Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0493

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 493/2014 tat- 13 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le

ĠU L 139, 14.5.2014, pp. 7–10 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/493/oj

14.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 139/7


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 493/2014

tat-13 ta' Mejju 2014

li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u sew jekk le

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b'mod partikolari l-Artikoli 11(3) u 13(4) tiegħu,

Billi:

A.   IL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 (2), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjoni ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Dawn il-miżuri nżammu bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1601/2001 (3) u bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1858/2005 (4).

(2)

Permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 400/2010 (5), il-Kunsill estenda d-dazju tal-antidumping fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għal importazzjonijiet tal-istess prodott ikkonsenjat mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea kif ukoll jekk le, wara investigazzjoni kontra l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Bl-istess Regolament, ċerti produtturi esportaturi Koreani kienu eżentati minn dawn il-miżuri estiżi.

(3)

Il-miżuri li attwalment huma fis-seħħ huma dazju definittiv tal-anti-dumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 (6) dwar importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż, fost l-oħrajn, għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea kif ukoll jekk le, wara reviżjoni ta' skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, kif emendat l-aħħar mir-Regolament ta' Implimenazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 489/2014 (7), (“il-miżuri fis-seħħ”).

B.   IL-PROĊEDURA

1.   Il-bidu

(4)

Il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. It-talba tressqet minn Goodwire MFG. Co. Ltd (“Goodwire”), produttur fir-Repubblika tal-Korea, u hija limitata fl-ambitu għall-eżaminar tal-possibbiltà li Goodwire tingħata eżenzjoni mill-miżuri fis-seħħ skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(5)

Wara li eżaminat l-evidenza ppreżentata minn Goodwire u wara konsultazzjoni mal-Istati Membri, u wara li l-industrija tal-Unjoni ngħatat l-opportunità li tikkummenta, fis-27 ta' Awwissu 2013 il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni bil-pubblikazzjoni ta' notifika ta' bidu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (8).

2.   Il-prodott rieżaminat

(6)

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa ħbula u kejbils tal-azzar, inklużi ħbula koljaturi maqfulin, esklużi ħbula u kejbils tal-istainless steel, b'dimensjoni trasversali massima ta' aktar minn 3 mm, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea kif ukoll jekk le (“il-prodott rieżaminat”), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex7312 10 81 , ex 7312 10 83 , ex7312 10 85 , ex7312 10 89 u ex7312 10 98 (kodiċi TARIC 7312 10 81 13, 7312 10 83 13, 7312 10 85 13, 7312 10 89 13 u 7312 10 98 13).

3.   Il-perjodu tar-rapportar

(7)

Il-perjodu tar-rapportar kopra l-perjodu mill-1 ta' Lulju 2012 sat-30 ta' Ġunju 2013. Id-dejta nġabret mill-2008 sat-tmiem tal-perjodu tar-rapportar biex tkun investigata kwalunkwe bidla fix-xejra tal-kummerċ.

4.   L-investigazzjoni

(8)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lil Goodwire u lir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Korea dwar il-bidu tar-rieżami. Il-partijiet interessati ġew imħeġġa biex jesprimu l-fehmiet tagħhom u kienu mgħarrfa bil-possibbiltà li jitolbu smigħ. Tali talba ma saritx.

(9)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil Goodwire u rċeviet risposta fiż-żmien ta' skadenza stipulat. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala meħtieġa għall-finijiet tar-rieżami. Żjara ta' verifika saret fil-bini ta' Goodwire.

C.   IS-SEJBIET

(10)

L-investigazzjoni kkonfermat li Goodwire huwa produttur ġenwin tal-prodott rieżaminat u li ma kienet relatata ma' ebda esportaturi jew produtturi Ċiniżi li huma soġġetti għall-miżuri fis-seħħ tal-antidumping. L-investigazzjoni kompliet tikkonferma li Goodwire ma kinitx esportat il-prodott rieżaminat lill-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni għall-investigazzjoni kontra l-evażjoni li wasslet għall-miżuri estiżi, jiġifieri l-1 ta' Lulju 2008 sat-30 ta' Ġunju 2009.

