Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0729(17)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Pajjiżi l-Baxxi u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi, 2014

    ĠU C 247, 29.7.2014, p. 88–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    29.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 247/88


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-8 ta' Lulju 2014

    dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Pajjiżi l-Baxxi u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi, 2014

    2014/C 247/17

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ ta’ pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politiki ekonomiċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

    Billi:

    (1)

    Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, l-Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

    (2)

    Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (2010 sa 2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (3), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom.

    (3)

    Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, fejn b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

    (4)

    Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2013 tal-Pajjiżi l-Baxxi u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi aġġornat għall-2012‐2017. Fil-15 ta' Novembru 2013, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha fuq l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2014.

    (5)

    Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lill-Pajjiżi l-Baxxi bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom ser issir reviżjoni approfondita.

    (6)

    Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja, konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir. Hu enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kondizzjonijiet ta' self għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu ttrattati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika tiġi mmodernizzata.

    (7)

    Fil-5 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-reviżjoni approfondita dwar il-Pajjiżi l-Baxxi, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Pajjiżi l-Baxxi għadhom għaddejjin minn żbilanċi makroekonomiċi li jeħtieġu monitoraġġ u azzjoni politika. Partikolarment, l-iżviluppi makroekonomiċi fir-rigward tas-settur tad-dejn u d-diżingranaġġ fis-seħħ, flimkien mal-ineffiċjenzi li baqa' fis-suq tad-djar, jistħoqilhom attenzjoni. Għalkemm is-surplus kbir fil-kont kurrenti ma jimponix riskji bħal defiċits kbar, u huwa parzjalment marbut mal-ħtieġa għal diżingranaġġ, il-Kummissjoni se ssegwi l-iżviluppi fil-kont kurrenti tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

    (8)

    Fid-29 ta' April 2014, il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħhom għall-2014, u fit-30 ta' April 2014 ippreżentaw il-Programm ta' Stabbiltà għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ Programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.

    (9)

    L-objettiv tal-istrateġija tal-baġit spjegata fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 huwa li jiġi żgurat li l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2013 tkun sostenibbli, u li tintlaħaq pożizzjoni baġitarja qrib l-objettiv ta’ terminu medju sal-2015. L-objettiv ta’ terminu medju huwa defiċit strutturali ta' mhux aktar minn 0,5 % tal-PDG, li jirrifletti r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Miżuri fiskali mdaqqsa addizzjonali kienu implementati, iżda l-iżbilanċ strutturali (rikalkulat) fl-2014 huwa ppjanat li jibqa' kostanti meta mqabbel mal-2013, li jindika devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament minimu meħtieġ ta' 0,5 % tal-PDG. Fl-2015, l-iżbilanċ strutturali (rikalkulat) huwa ppjanat li jitjieb b'0,3 punti perċentwali tal-PDG. In-nefqa tikber b'pass konsistenti mal-parametru referenzjarju tan-nefqa kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015. Wara l-valutazzjoni kumplessiva tal-istrateġija baġitarja tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-perkors tal-aġġustament lejn l-objettiv ta’ terminu medju huwa parzjalment konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, id-dejn gross tal-gvern se jistabbilizza ruħu fl-2015 u minn hemm il-quddiem jonqos. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Stabbiltà huwa plawsibbli u tħejja minn korp indipendenti, l-Uffiċċju ta' Analiżi ta' Politika Ekonomika tal-Pajjiżi l-Baxxi. Ir-riskji għall-miri baġitarji jidhru li huma mdaqqsa iżda ġeneralment ibbilanċjati. It-tbassir tar-rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jipprevedi stabbilizzazzjoni tal-bilanċ strutturali fl-2014 u titjib ta' 0,5 % tal-PDG fl-2015. Skont it-tbassir tal-Kummissjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi se jaderixxu mal-parametru referenzjarju tan-nefqa fl-2014, iżda mhux fl-2015. Sabiex jitjieb il-potenzjal tat-tkabbir tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwa ta' importanza massima li l-konsolidazzjoni meħtieġa tissalvagwardja n-nefqa li ttejjeb it-tkabbir, bħall-innovazzjoni u r-riċerka, fosthom ir-riċerka fundamentali, l-edukazzjoni u t-taħriġ. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Pajjiżi l-Baxxi ġabu d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom b'mod sostenibbli taħt it-3 % tal-PDG fl-2013, iżda mill-2014 jinsabu f'riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mir-rekwiżiti tal-fergħa preventiva.

