EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0729(19)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Polonja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja, 2014

ĠU C 247, 29.7.2014, p. 97–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

29.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/97


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2014

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Polonja u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Polonja, 2014

2014/C 247/19

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.

(2)

Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jiffurmaw il-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

(3)

Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew il-Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali, dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari li tesprimi impenn b'mod sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi tal-Ewropa 2020 u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

(4)

Fit-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma għall-2013 tal-Polonja u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tal-Polonja għall-perijodu 2012‐2016.

(5)

Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ukoll, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni adottat ir-Rapport ta' Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih il-Polonja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom se ssir reviżjoni fil-fond.

(6)

Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu trattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

(7)

Fl-24 ta' April 2014, il-Polonja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha għall-2014 u l-Programm ta' Konverġenza tagħha għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

(8)

L-objettiv tal-istrateġija baġitarja msemmi fil-Programm ta' Konverġenza tal-2014 għandu jkun li d-defiċit jinżel għal anqas minn 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG fit-Trattat sal-2015 u jintlaħaq l-objettiv tat-terminu medju sal-2018. L-objettiv tat-terminu medju (‐1 % tal-PDG f'termini strutturali) huwa aktar strinġenti minn dak li jitlob il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-miri tad-defiċiit nominali ppreżentati fil-Programm ta' Konverġenza tal-2014 huma konsistenti ma' korrezzjoni f'waqtha td-defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, filwaqt li l-aġġustament strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) fl-2014 huwa konformi mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, huwa anqas mit-titjib mitlub fl-2015. Fis-snin wara l-korrezzjoni ppjanata tad-defiċit eċċessiv, il-progress annwali ppjanat (ikkalkulat mill-ġdid) lejn l-objettiv tat-terminu medju huwa anqas mir-rekwiżit tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Għaldaqstant, l-objettivi tal-programm huma parzjalment konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Huwa previst li d-dejn gross tal-gvern jibqa’ taħt is-60 % tal-PDG matul il-perijodu kopert mill-programm. L-awtoritajiet Pollakki pprevedew li dan se jonqos f'daqqa minn 57,1 % tal-PDG fl-2013 għal 49,5 % fl-2014, l-aktar minħabba t-trasferiment kbir u ta' darba tal-assi tal-fond tal-pensjoni, u se jibqa' f'dan il-livell fl-2015. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Konverġenza huwa plawżibbli għall-2014 u ottimist għall-2015 b'rata ogħla ta' tkabbir reali tal-PDG ta' 3,8 % meta mqabbel mat-3,4 % fit-tbassir tas-servizzi tal-Kummissjoni għar-Rebbiegħa tal-2014. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u tat-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li filwaqt li l-Polonja hija mistennija li tibqa' taħt il-livell massimu tad-defiċit nominali rrakkomandat mill-Kunsill għall-2014, jeżistu riskji għal korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv fl-2015, u, minn hemm, għall-mixja ta' aġġustament xierqa lejn l-objettiv tat-terminu medju.

(9)

Sabiex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali, huwa importanti li l-konsolidazzjoni fiskali tkun appoġġata b'riformi strutturali komprensivi. Sehem baxx ta’ nfiq li jsaħħaħ it-tkabbir (l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni) ixekkel il-prospetti ta’ tkabbir fit-tul. L-infiq fil-qasam tal-kura tas-saħħa huwa mistenni li jikber b'mod konsiderevoli fit-terminu medju għal dak twil minħabba soċjetà li qed tixjieħ. Il-piż fuq il-finanzi pubbliċi jista' jitnaqqas u l-aċċess għall-kura tas-saħħa jittejjeb bit-tisħiħ tal-kura primarja u s-sistemi ta' riferiment u bl-isfruttament tal-potenzjal għal qligħ tal-kosteffiċjenza fil-kura fl-isptar. Il-konformità baxxa tat-taxxi tibqa' problema, b'mod partikulari f'termini ta' effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa u fil-livell tal-piż amministrattiv fuq il kontribwenti. Fl-istess waqt il-Polonja reċentament ippubblikat Pjan ta' Azzjoni għat-titjib fl-effiċjenza tal-konformità tat-taxxi u l-amministrazzjoni tat-taxxa fis-snin 2014‐2017. Il-Polonja għandha sistema ta' rati mnaqqsa ta' VAT li tikkontribwixxi għall-ogħla nuqqas fil-politika tal-VAT fl-Unjoni. Dan iwassal għal telf fid-dħul u kostijiet miżjuda ta' konformita tat-taxxa. Il-livell ta' tassazzjoni fuq l-enerġija huwa relattivament baxx. Fil-passat riċenti ttieħdu passi biex jitjieb il-qafas fiskali Pollakk. Madankollu, il-qafas jibbenefika mill-introduzzjoni ta' kunsill fiskali indipendenti sħiħ, li jkun responsabbli għal verifiki ex ante ta' konformità mar-regoli fiskali, valutazzjoni ta' previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji u analiżi tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi kif ukoll valutazzjoni ex post ta' konformità mar-regoli fiskali.

