EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014H0729(15)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-8 ta' Lulju 2014 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Ungerija u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Ungerija, 2014

ĠU C 247, 29.7.2014, p. 77–82 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

29.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 247/77


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-8 ta' Lulju 2014

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2014 tal-Ungerija u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza tal-Ungerija, 2014

2014/C 247/15

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, l-Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tinħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-kompetittività sostenibbli.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta Rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (3), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

(3)

Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri ddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-lievi, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4)

Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (4) dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma għall-2013 tal-Ungerija u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tal-Ungerija għall-perijodu 2013‐2016.

(5)

Fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li jimmarka l-bidu tas-Semestru Ewropew 2014 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-13 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih identifikat lill-Ungerija bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom ser issir reviżjoni fil-fond.

(6)

Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu garantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li ssir konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tkun favorevoli għat-tkabbir, biex jiġu rkuprati l-kondizzjonijiet normali ta’ self lill-ekonomija, għall-promozzjoni tat-tkabbir u l-kompetittività, għall-indirizzar tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u għall-immodernizzar tal-amministrazzjoni pubblika.

(7)

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid fil-fond għall-Ungerija, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Ungerija qiegħda tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi li jistħoqqilhom monitoraġġ u azzjoni politika deċiżiva. B'mod partikolari, l-aġġustament kontinwu tal-pożizzjoni internazzjonali nett negattiva ferm, il-livell għoli ta' dejn pubbliku u privat fil-kuntest ta' settur finanzjarju dgħajjef u prestazzjoni ta' esportazzjoni li qed tiddeterjora jibqgħu jistħoqqilhom attenzjoni mill-qrib ħafna bil-għan li jitnaqqsu r-riskji importanti ta' effetti negattivi ferm fuq il-funzjonament tal-ekonomija.

(8)

Fit-30 ta’ April 2014, l-Ungerija ressqet il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2014 u l-Programm ta' Konverġenza tagħha tal-2014. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(9)

L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta fil-Programm ta' Konverġenza tal-2014 huwa li jitnaqqas id-defiċit nominali minn 2,9 % tal-PDG fl-2014 għal 1,9 % sal-aħħar tal-perijodu tal-programm. Dan għandu jinkiseb bi proċess ta' konsolidazzjoni kkonċentrat bis-sħiħ fl-aħħar tal-perijodu, filwaqt li l-miri tad-defiċit ġew riveduti “l fuq meta mqabbla mal-Programm ta' Konverġenza ta' qabel. Il-Programm ta' Konverġenza jikkonferma l-objettiv ta' terminu medju ta' 1,7 % tal-PDG, li jirrifletti l-objettivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Madankollu, fuq il-bażi tal-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid, l-objettiv ta' terminu medju mhux mistenni li jinkiseb sal-aħħar tal-perijodu tal-programm. Il-bilanċ strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) huwa mistenni li jiddeterjora b'1,5 punti perċentwali fl-2014, u b'hekk jitbiegħed sew mill-objettiv ta' terminu medju, u ser jistabbilizza fl-2015, li jimplika nuqqas ta' 0,5 % tal-PDG mit-titjib meħtieġ lejn l-objettiv ta' terminu medju. Il-valur referenzjarju tan-nefqa juri devjazzjoni sinifikanti kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015. Il-bilanċ strutturali (ikkalkulat mill-ġdid) huwa mistenni li jiddeterjora aktar kemm fl-2016 kif ukoll fl-2017. B'mod ġenerali, mill-2014 hija mistennija devjazzjoni sinifikanti mill-proċess ta' aġġustament lejn l-objettiv ta' terminu medju. Il-Programm ta' Konverġenza jistenna tnaqqis gradwali iżda kontinwu fid-dejn tal-gvern minn 79 % tal-PDG fl-2013 għal madwar 75 % tal-PDG fl-2017. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji fil-Programm ta' Konverġenza huwa ġeneralment plawsibbli għall-2014‐2016, bil-PDG mistenni jikber bi 2,3 % u 2,5 % fl-2014 u l-2015 rispettivament, meta mqabbel ma”2,3 % u 2,1 % skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni. Madankollu, il-Programm ta' Konverġenza huwa ottimist wisq għall-2017.

