This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D0731
Commission Implementing Decision (EU) 2015/731 of 6 May 2015 determining the date from which the Visa Information System (VIS) is to start operations in the 17th and 18th regions
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/731 tas-6 ta' Mejju 2015 li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fis-sbatax u t-tmintax-il reġjun
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/731 tas-6 ta' Mejju 2015 li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fis-sbatax u t-tmintax-il reġjun
C/2015/2876
ĠU L 116, 7.5.2015, p. 20–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
7.5.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 116/20 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/731
tas-6 ta' Mejju 2015
li tiddetermina d-data minn meta s-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għandha tibda topera fis-sbatax u t-tmintax-il reġjun
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (Visa Information System, VIS) u l-iskambju ta' dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (ir-Regolament dwar il-VIS) (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 48(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/493/UE (2), is-sbatax-il reġjun fejn għandhom jibdew l-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) għall-applikazzjonijiet kollha jikkonsisti fl-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Ukrajna, u t-tmintax-il reġjun fejn għandhom jibdew l-ġbir u t-trażmissjoni tad-dejta lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha jikkonsisti fir-Russja. |
(2) |
L-Istati Membri nnotifikaw lill-Kummissjoni li huma għamlu l-arranġamenti tekniċi u ġuridiċi meħtieġa biex jiġbru u jittrażmettu d-dejta msemmija fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 lill-VIS għall-applikazzjonijiet kollha f'dawn ir-reġjuni, inklużi l-arranġamenti għall-ġbir u/jew għat-trażmissjoni tad-dejta f'isem Stat Membru ieħor. |
(3) |
Billi l-kundizzjoni stabbilita fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 tkun ġiet issodisfata, ikun għalhekk meħtieġ li tiġi determinata d-data minn meta għandha tibda topera l-VIS fis-sbatax u t-tmintax-il reġjun. |
(4) |
Billi r-Regolament (KE) Nru 767/2008 jibni fuq l-acquis ta' Schengen, id-Danimarka, skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, iddeċidiet li timplimenta r-Regolament (KE) Nru 767/2008 fil-liġi nazzjonali tagħha. Id-Danimarka, hija għaldaqstant marbuta bil-liġi internazzjonali li timplimenta din id-Deċiżjoni. |
(5) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih ir-Renju Unit ma jipparteċipax, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3). Għaldaqstant, ir-Renju Unit mhux marbut b'din id-Deċiżjoni u lanqas ma huwa soġġett għall-applikazzjoni tagħha. |
(6) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fih l-Irlanda mhijiex qed tipparteċipa, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4). L-Irlanda għalhekk mhix marbuta b'din id-Deċiżjoni jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(7) |
Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6). |
(8) |
Fir-rigward tal-Iżvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8). |
(9) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10). |
(10) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi att li jibni fuq, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat, mal-acquis ta' Schengen, rispettivament, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011. |
(11) |
Fid-dawl tal-ħtieġa li tkun iffissata data għall-użu tal-VIS fis-sbatax u t-tmintax-il reġjun fil-futur qrib ħafna, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża tibda topera fis-sbatax-il reġjun skont id-Deċiżjoni 2013/493/UE fit-23 ta' Ġunju 2015, u fit-tmintax-il reġjun skont id-Deċiżjoni 2013/493/UE fl-14 ta' Settembru 2015.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni tapplika skont it-Trattati.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Mejju 2015.
Għall-Kummissjoni
Dimitris AVRAMOPOULOS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60.
(2) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/493/UE tat-30 ta' Settembru 2013 li tiddetermina t-tielet u l-aħħar sett ta' reġjuni għall-bidu tal-operazzjonijiet tas-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 268, 10.10.2013, p. 13).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(5) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(7) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(8) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(9) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(10) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).