EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0024

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 24/2014 tal- 10 ta’ Jannar 2014 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2014 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed

ĠU L 9, 14.1.2014, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/24/oj

14.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 9/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 24/2014

tal-10 ta’ Jannar 2014

li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2014 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 43(3) tat-Trattat jipprevedi li l-Kunsill, fuq proposta tal-Kummissjoni, għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) jirrikjedi li jiġġġu adotatti miżuri ta’ konservazzjoni b’kunsiderazzjoni tal-konsulenza xjentifika, teknika u ekonomika disponibbli inkluż, fejn rilevanti, ir-rapporti mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF).

(3)

Il-Kunsill għandu d-dmir li jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont is-sajd jew il-grupp tas-sajd fil-Baħar l-Iswed, inklużi ċerti kundizzjonijiet li huma funzjonalment marbuta magħhom, kif xieraq. L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri b’mod li tiġi żgurata l-istabbiltà relattiva tal-attivitajiet tas-sajd ta’ kull Stat Membru għal kull stokk ta’ ħut jew sajd, u wara li jiġu debitament ikkunsidrati l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(4)

It-TACs għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-parir xjentifiku disponibbli, b’kunsiderazzjoni ta’ aspetti bijoloġiċi u soċjoekonomiċi filwaqt li jkun żgurat trattament ġust bejn is-setturi tas-sajd, kif ukoll fid-dawl tal-opinjonijiet espressi fil-konsultazzjoni mal-partijiet interessati.

(5)

L-użu tal-opportunitajiet tas-sajd kif stabbiliti f’dan ir-Regolament għandu jkun suġġett għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (2) u b’mod partikolari għall-Artikoli 33 u 34 ta’ dak ir-Regolament, fir-rigward tar-reġistrazzjoni tal-qabdiet u tal-isforz tas-sajd u n-notifika tad-dejta dwar l-eżawriment tal-opportunitajiet tas-sajd, rispettivament. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu speċifikati l-kodiċijiet li l-Istati Membri għandhom jużaw meta jibagħtu dejta lill-Kummissjoni dwar il-ħatt l-art tal-istokkijiet soġġetti għal dan ir-Regolament.

(6)

Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 (3), huwa meħtieġ li jiġu identifikati l-istokkijiet li huma suġġetti għal miżuri varji msemmija fih.

(7)

Sabiex tkun evitata l-interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd u sabiex jiġi żgurat l-għajxien tas-sajjieda tal-Unjoni, huwa importanti li fl-1 ta’ Jannar 2014 jinfetħu t-tipi tas-sajd inkwistjoni fil-Baħar l-Iswed. Għal raġunijiet ta’ urġenza, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2014 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut fil-Baħar l-Iswed.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-bastimenti tal-UE li joperaw fil-Baħar l-Iswed.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“GFCM” tfisser il-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran;

(b)

“Il-Baħar l-Iswed” tfisser is-subżona ġeografika 29 kif definita fl-Anness I għar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fir-Riżoluzzjoni GFCM/33/2009/2;

(c)

“bastiment tal-UE” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;

(d)

“qabda totali permissibli (TAC)” tfisser il-kwantità li tista’ tittieħed minn kull stokk kull sena;

(e)

“kwota” tfisser proporzjon mit-TAC allokat lill-Unjoni, lil Stat Membru jew lil pajjiż terz.

KAPITOLU II

OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 4

TACs u allokazzjoni

It-TACs għall-bastimenti tal-UE, l-allokazzjoni ta’ tali TACs fost l-Istati Membri, u l-kundizzjonijiet funzjonalment marbuta magħhom, fejn xieraq, huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet speċjali dwar l-allokazzjonijiet

L-allokazzjoni ta’ opportunitajiet tas-sajd fost l-Istati Membri kif stipulat f’dan ir-Regolament għandha tkun bla preġudizzju għal:

(a)

skambji magħmula skont l-Artikolu 16(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013;

(b)

tnaqqis u riallokazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009;

(c)

ħatt l-art addizzjonali permess bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

(d)

kwantitajiet miżmuma skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96;

(e)

tnaqqis magħmul skont l-Artikoli 105 u 107 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għall-ħatt l-art tal-qabdiet u tal-qabdiet inċidentali

Il-ħut minn stokkijiet li għalihom l-opportunitajiet tas-sajd huma stabbiliti b’dan ir-Regolament għandu jinżamm abbord jew jinħatt l-art biss jekk:

(a)

il-qabdiet ikunu saru minn bastimenti ta’ Stat Membru li jkollu kwota u dik il-kwota ma tkunx ġiet eżawrita; jew

(b)

il-qabdiet ikunu jikkonsistu f’sehem ta’ kwota tal-Unjoni li ma ġietx allokata permezz ta’ kwota fost l-Istati Membri, u dik il-kwota tal-Unjoni ma tkunx ġiet eżawrita.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 7

Trażmissjoni tad-dejta

Meta, skont l-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istati Membri jibagħtu dejta lill-Kummissjoni relatata mal-ħatt l-art ta’ kwantitajiet ta’ stokkijiet maqbuda, huma għandhom jużaw il-kodiċijiet tal-istokkijiet stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

D. KOURKOULAS


(1)  Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 847/96 tas-6 ta’ Mejju 1996 li jintroduċi kondizzjonijiet addizzjonali għal tmexxija minn sena għal sena tat-TAC u l-kwoti (ĠU L 115, 9.5.1996, p. 3. Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kap 04 Vol 02 p. 317).

(4)  Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (il-Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran (ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44).


ANNESS

TACS APPLIKABBLI GĦALL-BASTIMENTI TAL-UE F’ŻONI FEJN JIŻISTU TACS SKONT L-ISPEĊI U SKONT IŻ-ŻONA

It-tabelli li ġejjin jistabbilixxu t-TACs u l-kwoti (f’tunnellati ta’ piż ħaj, ħlief fejn huwa speċifikat mod ieħor) skont l-istokk, u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom b’mod funzjonali, fejn hu xieraq.

L-istokkijiet tal-ħut huma msemmija fl-ordni alfabetiku li ġej tal-ismijiet tal-ispeċijiet bil-Latin. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-tabella ta’ ekwivalenza tal-ismijiet bil-Latin komuni mal-ismijiet tidher hawn taħt:

Isem xjentifiku

Kodiċi Alpha-3

Isem Komuni

Psetta maxima

TUR

Barbun imperjali

Sprattus sprattus

SPR

Laċċa kaħla


Speċi

:

Barbun imperjali

Psetta maxima

Żona

:

Ilmijiet tal-UE fil-Baħar l-Iswed

TUR/F37.4.2.C.

Bulgarija

43,2

 

Rumanija

43,2

Unjoni

86,4  (1)

TAC

Mhux rilevanti

TAC analitiku

Ma għandux japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

Ma għandux japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.


Speċi

:

Laċċa kaħla

Sprattus sprattus

Żona

:

Ilmijiet tal-UE fil-Baħar l-Iswed

SPR/F37.4.2.C

Bulgarija

8 032,5

 

Rumanija

3 442,5

Unjoni

11 475

TAC

Mhux rilevanti

TAC analitiku

Ma għandux japplika l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.

Ma għandux japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/96.


(1)  L-ebda attività tas-sajd inkluż it-trażbord, it-teħid abbord, il-ħatt l-art u l-ewwel bejgħ ma għandu jkun permess mill-15 ta’ April sal-15 ta’ Ġunju 2014.


Top