(10)

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied b'mod gradwali matul l-aħħar sena, u dan parzjalment jirriżulta mill-ispariġġ kontinwu bejn l-eżiti tal-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol kif ukoll il-proporzjon li qed tikber ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ. Minkejja l-isforzi kontinwi biex tiġi riformata s-sistema ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, jeħtieġ li l-aċċess għal apprentistati ta' kwalità tajba u tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol ikompli jiġi ffaċilitat, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-impjegaturi u sabiex jintlaħqu ż-żgħażagħ li mhumiex irreġistrati, f'konformità mal-objettivi ta' garanzija għaż-żgħażagħ. L-aġġustament tal-ħiliet għar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol huwa wkoll importanti b'mod partikulari fil-kuntest tat-tagħlim tul il-ħajja, fejn il-parteċipazzjoni għadha baxxa ħafna, speċjalment fir-rigward tal-ħaddiema kbar fl-età, li l-kompetenzi tagħhom ta' spiss ma jkunux għadhom validi. Is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol tippersisti bl-użu estensiv ta' kuntratti ta' impjieg b'terminu fiss kif ukoll kuntratti tal-liġi ċivili. L-inċidenza tal-impjiegi b'terminu fiss hija partikolarment għolja fost iż-żgħażagħ. Filwaqt li l-kuntratti b'terminu fiss ta' spiss ikunu meqjusa bħala strument għan-nies qiegħda biex jidħlu fis-suq tax-xogħol bil-ħsieb li aktar tard jimxu lejn kuntratt permanenti, dan ma jidhirx li huwa l-każ għall-maġġoranza tal-ħaddiema fil-Polonja, billi r-rata tat-tranżizzjoni minn impjieg b'terminu fiss għal impjieg permanenti hija baxxa, u dan għandu t-tendenza li jinfluwenza ħażin il-produttività u l-kwalità tal-kapital uman.

(11)

Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol għadha baxxa. Il-Polonja ħadet diversi miżuri biex issaħħaħ l-impjiegi tan-nisa, fosthom żieda fid-disponibbiltà ta' servizzi tal-kura tat-trabi (skejjel tat-trabi), u żieda fil-finanzjament pubbliku għall-edukazzjoni preprimarja sabiex il-ġenituri jitħeġġu jiktbu lil uliedhom għall-edukazzjoni preprimarja. Madankollu, id-disponibbiltà tas-servizzi tal-kura tat-trabi għadha baxxa, speċjalment fiż-żoni rurali, u għadhom jeżistu inugwaljanzi fl-aċċess għall-edukazzjoni preprimarja. Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema kbar fl-età fis-suq tax-xogħol fil-Polonja għadha baxxa. Il-possibbiltajiet għal irtirar bikri tnaqqsu b'mod sinifikanti iżda jeħtieġ li jsiru aktar sforzi sabiex tiżdied l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kbar fl-età u t-tul effettiv tal-ħajja tax-xogħol. Ir-riforma tal-iskemi tal-pensjoni speċjali għall-minaturi u l-bdiewa għadha problematika. L-iskema għall-bdiewa (KRUS) toħloq inċentivi biex il-bdiewa fuq skala żgħira jibqgħu fis-settur agrikolu, u dan jirriżulta f'qgħad moħbi fiż-żoni rurali u jistimula l-ekonomija informali. Il-minaturi jkompli jgawdu minn privileġġi f'termini ta' drittijiet għall-pensjoni ħtieġa minima għal rekord tax-xogħol. Iż-żewġ skemi tal-pensjoni jimpedixxu l-mobilità settorjali u territorjali tas-suq tax-xogħol.