Ir-riskji għall-miri baġitarji huma bbilanċjati b'mod ġenerali fl-2014, iżda hemm riskji li qed jiżdiedu li d-defiċit jista' jirriżulta ogħla milli previst mill-2015. Hemm riskji partikolari ġejjin mill-fatt li t-tnaqqis ippjanat mill-proporzjon tan-nefqa huwa mistenni li jintlaħaq bit-twaqqif ta' ffriżar nominali kullimkien jew ir-restrizzjoni ta' żidiet taħt ir-rata tal-inflazzjoni għal ħafna mill-oġġetti tal-infiq diskrezzjonali. It-tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tas-servizzi tal-Kummissjoni jistenna defiċit nominali għall-2014 u l-2015 identiku għall-miri tal-Programm ta' Konverġenza. B'defiċit strutturali mistenni ta' 2,2 % tal-PDG fl-2014 u 2,3 % fl-2015, it-tbassir tal-Kummissjoni jikkonferma r-riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv fuq terminu medju mill-2014. Aktar minn hekk, it-tbassir tal-Kummissjoni jimmira wkoll għan-nonkonformità mal-punt ta' riferiment għat-tnaqqis tad-dejn fl-2014 u l-2015. Fl-2014, id-deterjorament projettat tal-bilanċ strutturali (‐ 1,4 % tal-PDG) huwa akbar minn dak li huwa permess għall-konformità mar-regola dwar id-dejn (‐ 0,5 % tal-PDG). Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Konverġenza u t-tbassir tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm bżonn ta' aktar sforzi ta' konsolidazzjoni strutturali fid-dawl tar-riskji ta' devjazzjoni sinifikanti mill-objettivi fuq terminu medju kif ukoll tan-nonkonformità mar-regola dwar id-dejn mill-2014.

(10)

Il-qafas baġitarju fuq terminu medju ġie msaħħaħ bl-estensjoni tal-orizzont ta' ppjanar lil hinn mis-sena baġitarja attwali. L-effettività u n-natura vinkolanti tiegħu madankollu għadhom mhumiex żgurati. Ġew introdotti regoli fiskali numeriċi ġodda, iżda d-dgħufijiet fit-tfassil għadhom ma tranġawx, l-aktar minħabba n-nuqqas ta' monitoraġġ ex post sistematiku, n-nuqqas ta' livelli ta' devjazzjoni massimi permissibbli u mekkaniżmi ta' korrezzjoni tajbin. Il-lista limitata tal-kompiti mandatorji tal-Kunsill Fiskali u l-kapaċità analitika tiegħu għadhom mhumiex proporzjonati mad-dritt tal-veto baġitarju tiegħu. It-tisħiħ ulterjuri tal-qafas baġitarju fuq terminu medju u t-twessigħ tal-mandat obbligatorju tal-Kunsill Fiskali, jgħinu fit-titjib tal-kredibbiltà, t-trasparenza u l-effettività tal-qafas fiskali globali.

(11)

Minkejja l-iskema “Fondi għat-Tkabbir” issussidjata tal-Bank Ċentrali, għal intrapriżi żgħar u medji, ir-ritorn għas-self normali lill-ekonomija ma qabadx ritmu b'mod sostenibbli. Il-piż regolatorju fuq is-settur finanzjarju kompla żdied, u l-kapaċità ta' akkumulazzjoni kapitali ġiet limitata. Miżuri bħaż-żieda tat-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji, għenu fiż-żieda fl-użu ta' kontanti tal-ekonomija. Il-portafoll domestiku kompla jmur għall-agħar u l-proporzjon għoli ta' self li ma jrendix attwalment jirrappreżenta waħda mill-akbar sfidi għas-settur finanzjarju. It-tindif tal-portafoll huwa mxekkel mill-effiċjenza dgħajfa tal-proċeduri ta' riżoluzzjoni. L-ebda miżura ġdida sostanzjali ma ttieħdet biex jitneħħew l-assi ħżiena mill-karta tal-bilanċ tal-bank. L-għaqda ta' piż regolatorju kbir u proporzjon għoli ta' self li ma jrendix wasslet għal pressjoni fuq il-krediti disponibbli. Il-gvern ħabbar kemm-il darba l-intenzjoni tiegħu li jintroduċi skema ġdida ta' ħelsien biex tassisti lill-mutwatarji tal-muniti barranin; f'ħafna każijiet, dawn ma jolqtux lill-mutwatarji f'diffikultà u jkollhom impatt negattiv fuq il-kultura tal-pagament tal-unitajiet domestiċi, minħabba l-aspettattiva ta' aktar għajnuna mill-gvern. Ir-regolazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja ssaħħu bl-integrazzjoni tal-Awtorità tas-Sorveljanza Finanzjarja fl-istruttura ċentrali tal-bank u bl-għoti tar-responsabbiltà tas-sorveljanza makroprudenzjali lill-bank ċentrali. Beda x-xogħol preparatorju fl-istabbiliment ta' reġim ta' riżoluzzjoni bankarja.

