Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0912

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/912 tat-12 ta' Ġunju 2015 li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fil-wieħed u għoxrin, fit-tnejn u għoxrin u fit-tlieta u għoxrin reġjun

    C/2015/3863

    ĠU L 148, 13.6.2015, p. 28–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/912/oj

    13.6.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 148/28


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/912

    tat-12 ta' Ġunju 2015

    li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fil-wieħed u għoxrin, fit-tnejn u għoxrin u fit-tlieta u għoxrin reġjun

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' dejta bejn Stati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament dwar il-VIS) (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 48(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/493/UE (2), il-wieħed u għoxrin reġjun fejn il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għall-applikazzjonijiet kollha għandu jibda jinkludi Andorra, il-Vatikan, Monako u San Marino, il-wieħed u għoxrin reġjun fejn il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha għandu jibda jinkludi l-Irlanda u r-Renju Unit, u t-tielet u għoxrin reġjun fejn il-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha għandu jibda jinkludi l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, in-Norveġja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja, l-Isvezja, l-Iżvizzera.

    (2)

    L-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma għamlu l-arranġamenti tekniċi u legali meħtieġa biex jiġbru u jittrażmettu d-dejta msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha f'dawn ir-reġjuni, inklużi l-arranġamenti għall-ġbir u/jew għat-trażmissjoni tad-dejta f'isem Stat Membru ieħor.

    (3)

    Il-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 hija b'hekk issodisfata, huwa għalhekk meħtieġ li tiġi determinata d-data meta l-VIS għandha tibda topera fil-wieħed u għoxrin, fit-tnejn u għoxrin u fit-tlieta u għoxrin reġjun.

    (4)

    Billi r-Regolament (KE) Nru 767/2008 jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iddeċidiet li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 767/2008 fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni.

    (5)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3). Għaldaqstant, ir-Renju Unit mhux marbut b'din id-Deċiżjoni u lanqas ma huwa soġġett għall-applikazzjoni tagħha.

    (6)

    Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda mhijiex qed tipparteċipa, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4). L-Irlanda għalhekk mhix marbuta b'din id-Deċiżjoni u lanqas ma hija soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (7)

    Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis  (5) ta' Schengen, li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

    (8)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis  (7) ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

    (9)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis  (9) ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2011/350/UE (10).

    (10)

    Fir-rigward ta' Ċipru, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011 rispettivament.

    (11)

    Fid-dawl tal-ħtieġa sabiex tiġi stipulata d-data għall-bidu tal-VIS fil-wieħed u għoxrin, it-tnejn u għoxrin u t-tlieta u għoxrin reġjun fil-futur qrib, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar stess li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża għandha tibda topera fil-wieħed u għoxrin, fit-tnejn u għoxrin u fit-tlieta u għoxrin reġjun skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2013/493/UE fl-20 ta' Novembru 2015.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tapplika skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/493/UE tat-30 ta' Settembru 2013 li tiddetermina t-tielet u l-aħħar sett ta' reġjuni għall-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 268, 10.10.2013, p. 13).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni ta' verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


    Top