data tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    1.   L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3 jkun immedjat u effettiv.

    2.   Ċipru jassigura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 6

    1.   Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, Ċipru jippreżenta l-informazzjoni li ġejja:

    (a)

    L-informazzjoni mitluba skont l-Artikolu 4 paragrafi 4 u 5;

    (b)

    l-ammont totali (somma kapitali u mgħaxijiet ta’ rkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju (43);

    (c)

    deskrizzjoni fid-dettall tal-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex ikun hemm konformità ma’ din id-Deċiżjoni;

    (d)

    id-dokumenti li juru li l-benefiċjarju jkun ġie ordnat li jirritorna l-għajnuna.

    2.   Ċipru jżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 u fl-Artikolu 3. Huwa jippreżenta minnufih, fuq sempliċi talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u dawk ippjanati biex tinkiseb konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Huwa jipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru diġà rkuprati mingħand il-benefiċjarju.

    Artikolu 7

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Jannar 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Margrethe VESTAGER

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  SA.35888: ĠU C 152, 30.5.2013, p. 12; SA.37220 u SA.38225: ĠU C 117, 16.4.2014, p. 125.

    (2)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (3)  SA.27573 (2012/MX) – Skema għal programmi ta’ taħriġ kostanti għal intrapriżi individwali – Ċipru, approvata f’Ċipru bid-Deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Kontroll tal-Għajnuna mill-Istat, ippubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali Ċiprijotta Nru 8025 tal-21 ta’ Novembru 2008.

    (4)  Aran- nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (5)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2005 fil-kawża N69/2005 (ĠU C 191, 5.8.2005, p. 4) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/137/KE tas-7 ta’ Marzu 2007 Għajnuna ta' l-Istat C 10/06 (ex N555/05) – Cyprus Airways Public Ltd – Pjan ta' ristrutturar (ĠU L 49, 22.2.2008, p. 25).

    (7)  Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012 fil-kawża SA.32523 (11/N) (ĠU C 230, 1.8.2012, p. 1).

    (8)  ATH: Ateni; SKG: Tessaloniki; HER: Heraklion-Kreta; RHO-Rodi; LED: San Pietruburgu.

    (9)  FCO: Ruma Fiumicino; VIE: Vjenna, LHR: Londra Heathrow, STN: Londra-Stansted.

    (10)  LON: Kollettivament imsejħa ajruporti fiż-żona ta’ Londra.

    (11)  AMS: Amsterdam Schiphol; CDG: Pariġi Charles de Gaulle; SVO: Moska Sheremetyevo; SOF: Sofia; FRA: Frankfurt am Main; MUC: Munich; ZRH: Zurich; TLV: Tel. Aviv; BEY: Beirut.

    (12)  Siġġijiet kilometri disponibbli.

    (13)  Il-pjan ta’ ristrutturar tal-2013 qies ir-rotot li għandhom kontribuzzjoni grossa pożittiva għall-kostijiet tal-kumpanija, jiġifieri d-dħul tnaqqas minnu l-kost varjabbli, bħala rotot profittabbli.

    (14)  Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3).

    (15)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – Linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2), li l-validità tagħha kienet estiża fl-2009 (ĠU C 156, 9.7.2009, p. 3) u fl-2012 (ĠU C 296, 2.10.2012, p. 3). Għalkemm il-Kummissjoni adottat u ppubblikat linji gwida ġodda dwar għajnuna għas-salvataġġ u r-ristrutturar (ĠU C 249, 31.7.2014, p. 1), f’din id-deċiżjoni l-Kummissjoni se tkompli tirreferi għal-Linji Gwida tal-2004 dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar, minħabba li l-miżuri li qed jiġu investigati kienu nnotifikati qabel l-1 ta’ Awwissu 2014. Barra minn hekk, billi l-għajnuna ngħatat mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni u għalhekk bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat (jiġifieri l-miżuri 1, u 5), hija ngħatat qabel id-dħul fis-seħħ tal-linji l-gwida l-ġodda.

    (16)  Din hija aktar baxxa mir-rata tal-imgħax li kienet irrappurtata fin-notifika tal-għajnuna għas-salvataġġ, ara l-premessa 29.

    (17)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Frar 2006 fil-kawża N 464/2005, għajnuna għar-ristrutturar favur AB Kauno ketaus liejykla (ĠU C 270 7.11.2006, p. 2); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2001 fil-kawża NN 92/1999, miżuri favur Zentrum Mikroelektronik Dresden AG – Sachsen (ĠU C 328, 23.11.2001, p. 5); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ġunju 2005 fil-kawża N 584/2004, għajnuna għar-ristrutturar lil AB Vingriai (ĠU C 187, 30.7.2005, p. 15); id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/3/KE tas-6 ta’ Novembru 2008 dwar għajnuna mill-Istat C 19/05 (ex N 203/05) mogħtija mill-Polonja lil Stocznia Szczecińska, ĠU L 5, 8.1.2010, p. 1).

