EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R1384

Regolament (UE) Nru 1384/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 18 ta' Diċembru 2014 dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina fl-Ekwador

ĠU L 372, 30.12.2014, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2016

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1384/oj

30.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 372/5


REGOLAMENT (UE) Nru 1384/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta' Diċembru 2014

dwar it-trattament tariffarju għal merkanzija li toriġina fl-Ekwador

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta’ att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva (1),

Billi:

(1)

L-Artikolu 329 tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra (2) (‘il-Ftehim’) iffirmat fis-26 ta’ Ġunju 2012, jipprevedi l-possibbiltà ta' adeżjoni mal-Ftehim ta’ Pajjiżi Oħra Membri tal-Komunità Andina.

(2)

Wara t-talba mill-Ekwador sabiex jerġgħu jibdew negozjati mal-Unjoni biex isir Parti għall-Ftehim, in-negozjati seħħew bejn l-Unjoni u l-Ekwador fl-2014. Bħala riżultat ta’ dawk in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ta’ Adeżjoni mill-Ekwador għall-Ftehim (‘il-Protokoll ta’ Adeżjoni’) fit-12 ta' Diċembru 2014.

(3)

Wara l-inizjalar tal-Protokoll ta’ Adeżjoni, jinħtieġ arranġament reċiproku interim għat-twaqqif ta’ żona ta’ kummerċ ħieles mal-Ekwador sabiex jiġi evitat tfixkil żejjed fil-kummerċ. Għalhekk, mill-1 ta’ Jannar 2015, id-dazji doganali applikati fid-data tal-inizjalar tal-Protokoll tal-Adeżjoni m'għandhomx jiżdiedu u lanqas m'għandhom jiġu applikati dazji doganali ġodda għall-merkanzija li toriġina fl-Ekwador.

(4)

Għalhekk dan ir-Regolament jipprevedi ż-żamma tal-livell tar-rati tad-dazju applikabbli għall-merkanzija li toriġina fit-12 ta' Diċembru 2014 mill-1 ta’ Jannar 2015.

(5)

It-trattament tariffarju previst skont dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal miżuri meħuda skont ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 (3), (KE) Nru 597/2009 (4) jew (KE) Nru 1225/2009 (5).

(6)

Bħala kundizzjoni għall-applikazzjoni tat-trattament tariffarju previst skont dan ir-Regolament, l-Ekwador għandu jastjeni milli jintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjonijiet mill-Unjoni, jew milli jżid livelli eżistenti ta' dazji jew imposti jew milli jintroduċi xi restrizzjoni oħra mit-12 ta' Diċembru 2014.

(7)

Biex jiġi żgurat li l-Ekwador isostni l-impenn tiegħu lejn il-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, protezzjoni ambjentali u governanza tajba, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandha tkun suġġetta għal implimentazzjoni kontinwa u effettiva ta’ dawk il-konvenzjonijiet mill-Ekwador.

(8)

Sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ frodi, l-intitolament għal benefiċċju mit-trattament tariffarju previst skont dan ir-Regolament għandu jkun jiddependi fuq il-konformità mill-Ekwador mar-regoli relevanti tal-oriġini tal-merkanzija u l-proċeduri relatati magħha.

(9)

Huwa neċessarju li tiġi prevista l-applikazzjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fir-rigward ta' kwalunkwe merkanzija li toriġina fl-Ekwador li tikkawża, jew li thedded li tikkawża, diffikultajiet serji għal produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jkunu f'kompetizzjoni diretta, soġġett għal investigazzjoni mill-Kummissjoni.

(10)

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament, is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jingħataw lill-Kummissjoni biex tissospendi temporanjament, kompletament jew parzjalment, it-trattament tariffarju previst fih. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(11)

Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat sa sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ jew id-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll ta’ Adeżjoni, u sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2016,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament:

(a)

“trattament tariffarju” tfisser id-dazji doganali u t-trattament applikat għall- merkanzija li toriġina fl-Ekwador kif previst fl-Artikolu 2;

(b)

“dazji tat-Tariffa Doganali Komuni” tfisser id-dazji speċifikati fil-Parti II tal-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (7), ħlief dawk id-dazji stabbiliti bħala parti minn kwoti tariffarji;

(c)

“merkanzija li toriġina fl-Ekwador” tfisser prodott(i) li jikkonforma(w) mar-rekwiżiti tal-oriġini skont it-Titolu II, Kapitolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (8) u, skont it-trattament tariffarju mitlub f'konformità mal-Artikolu 2 ta' dan ir-Regolament, Titolu IV, Kapitolu 1 jew Titolu IV, Kapitolu 2, Taqsima 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (9).

Artikolu 2

Trattament tariffarju

1.   Dazji doganali applikati għal merkanzija li toriġina fl-Ekwador fit-12 ta' Diċembru 2014 ma għandhomx jiżdiedu u l-ebda dazji doganali ġodda introdotti wara dik id-data ma għandhom jiġu applikati għal dik il-merkanzija.