(12)

Minkejja li l-frekwenza tal-bidliet ta' taxxi naqset meta mqabbla mas-sena ta' qabel, ma sar ebda progress sostanzjali biex is-sistema fiskali korporattiva ssir aktar ibbilanċjata. Uħud mit-taxxi speċifiċi għas-setturi attwali ġew saħansitra miżjuda. L-applikazzjoni tar-rati tat-taxxa differenti tul is-setturi hija ostakolu għall-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi u għalhekk teffettwa t-tkabbir b'mod negattiv. Biex it-tassazzjoni tiffavorixxi aktar l-impjiegi, l-Ungerija wessgħet l-eliġibbiltà għall-kreditu tat-taxxa tal-familja fuq it-taxxa tad-dħul personali, li tista' tgħin lil ħaddiema bil-paga. Il-proporzjon ta' taxxa fuq persuni weħedhom bi dħul baxx huwa wieħed mill-ogħla fl-Unjoni. Minkejja t-twessiegħ parzjali tal-kamp ta' applikazzjoni għal ommijiet bi tliet itfal jew iktar, il-kriterji ta' eliġibbiltà għall-Att tal-Protezzjoni tal-Impjiegi baqgħu essenzjalment l-istess, anke jekk proporzjon sinifikanti ta' ħaddiema b'pagi baxxi jibqgħu barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura. Ser ikun importanti li wieħed jevalwa l-impatt u l-kosteffettività tal-iskema u li tiġi adattata bħala neċessarja biex tkabbar il-kapaċità tagħha li ddaħħal in-nies fl-impjieg. Sar xi progress fit-trasferiment tat-tassazzjoni 'l bogħod mix-xogħol lejn it-taxxi ambjentali, iżda huma meħtieġa miżuri addizzjonali. Ir-rabta online tal-cash registers mal-awtorità tat-taxxa qiegħda tiġi implimentata gradwalment, wara dewmien ripetut fil-passat. Madankollu, l-Ungerija għadha tbati minn livell għoli ta' nonkonformità mat-taxxa, b'livell miżmum ta' xogħol mhux iddikjarat u d-distakk tal-konformità mal-VAT. Il-miżuri ta' kontroll għandhom jissaħħu b'mod partikolari b'ħarsa lejn it-titjib tal-effiċjenza tal-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT.

(13)

Ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, naqset fl-2013, filwaqt li żdiedet ir-rata ta' żgħażagħ li jinsabu barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ. Il-koordinazzjoni effiċjenti mill-fergħat tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi ma' istituzzjonijiet edukattivi u partijiet interessati lokali tista' żżid il-komunikazzjoni. It-tisħiħ tal-kapaċitajiet fis-servizz pubbliku tal-impjieg, inkluż it-tħejjija ta' sistema tal-profili tal-klijenti, beda, filwaqt li l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol għas-suq tax-xogħol miftuħ għandhom jiġu evalwati biex jiġu vvalutati l-effiċjenza u l-effettività tagħhom u jekk meħtieġ jiġu adattati biex itejbu l-aċċess għas-suq tax-xogħol għal xi gruppi żvantaġġati. Jeħtieġ li jiġi msaħħaħ l-element ta' attivazzjoni fi swieq tax-xogħol u miżuri soċjali differenti (Skema tax-Xogħlijiet Pubbliċi, benefiċċju tal-qgħad, assistenza soċjali). L-Iskema tax-Xogħlijiet Pubbliċi tiġbed il-maġġoranza tar-riżorsi baġitarji disponibbli għal miżuri għall-impjieġ, iżda fl-2013, 11,54 % tal-parteċipanti tagħha kienu kapaċi jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol miftuħ wara li ħarġu mill-iskema. Dan qajjem it-tħassib dwar jekk l-iskema għandhiex tkun adattata, per eżempju bil-bini ta' konnessjonijiet aktar b'saħħithom għall-attivazzjoni, taħriġ u appoġġ għat-tfittix tax-xogħol, biex jiġi żgurat impatt tal-impjiegi aktar dejjiemi. Il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, ġiet imħeġġa minn flessibbiltà akbar fis-sistema tal-liv tal-ġenituri mħallas u l-forniment ta' kapaċitajiet tal-indukrar tat-tfal, iżda huma meħtieġa aktar sforzi minħabba li l-livelli ta' impjieg fost in-nisa jibqgħu taħt is-60 %. Il-perijodu ta' eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-qgħad huwa iqsar miż-żmien medju meħtieġ minn dawk li jfittxu x-xogħol biex isibu xogħol. In-numru ta' nies f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fl-Ungerija qed jikber b'mod stabbli u bħalissa jirrappreżenta kważi terz tal-popolazzjoni kollha. Il-faqar ikompli jaffettwa gruppi żvantaġġati b'mod sproporzjonat, b'mod partikolari t-tfal u r-Rom. Filwaqt li hemm fis-seħħ Strateġija Nazzjonali tal-Inklużjoni Soċjali, il-miżuri politiċi f'ħafna oqsma ma jippromwovux sistematikament l-għanijiet iddefiniti minn dik l-istrateġija. Huma meħtieġa miżuri politiċi integrati u simplifikati biex inaqqsu l-faqar b'mod effettiv.

(14)

L-ambjent kummerċjali fl-Ungerija huwa kkaratterizzat minn tibdil frekwenti fil-qafas regolatorju u l-kompetizzjoni limitata f'numru dejjem akbar ta' setturi. Ġew introdotti ostakoli ġodda fis-settur tas-servizzi u dawk eżistenti ma tneħħewx (pereżempju l-ispiżeriji, l-immaniġġjar tal-iskart, il-pagament bil-mowbajl, il-bejgħ bl-imnut tat-tabakk u l-kotba tal-iskola). L-investiment naqas b'mod partikolarment qawwi f'dawk is-setturi li fihom ġew imposti soprataxxi speċifiċi għas-setturi imposti fis-snin reċenti. Bejn l-2010 u l-2013, l-investiment nominali naqas b'44 % fl-enerġija, 28 % fil-finanzi u 18 % fis-setturi tal-komunikazzjoni, filwaqt li żdied bi 3,4 % b'mod ġenerali. Sar xi progress fit-titjib tal-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku, iżda huma meħtieġa sforzi ulterjuri. Per eżempju, aktar dipendenza fuq l-akkwist elettroniku tista' tiġġenera ffrankar ta' flus sinifikanti, ittejjeb it-trasparenza tal-akkwist pubbliku u żżid il-kompetizzjoni. Ittieħdu passi biex jiġu implimentati strateġiji ta' integrità u biex jiġu promossi standards ta' trasparenza aħjar fl-amministrazzjoni pubblika, iżda huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex il-korruzzjoni tiġi indirizzata b'mod effettiv.

(15)

Il-proporzjon ta' dawk li jieqfu mill-iskola qabel iż-żmien qed jikber u kien hemm dewmien ripetut fl-adozzjoni ta' strateġija ta' prevenzjoni ta' tluq bikri mill-iskola. Huma meħtieġa aktar sforzi biex l-istudenti jingħataw ħiliet, kompetenzi u kwalifiki bażiċi li huma rilevanti għas-suq tax-xogħol. L-aċċess ugwali għal edukazzjoni integrata ta' kwalità jibqa' problema ewlenija għat-tfal żvantaġġati, b'mod partikolari r-Rom. Ġiet ippromulgata liġi ġdida dwar it-taħriġ vokazzjonali, li fost l-oħrajn tintroduċi “mudell doppju” ġdid, biex tnaqqas it-transizzjoni li għadha diffiċli mill-edukazzjoni għas-suq tax-xogħol, li l-effetti tagħha għandhom jiġu segwiti mill-qrib.

