Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0860

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/860/PESK tal- 1 ta' Diċembru 2014 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2012/173/PESK dwar l-attivazzjoni taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni fil-Qarn tal-Afrika

    ĠU L 346, 2.12.2014, p. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/860/oj

    2.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 346/32


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/860/PESK

    tal-1 ta' Diċembru 2014

    li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2012/173/PESK dwar l-attivazzjoni taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni fil-Qarn tal-Afrika

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fid-9 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/725/PESK (1), li emendat u estendiet id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/173/PESK (2).

    (2)

    F'konformità mal-eżitu tar-Rieżami taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE, il-mandat tiegħu għandu jiġi estiż sa Diċembru 2016. Dan jippermetti wkoll li jkun hemm żmien biżżejjed biex titħejja transizzjoni tal-funzjonijiet u r-riżorsi ta' koordinazzjoni u ppjanar tiegħu lejn l-istrutturi tas-SEAE/PSDK fuq bażi permanenti, fil-kuntest tal-proċess ta' rieżami tas-SEAE li għandu jitmexxa mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ), b'kont debitu meħud tal-qafas istituzzjonali u l-proċeduri applikabbli. Wara tali transizzjoni, ma jkunx hemm ħtieġa għal estensjoni ulterjuri tal-mandat. Għalhekk, kwalunkwe entità ġdida futura fi ħdan l-istrutturi tas-SEAE/PSDK li twettaq funzjonijiet ta' appoġġ għall-koordinazzjoni u ppjanar ikollha isem differenti li jirrifletti dan ir-rwol. Fl-interim, iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandu jespandi r-rwol tiegħu ta' appoġġ għall-koordinazzjoni u ppjanar fil-oqsma ċivili u militari u jassumi responsabbiltà ġeografika msaħħa għar-reġjun tas-Saħel, fil-limitu tar-riżorsi u persunal stabbilit. Kwalunkwe espansjoni ġeografika lil hinn mir-reġjun tas-Saħel tirrikjedi ftehim separat tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS).

    (3)

    Id-Deċiżjoni 2012/173/PESK għandha għalhekk tiġi emendata u estiża skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2012/173/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    it-Titolu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/173/PESK tat-23 ta' Marzu 2012 dwar l-attivazzjoni taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni fil-Qarn tal-Afrika u fir-reġjun tas-Saħel”

    .

    (2)

    Fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandu jappoġġa l-missjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) EUTM Somalia, EUCAP Nestor u l-operazzjoni Atalanta fil-Qarn tal-Afrika u għandu jappoġġa l-missjonijiet tal-PSDK EUTM Mali, EUCAP Sahel Niger u EUCAP Sahel Mali fir-reġjun tas-Saħel.”

    .

    (3)

    L-Artikolu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Mandat u kompiti

    1.   Iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandu jipprovdi appoġġ fil-qasam tal-ippjanar operattiv u t-tmexxija tal-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK fil-Qarn tal-Afrika u fir-reġjun tas-Saħel bil-ħsieb li jiżdiedu l-effiċjenza, il-koerenza u s-sinerġiji għall-PSDK fiż-żewġ reġjuni. F'dan il-qafas iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandu jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni, itejjeb il-koordinazzjoni u jsaħħaħ is-sinerġiji ċivili-militari.

    2.   Iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

    (a)

    jipprovdi appoġġ dirett lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija operattivi tal-missjonijiet ċivili fil-Qarn tal-Afrika u fir-reġjun tas-Saħel, billi juża l-kompetenzi militari u l-kompetenzi ta' ppjanar speċjalizzati tiegħu;

    (b)

    jipprovdi appoġġ lill-Kmandanti tal-Missjonijiet u l-Operazzjoni militari fil-Qarn tal-Afrika u fir-reġjun tas-Saħel;

    (c)

    jipprovdi appoġġ lid-Direttorat tal-Maniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD), fuq talba tiegħu, fl-ippjanar strateġiku tiegħu għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK fil-Qarn tal-Afrika u fir-reġjun tas-Saħel;

    (d)

    jiffaċilita l-interazzjoni bejn il-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK rispettivi u l-istrutturi bbażati fi Brussell. Fir-rigward tal-każijiet pilota ‘taħriġ u tagħmir’ f'Mali u s-Somalja, iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE jista' b'mod utli jipprovdi appoġġ għal mekkaniżmu ta' koordinazzjoni funzjonali, fid-dawl tal-pjan ta' implimentazzjoni tiegħu;

