EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0848

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 848/2014 tal- 4 ta' Awwissu 2014 dwar l-awtorizzazzjoni tal-L-valina prodotta mill- Corynebacterium glutamicum bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 403/2009 rigward it-tikkettar tal-addittiv tal-għalf L-valina Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 232, 5.8.2014, p. 13–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 30/07/2015

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/848/oj

5.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 232/13


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 848/2014

tal-4 ta' Awwissu 2014

dwar l-awtorizzazzjoni tal-L-valina prodotta mill-Corynebacterium glutamicum bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċi kollha tal-annimali u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 403/2009 rigward it-tikkettar tal-addittiv tal-għalf L-valina

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 13(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-awtorizzazzjoni ta' addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali u r-raġunijiet u l-proċeduri għall-għoti u għall-emenda ta' din l-awtorizzazzjoni.

(2)

B'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-L-valina. Flimkien ma' dik l-applikazzjoni ntbagħtu d-dettalji u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(3)

L-applikazzjoni tikkonċerna l-awtorizzazzjoni tal-L-valina prodotta minn Corynebacterium glutamicum (KCCM 80058) bħala addittiv tal-għalf għall-ispeċijiet kollha tal-annimali, biex tiġi kklassifikata fil-kategorija tal-addittivi “addittivi nutrittivi”.

(4)

L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) fl-opinjoni tagħha tat-8 ta' Ottubru 2013 (2) ikkonkludiet li, skont il-kundizzjonijiet proposti tal-użu, l-L-valina prodotta mill-Corynebacterium glutamicum (KCCM 80058) ma għandhiex effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent u li titqies bħala sors effikaċi tal-aċidu amminiku L-valina essenzjali għall-għalf tal-annimali. L-Awtorità ma tqisx li hemm bżonn ta' rekwiżiti speċifiċi għall-monitoraġġ ta' wara l-kummerċjalizzazzjoni. L-Awtorità vverifikat ukoll ir-rapport dwar il-metodu tal-analiżi tal-addittivi tal-għalf fl-għalf li ġie ppreżentat mil-Laboratorju ta' Referenza mwaqqaf bir-Regolament (KE) Nru 1831/2003.

(5)

Il-valutazzjoni ta' dik is-sustanza turi li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni, kif previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003, huma ssodisfati. Għaldaqstant, l-użu ta' dik is-sustanza għandu jiġi awtorizzat kif speċifikat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(6)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 403/2009 (3) awtorizza l-L-valina prodotta mill-Escherichia coli. Sabiex tiġi żgurata d-differenzazzjoni tal-addittivi fl-għalf finali, in-numru tal-identifikazzjoni tagħhom għandu jkun ittikkettat fuq il-materjali tal-għalf u l-għalf kompost flimkien ma' isimhom u l-ammont miżjud.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 403/2009 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan. Billi l-modifiki tal-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni mhumiex relatati ma' raġunijiet ta' sikurezza, huwa xieraq li jiġi previst perjodu ta' tranżizzjoni li matulu jistgħu jintużaw l-istokkijiet kollha eżistenti.

(8)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Awtorizzazzjoni

Is-sustanza speċifikata fl-Anness, li tifforma parti mill-kategorija ta' addittivi “addittivi nutrittivi” u mill-grupp funzjonali “aċidi amminiċi, l-imluħ u l-analogi tagħhom”, hija awtorizzata bħala addittiv fl-għalf tal-annimali suġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

Artikolu 2

Emenda tar-Regolament (KE) Nru 403/2009

Fid-disa' kolonna tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 403/2009, qed jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Meta dikjarazzjoni volontarja tal-addittiv issir fuq it-tikkettar tal-materjali tal-għalf u l-għalf kompost, għandu jiġi inkluż dan li ġej:

l-isem u n-numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv,

l-ammont miżjud tal-addittiv.”

Artikolu 3

Miżuri ta' tranżizzjoni

Il-materjali tal-għalf u l-għalf kompost, kif imsemmija fl-Artikolu 2, li jiġu prodotti u ttikkettati qabel il-25 ta' Frar 2015 skont ir-regoli applikabbli qabel il-25 ta' Awwissu 2014 jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jiġu eżawriti l-istokkijiet eżistenti. Fir-rigward tal-għalf maħsub għall-annimali domestiċi, il-perjodu taż-żmien għall-produzzjoni u t-tikkettar imsemmi fl-ewwel sentenza għandu jintemm fil-25 ta' Awwissu 2016.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Awwissu 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  The EFSA Journal 2013; 11(10):3429.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 403/2009 tal-14 ta' Mejju 2009 dwar l-awtorizzazzjoni ta' preparazzjoni tal-L-valina bħala addittiv fl-għalf (ĠU L 120, 15.5.2009, p. 3).


ANNESS

Numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv

Isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni

Addittiv

Kompożizzjoni, formula kimika, deskrizzjoni, metodu analitiku.

Speċi jew kategorija tal-annimal

Età massima

Kontenut minimu

Kontenut massimu

Dispożizzjonijiet oħra

Tmiem il-perjodu ta' awtorizzazzjoni

mg/kg tal-għalf komplet b'kontenut ta' umdità ta' 12 %

Kategorija tal-addittivi nutrittivi. Grupp funzjonali: aċidi amminiċi, l-imluħ u l-analogi tagħhom.

3c370

L-valina

Kompożizzjoni tal-addittiv:

L-valina b'minimu ta' 98 % (abbażi ta' materja niexfa)

Karatterizzazzjoni tas-sustanza attiva:

L-valina ((2S)-2-ammino-3-aċidu metilbutanojku) prodotta mill-Corynebacterium glutamicum (KCCM 80058)

Formula kimika: C5H11NO2

Numru CAS: 72-18-4

Metodu analitiku:  (1)

Sabiex tiġi ddeterminata l-L-valina fl-addittiv tal-għalf: Il-Codex tal-Kimiċi tal-Ikel “Monografija tal-L-valina”.

Sabiex tiġi ddeterminata l-valina fit-taħlitiet lesti minn qabel, l-għalf kompost u l-materjali tal-għalf: kromatografija bi skambju ta' joni flimkien ma' derivatizzazzjoni postkolonna u detezzjoni spettrofotometrika (HPLC/VIS) — ir- Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 152/2009 (ĠU L 54, 26.2.2009, p. 1).

L-ispeċijiet kollha

 

 

1.

Dikjarazzjonijiet li jridu jsiru fuq it-tikkettar tal-addittiv:

kontenut ta' umdità.

2.

Meta d-dikjarazzjoni volontarja tal-addittiv issir fuq it-tikkettar tal-materjali tal-għalf u l-għalf kompost, għandu jiġi inkluż dan li ġej:

l-isem u n-numru ta' identifikazzjoni tal-addittiv,

ammont miżjud tal-addittiv.

Il-25 ta' Awwissu 2024


(1)  Id-dettalji dwar il-metodi analitiċi jinsabu fl-indirizz tal-Laboratorju ta' Referenza li ġej: https://ec.europa.eu/jrc/en/eurl/feed-additives/evaluation-reports


Top