(16)

L-Ungerija kompliet timplimenta tnaqqis fil-prezzijiet tal-elettriku u tal-gass għall-utent aħħari fl-2013 u l-2014. Dan it-tnaqqis fil-prezzijiet, flimkien mal-piż żejjed tat-taxxa fuq il-kumpanniji tal-enerġija, affettwaw b'mod negattiv il-kapaċità tal-fornituri li jirkupraw l-investimenti tal-ispejjeż u l-enerġija u l-manutenzjoni tan-netwerk. Bħalissa, l-intensità enerġetika domestika hija fost l-ogħla fl-Unjoni u l-effiċjenza enerġetika tista' titjieb b'mod partikolari fis-settur residenzjali. In-nuqqas ta' indipendenza tar-regolatur tal-enerġija fl-iffissar ta' kundizzjonijiet u tariffi għall-aċċess għan-netwerk jibqgħu ta' tħassib. Ittieħdu xi passi biex l-organizzazzjoni tal-kumpanniji tat-trasport pubbliku tiġi ssimplifikata, iżda s-sostenibbiltà tista' titjieb aktar billi jiġu indirizzati l-ispejjeż operattivi u tinbidel is-sistema tariffarja.

(17)

Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ungerija. Hija vvalutat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Konverġenza. Hija kkunsidrat mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Ungerija, iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-linji gwida tal-UE, minħabba l-bżonn li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni permezz ta' kontribut fil-livell tal-UE f'deċiżjonijiet nazzjonali tal-futur. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha taħt is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (7) hawn taħt.

(18)

Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Konverġenza, u l-opinjoni (5) tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt.

(19)

Fid-dawl tar-rieżami fil-fond u din il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (5) hawn taħt,

B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fil-perijodu 2014‐2015 biex:

1.

Issaħħaħ il-miżuri baġitarji għall-2014 fid-dawl tad-distakk emerġenti relattiv għar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir ibbażat fuq it-tbassir tar-Rebbiegħa 2014 tal-Kummissjoni. Fl-2015, u wara, issaħħaħ b'mod sinifikanti l-istrateġija baġitarja biex tiżgura li jintlaħaq l-objettiv fuq terminu medju u l-konformità mar-rekwiżiti ta' tnaqqis tad-dejn biex il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jinżamm fit-triq ta' tnaqqis sostnut. Tiżgura n-natura vinkolanti tal-qafas baġitarju fuq terminu medju permezz ta' monitoraġġ sistematiku ex post tal-konformità mar-regoli fiskali numeriċi u l-użu ta' mekkaniżmi korrettivi. Ittejjeb it-trasparenza tal-finanzi pubbliċi, inkluż permezz tat-twessigħ tal-mandat obbligatorju tal-Kunsill Fiskali, billi teħtieġ il-preparazzjoni ta' tbassir makrofiskali regolari u l-valutazzjonijiet tal-impatt ta' proposti importanti ta' politika.

2.

Tgħin biex jerġa' jkun hemm flussi ta' self normali fl-ekonomija, fost l-oħrajn billi ttejjeb id-disinn ta' u tnaqqas il-piż tat-taxxi imposti fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji. Taġġusta t-taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji sabiex tevita d-devjazzjoni tat-tfaddil mis-settur bankarju u ssaħħaħ l-inċentivi għall-użu ta' pagamenti elettroniċi. Tinvestiga u tneħħi ostakoli għat-tindif tal-portafoll, fost l-oħrajn tissikka r-regoli tal-proviżjonament għal self ristrutturat, tneħħi l-ostakoli għall-esklużjoni kollaterali kif ukoll iżżid il-veloċità u l-effiċjenza tal-proċedimenti ta' insolvenza. F'dan ir-rigward, tikkonsulta mill-qrib il-partijiet interessati dwar inizjattivi ġodda ta' politika u tiżgura li dawn ikunu mmirati sew u ma jżidux il-periklu morali għall-mutwatarji. Tkompli ttejjeb ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarja.

3.

