EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D0384

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/384 tat- 2 ta' Marzu 2015 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

ĠU L 65, 10.3.2015, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/384/oj

Related international agreement

10.3.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 65/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/384

tat-2 ta' Marzu 2015

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal u tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 43 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a), it-tieni paragrafu u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

L-Unjoni u r-Repubblika tas-Senegal innegozjaw tehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) għal perjodu ta' ħames snin u jiġġedded b'mod taċitu, kif ukoll Protokoll ta' Implimentazzjoni (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”), li wkoll ikopri perjodu ta' ħames snin, biex tagħti opportunitajiet tas-sajd lill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet li jaqgħu fis-sovranità jew il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tas-Senegal f'dak li għandu x'jaqsam mas-sajd.

(2)

Dan il-Ftehim u dan il-Protokoll ġew iffirmati fl-20 ta' Novembru 2014 skont id-Deċiżjoni 2014/733/UE (1) u japplikaw fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tagħhom.

(3)

Il-Ftehim u l-Protokoll għandhom jiġu approvati.

(4)

Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt li jkun inkarigat mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim. Barra minn hekk, skont il-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista' japprova ċertu emendi tal-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta' dawn l-emendi, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tapprovahom permezz ta' proċedura ssimplifikata, b'ċertu kundizzjonijiet,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Senegal u l-Protokoll ta' Implimentazzjoni tiegħu b'dan huma approvati f'isem l-Unjoni (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaġixxi, f'isem l-Unjoni, skont in-notifiki previsti fl-Artikolu 16 tal-Ftehim u fl-Artikolu 13 tal-Protokoll rispettivament.

Artikolu 3

Soġġett għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tapprova, f'isem l-Unjoni, l-emendi għall-Protokoll fil-Kumitat Konġunt.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta' Marzu 2015.

Għall-Kunsill

Il-President

D. REIZNIECE-OZOLA


(1)  ĠU L 304, 23.10.2014, p. 1.

(2)  Il-Ftehim u l-Protokoll ġew ippubblikati fil-ĠU L 304, 23.10.2014, p. 3 flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffirmar tagħhom.


ANNESS

Ambitu tal-għoti tas-setgħa u l-proċedura għall-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt

1.

Il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tinnegozja mar-Repubblika tas-Senegal u, fejn adatt u sakemm tkun konformi mal-paragrafu 3 ta' dan l-Anness, tapprova l-emendi tal-Protokoll fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

reviżjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u stabbiliment ta' opportunitajiet tas-sajd ġodda f'konformità mal-Artikolu 7(3)(a) tal-Ftehim u l-Artikoli 6 u 7 tal-Protokoll;

(b)

deċiżjoni dwar il-modalitajiet tal-appoġġ settorjali f'konformità mal-Artikolu 7(3)(b) tal-Ftehim u l-Artikolu 4 tal-Protokoll;

(c)

kundizzjonijiet (li jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi u modalitajiet) għall-eżerċitar tas-sajd bil-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 7(3)(c) tal-Ftehim u mal-Anness tal-Protokoll.

2.

Fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim, l-Unjoni għandha:

(a)

taġixxi skont l-għanijiet li hija ssegwi fi ħdan il-qafas tal-politika komuni tas-sajd;

(b)

tikkonforma mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-politika komuni tas-sajd;

(c)

tippromwovi pożizzjonijiet li huma kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd.

3.

Meta jkun previst li tiġi adottata deċiżjoni dwar l-emendi tal-Protokoll imsemmija fil-punt 1 waqt laqgħa tal-Kumitat Konġunt, għandhom jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex il-pożizzjoni li tittieħed f'isem l-Unjoni tkun tqis id-dejta tal-istatistika, bijoloġika u dwar aspetti oħra l-iktar riċenti mibgħuta lill-Kummissjoni.

Għal dan il-għan u abbażi ta' din id-dejta, is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jibagħtu lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu, biżżejjed żmien qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt rilevanti, dokument li jispjega fid-dettall l-elementi speċifiċi tal-pożizzjoni proposta tal-Unjoni, għall-analiżi u l-approvazzjoni tiegħu.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-kwistjonijiet imsemmija fil-punt 1(a), il-Kunsill għandu japprova l-pożizzjoni prevista tal-Unjoni b'maġġoranza kkwalifikata tal-voti. Fil-każijiet l-oħra, il-pożizzjoni prevista tal-Unjoni mogħtija fid-dokument ta' tħejjija għandha titqies li tkun ġiet approvata sakemm għadd ta' Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka ma joġġezzjonax għaliha waqt laqgħa tal-korp preparatorju tal-Kunsill jew fi żmien għoxrin jum minn meta jasal id-dokument ta' tħejjija, skont liema minnhom jiġi l-ewwel. F'każ li jkun hemm xi oġġezzjoni, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill.

Jekk, matul laqgħat ulterjuri, inkluż dawk fuq il-post, ma jkunx jista' jintlaħaq qbil sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tqis l-elementi l-ġodda, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Kunsill jew lill-korpi preparatorji tiegħu.

4.

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, meta jkun xieraq, biex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn ikun xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni ta' kwalunkwe proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni.


Top