    (18)  Ir-rotta LCA-ATH-LCA dehret li kellha kontribuzzjoni grossa negattiva fl-2012. L-awtoritajiet Ċiprijotti spjegaw li din ir-rotta kienet imħaddma flimkien ma’ rotot domestiċi oħra fil-Greċja u li bejn LCA u ATH kienet profittabbli fuq livell tal-kontribuzzjoni grossa. Madankollu, l-awtoritajiet Ċiprijotti qatt ma ssottomettew id-dejta li tiġġustifika din l-affermazzjoni.

    (19)  PASYPI-PALPU (Unjin tal-Bdoti tal-Ajru PanĊiprijotta), SYNIKA (Trejdjunjin tal-Impjegati ta’ Cyprus Airways), ASYSEKA (Trejdjunjin Indipendenti tal-Impjegati f’Cyprus Airways Group), SIDIKEK PEO (Trejdjunjin tal-impjegati semi-pubbliċi, muniċipali u komunali ta’ Ċipru), SYPKKA (Trejdjunjin tal-Flight Attendants ta’ Cyprus Airways).

    (20)  Ara, pereżempju, il-Kawża C-305/89 Italja v il-Kummissjoni (Alfa Romeo”) [1991] ECR I-1603, il-paragrafi 18 u 19; il-Kawża T-16/96 Cityflyer Express v il-Kummissjoni [1998] ECR II-757, il-paragrafu 51; il-Kawżi Konġunti T-129/95, T-2/96 u T-97/96 Neue Maxhütte Stahlwerke u Lech-Stahlwerke v il-Kummissjoni [1999] ECR II-17, il-paragrafu 104; il-Kawżi Konġunti T-268/08 u T-281/08 Land Burgenland u l-Awstrija v il-Kummissjoni [2012] ECR II-0000, il-paragrafu 48.

    (21)  Il-Kawża C-364/90, l-Italja vs il-Kummissjoni, [1993] il-Ġabra I-2097, il-paragrafu 20.

    (*)  Cyprus Airways ma ppubblikatx rapporti finanzjarji mill-ewwel nofs tal-2012.

    (22)  Kawżi Magħquda T-102/07 Freistaat Sachsen vs Il-Kummissjoni u T-120/07 MB Immobilien u MB System vs il-Kummissjoni, [2010] il-Ġabra II-585, paragrafu 106.

    (23)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2008 dwar l-għajnuna mill-Istat C 38/07 (ex NN 45/07) implimentata minn Franza favur d’Arbel Fauvet Rail SA, para. 35 (ĠU L 238, 5.9.2008, p. 27).

    (24)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-kawża SA.34191 (2012/C) dwar il-miżuri implimentati mil-Latvja għal A/S Air Baltic Corporation (airBaltic), għadha ma ġietx ippubblikata, il-premessa 179; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-kawża SA.32715 (2012/C) dwar Adria Airways d.d., għadha ma ġietx ippubblikata, il-premessa 131; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/151/UE tad-19 ta’ Settembru 2012 bħala għajnuna mill-Istat SA.30908 (11/C) (ex N 176/10) implimentata mir-Repubblika Ċeka għal České aerolinie, a.s. (ČSA – Il-Kumpanija tal-Ajru tar-Repubblika Ċeka – Pjan ta’ ristrutturar) (ĠU L 92, 3.4.2013, p. 16), il-premessa 107 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/661/UE tas-27 ta’ Ġunju 2012 dwar l-għajnuna mill-istat Nru SA.33015 (2012/C) li Malta qed tippjana li timplimenta għall-Air Malta plc. (ĠU L 301, 30.10.2012, p. 29), il-premessa 93; id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Lulju 2014 fil-kawża SA.36874 (2013/N) rigward l-għajnuna għar-ristrutturar lil LOT Polish Airlines S.A., għadha ma ġietx ippubblikata, il-premessa 241.

    (25)  Għaddew madwar erba’ xhur bejn ir-riżoluzzjoni tal-Bord fi Frar 2012 u l-approvazzjoni, min-naħa tal-Kunsill tal-Ministri, ta’ abbozz ta’ liġi li tippermetti ż-żieda kapitali f’Ġunju 2012. Barra minn hekk, il-Kamra tar-Rappreżentanti talbet kundizzjonijiet addizzjonali qabel ma tapprova ż-żieda kapitali.