Tiżgura sistema fiskali stabbli, aktar ibbilanċjata u ssimplifikata għall-kumpanniji bit-tneħħija gradwali ta' taxxi speċifiċi għas-setturi distorsivi. Tnaqqas il-proporzjon tat-taxxa għal dawk bi dħul baxx, fost l-oħrajn billi ttejjeb l-effiċjenza tat-taxxi ambjentali. Iżżid il-miżuri biex titjieb il-konformità mat-taxxa - b'mod partikolari biex tnaqqas il-frodi tal-VAT - u tnaqqas l-ispiża ġenerali tagħha.

4.

Issaħħaħ il-politiki attivi fis-suq tax-xogħol, fost l-oħrajn billi tgħaġġel l-introduzzjoni tas-sistema tal-profili tal-klijenti tas-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi. Timplimenta n-netwerk ippjanat ta' mentoring taż-żgħażagħ u tikkoordinah ma' istituzzjonijiet edukattivi u partijiet interessati lokali biex iżżid il-komunikazzjoni. Twettaq rieżami tal-iskema pubblika tax-xogħol biex tevalwa l-effettività tagħha fl-għajnuna li tagħti lin-nies biex isibu tibdil sussegwenti u ssaħħaħ aktar l-elementi ta' attivazzjoni tagħha. Tikkunsidra li żżid il-perijodu ta' eliġibbiltà għall-benefiċċji tal-qgħad, filwaqt li tqis il-ħin medju meħtieġ biex jinstab xogħol ġdid u r-rabta mal-miżuri ta' attivazzjoni. Ittejjeb l-adegwatezza u l-kamp ta' applikazzjoni tal-assistenza soċjali filwaqt li ssaħħaħ ir-rabta mal-attivazzjoni. Sabiex jittaffa l-faqar, timplimenta miżuri politiċi ssimplifikati u integrati biex jonqos il-faqar b'mod sinifikanti, l-aktar fost it-tfal u r-Rom.

5.

Tistabbilizza l-qafas regolatorju u trawwem kompetizzjoni tas-suq, fost l-oħrajn billi tneħħi l-ostakoli fis-settur tas-servizzi. Tieħu passi aktar ambizzjużi biex iżżid il-kompetizzjoni u t-trasparenza fl-akkwist pubbliku, inkluż l-użu aħjar tal-akkwist elettroniku, kif ukoll tnaqqas il-korruzzjoni u l-piż amministrattiv ġenerali.

6.

Timplimenta strateġija nazzjonali dwar il-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u tiffoka fuq it-tfal li jieqfu mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Tistabbilixxi approċċ sistematiku biex tippromwovi l-edukazzjoni tradizzjonali inklużiva għal gruppi żvantaġġati, b'mod partikolari għar-Rom. Tappoġġa t-transizzjoni bejn l-istadji differenti tal-edukazzjoni u lejn is-suq tax-xogħol u tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-riforma tat-taħriġ vokazzjonali. Timplimenta riforma fl-edukazzjoni għolja li tippermetti kisba terzjarja akbar, b'mod partikolari għal studenti żvantaġġati.

7.

Twettaq rieżami tal-impatt tar-regolazzjoni tal-prezzijiet tal-enerġija fuq l-inċentivi għall-investiment u dwar il-kompetizzjoni fis-swieq tal-elettriku u tal-gass. Tieħu aktar passi biex tiżgura l-awtonomija tar-regolatur nazzjonali fit-twaqqif tat-tariffi u l-kundizzjonijiet tan-netwerk. Tieħu miżuri biex iżżid l-effiċjenza enerġetika, l-aktar fis-settur residenzjali. Iżżid aktar is-sostenibbiltà tas-sistema tat-trasport, fost l-oħrajn billi tnaqqas l-ispejjeż operattivi u tirrevedi s-sistema tariffarja ta' intrapriżi li huma proprjetà tal-Istat fis-settur tat-trasport.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Lulju 2014.

Għall-Kunsill

Il-President

P. C. PADOAN


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

(3)  Miżmuma għall-2014 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/322/UE tas-6 ta' Mejju 2014 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 165, 4.6.2014, p. 49).

(4)  ĠU C 217, 30.7.2013, p. 37.

(5)  Taħt l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top