(12)

Il-Polonja hija fost l-Istati Membri bl-iktar livell baxx ta’ nefqa fir-R&Ż u hija waħda mill-agħar fl-indikaturi usa’ tal-innovazzjoni. In-nefqa fir-R&Ż privati hija baxxa b'mod speċjali. L-infiq baxx fir-R&Ż huwa abbinat mal-attività dgħajfa fir-riċerka u l-innovazzjoni minn kumpanniji u ambjent tan-negozju li ma jħeġġiġx biżżejjed l-innovazzjoni. Is-sistema ta' appoġġ għall-innovazzjoni fil-Polonja kienet avversa għar-riskji, ibbażata l-aktar fuq għotjiet, tappoġġa l-assorbiment u t-trasferiment tat-teknoloġija mingħajr impatt kbir fuq l-innovazzjoni ġenwinament ġdida. L-inċentivi eżistenti tat-taxxa għar-R&Ż mhumiex effettivi għall-promozzjoni tar-R&Ż interni mis-settur privat u jintużaw biss mill-kumpaniji l-kbar. L-intrapriżi Pollakki ddependew l-aktar fuq l-assorbiment tat-teknoloġija. Filwaqt li dan kellu suċċess f’li jiżgura l-kisbiet fil-produttività u t-tkabbir ekonomiku, il-Polonja issa teħtieġ tranżizzjoni lejn mudell indiġenu bbażat fuq l-innovazzjoni. Iż-żieda fil-kapaċità fl-innovazzjoni tal-kumpaniji Pollakki, it-titjib tar-rabtiet bejn ix-xjenza u l-industrija u l-iżvilupp tal-istrumenti mmirati għaċ-ċiklu sħiħ tal-innovazzjoni għadhom problematiċi.

(13)

Għad hemm qligħ potenzjali għoli ħafna minn titjib fl-effiċjenza enerġetika fis-setturi kollha tal-ekonomija tal-Polonja u dan il-qligħ jista' jappoġġa t-tkabbir, itejjeb il-kompetittività u jinkkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza enerġetika tal-Polonja. Il-kapaċità fil-ġenerazzjoni tal-enerġija domestika qed teqdiem u l-grilja elettrika għadha konġestjonata izda proġetti biex tinħoloq aktar kapaċità ta' interkonnessjoni bejn Stati Membri ġirien qed javvanzaw. Il-problema ewlenija fis-suq tal-gass naturali għadha n-nuqqas ta' diversifikazzjoni u kompetizzjoni.

(14)

L-infrastruttura sottożviluppata tat-trasport u tal-broadband fiss tal-Polonja għadha waħda mill-akbar ostakoli għat-tkabbir. B'mod partikulari, jeħtieġu investimenti sinifikanti fin-netwerk degradat tal-ferrovija biex tiżdied il-kompetittività tas-settur ferrovjarju u jinkiseb bilanċ aħjar bejn it-trasport fuq l-art u bil-ferrovija. Madwar terz biss tat-total ta' madwar 20 000 km tal-linji ferrovjarji operatorji jinsabu f'kundizzjoni teknika tajba. Għad hemm problemi bl-implimentazzjoni f'waqtha ta' proġetti ferrovjarji. L-effiċjenza fir-riżorsi tista' tiżdied billi jittejjeb l-immaniġġar tal-iskart.

(15)

L-infurzar tal-kuntratti fil-Polonja jieħu fit-tul u l-proċedura biex jinkisbu l-permessi għall-kostruzzjoni hija twila u ta' piż. Il-kostijiet għall-konformità tat-taxxa huma għoljin, u din hija problema ewlenija fl-ambjent tan-negozju. Il-Polonja għamlet progress sostanzjali fl-implimentazzjoni ta' riforma ambizzjuża li tiffaċilita l-aċċess għall-professjonijiet irregolati.

(16)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Polonja. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Hija ma qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Polonja, iżda anke l-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għal deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (6) hawn taħt.

(17)

Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza, u l-opinjoni tiegħu (5) tidher b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li fil-perijodu bejn l-2014‐2015 il-Polonja tieħu azzjoni biex:

1.