    (26)  Fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Frar 2006 fil-kawża N 464/2005, l-għajnuna għar-ristrutturar favur AB Kauno ketaus liejykla, li ssemmiet ukoll mill-awtoritajiet Ċiprijotti, il-Kummissjoni approvat perjodu ta’ ristrutturar itwal ibbażat, fost affarijiet oħra, fuq tnaqqis ta’ 46 % fil-kapaċità. Cyprus Airways se tnaqqas il-kapaċità tagħha biss b’35 %. Il-Kummissjoni approvat ukoll perjodu ta’ ristrutturar itwal billi qieset is-sehem mis-suq żgħir ħafna tal-kumpanija, il-fatt li l-miżuri seħħew qabel ma l-pajjiż kien qiegħed jitqies bħala ekonomija tas-suq funzjonali, u miżuri drammatiċi ta’ ristrutturar operattiv (id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ġunju 2005 fil-kawża N 584/2004, għajnuna għar-ristrutturar lil AB Vingriai (ĠU C 187, 30.7.2005, p. 15). Il-preċedenti ta’ Zentrum Mikroelektronik Dresden AG – Sachsen u Stocznia Szczecińska, imsemmija mill-awtoritajiet Ċiprijotti, ukoll mhumiex rilevanti minħabba li f’tal-ewwel, l-għajnuna kienet approvata skont linji gwida aktar qodma għas-salvataġġ u r-ristrutturar u qieset is-sitwazzjoni speċifika ta’ intrapriża oriġinarjament tal-Istat f’dik li kienet il-Ġermanja tal-Lvant, filwaqt li f’tal-aħħar, l-għajnuna ma kinitx approvata.

    (27)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-kawża SA.34191 (2012/C) rigward il-miżuri implimentati mil-Latvja għal A/S Air Baltic Corporation (airBaltic), għadha ma ġietx ippubblikata, il-premessa 185; jew id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Lulju 2014 fil-kawża SA.36874 (2013/N) rigward l-għajnuna għar-ristrutturar lil LOT Polish Airlines S.A., għadha ma ġietx ippubblikata, il-premessa 234.

    (28)  L-ajruporti kkoordinati għal kollox huma definiti fl-Artikolu 2(g) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1). Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93, dawk l-ajruporti jesperjenzaw, tal-anqas matul ċerti perjodi, restrizzjonijiet fuq il-kapaċità.

    (29)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-kawża SA.34191 (2012/C) rigward il-miżuri implimentati mil-Latvja għal A/S Air Baltic Corporation (airBaltic), għadha ma ġietx ippubblikata, il-premessa 194; id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-kawża SA.32715 (2012/C) rigward Adria Airways d.d., għadha ma ġietx ippubblikata, il-premessa 143; id-Deċiżjoni 2013/151/UE, il-premessa 130.

    (30)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-kawża SA.34191 (2012/C) rigward il-miżuri implimentati mil-Latvja għal A/S Air Baltic Corporation (airBaltic), għadha ma ġietx ippubblikata, il-premessa 195; id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Lulju 2014 fil-kawża SA.32715 (2012/C) rigward Adria Airways d.d., għadha ma ġietx ippubblikata, il-premessa 136.

    (31)  L-istatuti ta’ Cyprus Airways u l-kontijiet annwali tal-Kumpanija juru li hija topera numru ta’ pjanijiet ta’ benefiċċji tal-irtirar, inkluż il-Fond Providenti u li l-Kumpanija tassumi r-responsabbiltà sabiex tissalvagwardja l-valur tal-Fond Providenti u din l-obbligazzjoni hija inkluża fil-pagabbli u l-provvedimenti tal-Kumpanija. Barra minn hekk, il-Kumpanija tiggarantixxi l-kapaċità tal-akkwist tal-benefiċċji tal-irtirar sabiex dawn ma jkunux anqas minn benefiċċju totali minimu definit.

    (32)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/175/KE tat-22 ta’ Lulju 2009 dwar l-għajnuna mill-Istat C 18/05 (ex N 438/04, N 194/05 u PL 34/04) mogħtija mill-Polonja lil Stocznia Gdańsk (ĠU L 81, 26.3.2010, p. 19), il-premessa 276.

    (33)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Jannar 2006 fil-kawża N 814/2006, dwar il-mappa tal-għajnuna Reġjonali 2007-2013 (ĠU C 68, 24.3.2007, p. 28).

