Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0892

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/892 tad-9 ta' Ġunju 2015 rigward l-approvazzjoni ta' pjan għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa f'azjenda li żżomm il-papri kuluverti fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta' dan il-pollam u tal-prodotti tagħhom (notifikata bid-dokument C(2015) 3745)

C/2015/3745

ĠU L 146, 11.6.2015, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/07/2021; Imħassar b' 32020R0687

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/892/oj

11.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/11


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/892

tad-9 ta' Ġunju 2015

rigward l-approvazzjoni ta' pjan għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa f'azjenda li żżomm il-papri kuluverti fil-Portugall u ċerti miżuri li jirrestrinġu l-movimenti ta' dan il-pollam u tal-prodotti tagħhom

(notifikata bid-dokument C(2015) 3745)

(It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar miżuri Komunitarji għall-kontroll tal-influwenza avjarja u li tħassar id-Direttiva 92/40/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 57(2) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2005/94/KE tistipula li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tilqim kontra l-influwenza avjarja ikun pprojbit fit-territorju tagħhom, ħlief fejn isir tilqim ta' emerġenza jew tilqim preventiv skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-taqsimiet rilevanti tal-Kapitolu IX ta' dik id-Direttiva

(2)

It-Taqsima 3 tal-Kapitolu IX tad-Direttiva 2005/94/KE tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu tilqim preventiv fuq il-pollam jew għasafar oħra mrobbijin, bħala miżura fit-tul biex jikkontrollaw dik il-marda meta, fuq il-bażi ta' valutazzjoni tar-riskju, huma jqisu li ċerti żoni tat-territorju tagħhom, tipi ta' trobbija ta' pollam jew xi kategoriji ta' pollam jew għasafar oħra mrobbijin huma esposti għar-riskju tal-influwenza avjarja.

(3)

Skont l-Artikolu 52(1)(c) ta' dik id-Direttiva, vaċċini awtorizzati skont id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) biss għandhom ikunu użati għat-tilqim tat-tjur jew għasafar oħra mrobbijin kontra l-influwenza tat-tjur.

(4)

L-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa ġiet eradikata fil-Portugall. Iżda skont ir-riżultati ta' valutazzjoni tar-riskju, il-papri tal-kuluverti ta' valur għoli miżmuma għat-trobbija f'azjenda f'Vila Nova da Barquinha fir-reġjun ta' Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, għadhom esposti għar-riskju potenzjali li jiġu infettati bl-influwenza avjarja, minħabba l-possibbiltà ta' kuntatt indirett ma' għasafar slavaġ.

(5)

Għalhekk, il-Portugall ippreżenta lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni pjani suċċessivi għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa, bl-aktar waħda riċenti tkun dik li ġiet approvata mid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/651/UE (4) u li ġiet implimentata mill-Portugall sal-31 ta' Lulju 2014.

(6)

Kif previst fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni, il-Portugall ressaq rapport dwar l-implimentazzjoni ta' dak il-pjan lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf. Dak ir-rapport wera li ċ-ċirkolazzjoni tal-virus ġiet evitata b'suċċess fil-qatgħat ta' kuluverti imlaqqma kif ukoll f'azjendi tat-tjur li jinsabu fiż-żona tal-inħawi.

(7)

Opinjonijiet xjentifiċi tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel fl-2005 (5), l-2007 (6) u l-2008 (7) kkonfermaw li tilqim preventiv huwa għodda siewja biex jikkomplementa l-miżuri ta' kontroll għall-influwenza tat-tjur.

(8)

Fl-1 ta' Frar 2015, il-Portugall issottometta pjan ġdid għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni. Dak il-pjan għandu jiġi applikat sal-31 ta' Diċembru 2020 (“il-pjan għat-tilqim preventiv”).

(9)

Meta wieħed iqis il-qagħda epidemjoloġika fir-rigward tal-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa fil-Portugall, ir-riskju assoċjat mat-tip ta' azjenda kkonċernata u tal-ambitu limitat tal-pjan ta' tilqim preventiv, il-pjan għandu jiġi approvat u jiġi implimentat sal-31 ta' Diċembru 2020.

(10)

Barra minn hekk, biex tinstab ċirkolazzjoni passiva potenzjali tal-virus tal-marda f'papri kuluverti mlaqqma, is-sorveljanza u t-testjar tal-laboratorju fl-azjenda fejn hemm il-papri kuluverti mlaqqma u l-għasafar sentinelli mhux imlaqqma għandhom isiru kif stipulat fil-pjan ta' tilqim preventiv.