2.   It-trattament tariffarju previst fil-paragrafu 1 għandu jiġi applikat mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura meħuda skont ir-Regolamenti (KE) Nru 260/2009, (KE) Nru 597/2009 jew (KE) Nru 1225/2009.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għad-dritt għal trattament tariffarju

L-intitolament għall-benefiċċju mit-trattament tariffarju stipulat fl-Artikolu 2 ikun soġġett għal:

(a)

konformità mill-Ekwador mar-regoli tal-oriġini msemmija fl-Artikolu 1(c) u l-proċeduri relatati magħhom, inkluż, kif xieraq, id-dispożizzjonijiet dwar kooperazzjoni amministrattiva effikaċi applikabbli fit-12 ta' Diċembru 2014;

(b)

astensjoni mill-Ekwador milli jintroduċi dazji ġodda jew imposti li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għall-importazzjonijiet mill-Unjoni, jew milli jżid livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli jintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra mit-12 ta' Diċembru 2014;

(c)

żamma ta' ratifika u żgurar ta' implimentazzjoni effettiva min-naħa tal-Ekwador tal-pattijiet, il-konvenzjonijiet u l-protokolli elenkati fl-Anness, u l-aċċettazzjoni mingħajr riżerva tar-rekwiżiti ta’ rappurtar, il-monitoraġġ u r-rieżami regolari tar-rekord ta’ implimentazzjoni tal-Ekwador skont id-dispożizzjonijiet tal-pattijiet, il-konvenzjonijiet u l-protokolli li rratifika;

(d)

kooperazzjoni mill-Ekwador mal-Kummissjoni u l-forniment tal-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikun evalwat il-konformità tal-Ekwador mar-rekwiżiti fil-punt (c);

(e)

sforzi kontinwi mill-Ekwador sabiex jiffirma u jirratifika l-Protokoll ta’ Adeżjoni.

Artikolu 4

Sospensjoni temporanja

Meta l-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni tista' tadotta atti ta' implimentazzjoni sabiex tissospendi t-trattament tariffarju temporanjament, fir-rigward ta' ċerta merkanzija jew tal-merkanzija kollha li toriġina fl-Ekwador. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 6(2).

Artikolu 5

Klawsola ta’ salvagwardja

Meta merkanzija li toriġina fl-Ekwador hija importata f’volumi u/jew bi prezzijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji lil produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jikkompetu direttament magħhom, il-Kummissjoni tista' tintroduċi mill-ġdid id-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni għal dik il-merkanzija skont ir-regoli proċedurali stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), mutatis mutandis.

Artikolu 6

Proċedura ta' kumitat

1.   Għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit permezz tal-Artikolu 248a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ, applikazzjoni u skadenza

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2015.

Dan ir-Regolament għandu jiskadi sitt xhur wara li l-Protokoll ta’ Adeżjoni jidħol fis-seħħ jew jiġi applikat provviżorjament, jew fil-31 ta’ Diċembru 2016, skont liema data minn dawn isseħħ l-ewwel. Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’każ li dan ir-Regolament jieqaf japplika qabel il-31 ta' Diċembru 2016.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Diċembru 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

S. GOZI


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2014 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2014.

(2)  ĠU L 354, 21.12.2012, p. 3.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 tas-26 ta' Frar 2009 għar-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal-11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 188, 18.7.2009, p. 93).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).

(9)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 19/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2013 li jimplimenta l-klawsola ta' salvagwardja bilaterali u l-mekkaniżmu ta' stabbilizzazzjoni għall-banana tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Kolombja u l-Perù fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 17, 19.1.2013, p. 1).


ANNESS

PATTIJIET, KONVENZJONIJIET U PROTOKOLLI LI HEMM REFERENZA GĦALIHOM FL-ARTIKOLU 3(C)

KONVENZJONIJIET ESSENZJALI TA’ NU/ILO DWAR ID-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM U TAX-XOGĦOL

1.

Il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta’ Ġenoċidju (1948)

2.

Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Razzjali (1965)

3.

Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (1966)

4.

Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (1966)

5.

Il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa (1979)

6.

Il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra (1984)

7.

Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1989)

8.

Il-Konvenzjoni dwar Xogħol Furzat u Obbligatorju, Nru 29 (1930)

9.

Il-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta’ Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni, Nru 87 (1948)

10.

Il-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta’ Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, Nru 98 (1949)

11.

Il-Konvenzjoni dwar Rimunerazzjoni Ugwali għal Ħaddiema Rġiel u Nisa għal Xogħol ta’ Valur Ugwali, Nru 100 (1951)

12.

Il-Konvenzjoni dwar l-Abolizzjoni tax-Xogħol Furzat, Nru 105 (1957)

13.

Il-Konvenzjoni dwar id-Diskriminazzjoni fir-Rigward ta’ Impjiegi u Xogħol, Nru 111 (1958)

14.

Il-Konvenzjoni dwar l-Età Minima għal Dħul f’Impjieg, Nru 138 (1973)

15.

Il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni u Azzjoni Immedjata għall-Eliminazzjoni tal-Agħar Forom ta’ Xogħol minn Minorenni, Nru 182 (1999)

KONVENZJONIJIET B’RABTA MAL-PRINĊIPJI DWAR L-AMBJENT U L-GOVERNANZA

16.

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (1973)

17.

Il-Protokoll ta’ Montreal dwar Sustanzi li Jnaqqsu s-Saff tal-Ożonu (1987)

18.

Il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll tal-Moviment Barra l-Konfini ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu (1989)

19.

Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (1992)

20.

Il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (1992)

21.

Il-Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosikurezza (2000)

22.

Il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (2001)

23.

Il-Protokoll ta’ Kjoto għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (1998)

24.

Il-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drogi Narkortiċi (1961)

25.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Sustanzi Psikotropiċi (1971)

26.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fid-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi (1988)

27.

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (2004)


Top