Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0408(04)

    Deċiżjoni tal-kummissjoni tas-27 ta’ Marzu 2014 li tagħraf lil Control Union Certification B.V., il-Pajjiżi l-Baxxi, bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam

    ĠU C 103, 8.4.2014, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    8.4.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 103/11


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tas-27 ta’ Marzu 2014

    li tagħraf lil Control Union Certification B.V., il-Pajjiżi l-Baxxi, bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam

    (2014/C 103/07)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(3) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fis-6 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjon Ewropea rċeviet applikazzjoni għall-għarfien mingħand Control Union Certification B.V., il-Pajjiżi l-Baxxi, li tiddikjara li għandhom l-intenzjoni li jaħdmu bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ fl-Istati Membri.

    (2)

    Il-Kummissjoni Ewropea għarfet il-wasla tal-applikazzjoni fil-6 ta’ Ġunju 2012.

    (3)

    Biex tikkonforma mal-Artikolu 2(5) tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 363/2012 tat-23 ta’ Frar 2012 dwar ir-regoli proċedurali għar-rikonoxximent u l-irtirar tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif previst fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (2), il-Kummissjoni Ewropea bagħtet l-applikazzjoni għall-konsultazzjoni lill-Istati Membri kkonċernati fil-31 ta’ Ottubru 2012. Fi żmien xahar, il-perjodu ta’ skadenza li kien ġie stabbilit waslu kummenti mingħand il-Ġermanja, Franza, l-Isvezja u l-Pajjiżi l-Baxxi.

    (4)

    Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 363/2012, l-applikant intalab jipprovdi informazzjoni addizzjonali permezz ta’ posta elettronika li ġġib id-data tat-30 ta’ Jannar 2013.

    (5)

    L-applikant ta l-informazzjoni addizzjonali mitluba u applikazzjoni riveduta fil-25 ta’ Frar 2013.

    (6)

    Fl-14 ta’ Marzu 2013, fi Brussell saret laqgħa ta’ Grupp ta’ Tmexxija tal-Kummissjoni, imwaqqaf speċifikament biex jevalwa l-applikazzjonijiet għal organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ, fejn l-applikant ippreżenta l-applikazzjoni tiegħu hu stess, fiżikament.

    (7)

    Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 363/2012, l-applikant intalab jipprovdi informazzjoni addizzjonali u kjarifiki f’email datata l-5 ta’ April 2013.

    (8)

    L-applikant ta l-informazzjoni addizzjonali u l-kjarifiki mitluba fit-3 ta’ Mejju 2013.

    (9)

    It-tielet talba għal informazzjoni addizzjonali u kjarifika f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 363/2012 ntbagħtet lill-applikant permezz ta’ posta elettronika li ġġib id-data tat-18 ta’ Lulju 2013.

    (10)

    L-applikant wieġeb għall-mistoqsijiet u ta l-informazzjoni addizzjonali mitluba permezz ta’ posta elettronika li ġġib id-data tat-3 ta’ Settembru 2013.

    (11)

    L-aħħar talba għal informazzjoni addizzjonali u kjarifika f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 363/2012 ntbagħtet lill-applikant permezz ta’ posta elettronika li ġġib id-data tal-4 ta’ Diċembru 2013.

    (12)

    L-applikant wieġeb għall-mistoqsijiet u ta informazzjoni rilevanti bħala prova għat-tweġibiet permezz tal-posta elettronika li ġġib id-data tal-4 ta’ Diċembru 2013.

    (13)

    Abbażi tad-dokumenti mressqa mill-applikant, fl-19 ta’ Diċembru 2013 il-Grupp ta’ Tmexxija wasal għall-konklużjoni li l-applikazzjoni tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, u l-applikant jista’ jiġi magħruf mill-Kummissjoni bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ.

    (14)

    Il-Kummissjoni Ewropea, abbażi tal-evidenza dokumentata kollha mressqa, ivvalutat jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, u tqis li Control Union Certification B.V., il-Pajjiżi l-Baxxi, Meeuwenlaan 4-6, 8011 BZ Zwolle, tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010,

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Control Union Certification B.V., il-Pajjiżi l-Baxxi, Meeuwenlaan 4-6, 8011 BZ Zwolle, qed tingħaraf bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010.

    Artikolu 2

    Id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Ambjent huwa inkarigat li jiżgura li l-applikant u l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha jiġu notifikati b’din id-Deċiżjoni, u li din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-Kummissjoni mingħajr dewmien.

    Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Marzu 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Janez POTOČNIK

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

    (2)  ĠU L 115, 27.4.2012, p. 12.


    Top