    (34)  L-awtoritajiet Ċiprijotti jirreferu għad-deċiżjoni dwar l-għajnuna għas-salvataġġ lill-Air Malta li rrikonoxxiet ċirkustanzi eċċezzjonali u ppermettiet għajnuna għas-salvataġġ f’perjodu li kien iqsar minn 10 snin minn għajnuna għar-ristrutturar preċedenti (deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Novembru 2010 fil-kawża N 504/2010 – Air Malta plc – Għajnuna għas-salvataġġ, ĠU C 102, 2.4.2011, p. 4). Il-Kummissjoni tinnota li hemm differenzi sinifikanti bejn il-każ tal-Air Malta u l-każ preżenti. Il-miżura preċedenti fil-każ tal-Air Malta twettqet f’April 2004, qabel l-adeżjoni ta’ Malta fl-UE, u għalhekk ma kinitx soġġetta għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni. L-awtoritajiet Maltin argumentaw li l-miżura tal-2004 kienet konformi mal-prinċipju ta’ investitur f’ekonomija tas-suq u għalhekk ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Minħabba l-urġenza tal-approvazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ, il-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tasal għal konklużjoni definittiva dwar il-karattru tal-għajnuna tal-miżura tal-2004. Madankollu, fid-deċiżjoni sussegwenti dwar l-għajnuna għar-ristrutturar id-Deċiżjoni 2012/661/UE, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura tal-2004 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-każ preżenti, m’hemmx dubju li Cyprus Airways irċeviet għajnuna għar-ristrutturar fl-2007. Barra minn hekk, waħda miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali aċċettati mill-Kummissjoni kienet tirrigwarda l-fatt li fiż-żmien tal-miżura tal-2004, l-aċċess għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien regolat esklussivament bi drittijiet tat-traffiku fi ftehimiet bilaterali tal-ajru, filwaqt li fl-2010, l-aċċess kien miftuħ għat-trasportaturi kollha tal-UE. Ma kien hemm l-ebda bidla fundamentali bħal din bejn l-2007 u issa fir-rigward tal-aċċess għall-ajruporti Ċiprijotti. Fl-aħħar nett, filwaqt li Malta kienet tiddependi għal aktar minn 50 % tat-traffiku tal-ajru tagħha fuq l-Air Malta, is-sehem ta’ Cyprus Airways mit-traffiku tal-ajru Ċiprijott kien biss ta’ 15 % fl-2012 u minn dak iż-żmien ‘l hawn naqas aktar.

    (35)  Ara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Ġunju 2012 fil-kawża SA.32523 (11/N), para. 11.

    (36)  Ara r-Rapport Annwali tal-2007, p. 97; ir-Rapport Annwali tal-2008, p. 88; ir-Rapport Annwali tal-2009, p. 91.

    (37)  Ara l-Kawża C-70/72 Il-Kummissjoni vs il-Ġermanja [1973] il-Ġabra 813, il-paragrafu 13.

    (38)  Ara l-Kawżi Konġunti C-278/92, C-279/92 u C-280/92 Spanja vs il-Kummissjoni [1994] il-Ġabra I-4103, il-paragrafu 75.

    (39)  Ara l-Kawża C-75/97 Il-Belġju vs il-Kummissjoni [1999] il-Ġabra I-030671 il-paragrafi 64 u 65.

    (40)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1).

    (41)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 140, 30.4.2004. p. 1).

    (42)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 271/2008 tat-30 ta’ Jannar 2008 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 82, 25.3.2008, p. 1).

    (43)  Din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta fil-forma tat-Tabella mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni bħala Anness.


    ANNESS

    INFORMAZZJONI DWAR L-AMMONTI TA’ GĦAJNUNA RIĊEVUTI, LI GĦANDHOM JIĠU RKUPRATI U DIĠÀ ĠEW IRKUPRATI (L-AMMONTI KOLLHA F’EUR)

    Identità tal-benefiċjarju – miżura

    Ammont totali tal-għajnuna riċevuta

    Ammont totali tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata

    (Kapital)

    Ammont totali diġà rimborżat

    Kapital

    Imgħax tal-irkupru

    Cyprus airways – Il-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda kapitali

    3 1 3 30  000  (1)

    3 1 3 30  000

     

     

    Cyprus airways – Selfa ta’ għajnuna għas-salvataġġ

    3 4 5 00  000  (2)

    3 4 5 00  000

     

     

    Cyprus airways – Għajnuna għat-taħriġ

    2 69  317,94  (3)

    2 69  317,94

     

     

    [Jekk jogħġbok aġġusta jekk ingħatat xi għajnuna oħra taħt il-miżura 4]

     

     

     

     


    (1)  Ammont imsemmi fil-premessa 110 tad-Deċiżjoni.

    (2)  Ammont imsemmi fil-premessa 111 tad-Deċiżjoni.

    (3)  Ammont imsemmi fil-premessa 117 tad-Deċiżjoni.


    Top