This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D0260
Council Decision (CFSP) 2015/260 of 17 February 2015 extending the mandate of the European Union Special Representative for Human Rights
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/260 tas- 17 ta' Frar 2015 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/260 tas- 17 ta' Frar 2015 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem
ĠU L 43, 18.2.2015, p. 29–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 15/02/2016
18.2.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 43/29 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/260
tas-17 ta' Frar 2015
li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fil-25 ta' Ġunju 2012, il-Kunsill adotta il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija. |
(2) |
Fil-25 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/440/PESK (1) li taħtar lis-Sur Stavros LAMBRINIDIS bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-mandat tar-RSUE ġie estiż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/385/PESK (2) u ser jiskadi fit-28 ta' Frar 2015. |
(3) |
Il-mandat tar-RSUE għandu jiġi estiż għal perijodu ieħor ta' 24 xahar, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
Il-mandat tas-Sur Stavros LAMBRINIDIS bħala r-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem huwa estiż sat-28 ta' Frar 2017. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm qabel, abbażi ta' valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ).
Artikolu 2
Objettivi ta' politika
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta' politika tal-Unjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem kif stipulat fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija:
(a) |
tisħiħ tal-effikaċja, il-preżenza u l-viżibbiltà tal-Unjoni fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja, b'mod partikolari b'żieda fil-kooperazzjoni u d-djalogu politiku tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi, is-sħab rilevanti, in-negozju, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali; u permezz ta' azzjoni f'fora internazzjonali rilevanti; |
(b) |
tisħiħ tal-kontribut tal-Unjoni għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-bini ta' istituzzjonijiet, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, ir-rispett għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-libertajiet fundamentali madwar id-dinja; |
(c) |
titjib fil-koerenza tal-azzjoni tal-Unjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha tal-azzjoni esterna tal-Unjoni. |
Artikolu 3
Mandat
Sabiex jinkisbu l-objettivi ta' politika, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
(a) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, anke bil-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward; |
(b) |
jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Unjoni, l-għodod u l-pjanijiet ta' azzjoni għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali; |
(c) |
isaħħaħ id-djalogu mal-gvernijiet f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll ma' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u atturi oħrajn rilevanti sabiex ikunu żgurati l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem; |
(d) |
jikkontribwixxi għal aktar koerenza u konsistenza tal-politika u l-azzjonijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari billi jikkontribwixxi għall-formulazzjoni ta' politiki rilevanti tal-Unjoni. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat waqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt ta' kuntatt primarju tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni sħiħa mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti kompetenti tiegħu sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza fil-ħidma rispettiva tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE fil-perijodu mill-1 ta' Marzu 2015 sad-29 ta' Frar 2016 għandu jkun ta' EUR 788 000.
2. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-perijodu sussegwenti għar-RSUE għandu jiġi deċiż mill-Kunsill.
3. In-nefqa għandha tiġi ġestita f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
4. Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Formazzjoni u kompożizzjoni tal-grupp
1. Fil-limiti tal-mandat u l-mezzi finanzjarji korrispondenti li jsiru disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-formazzjoni tal-grupp. Il-grupp għandu jinkludi l-għarfien espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika kif jirrikjedi l-mandat. Ir-RSUE għandu regolarment u minnufih jinforma lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-kompożizzjoni tal-grupp.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu s-sekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal sekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, l-istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea konċernata jew is-SEAE, rispettivament. Esperti ssekondati mill-Istati Membri għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru mittenti, l-istituzzjoni tal-Unjoni jew is-SEAE, u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
4. Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kkolokat fid-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni sabiex tiġi żgurata l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.
Artikolu 7
Sigurtà ta' informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tal-iskwadra tiegħu għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta' sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (3).
Artikolu 8
Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni u r-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku lir-RSUE.
Artikolu 9
Sigurtà
F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta' persunal skjerat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva taħt it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f'konformità mal-mandat u abbażi tas-sitwazzjoni ta' sigurtà fil-pajjiż rilevanti, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:
(a) |
jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku għall-missjoni bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi għall-missjoni, li jirregola l-ġestjoni taċ-ċaqliq mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona tal-missjoni, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u pjan ta' kontinġenza u evakwazzjoni tal-missjoni; |
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu skjerat barra mill-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli kif meħtieġ mill-kondizzjonijiet fiż-żona ġeografika; |
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tal-iskwadra tar-RSUE li jkunu ser jiġu skjerati barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu fiż-żona ġeografika jew kif jaslu, abbażi tal-klassifikazzjonijiet tar-riskju assenjati lil dik iż-żona; |
(d) |
jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet kollha maqbula magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta' sigurtà, u jipprovdi rapporti bil-miktub lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapporti ta' implimentazzjoni dwar il-progress u l-mandat. |
Artikolu 10
Rapportar
Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi rapporti lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, b'mod partikolari lill-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, skont il-ħtieġa. Għandhom jiġu ċirkolati rapporti regolari permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.
Artikolu 11
Koordinazzjoni
1. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati b'mod konsistenti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika tal-Unjoni. Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mal-Istati Membri u mal-Kummissjoni, kif ukoll ma' Rappreżentanti Speċjali oħra tal-Unjoni Ewropea, skont il-każ. Ir-RSUE għandu jipprovdi informazzjoni regolari lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni.
2. Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni, il-Kapijiet ta' Missjoni tal-Istati Membri, kif ukoll ma' Kapijiet jew Kmandanti tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni u Rappreżentanti Speċjali oħra tal-Unjoni Ewropea kif adatt, li għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi sabiex jassistu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat.
3. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kollegament u jfittex komplementarjetà u sinerġiji ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fil-livell ta' Kwartieri Ġenerali u fuq il-post. Ir-RSUE għandu jfittex kuntatti regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kemm fil-Kwartieri Ġenerali kif ukoll fuq il-post.
Artikolu 12
Analiżi
L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħra mill-Unjoni għar-reġjun għandhom jiġu rieżaminati regolarment. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni b'rapporti regolari dwar il-progress u rapport komprensiv dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sal-aħħar ta' Novembru 2016.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta' Marzu 2015.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Frar 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
J. REIRS
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/440/PESK tal-25 ta' Lulju 2012 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ĠU L 200, 27.7.2012, p. 21).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/385/PESK tat-23 ta' Ġunju 2014 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (ĠU L 183, 24.6.2014, p. 66).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).