Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0668

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/668 tal-24 ta' April 2015 dwar l-emendar tar-rikonoxximenti ta' ċerti organizzazzjonijiet skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2015) 2595) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

C/2015/2595

ĠU L 110, 29.4.2015, p. 22–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2015/668/oj

29.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 110/22


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/668

tal-24 ta' April 2015

dwar l-emendar tar-rikonoxximenti ta' ċerti organizzazzjonijiet skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2015) 2595)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 16 tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, il-Kummissjoni trid tivverifika li d-detentur tar-rikonoxximent mogħti skont l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 2(c) ta' dak ir-Regolament, ikun l-entità ġuridika rilevanti fl-organizzazzjoni li għaliha japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' dak ir-Regolament. Jekk dak ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni trid tieħu deċiżjoni li temenda dak ir-rikonoxximent.

(2)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/421/KE (2) tirreferi għall-organizzazzjonijiet rikonoxxuti mill-Istati Membri skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE (3) billi tipprovdi li d-Direttur Ġenerali għall-Enerġija u t-Trasport għandu jippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-lista aġġornata tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti skont id-Direttiva 94/57/KE qabel l-1 ta' Lulju ta' kull sena.

(3)

L-aħħar lista tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti abbażi tad-Direttiva 94/57/KE ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (4) fl-2007.

(4)

Ir-rikonoxximenti tal-Lloyd's Register of Shipping (LR), il-Korean Register of Shipping (KR), in-Nippon Kaiji Kyokai (NK) u r-Registro Italiano Navale (RINA) ngħataw skont id-Direttiva 94/57/KE.

(5)

Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 391/2009, l-organizzazzjonijiet li fis-17 ta' Ġunju 2009 ngħataw rikonoxximent skont id-Direttiva 94/57/KE żammew ir-rikonoxximent tagħhom.

(6)

Fil-każ tal-Korean Register of Shipping (KR), l-entità prinċipali relevanti tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jiffurmaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta ngħatat l-isem ta' “KR (Korean Register)”.

(7)

Fil-każ tan-Nippon Kaiji Kyokai (NK), l-entità prinċipali relevanti tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jiffurmaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta biddlet l-istatus ġuridiku tagħha fil-liġi Ġappuniża minn “Foundation” għal “General Incorporated Foundation”. Għalhekk, l-isem sħiħ tal-entità li għandu jingħatalha r-rikonoxximent huwa “Nippon Kaiji Kyokai General Incorporated Foundation (ClassNK)”.

(8)

Fil-każ tal-Lloyd's Register of Shipping (LR), l-organizzazzjoni rikonoxxuta oriġinarjament l-ewwel ngħatat l-isem ġdid ta' Lloyd's Register u mbagħad l-isem ta' Lloyd's Register Group Limited bir-riżultat li l-kumpanija, minn soċjetà inkorporata skont l-Att dwar is-Soċjetajiet Industrijali u Providenti tar-Renju Unit tal-1965, saret kumpanija inkorporata skont l-Att dwar il-Kumpaniji tar-Renju Unit tal-2006. Għalhekk, l-isem sħiħ tal-entità li għandu jingħatalha r-rikonoxximent huwa “Lloyd's Register Group LTD (LR)”.

(9)

Fil-każ tar-Registro Italiano Navale (RINA), l-attivitajiet kollha li jaqgħu taħt l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 391/2009 ġew ittrasferiti mir-Registro Italiano Navale għal RINA S.p.A., kumpanija 100 % sussidjarja ta' RINA. Imbagħad, dawk l-attivitajiet ġew ittrasferiti lil RINA Services S.p.A., li hija kumpanija 100 % sussidjarja ta' RINA S.p.A.. Għalhekk, “RINA Services S.p.A.” hija l-entità prinċipali relevanti tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jiffurmaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta u li għandu jingħatalha r-rikonoxximent.

(10)

Il-bidliet fl-identità tal-entitajiet prinċipali relevanti msemmija ma għandhomx impatt fuq il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet rispettivi li jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 391/2009.

(11)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-detentur tar-rikonoxximent li kien ingħata lill-Korean Register of Shipping (KR), għandu jkun “KR (Korean Register)”, li hija l-entità prinċipali tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jiffurmaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta għall-iskop tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

Artikolu 2

Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-detentur tar-rikonoxximent li kien ingħata lil-Lloyd's Register of Shipping (LR), għandu jkun “Lloyd's Register Group LTD (LR)”, li hija l-entità prinċipali tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jiffurmaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta għall-iskop tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

Artikolu 3

Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-detentur tar-rikonoxximent li kien ingħata lin-Nippon Kaiji Kyokai (NK), għandu jkun “Nippon Kaiji Kyokai General Incorporated Foundation (ClassNK)”, li hija l-entità prinċipali tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jiffurmaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta għall-iskop tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

Artikolu 4

Mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-detentur tar-rikonoxximent li kien ingħata lir-Registro Italiano Navale (RINA), għandu jkun “RINA Services S.p.A.”, li hija l-entità prinċipali tal-entitajiet ġuridiċi kollha li jiffurmaw l-organizzazzjoni rikonoxxuta għall-iskop tar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' April 2015.

Għall-Kummissjoni

Violeta BULC

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 11.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/421/KE tal-14 ta' Ġunju 2007 li tirrevoka d-Deċiżjoni 96/587/KE dwar il-pubblikazzjoni tal-lista tal-organizzazzjonijiet rikonoxxuti li ġew innotifikati mill-Istati Membri skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE (ĠU L 157, 19.6.2007, p. 18).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 94/57/KE tat-22 ta' Novembru 1994 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-ispezzjoni tal-bastimenti u l-organizzazzjonijiet tal-perizji u għall-attivitajiet relevanti tal-amministrazzjoniet marittimi (ĠU L 319, 12.12.1994, p. 20).

(4)  ĠU C 135, 19.6.2007, p. 4.

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 2099/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi Kumitat dwar l-Ibħra Protetti u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti (COSS) u li jemenda r-Regolamenti dwar is-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis minn bastimenti (ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1).


Top