    (10)

    Sfida ewlenija tinsab fis-suq tad-djar, fejn riġiditajiet u inċentivi distortivi ilhom jinġemgħu tul id-diċennji biex jiffurmaw il-finanzjament tad-djar u x-xejriet fis-settur tat-tfaddil. It-tendenza tal-unitajiet domestiċi li jingranaw id-dejn ipotekarju gross ma' patrimonju immobbiljari tirrifletti bil-kbir l-inċentivi fiskali li ilhom jeżistu, b'mod partikolari d-deduċibbiltà sħiħa mit-taxxa tal-interessi ipotekarji. Minn April 2012, ġew implimentati serje ta' miżuri biex parzjalment jindirizzaw dawn l-inċentivi. Xi wħud minn dawn jinvolvu aġġustamenti fit-trattament fiskali tal-finanzjament tad-djar. Il-mossa gradwali biex tiġi limitata d-deduċibbiltà mit-taxxa tal-interessi ipoketarji u jiżdied l-inċentiv għall-ammortizzazzjoni hija ġustifikata, iżda t-tnedija gradwali ta' din il-miżura hija bil-mod wisq biex tinfluwenza l-imġiba tal-ammortizzazzjoni. Il-proporzjon tas-self mal-valur ta' 100 %, li għandu jintlaħaq fl-2018, għadu għoli. Is-suq tal-kiri huwa ristrett bir-regolamentazzjoni u l-preżenza qawwija ta' settur tal-akkomodazzjoni soċjali kbir ħafna li xorta waħda jkollu jaffaċċa listi ta' stennija twal. L-introduzzjoni reċenti ta' differenzjar tal-kera abbażi tal-introjtu fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali hija pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda l-impatt tiegħu huwa limitat. Il-korporazzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali xorta waħda jistgħu jibnu postijiet b'rata mensili ogħla mil-limitu tal-kiri soċjali. Minkejja li r-rakkomandazzjonijiet tal-2013 talbu għal attenzjoni partikolari fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar fil-bżonn, għadha għaddejja l-ħidma fuq din ir-ridirezzjoni. Għalhekk, filwaqt li l-miżuri proposti huma passi fid-direzzjoni t-tajba, il-pass inġenerali tar-riformi huwa bil-mod fl-indirizzar tal-problemi sottostanti u għalhekk jeħtieġ jitħaffef meta l-ekonomija tkun tippermetti, filwaqt li jibqa' jiġi żgurat li jkun hemm akkomodazzjoni soċjali disponibbli għaċ-ċittadini żvantaġġati li ma jistgħux jiksbu residenza bil-kondizzjonijiet tas-suq, fosthom f'lokalitajiet b'domanda għolja.

    (11)

    Is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet tjiebet permezz ta' żieda gradwali fl-età statutorja tal-irtirar minn 65 sena fl-2012 għal 67 sena fl-2023. Il-Pajjiżi l-Baxxi bdew riformi komprensivi fil-pilastri finanzjati pubblikament u privatament tas-sistema tal-pensjonijiet u fis-sistema ta' kura fit-tul. Dan huwa kkumplimentat b'riformi li jħeġġu lill-ħaddiema akbar fl-età biex jaħdmu għal aktar żmien u biex tiżdied il-mobilità fis-suq tax-xogħol. Ir-riformi fil-kura fit-tul tefgħu r-responsabbiltajiet fuq il-muniċipalitajiet, bi tnaqqis tan-nefqa inġenerali u attenzjoni partikolari fuq ameljorament fl-effiċjenza. Partijiet minn dawn ir-riformi sostanzjali għadhom iridu jiġu adottati. L-isfidi li fadal jinkludu distribuzzjoni xieraq bejn il-ġenerazzjonijiet u fi ħdanhom tal-kostijiet u r-riskji, u l-monitoraġġ tal-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-ħtiġijiet ta' kura fit-tul. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għar-riforma tal-kura fit-tul tgħin biex jitrażżnu l-kostijiet tat-tixjiħ li qed jogħlew b'mod rapidu u għalhekk tappoġġa s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. F'dan ir-rigward, il-kwalità u l-aċċessibbiltà għall-kura fit-tul għandhom jinżammu f'livell adegwat.

    (12)

