Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0509

Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67–70 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 17/12/2018; Imħassar b' 32018R1806

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/509/oj

20.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/67


REGOLAMENT (UE) Nru 509/2014 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Mejju 2014

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Huma u jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Mill-2001, l-għażla tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal, jew eżentati mill-ħtieġa ta’ viża, saret abbażi tal-kriterji stipulati fil-premessa 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2). In-natura dejjem tevolvi tal-politika tal-Unjoni dwar il-viża u l-ħtieġa dejjem akbar biex tkun żgurata koerenza akbar bejn il-politika dwar il-viża u politiki oħrajn tal-Unjoni jiġġustifikaw il-kunsiderazzjoni ta’ kriterji addizzjonali fir-rieżami tal-listi tal-pajjiżi terzi fl-Annessi I u II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

(2)

L-għażla tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal, jew eżentati mill-ħtieġa ta’ viża, għandha tkun imsejsa fuq valutazzjoni meqjusa skont il-każ. Din il-valutazzjoni għandha ssir perjodikament u tista’ twassal għal proposti leġislattivi għall-emendament tal-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001, minkejja l-possibilità li jsiru emendi speċifiċi għall-pajjiż lil dawk l-annessi f’ċirkostanzi partikolari, pereżempju bħala riżultat ta’ proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża jew bħala konsegwenza aħħarija tas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni tal-viża.

(3)

Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 għandu jkun, u għandu jibqa’, konsistenti mal-kriterji stipulatifir-Regolament. Ir-referenzi għal pajjiżi terzi li fir-rigward tagħhom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta’ dawk il-kriterji, għandhom ikunu trasferiti minn Anness għall-ieħor.

(4)

L-impożizzjoni tal-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Dominika, Grenada, Kiribati, Gżejjer Marshall, Mikroneżja, Nauru, Palau, Santa Luċija, San Vinċenz u l-Grenadini, Samoa, Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u Vanuatu mhijiex iktar ġustifikata. Dawn il-pajjiżi ma jippreżentaw l-ebda riskju għall-immigazzjoni irregolari jew theddida għall-politika u sigurtà pubblika tal-Unjoni skont il-kriterji stipulati f’dan ir-Regolament. B’konsegwenza, ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni ta’ mhux iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, u r-referenzi għal dawk il-pajjiżi għandhom jiġu trasferiti għall-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001.

(5)

Il-Kummissjoni għandha tevalwa aktar is-sitwazzjoni tal-Kolombja u l-Perù fir-rigward tal-kriterji stipulati f’dan ir-Regolament qabel il-ftuħ tan-negozjati dwar ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi.

(6)

Eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għal ċittadini tal-Kolombja, ta’ Dominika, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, il-Perù, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vanwatu m’għandhiex tidħol fis-seħħ sakemm jiġu konklużi u jidħlu fis-seħħ ftehimiet bilaterali fuq l-eżenzjoni tal-viża bejn l-Unjoni u l-pajjiżi kkonċernati sabiex tiġi żgurata reċiproċità sħiħa.

(7)

Dejta statistika turi li l-gruppi ta’ ċittadini Brittaniċi attwalment elenkati fil-Parti 3 tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 mhumiex ta’ riskju f’termini ta’ immigrazzjoni irregolari għaż-Żona Schengen u li l-biċċa l-kbira minnhom jgħixu fi gżejjer tar-reġjun tal-Karibew li għandhom rabtiet b’saħħithom u similaritajiet ma’ pajjiżi ġirien li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-ħtieġa tal-viża. Dawk il-gruppi ta’ ċittadini Brittaniċi għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni ta’ mhux iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u referenzi għal dawk il-pajjiżi għandhom jiġu trasferiti għall-Anness II għal dak ir-Regolament.

(8)

Żviluppi fid-dritt internazzjonali li jġibu magħhom bidliet fl-istatus jew deskrizzjoni ta’ ċerti stati jew entitajiet għandhom jidhru fl-Annessi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Għandha tiġi miżjuda referenza għan-Nofsinhar tas-Sudan fl-Anness I għal dak ir-Regolament, hekk kif il-pajjiż iddikjara l-indipendenza tiegħu fid-9 ta’ Lulju 2011 u ġie ammess bħala membru tan-Nazzjonijiet Uniti fl-14 ta’ Lulju 2011.

(9)

Fir-rigward tal-Islanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (3), li jaqgħu fl-ambitu msemmi fl-Artikolu 1, il-punt (B), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (4).

(10)

Fir-rigward tal-Isvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (5), li jaqa’ fiż-żona msemmija fl-Artikolu 1, il-punti (B) u (C) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE, li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (6).

(11)

Fir-rigward ta’ Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta’ Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (7), li jaqa’ fl-ambitu tal-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punti (B) u (C) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (8).

(12)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih ir-Renju Unit ma jiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (9); b’hekk, ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(13)

Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (10); b’hekk, l-Irlanda mhix qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhix marbuta biha u lanqas hija suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(14)

Fir-rigward ta’ Ċipru, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003.

(15)

Fir-rigward tal-Bulgarija u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005.

(16)

Fir-rigward tal-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

(17)

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu li ġej jiddaħħal qabel l-Artikolu 1:

“Artikolu - 1

L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jistabbilixxi l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għal, jew eżentati, mill-ħtieġa tal-viża, abbażi ta’ valutazzjoni skont il-każ ta’ diversi kriterji relatati, inter alia, mal-immigrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, partikolarment, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali.”;

(2)

L-Anness I huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti 1, ir-referenzi għal Dominika, l-Emirati Għarab Magħquda, Grenada, Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, il-Perù, Saint Vincent u l-Grenadini, Samoa, Santa Luċija, il-Gżejjer Solomon, Timor-Leste, Tonga, Trinidad u Tobago, Tuvalu u l-Vanwatu huma mħassra u ddaħħlet referenza għas-Sudan t’Isfel;

(b)

il-Parti 3 titħassar;

(3)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-Parti 1, jiddaħħlu r-referenzi li ġejjin:

 

“Dominika (*)”,

 

“L-Emirati Għarab Magħquda (*)”,

 

“Grenada (*)”,

 

“Kiribati (*)”

 

“Kolombja (*)”

 

“Il-Gżejjer Marshall (*)”,

 

“Il-Mikroneżja (*)”,

 

“Nauru (*)”,

 

“Palau (*)”

 

“Il-Perù (*)”

 

“San Vinċenz u l-Grenadini (*)”,

 

“Samoa (*)”,

 

“Santa Luċija (*)”,

 

“Il-Gżejjer Solomon (*)”,

 

“Timor-Leste (*)”,

 

“Tonga (*)”,

 

“Trinidad u Tobago (*)”,

 

“Tuvalu (*)” u

 

“Vanuatu (*)”;

“(*)

L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea”;

(b)

il-Parti 3 tinbidel b’dan li ġej:

“3.   ĊITTADINI BRITTANNIĊI LI MHUMIEX ĊITTADINI TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U TAL-IRLANDA TA’ FUQ GĦALL-FINIJIET TAL-LIĠI TAL-UNJONI:

Ċittadini Britanniċi (barra mill-pajjiż)

Ċittadini Brittaniċi tat-territorji barra l-pajjiż (BOTC)

Ċittadini Britanniċi barra l-pajjiż (BOC)

Persuni Britanniċi protetti (BPP)

Soġġetti Brittaniċi (BS)”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Mejju 2014.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2014 (għadha ma ġietx ippubblikata f’Il Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2014.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(3)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

(4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

(5)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

(6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

(7)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

(8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

(10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tiehu sehem f’xi disposizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).


Top