    (e)

    jiffaċilita l-koordinazzjoni u jtejjeb is-sinerġiji fost il-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK fil-Qarn tal-Afrika, fil-kuntest tal-istrateġija għall-Qarn tal-Afrika u f'kollaborazzjoni mar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika u l-Mibgħut Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Somalja;

    (f)

    jiffaċilita l-koordinazzjoni u jtejjeb is-sinerġiji fost il-missjonijiet tal-PSDK fir-reġjun tas-Saħel, fil-kuntest tal-Istrateġija għas-Saħel u f'kollaborazzjoni mar-RSUE.

    3.   L-implimentazzjoni tal-mandat u l-kompiti għandhom jiġu elaborati fi pjan ta' implimentazzjoni li għandu jiġi ppreżentat lill-KPS u jkun soġġett għal reviżjoni.”

    .

    (4)

    L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafi 1 u 1a huma sostitwiti b'dan li ġej;

    “1.   Il-Kunsill b'dan jawtorizza lill-KPS, f'konformità mal-Artikolu 38 tat-Trattat, biex jieħu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-Kap taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE.”

    ;

    (b)

    il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “4.   Il-Kap taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandu jkun responsabbli li jwieġeb għat-talbiet indirizzati liċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE mill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili, il-Kmandanti tal-Operazzjoni u tal-Missjoni tal-missjonijiet tal-PSDK fil-Qarn tal-Afrika u fir-reġjun tas-Saħel u mis-CMPD. Huwa għandu jiżgura l-funzjonament korrett taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE u jikkoordina l-użu effiċjenti tal-kapaċitajiet tiegħu. Ir-responsabbiltà finali għad-dokumenti u d-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar operattiv dwar it-twettiq tal-missjonijiet u l-operazzjoni għandha tibqa' rispettivament tal-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u l-Kmandanti rispettivi tal-Operazzjoni u tal-Missjoni fil-Qarn tal-Afrika u fir-reġjun tas-Saħel.”

    ;

    (c)

    il-paragrafu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “5.   Fil-limiti tar-responsabbiltà tiegħu, il-Kap taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandu jirrapporta regolarment lill-KPS u lill-EUMC, kif adatt.”

    .

    (5)

    L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “1.   Iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandu jkun magħmul minn persunal issekondat mill-Istati Membri u pprovdut mill-EUMS. Iċ-ċelloli rilevanti ta' kollegament u ta' appoġġ tal-missjonijiet u l-operazzjoni militari fil-Qarn tal-Afrika u fir-reġjun tas-Saħel għandhom jiġu integrati fiċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE, mingħajr preġudizzju għal-linji ta' kmand attwali.”

    ;

    (b)

    fil-paragrafu 2, l-ewwel sentenza hija sostitwita b'dan li ġej:

    “2.   Ir-riżorsi umani mqiegħda għad-dispożizzjoni taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandhom ikopru l-kompetenzi esperti militari kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni korretta tal-mandat u l-kompiti tiegħu abbażi ta' pjan ta' implimentazzjoni ppreżentat lill-KPS u għandhom ikunu soġġetti għall-reviżjoni regolari.”

    ;

    (c)

    il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “3.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji ta' sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (*).

    (*)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).”"

    .

    (6)

    L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 5

    Organizzazzjoni

    Iċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għandu jkun organizzat skont ir-responsabbiltajiet funzjonali u ġeografiċi li jikkorrispondu għar-rekwiżiti tal-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK li huwa jappoġġa.”

    .

    (7)

    L-Artikolu 8 jitħassar.

    (8)

    Fl-Artikolu 9, it-tieni paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Hija għandha tapplika mit-23 ta' Marzu 2012 sal-31 ta' Diċembru 2016.”

    .

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Diċembru 2014.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. LORENZIN


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/725/PESK tad-9 ta' Diċembru 2013 li temenda u testendi d-Deċiżjoni 2012/173/PESK dwar l-attivazzjoni taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni fil-Qarn tal-Afrika (ĠU L 329, 10.12.2013, p. 39).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/173/PESK tat-23 ta' Marzu 2012 dwar l-attivazzjoni taċ-Ċentru ta' Operazzjonijiet tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni fil-Qarn tal-Afrika (ĠU L 89, 27.3.2012, p. 66).


    Top