    Ir-riformi proposti mill-Gvern fis-suq tax-xogħol jimmiraw li jżidu l-parteċipazzjoni u l-mobbiltà fis-suq tax-xogħol. L-Att tal-Parteċipazzjoni għandu l-għan li jsaħħaħ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Mandankollu, ir-riformi għadhom mhumiex miktuba f'liġi. Barra minn hekk, huma meħtieġa aktar miżuri biex jitnaqqsu d-diżinċentivi fiskali għax-xogħol u titjieb l-impjegabbiltà tal-persuni fil-marġini tas-suq tax-xogħol, fosthom in-nisa, nies bi sfond migratorju, nies b'diżabbiltà u l-anzjani. Il-Pajjiżi l-Baxxi ħabbru riformi fl-iskema tal-benefiċċji tal-qgħad u fil-leġiżlazzjoni relattivament stretta tal-protezzjoni tax-xogħol, inkluż inċentiv tat-taxxa biex tiżdied il-parteċipazzjoni. Madankollu, filwaqt li dawn il-miżuri jmorru fid-direzzjoni t-tajba, huma ma jistgħux jiġu vvalutati bis-sħiħ qabel jiġu implimentati fir-realtà. It-tħaffif tat-tneħħija tad-diżinċentivi li baqa' għal dawk l-unitajiet domestiċi b'tieni sors ta' introjtu biex iżidu s-siegħat li jaħdmu għandu l-potenzjali li jtaffi aktar in-nuqqas ta' forniment ta' ħaddiema fil-futur. Fl-aħħar mill-aħħar, l-użu aħjar tal-flessibbiltà eżistenti fil-qafas istituzzjonali għal żidiet aktar differenzjati fis-salarji jista' jsostni l-introjtu inġenerali tal-unitajiet domestiċi u għalhekk tad-domanda domestika mingħajr ma jkun ta' ħsara għall-kompetittività.

    (13)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni għamlet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda anki l-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew jidhru fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt.

    (14)

    Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà, u l-opinjoni tiegħu (6) hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

    (15)

    Fid-dawl tar-reviżjoni approfondita tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (2) u (4) hawn taħt.

    (16)

    Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro b'mod sħiħ. Fuq din il-bażi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (7). Bħala pajjiż li l-valuta tiegħu hija l-euro, il-Pajjiżi l-Baxxi għandu jiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawk ir-rakkomandazzjonijiet,

    B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Pajjiżi l-Baxxi jieħu azzjoni fil-perijodu 2014‐2015 sabiex:

    1.

    Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, isaħħaħ il-miżuri baġitarji għall-2014 fid-dawl tad-differenza emerġenti ta' 0,5 % tal-PDG abbażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni għall-2014, li jindika riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mqabbel mar-rekwiżiti tal-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-2015, isaħħaħ b'mod sinifikanti l-istrateġija baġitarja biex jiżgura li jintlaħaq l-objettiv ta’ terminu medju u wara dan jibqgħu jżommuh, u jiżguraw li r-regola tad-dejn tintlaħaq sabiex iżommu l-proporzjon tad-dejn ġenerali tal-gvern f'perkors sostenibbli 'l isfel. Jipproteġi n-nefqa f'oqsma li huma direttament rilevanti għat-tkabbir bħall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka.

    2.

    Fejn l-ambjent ekonomiku jippermetti dan, iżid l-isforzi biex jirriforma s-suq tad-djar billi jżid ir-ritmu tat-tnaqqis tad-deduċibbiltà tal-interessi ipoketarji mit-taxxa, billi jipprovdi għal mekkaniżmu tal-ipprezzar orjentat aktar lejn is-suq tal-kiri, u billi jorbot aktar il-kirjiet mal-introjtu tal-unitajiet domestiċi fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali. Jimmonitorja l-effetti tar-riformi fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali f'termini ta' aċċessibbiltà u affordabbiltà għall-unitajiet domestiċi bi dħul baxx. Ikompli l-isforzi biex jirridirezzjona l-politiki tal-akkomodazzjoni soċjali biex jgħin lill-unitajiet domestiċi l-aktar fil-bżonn.

    3.

    Jimplimenta riformi fit-tieni pilastru tas-sistema tal-pensjonijiet, jiżgura distribuzzjoni xierqa bejn il-ġenerazzjonijiet u fi ħdanhom tal-kostijiet u r-riskji. Jissottostanzjaw iż-żieda gradwali tal-età statutorja tal-irtirar b'miżuri biex itejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema ixjaħ. Jimplimenta r-riforma prevista fil-qasam tal-kura fit-tul bil-għan li jiżgura s-sostenibbiltà, filwaqt li jiżgura aċċess ġust u l-kwalità tas-servizzi u jimmonitorja l-effetti tagħha.

    4.

    Jieħdu aktar miżuri biex itejbu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol partikolarment fost persuni fil-marġini tas-suq tax-xogħol u jnaqqsu d-diżinċentivi tat-taxxa fuq ix-xogħol. Jimplimentaw riformi fil-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tax-xogħol u s-sistema tal-benefiċċji tal-qgħad, u jindirizzaw aktar ir-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol. F'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u skont il-prassi nazzjonali, jippermettu żidiet aktar differenzjati fis-salarji billi jużaw bis-sħiħ il-qafas istituzzjonali eżistenti.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. C. PADOAN


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

    (3)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi għall-2014 (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

    (4)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 89.

    (5)  Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

    (6)  Taħt l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

    (7)  Ara paġna 141 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.


    Top