EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0672

2014/672/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal- 24 ta' Settembru 2014 dwar l-estensjoni tal-ħatra tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew

ĠU L 281, 25.9.2014, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2016; Imħassar b' 32016D2296

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/672/oj

25.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 281/5


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta' Settembru 2014

dwar l-estensjoni tal-ħatra tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew

(2014/672/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2010 (2), l-organizzazzjoni Ewropea għas-sikurezza tan-navigazzjoni tal-ajru (Eurocontrol) stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali tat-13 ta' Diċembru 1960 li tirrelata mal-Koperazzjoni għas-Sigurezza tan-Navigazzjoni tal-Ajru, kif emendata fit-12 ta' Frar 1981 u riveduta fis-27 ta' Ġunju 1997, filwaqt li taġixxi permezz tal-Kummissjoni ta' Analiżi tal-Prestazzjoni appoġġata mill-unità għall-analiżi tal-prestazzjoni, nħatret bħala l-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew għal perjodu li jintemm fit-30 ta' Ġunju 2015.

(2)

Bl-ittra tal-11 ta' Awwissu 2010, il-Kummissjoni ħatret il-President tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni u bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2013 (3) il-Kummissjoni approvat il-membri ta' dak il-korp, it-tnjen li huma għal perjodu li jintemm fit-30 ta' Ġunju 2015.

(3)

Meta wieħed jikkunsidra l-kompiti importanti ta' dan il-korp, kif stabbiliti fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 (4), jeħtieġ li wara t-30 ta' Ġunju 2015 jibqa' jinkiseb l-appoġġ espert biex jassisti lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali u għalhekk li jinħatar Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni għal perjodu addizzjonali.

(4)

Wara li jintemm l-ewwel perjodu ta' referenza, li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-impatt, l-ambitu u l-effkaċja tal-iskema ta' prestazzjoni, li tinkludi wkoll il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni. Fid-dawl ta' dan, huwa xieraq li l-perjodu addizzjonali tal-ħatra tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni jintemm fil-31 ta' Diċembru 2016, sabiex ma jkunx antiċipat ir-riżultat ta' dan il-proċess ta' reviżjoni, li jista' jwassal għal bidliet fil-futur fil-kompiti, fil-ħatra u fil-kompożizzjoni ta' dak il-korp. Id-data ta' tmiem tal-31 ta' Diċembru 2016 hija wkoll konsistenti mal-perjodu ta' referenza skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 390/2013, sakemm tippermetti lill-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni jiffinalizza l-ħidma tiegħu fir-rigward tal-adozzjoni tal-pjanijiet ta' prestazzjoni għat-tieni perjodu ta' referenza (2015–19), biex jiġu żviluppati miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha bil-ħsieb tal-applikazzjoni tagħhom mill-2017 fir-rigward tal-ispiża determinata għal kull unità għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru tat-terminal, u biex fl-2016 jiġu vvalutati s-suppożizzjonijiet tat-traffiku li ntużaw sabiex jiġi stabbilit miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza.

(5)

Il-Kummissjoni għall-Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Eurocontrol, li f'dan iż-żmien għadha tikkostitwixxi l-aktar korp adegwat biex iwettaq dawk il-kompiti, ma esprimiet l-ebda oġġezzjoni li tinħatar bħala l-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni għal perjodu addizzjonali. Il-President u l-membri ta' dan il-korp, li qabel kienu magħżula skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 4(4) u 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2010, indikaw ukoll id-disponibbiltà tagħhom għal tiġdid ta' żmien. Meta jitqies it-tul ta' żmien limitat ta' dan il-perjodu addizzjonali u l-importanza li tiġi żgurata l-kontinwità fil-bidu tal-perjodu ta' referenza, mhuwiex xieraq li tinbeda proċedura ġdida ta' selezzjoni f'dan l-istadju.

(6)

Il-ħatra tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni u l-ħatra tal-President u l-membri tiegħu għandhom għalhekk jiġu mġedda, għal perjodu li jintemm fil-31 ta' Diċembru 2016.

(7)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni jrid ikun imparzjali, irid ikollu kompetenzi xierqa meta jwettaq il-kompiti fdati lilu u jrid jaġixxi b'mod indipendenti. Għalhekk għandhom jiġu previsti salvagwardji xierqa f'dan ir-rigward. Għandu wkoll jiġi speċifikat kif dan il-korp għandu jirrapporta lill-Kummissjoni.

(8)

Sabiex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti regoli xierqa dwar ir-regoli ta' proċedura, ir-rekwiżiti ta' votazzjoni meħtieġa u l-finanzjament tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni.

(9)

Fl-interess taċ-ċarezza, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2010 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2013 għandhom jiġu revokati.

(10)

Sabiex tkun assigurata l-kontinwità legali, din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Lulju 2015,

(11)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku stabbilit bl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ħatra tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għall-Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Eurocontrol, appoġġata mill-unità għall-analiżi tal-prestazzjoni tal-aġenzija Eurocontrol, hija maħtura bħala l-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew sal-31 ta' Diċembru 2016.