(11)

L-attivitajiet ta' pproċessar ta' Goodwire jistgħu jiġu kkunsidrati bħala operazzjoni ta' tlestija u mmuntar fis-sens tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Goodwire tixtri vireg tal-wajer tal-azzar prodotti lokalment iżda timporta wkoll vireg tal-wajer tal-azzar mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiġu sussegwentement estrużi, mibrumin flimkien u miksija fil-bini tagħha fir-Repubblika tal-Korea. Il-prodott finali jinbiegħ lokalment u jiġi esportat lejn l-Istati Uniti u lejn l-Unjoni.

(12)

Matul l-investigazzjoni ġie stabbilit li l-proporzjon ta' materja prima Ċiniża kien b'mod sinifikanti taħt il-limitu ta' 60 %. Għaldaqstant, ma kienx meħtieġ li jiġi stabbilit jekk il-limitu ta' 25 % tal-valur miżjud kienx intlaħaq fit-tifsira tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, l-attivitajiet ta' produzzjoni ta' Goodwire ma nstabux li jinvolvu l-evażjoni skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku.

(13)

L-investigazzjoni kkonfermat li Goodwire ma kinitx qed tixtri l-prodott finali rieżaminat mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex jerġa' jinbiegħ jew jiġi ttrażbordat għall-Unjoni u li l-kumpanija tista' tiġġustifika l-esportazzjonijiet kollha tagħha matul il-perjodu ta' rapportar.

(14)

Fid-dawl tas-sejbiet deskritti fil-premessi minn (10) sa (13), il-Kummissjoni kkonkludiet li Goodwire mhix qed tevadi l-miżuri fis-seħħ ta' anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kif estiż, fost l-oħrajn, għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea kif ukoll jekk le.

(15)

Is-sejbiet ta' hawn fuq kienu żvelati lil Goodwire u lill-industrija tal-Unjoni, li ngħataw l-opportunità li jgħaddu xi kummenti. Il-kummenti milqugħa ġew ikkunsidrati fejn xieraq.

D.   MODIFIKA TAL-LISTA TA' KUMPANIJI LI JIBBENIFIKAW MINN EŻENZJONI MILL-MIŻURI FIS-SEĦĦ

(16)

Skont is-sejbiet ta' hawn fuq, il-kumpanija Goodwire għandha tiżdied mal-lista tal-kumpaniji li huma eżenti mid-dazju tal-anti-dumping impost mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012.

(17)

Kif stipulat fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 400/2010, l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għandha tkun bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jiġu ppreżentati b'fattura kummerċjali valida, li għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness ta' dak ir-Regolament. Jekk l-ebda fattura bħal din ma tkun ippreżentata, id-dazju tal-antidumping għandu jibqa' japplika.

(18)

Barra minn hekk, l-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar prodotti minn Goodwire, skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, tibqa' valida bil-kundizzjoni li l-fatti kif finalment aċċertati jiġġustifikaw l-eżenzjoni. Jekk l-evidenza ġdida prima facie turi mod ieħor, jista' jingħata bidu għal investigazzjoni mill-Kummissjoni biex jiġi stabbilit jekk ikunx iġġustifikat li l-eżenzjoni tiġi rtirata.

(19)

L-eżenzjoni mill-miżuri estiżi mogħtija għall-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar prodotti minn Goodwire ġiet stabbilita abbażi tas-sejbiet tar-rieżami preżenti. Din l-eżenzjoni hija għalhekk esklussivament applikabbli għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea u prodotti minn din l-entità ġuridika speċifika msemmija hawn fuq. Ħbula u kejbils tal-azzar importati, prodotti minn kwalunkwe kumpanija li mhijiex imsemmija b'mod speċifiku fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012 bl-isem tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma' dawk imsemmija b'mod speċifiku, ma għandhomx jibbenifikaw mill-eżenzjoni u għandhom ikunu soġġetti għar-rata ta' dazju residwa kif imposta minn dak ir-Regolament.

(20)

Ir-rieżami interim parzjali għandu jintemm u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012, kif emendat l-aħħar, għandu jkun emendat biex jinkludi lil Goodwire fit-tabella stabbilita fl-Artikolu 1(4) tiegħu.