Issaħħaħ l-istrateġija baġitarja sabiex tiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv b'mod sostenibbli sal-2015 billi tikseb l-isforz ta' aġġustament strutturali speċifikat fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv u sakemm jintlaħaq l-objettiv fuw it-terminu medju, twettaq aġġustament strutturali annwali ta' 0,5 % tal-PDG bħala valur referenzjarju. Korrezzjoni dewwiema tal-iżbilanċi fiskali teħtieġ implimentazzjoni kredibbli ta' riformi strutturali ambizzjużi biex tiżdied il-kapaċità tal-aġġustament u tippermetti żieda fit-tkabbir u l-impjiegi. F'dak ir-rigward, timminimizza t-tnaqqis fl-investiment li jtejjeb it-tkabbir, ittejjeb l-immirar tal-politiki soċjali u l-kosteffettività tal-infiq u l-effiċjenza ġenerali tas-settur tal-kura tas-saħħa, twessa' l-bażi tat-taxxa, pereżempju billi tindirizza l-kwistjoni ta' sistema estensiva ta' rati mnaqqsa tal-VAT, u ttejjeb il-konformità tat-taxxa, b'mod partikulari billi żżid l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa. Twaqqaf kunsill fiskali indipendenti.

2.

Issaħħa l-isforzi biex tnaqqas il-qgħad fost iż-żgħażagħ, b'mod partikolari billi tkompli ttejjeb ir-rilevanza tal-edukazzjoni u tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżżid id-disponibbiltà tal-apprentistati u l-postijiet tat-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u billi ssaħħaħ l-ilħiq taż-żgħażagħ mhux irreġistrati u l-kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-impjegaturi, f'konformità mal-objettivi ta' garanzija għaż-żgħażagħ. Iżżid il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex jaġġustaw il-forniment tal-ħiliet għad-domanda tal-ħiliet. Tiġġieled is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol billi żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura tranżizzjoni aħjar minn impjieg b'terminu fiss għal impjieg permanenti u billi jitnaqqas l-użu eċċessiv ta’ kuntratti tal-liġi ċivili.

3.

Tkompli bl-isforzi tagħha biex iżżid il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, b'mod partikulari billi tieħu aktar passi biex iżżid id-disponibbiltà ta' kura tat-tfal u edukazzjoni preprimarja affordabbli u ta' kwalità u tiżgura l-finanzjament stabbli. Tinkludi lill-bdiewa fis-sistema tal-pensjonijiet ġenerali, u tibda billi tgħaġġel il-ħolqien tas-sistema għall-valutazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-introjtu tal-bdiewa. Ittemm gradwalment l-iskema speċjali tal-pensjonijiet għall-minaturi bil-għan li dawn jintegraw ruħhom fl-iskema ġenerali. Tirfed ir-riforma tal-pensjonijiet ġenerali billi żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-impjegabbiltà tal-ħaddiema akbar fl-età biex jgħollu l-etajiet ta’ ħruġ mis-suq tax-xogħol.

4.

Ittejjeb l-effettività tal-inċentivi tat-taxxa billi tippromwovi r-R&Ż fis-settur privat bħala parti mill-isforzi biex issaħħaħ ir-rabtiet bejn ir-riċerka, l-innovazzjoni u l-politika industrijali, u timmira aħjar l-istrumenti eżistenti fl-istadji differenti taċ-ċiklu tal-innovazzjoni.

5.

Iġġedded u testendi l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-enerġija u ttejjeb l-effiċjenza fil-katina kollha tal-enerġija. Tħaffef u testendi l-iżvilupp tal-grilja elettrika, fosthom l-interkonnessjonijiet transfruntiera mal-Istati Membri ġirien, u tiżviluppa l-interkonnettur tal-gass mal-Litwanja. Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti tal-investiment ferrovjarji bla ebda dewmien u ttejjeb il-kapaċità amministrattiva f'dan is-settur. Tħaffef l-isforzi biex tiżdied il-kopertura tal-broadband fiss. Ittejjeb l-immaniġġar tal-iskart.

6.

Tieħu passi ulterjuri biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju billi tissimplifika l-infurzar tal-kuntratti u r-rekwiżiti għall-permessi tal-kostruzzjoni. Iżżid l-isforzi tagħha biex tnaqqas il-kostijiet u l-ħin li jittieħed fuq il-konformità tat-taxxa min-negozji. Tlesti r-riforma kontinwa mmirata lejn l-iffaċilitar tal-aċċess għall-professjonijiet irregolati.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(3)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 63.

(4)  Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(5)  Skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top