This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015D0215
Council Implementing Decision (EU) 2015/215 of 10 February 2015 on the putting into effect of the provisions of the Schengen acquis on data protection and on the provisional putting into effect of parts of the provisions of the Schengen acquis on the Schengen Information System for the United Kingdom of Great Britain and Northern Ireland
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/215 tal- 10 ta' Frar 2015 dwar id-dħul b'effett tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen dwar il-protezzjoni tad-data u dwar id-dħul b'effett proviżorju ta' partijiet mid-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq
Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/215 tal- 10 ta' Frar 2015 dwar id-dħul b'effett tad-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen dwar il-protezzjoni tad-data u dwar id-dħul b'effett proviżorju ta' partijiet mid-dispożizzjonijiet tal- acquis ta' Schengen dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq
ĠU L 36, 12.2.2015, p. 8–10
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
12.2.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 36/8 |
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/215
tal-10 ta' Frar 2015
dwar id-dħul b'effett tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen dwar il-protezzjoni tad-data u dwar id-dħul b'effett proviżorju ta' partijiet mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) u 6(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, il-Kunsill awtorizza lir-Renju Unit biex jipparteċipa f'partijiet tal-acquis ta' Schengen. |
(2) |
Wara n-notifiki tar-Renju Unit dwar ix-xewqa tiegħu li jagħmel użu tal-possibbiltajiet f'konformità mal-Artikolu 10(4) u (5) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) id-Deċiżjoni 2000/365/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/857/UE (2). |
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea (“il-Protokoll ta' Schengen”), anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Deċiżjoni 2000/365/KE tispeċifika, fl-Artikolu 6(3) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1), li d-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii), kif ukoll dispożizzjonijiet oħra rilevanti dwar is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) adottati mill-1 ta' Diċembru 2009, iżda li għadhom ma daħlux b'effett, għandhom jiddaħħlu b'effett, bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri u Stati oħrajn li għalihom dawn id-dispożizzjonijiet jkunu diġà daħlu b'effett, meta l-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni ta' dawk id-dispożizzjonijiet ikunu ġew issodisfati, b'deċiżjoni ta' implimentazzjoni meħuda mill-Kunsill, li jaġixxi b'unanimità tal-membri tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 1 tal-Protokoll ta' Schengen u tar-rappreżentant tal-Gvern tar-Renju Unit. |
(4) |
F'Novembru 2012, ir-Renju Unit esprima l-intenzjoni tiegħu li jibda l-implimentazzjoni tal-partijiet li ġejjin tal-acquis ta' Schengen: is-SIS u r-regoli relatati dwar il-protezzjoni taddata. |
(5) |
F'Lulju 2013, intbagħat kwestjonarju lir-Renju Unit, li t-tweġibiet tiegħu ġew reġistrati u sussegwentement saret żjara ta' verifika u evalwazzjoni fir-Renju Unit skont il-proċeduri applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. |
(6) |
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, it-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjara li saret f'Ottubru 2013 urew li r-rekwiżiti li għandhom x'jaqsmu mal-leġislazzjoni, il-livelli tal-manodopera, l-infrastruttura u r-riżorsi materjali li ġew issodisfati. |
(7) |
Għalhekk, il-Kunsill kien f'pożizzjoni li jikkonkludi fit-3 ta' Marzu 2014 li l-prekondizzjonijiet għall-implimentazzjoni mir-Renju Unit tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen kif imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, safejn jirrigwardaw il-protezzjoni tad-data, ġew milħuqa, biex b'hekk dawk id-dispożizzjonijiet u l-iżviluppi sussegwenti tagħhom jidħlu b'effett għar-Renju Unit. |
(8) |
Ir-Renju Unit indika li hu kien lest biex b'mod proviżorju jdaħħal b'effett il-partijiet tal-acquis ta' Schengen imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, safejn jikkonċernaw il-funzjonament tas-SIS, mit-13 ta' Frar 2015. |
(9) |
Fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul b'effett proviżorju ta' dawk il-partijiet tal-acquis ta' Schengen, għandhom isiru żjarat ta' evalwazzjoni fir-Renju Unit biex jiġi evalwat is-SIS tiffunzjonax sew u u jekk id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI (3) hijiex qed tiġi applikata tajjeb. |
(10) |
F'konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 (4),id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 (5) (“Deċiżjoni tas-16 ta' Settembru 1998”) tibqa' tapplika sal-1 ta' Jannar 2016 fir-rigward tal-proċeduri ta' evalwazzjoni tar-Renju Unit għall-fini ta' dik l-evalwazzjoni. |
(11) |
Fid-dawl tal-eżitu ta' dik l-evalwazzjoni, id-dħul b'effett finali tal-partijiet rilevanti tas-(SIS) għar-Renju Unit għandu jkun soġġett għal deċiżjoni ulterjuri ta' implimentazzjoni tal-Kunsill adottata skont l-Artikolu 6(1) u (3) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta' Schengen. |
(12) |
Din id-Deċiżjoni għandha għalhekk iddaħħal b'effett b'mod proviżorju l-partijiet tal-acquis ta' Schengen imsemmi fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, safejn għandhom x'jaqsmu mal-funzjonament tas-SIS. Ladarba l-evalwazzjonijiet ta' hawn fuq ikunu ġew ikkompletati b'suċċess il-Kunsill għandu, sal-31 ta' Ottubru 2015, jeżamina s-sitwazzjoni bil-ħsieb li jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tiffissa d-data tad-dħul b'effett finali. |
(13) |
Skont l-Artikolu 2 tal-Ftehim bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-istabbiliment ta' drittijiet u obbligi bejn l-Irlanda u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, min-naħa l-oħra, fl-oqsma tal-acquis ta' Schengen li japplikaw għal dawn l-Istati (6), il-Kumitat Imħallat, stabbilit skont l-Artikolu 3 tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7), ġie kkonsultat skont l-Artikolu 4 tiegħu fir-rigward tat-tħejjija ta' din id-Deċiżjoni. |
(14) |
Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (8) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (9) moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (10). |
(15) |
Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis (11) ta' Schengen, li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (12), |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, safejn jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data, għandhom jiddaħħlu b'effett u japplikaw għar-Renju Unit fir-relazzjonijiet tiegħu mar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja mit-13 ta' Frar 2015.