2.   Il-ħatra hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni jżomm il-kompetenza kollettiva fl-erba' oqsma ta' prestazzjoni ewlenin tas-sikurezza, tal-kapaċità, tal-ambjent u tal-kosteffiċjenza u li jkun ipprovdut lilu appoġġ suffiċjenti, indipendenti u kompetenti mill-unità għall-analiżi tal-prestazzjoni tal-Eurocontrol.

3.   Meta jkun qed iwettaq il-kompiti fdati lilu b'din id-Deċiżjoni, il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni u l-membri individwali tiegħu għandhom ikunu imparzjali u għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom b'indipendenza, filwaqt li jevitaw kunflitti ta' interess.

4.   Il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jingħata aċċess għad-dejta relatata mal-prestazzjoni msemmija fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, disponibbli fil-Eurocontrol.

Artikolu 2

Rappurtar

1.   Il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jaġixxi bi trasparenza sħiħa u għandu jirrapporta direttament lill-Kummissjoni. Ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu għandhom ikunu l-proprjetà tal-Kummissjoni. Il-pubblikazzjoni u t-tqassim ta' dawk ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet se jeħtieġu l-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Kummissjoni.

2.   Darba fis-sena, il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jirrapporta lill-Kummissjoni:

(a)

dwar il-kooperazzjoni tiegħu mal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u dwar l-arranġamenti ta' ħidma flimkien mal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni tal-arju, mal-operaturi tal-ajruporti, mal-koordinaturi tal-ajruporti u mat-trasportaturi tal-ajru, kif imsemmi fl-Artikolu 3(7) u (8) tar-Regolament (UE) Nru 390/2013, rispettivament;

(b)

dwar il-ħidma mwettqa skont din id-Deċiżjoni u dwar l-użu tar-riżorsi tiegħu.

Artikolu 3

Ħatra tal-President u l-membri

1.   Il-President u l-membri tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni huma elenkati fl-Anness.

2.   Il-President u l-membri għandhom jiffirmaw dikjarazzjoni li permezz tagħha jimpenjaw ruħhom li jeżerċitaw id-dmirijiet tagħhom fi ħdan il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni b'mod indipendenti.

3.   Jekk il-President jew membru jitlaq il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni qabel il-31 ta' Diċembru 2016, għandu jintagħżel supplenti minn fost il-kandidati, li jkollu l-esperjenza u l-kompetenza xierqa, kif ukoll indipendenza u ma jrid ikollu l-ebda kunflitt ta' interess. Dak is-supplenti għandu jinħatar mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013.

Artikolu 4

Regoli ta' Proċedura

1.   Il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu, wara li jkunu approvati mill-Kummissjoni, b'votazzjoni ta' maġġoranza sempliċi.

2.   Il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni għandu jadotta r-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'votazzjoni ta' maġġoranza sempliċi.

Artikolu 5

Finanzjament

1.   Il-ħidma tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni biex iwettaq l-kompiti msemmija fl-Artikolu 3(3), (4), (5) u (6)(a) tar-Regolament (UE) Nru 390/2013, inklużi l-ispejjeż tal-President u l-membri tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni kif ukoll tal-ispejjeż tal-persunal rilevanti tal-unità għall-analiżi tal-prestazzjoni tal-Eurocontrol, għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni.

2.   Il-kompiti msemmija fl-Artikolu 3(6)(b) u (c) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 għandhom ikunu suġġetti għal finanzjament speċifiku minn Stat(i) li jkopri l-ispejjeż addizzjonali mġarrba li jirriżultaw mit-talba għall-assistenza tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni lill-Istat(i) Membru/Membri kkonċernat(i).

Artikolu 6

Terminazzjoni kmieni

1.   In-nuqqas ta' konformità mill-President jew mill-membri tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandu jagħti lill-Kummissjoni d-dritt li tittermina l-ħatra tagħhom.

2.   In-nuqqas ta' konformità mill-Eurocontrol mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandu jagħti lill-Kummissjoni d-dritt li tirrevedi jew tittermina l-ħatra wara notifka bil-kitba, tliet xhur minn qabel.

Artikolu 7

Tħassir

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Lulju 2010 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Lulju 2013 huma revokati.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2015 u japplika sal-31 ta' Diċembru 2016.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Settembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  C(2010)5134 final.

(3)  C(2013)4651 final.

(4)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk (ĠU L 128, 9.5.2013, p. 1).


ANNESS

IL-PRESIDENT U L-MEMBRI TAL-KORP TA' ANALIŻI TAL-PRESTAZZJONI

Il-President tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni:

GRIFFITHS Peter

Il-membri tal-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni:

BARTHELEMY Laurent

BAUMGARTNER Marc

BILLINGER Nils Gunnar

BRUN René

BUJIA LORENZO Juan Manuel

ERDURAK Hasan Bahadir

HUTCHINGS Marja

ISCRA Giorgio

LAHTINEN Antero J.

LAMBERT Anne

NIEMEIER Hans-Martin

RIEDLE Ralph


Top