(21)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

It-tabella stabbilita fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 102/2012, kif emendat l-aħħar mir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 489/2014, hija mibdula mit-tabella li ġejja:

“Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Ir-Repubblika tal-Korea

Bosung Wire Rope Co., Ltd, 568,Yongdeok-ri, Hallim-myeon, Gimae-si, Gyeongsangnam-do, 621-872

A969

 

Chung Woo Rope Co., Ltd, 1682-4, Songjung-Dong, Gangseo-Gu, Busan

A969

 

CS Co., Ltd, 287-6 Soju-Dong Yangsan-City, Kyoungnam

A969

 

Cosmo Wire Ltd, 4-10, Koyeon-Ri, Woong Chon-Myon Ulju-Kun, Ulsan

A969

 

Dae Heung Industrial Co., Ltd., 185 Pyunglim — Ri, Daesan-Myun, Haman — Gun, Gyungnam

A969

 

DSR Wire Corp., 291, Seonpyong-Ri, Seo-Myon, Suncheon-City, Jeonnam

A969

 

Goodwire MFG. Co. Ltd, 984-23, Maegok-Dong, Yangsan-City, Kyungnam

B955

 

Kiswire Ltd, 20th Fl. Jangkyo Bldg., 1, Jangkyo-Dong, Chung-Ku, Seoul

A969

 

Manho Rope & Wire Ltd, Dongho Bldg, 85-2 4 Street Joongang-Dong, Jong-gu, Busan

A969

 

Line Metal Co. Ltd, 1259 Boncho-ri, Daeji-Myeon, Changnyeong-gun, Gyeongnam

B926

 

Seil Wire and Cable, 47-4, Soju-Dong, Yangsan-Si, Kyungsangnamdo

A994

 

Shin Han Rope Co., Ltd, 715-8, Gojan-Dong, Namdong-gu, Incheon

A969

 

Ssang YONG Cable Mfg. Co., Ltd, 1559-4 Song-Jeong Dong, Gang-Seo Gu, Busan

A969

 

Young Heung Iron & Steel Co., Ltd, 71-1 Sin-Chon Dong, Changwon City, Gyungnam

A969 ”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Mejju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1796/1999 tat-12 ta' Awwissu 1999 li jimponi dazju anti-dumping definittiv, u li jiġbor b'mod definittiv id-dazju proviżorju impost, fuq importazzjoni ta' ħbula u kejbils tal-azzar ġejjin mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-Ungerija, mil-Indja, mil-Messiku, mil-Polonja, mil-Afrika t'Isfel u mill-Ukraina u li jtemm il-proċeduri legali kontra d-dumping minn importazzjonijiet ġejjin mir-Repubblika tal-Korea (ĠU L 217, 17.8.1999, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1601/2001 tat-2 ta' Awwissu 2001 l-impożizzjoni ta' taxxa definittiva kontra d-dumping u l-ġbir definittiv tat-taxxa proviżorja kontra d-dumping imposta fuq l-importazzjoni ta' ċertu ħbula u kejbils tal-ħadid jew azzar ġejjin mir-Repubblika Ċeka, mir-Russja, mit-Tajlandja u mit-Turkija (ĠU L 211, 4.8.2001, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1858/2005 tat-8 ta' Novembru 2005 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet tal-ħbula tal-azzar u kejbils li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mil-Indja, mil-Afrika t'Isfel u mil-Ukraina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (ĠU L 299, 16.11.2005, p. 1).

(5)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 400/2010 tas-26 ta' April 2010 li jestendi d-dazju definittiv anti-dumping impost mir-Regolament (KE) Nru 1858/2005 fuq l-importazzjonijiet ta' ħbula tal-azzar u kejbils li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta' ħbula tal-azzar u kejbils ikkonsenjati mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea kif ukoll jekk le, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkonsenjati mill-Malasja (ĠU L 117, 11.5.2010, p. 1).

(6)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 102/2012 tas-27 ta' Jannar 2012 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mill-Ukraina kif estiż għal importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar ikkonsenjati mill-Marokk, mill-Moldova u mir-Repubblika tal-Korea, sew jekk iddikjarati li joriġinaw minn dawn il-pajjiżi u sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 u li ttemm il-proċediment tar-reviżjoni tal-iskadenza li jikkonċerna l-importazzjonijiet ta' ħbula u kejbils tal-azzar li joriġinaw mill-Afrika t'Isfel skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 36, 9.2.2012, p. 1).

(7)   ĠU L 138, 13.5.2014, p. 80.

(8)   ĠU C 246, 27.8.2013, p. 5.


Top