(11)

Huwa xieraq ukoll li jiġu introdotti ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment u t-tqassim tal-papri kuluverti mlaqqma, il-bajd għat-tifqis tagħhom u l-papri kuluverti li jitnisslu minn dawn it-tjur skont il-pjan preventiv ta' tilqim. Minħabba n-numru żgħir ta' papri kuluverti li hemm fir-razzett fejn se jitwettaq it-tilqim preventiv, kif ukoll għal raġunijiet ta' loġistika u traċċabbiltà, il-papri kuluverti li jkunu ngħataw it-tilqima ma għandhomx jinħarġu mir-razzett, iżda jridu jinqatlu meta jispiċċa ċ-ċiklu reproduttiv tagħhom b'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009 (8) u jintremew b'mod sigur skont ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 (9).

(12)

Il-Portugall ħa miżuri addizzjonali skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/605/KE (10) għall-kummerċ fit-tjur maħsub għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur.

(13)

Biex jitnaqqas l-impatt ekonomiku fuq l-azjenda kkonċernata għandhom jiġu stipulati ċerti derogi mir-restrizzjonijiet ta' moviment għall-papri kuluverti li jitnisslu minn papri kuluverti imlaqqma, sakemm dawn il-movimenti ma jżidux ir-riskju tat-tixrid tal-marda u sakemm titwettaq sorveljanza uffiċjali u jkun hemm konformità mar-rekwiżiti speċifiċi tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ fl-Unjoni.

(14)

Sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri l-oħra jkunu jistgħu jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta' tilqim preventiv mill-Portugall, huwa xieraq għall-Portugall li jaġġorna regolarment lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

(15)

Minħabba li l-pjan għandu jiġi approvat għal diversi snin, il-Portugall jista' jkun li jeħtieġ li jagħmel ċerti aġġustamenti għall-pjan ta' tilqim preventiv, bħan-numru ta' kuluvert li jiġu mlaqqma jew it-tip ta' vaċċin li għandu jintuża, kif ukoll it-tmiem prematur ta' tilqim. Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk tipprevedi obbligu għall-Portugall biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar tali aġġustamenti previsti li l-Kummissjoni tista' jew taqbel li mingħajr ma tkun meħtieġa approvazzjoni tal-pjan jew li għalihom proċedura ta' approvazzjoni ġdida għandha tkun meħtieġa.

(16)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistipula ċerti miżuri li se jiġu applikati fil-Portugall f'ażjenda waħda fil-muniċipalità ta' Vila Nova da Barquinha, fir-reġjun ta' Lisboa e Vale do Tejo, Ribatejo Norte, fejn it-tilqim preventiv ta' papri kuluverti (Anas platyrhynchos) maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa (“papri kuluverti”) isir f'azjenda li tinsab esposta għar-riskju tal-introduzzjoni tal-virus tal-influwenza avjarja.

Dawk il-miżuri jinkludu:

(a)

ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment ġewwa l-Portugall u l-bgħit mill-Portugall tal-papri kuluverti mlaqqma, il-bajd għat-tifqis tagħhom u l-papri kuluverti li jitnisslu minnhom;

(b)

ir-rimi ta' papri kuluverti mlaqqma.

2.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għall-miżuri ta' ħarsien li se jittieħdu mill-Portugall skont id-Direttiva 2005/94/KE u d-Deċiżjoni 2006/605/KE.

Artikolu 2

Approvazzjoni għall-pjan ta' tilqim ta' prevenzjoni

1.   Il-pjan għat-tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa fil-Portugall, kif imressaq mill-Portugall lill-Kummissjoni fl-1 ta' Frar 2015, biex ikun implmentat fl-azjenda agrikola li saret referenza għaliha fl-Artikolu 1(1) sal-31 ta' Diċembru 2020 (“il-pjan ta' tilqim preventiv”) qed jiġi approvat.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-pjan ta' tilqim ta' prevenzjoni fuq il-websajt tagħha.

Artikolu 3

Il-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-pjan tat-tilqim preventiv

1.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-pjan ta' tilqim preventiv jiġi implimentat b'vaċċin monovalenti inattivat li fih is-sottotip H5 tal-influwenza avjarja awtorizzat skont id-Direttiva 2001/82/KE jew ir-Regolament (KE) Nru 726/2004.

2.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-pjan ta' tilqim preventiv jiġi implimentat kif innotifikat.

Artikolu 4

L-immarkar u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment, it-tqassim u r-rimi ta' papri kuluverti mlaqqma

Il-Portugall għandu jiżgura li l-papri kuluverti mlaqqma miżmuma fl-azjenda imsemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)

ikunu mmarkati individwalment;

(b)

ma jittiħdux f'azjendi oħra ta' pollam fil-Portugall;

(c)

jinħarġu mill-Portugall.