2. Id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, safejn jikkonċernaw il-funzjonament tas-SIS, għandhom jidħlu b'effett u japplikaw għar-Renju Unit fir-relazzjonijiet tiegħu mar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, l-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja, fuq bażi proviżorja u soġġetti għall-kondizzjonijiet speċifikati f'dan l-Artikolu, mit-13 ta' Frar 2015..
3. Mill-1 ta' Marzu 2015 it-twissijiet bis-SIS kif definiti fil-Kapitoli V (twissijiet fir-rigward ta' persuni mfittxija għal arrest għal finijiet ta' konsenja jew ta' estradizzjoni), VI (twissijiet dwar persuni nieqsa), VII (twissijiet dwar persuni mfittxija sabiex ikunu jistgħu jassistu fi proċedura ġudizzjarja), VIII (twissijiet dwar persuni u oġġetti għal kontrolli diskreti jew kontrolli speċifiċi) u IX (twissijiet dwar oġġetti għall-qbid jew għall-użu bħala evidenza fi proċeduri kriminali) tad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI, kif ukoll informazzjoni supplimentari u data addizzjonali, fis-sens tal- Artikolu 3(1)(b) u (c) tagħha, marbuta ma' dawk it-twissijiet, jistgħu jkunu disponibbli għar-Renju Unit f'konformità ma' dik id-Deċiżjoni.
4. Mit-13 ta' April 2015 ir-Renju Unit għandu jdaħħal data fis-SIS u juża id-data tas-SIS imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, f'konformità mad-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI.
Artikolu 2
1. Fi żmien sitt xhur mid-data tat-tqegħid proviżorju fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, sakemm ikunu relatati mal-funzjonament tas-SIS, iż-żjarat ta' evalwazzjoni għandhom isiru fir-Renju Unit f'konformità mal-proċeduri rilevanti previsti fid-Deċiżjoni tas-16 ta' Settembru 1998, sabiex jiġi vverifikat jekk is-SIS tiffunzjonax sew u jekk id-Deċiżjoni 2007/533/ĠAI hijiex tiġi applikata tajjeb.
2. F'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni tas-16 ta' Settembru 1998, ir-rapport ta' dawk iż-żjarat ta' evalwazzjoni għandhom jiġu ppreżentati lill-Kunsill.
3. Ladarba dawk l-evalwazzjonijiet ikunu ġew ikkompletati b'suċċess, il-Kunsill għandu, sal-31 ta' Ottubru 2015, f'konformità mal-Artikolu 6(1) u (3) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE moqri flimkien mal-Artikolu 4 tal-Protokoll ta' Schengen, jeżamina s-sitwazzjoni bil-ħsieb li jadotta deċiżjoni ta' implimentazzjoni li tiffissa d-data tad-dħul b'effett finali mir-Renju Unit tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1(a)(ii) tad-Deċiżjoni 2000/365/KE, safejn għandhom x'jaqsmu mal-funzjonament tas-SIS.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Frar 2015.
Għall-Kunsill
Il-President
E. RINKĒVIČS
(1) ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/857/UE tal-1 ta' Diċembru 2014, dwar in-notifika tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq rigward ix-xewqa tiegħu li jieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li jinsabu fl-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u li temenda d-Deċiżjonijiet 2000/365/KE u 2004/926/KE (ĠU L 345, 1.12.2014, p. 1).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta' Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).
(4) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1053/2013 tas-7 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' evalwazzjoni u monitoraġġ biex jivverifika l-applikazzjoni tal-acquis ta' Schengen u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 li stabbilixxiet Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen (ĠU L 295, 6.11.2013, p. 27).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Eżekuttiv tas-16 ta' Settembru 1998 għall-istabbiliment ta' Kumitat Permanenti għall-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni ta' Schengen (SCH/Com-ex (98) 26 def.) (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 138.
(7) ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.
(8) ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(10) Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal- Acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(11) ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.
(12) Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).