Wara li jintemm il-perjodu reproduttiv tagħhom, dawn il-papri kuluverti għandhom jinqatlu fl-azjenda imsemmija fl-Artikolu 1(1) ta' din id-Deċiżjoni b'konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1099/2009, u l-karkassi tagħhom għandhom jintremew b'mod sikur skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 142/2011.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet fuq il-moviment u d-dispaċċ ta' bajd għat-tifqis ġej minn papri kuluverti li joriġinaw mill-azjenda imsemmija fl-Artikolu 1(1)

Il-Portugall għandu jiżgura li l-bajd tat-tifqis ġej mill-papri kuluverti li joriġinaw mill-azjenda imsemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)

jiġu ttrasportati biss f'mafqas fil-Portugall:

(b)

ma jintbagħtux mill-Portugall.

Artikolu 6

Restrizzjonijiet fuq il-moviment u d-dispaċċ ta' papri kuluverti ġejjin minn papri kuluverti mlaqqma

1.   Il-Portugall għandu jiżgura li l-papri kuluverti li jitnisslu minn papri kuluverti ġenituri mlaqqma jinħarġu mill-azjenda imsemmija fl-Artikolu 1(1) biex jintbagħtu f'azjenda li tinsab f'żona madwar dik l-azjenda biss wara t-tifqis.

2.   B'deroga mill-paragrafu 1, il-papri kuluverti li joħorġu minn papri kuluverti ġenituri mlaqqma u sakemm dawn ikollhom aktar minn erba' xhur jistgħu:

(a)

jiġu meħlusa f'ambjent selvaġġ fil-Portugall, jew

(b)

jintbagħtu 'l barra mill-Portugall, sakemm:

(i)

ir-riżultati tat-testijiet ta' sorveljanza u tal-laboratorju kif stipulat fil-pjan ta' tilqim preventiv, ikunu favorevoli;

(ii)

il-kundizzjonijiet għat-tqassim tat-tjur maħsuba għall-istokkjar mil-ġdid ta' tjur tal-kaċċa stipulati fid-Deċiżjoni 2006/605/KE jkunu ssodisfati.

Artikolu 7

Iċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa għall-kummerċ fl-Unjoni ta' papri kuluverti mnissla minn papri kuluverti mlaqqma

Il-Portugall għandu jiżgura li ċ-ċertifikati tas-saħħa għall-kummerċ intra-Unjoni tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvisti tat-tjur tal-kaċċa, li jakkumpanjaw il-papri kuluverti mibgħutha skont l-Artikolu 6(2)(b), ikunu jinkludu s-sentenza li ġejja:

“Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali f'din il-kunsinna huma konformi mad-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/892 (*)

Artikolu 8

Rapporti u informazzjoni

1.   Il-Portugall għandu jressaq rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' tilqim preventiv fi żmien xahar mid-data tan-notifikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u jressaq rapport kull sena fil-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

2.   Il-Portugall għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-emendi ppjanati fil-pjan ta' tilqim preventiv li l-approvazzjoni tagħhom hija prevista fl-Artikolu 2;

(b)

id-data ta' tmiem ta' tilqim preventiv fir-razzett imsemmi fl-Artikolu 1(1).

3.   Il-Kummissjoni għandha teżamina l-emendi proposti mill-Portugall u għandhom:

(a)

jew jaqblu mal-emendi proposti għal pjan preventiv approvat skont l-Artikolu 2;

(b)

jew jipprevedu proċedura ta' approvazzjoni ġdida għal emenda fil-pjan ta' tilqim preventiv.

Artikolu 9

Applikabilità

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 10

Indirizzati

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' Ġunju 2015.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 10, 14.1.2006, p. 16.

(2)  Id-Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta' Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri Komunitarji għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta' prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u veterinarju u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136, 30.4.2004, p. 1).

(4)  Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/651/UE tat-8 ta' Novembru 2013 li tapprova pjan ta' tilqim preventiv kontra l-influwenza avjarja b'patoġeniċità baxxa f'azjenda li żżomm il-papri kuluverti fil-Portugall u ċerti dispożizzjonijiet dwar il-movimenti tagħhom u l-prodotti tagħhom (ĠU L 302, 13.11.2013, p. 53).

(5)  Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of Avian Influenza, EFSA Journal (2005), 266, p. 1.

(6)  Scientific Opinion on Vaccination against avian influenza of H5 and H7 subtypes in domestic poultry and captive birds, EFSA Journal (2007), 489.

(7)  Scientific Opinion on Animal health and welfare aspects of avian influenza and the risks of its introduction into the EU poultry holdings, EFSA Journal, 2008, 715, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (KE) Nru 1099/2009 tal-24 ta' Settembru 2009 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla (ĠU L 303, 18.11.2009, p. 1).

(9)  Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta' Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/605/KE tas-6 ta' Settembru 2006 dwar ċerti miżuri ta' protezzjoni fir-rigward ta' kummerċ intrakomunitarju tat-tjur maħsuba għall-popolament mill-ġdid tal-provvista ta' annimali tal-kaċċa (ĠU L 246, 8.9.2006, p. 12).


Top