Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0871

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 871/2013 tat- 2 ta’ Settembru 2013 li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta’ wajer tal-molibdenu, b’mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta’ wajer tal-molibdenu, b’mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni trasversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    ĠU L 243, 12.9.2013, p. 2–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/871/oj

    12.9.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 243/2


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 871/2013

    tat-2 ta’ Settembru 2013

    li jestendi d-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta’ wajer tal-molibdenu, b’mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, għal importazzjonijiet ta’ wajer tal-molibdenu, b’mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni trasversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet dumped minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Il-miżuri eżistenti

    (1)

    F’Diċembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) bir-Regolament (UE) Nru 1247/2009 (2) (“ir-Regolament antidumping provviżorju”) imponiet dazju antidumping provviżorju fuq importazzjonijiet ta’ wajer tal-molibdenu, b’mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni trasversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”).

    (2)

    F’Ġunju 2010, il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 (3), impona dazju antidumping ta’ 64,3 % fuq l-istess importazzjonijiet. Dawn il-miżuri minn hawn ‘il quddiem jissejħu ‘il-miżuri fis-seħħ’ u l-investigazzjoni li wasslet biex jidħlu l-miżuri fis-seħħ minn hawn ‘il quddiem tissejjaħ “l-investigazzjoni oriġinali”.

    (3)

    F’Jannar 2012, wara investigazzjoni kontra l-evażjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 14/2012 (4) il-Kunsill estenda l-miżuri fis-seħħ għal importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikkonsenjati mill-Malasja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malasja kif ukoll jekk le.

    1.2.   Talba

    (4)

    F’Novembru 2012, il-Kummissjoni rċeviet talba taħt l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ evażjoni tal-miżuri antidumping imposti fuq ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-RPĊ minn importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu b’modifika żgħira, b’97 % tal-piz jew aktar iżda inqas minn 99,95 % ta’ molibdenu, li joriġinaw mir-RPĊ, u biex tagħmel importazzjonijiet bħal dawn soġġetti għar-reġistrazzjoni.

    (5)

    It-talba tressqet minn Plansee SE (“Plansee”), produttur fl-Unjoni ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li pparteċipa fl-investigazzjoni oriġinali.

    (6)

    It-talba kien fiha biżżejjed evidenza prima facie li l-miżuri antidumping fuq importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-RPĊ qegħdin jiġu evażi permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċertu wajers tal-molibdenu b’modifika żgħira b’97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % ta’ molibdenu, li joriġinaw mir-RPĊ.

    1.3.   Il-bidu

    (7)

    Wara li stabbilixxiet, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex jingħata bidu għal investigazzjoni skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1236/2012 (5) (“ir-Regolament tat-tnedija”) tal-evazjoni possibbli ta’ miżuri tal-antidumping imposti fuq importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-RPĊ u tat ukoll istruzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ wajer tal-molibdenu, b’97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % ta’ molibdenu, b’dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 8102 96 00 (kodiċi TARIC 8102960030), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, mill-21 ta’ Diċembru 2012.

    1.4.   Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat

    (8)

    Il-prodott ikkonċernat huwa l-istess kif definit fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri wajer tal-molibdenu, b’mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm (“molibdenu pur”), li joriġina mir-RPĊ, li fil-preżent huwa kklassifikat bil-kodiċi NM ex 8102 96 00.

    (9)

    Il-prodott investigat, jiġifieri l-prodott li allegatament qed jevadi, huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa 7 b’97 % mill-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % ta’ molibdenu, b’dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġina fir-RPĊ.

    1.5.   Investigazzjoni u partijiet ikkonċernati bl-investigazzjoni

    (10)

    Il-Kummissjoni uffiċjalment avżat lill-awtoritajiet tar-RPĊ bil-bidu tal-investigazzjoni u bagħtet il-kwestjonarji lill-produtturi esportaturi fir-RPĊ u l-importaturi fl-Unjoni magħrufa li huma kkonċernati. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ tnedija. Il-partijiet kollha kienu infurmati li nuqqas ta’ kooperazzjoni tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal konklużjonijiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli.

    (11)

    Żewġ produtturi esportaturi ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju lill-Kummissjoni. Waħda minn dawn il-kumpaniji, li wkoll ikkooperat matul l-investigazzjoni oriġinali, hija produttur esportatur ġenwin tal-prodott investigat. Rigward it-tieni waħda, din il-kumpanija ma rrappurtat ebda bejgħ tal-prodott investigat. Għalhekk, il-preżentazzjoni tagħha ġiet injorata.

    (12)

    Erba’ produtturi esportaturi ppreżentaw tweġiba għall-kwestjonarju lill-Kummissjoni. Wieħed minnhom ma rrapporta l-ebda importazzjonijiet tal-prodott investigat u nstab li aktar kien utent ta’ wajer tal-molibdenu.

    (13)

    Il-Kummissjoni wettqet stħarriġ fuq il-post fuq żewġ binjiet tal-produttur esportatur Ċiniż, li kkoopera:

    Jinduicheng Molybdenum Co., Ltd., No88, Jinye 1st Road, Hi-Tech Industry Developing Zone, Xi’an, Shaanxi Province, P.R. Iċ-Ċina (“JDC”);

    Jinduicheng Guangming Co., Ltd., No104 Mihe Road, Zhoucun District, Zibo City, P.R. Iċ-Ċina.

    u fil-bini tal-importatur tal-Unjoni li ġej:

    Gtv verschleißschutz GmbH, vor der neuwiese 7, D-57629 luckenbach, il-Ġermanja (“GTV”).

    (14)

    It-tliet importaturi oħra ma saritilhomx żjara, iżda l-preżentazzjonijiet tagħhom ġew mistħarrġa kif dovut matul l-investigazzjoni.

    1.6.   L-investigazzjoni u perjodi ta’ rappurtar

    (15)

    Il-perjodu tal-investigazzjoni kien stabbilit mill-1 ta’ Jannar 2008 sat-30 ta’ Settembru 2012 (“PI”) sabiex jiġi investigat il-bdil allegat fid-drawwiet tal-kummerċ. Il-perjodu ta’ rappurtar (“RP”) kopra l-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012, biex tinvestiga jekk l-importazzjonijiet isirux bi prezzijiet aktar baxxi mill-prezz mhux dannuż stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti, u l-eżistenza ta’ dumping.

    2.   RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI

    2.1.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

    (16)

    Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza tal-prattiki ta’ evażjoni possibbli saret billi ġie analizzat b’suċċess:

    (1)

    jekk kienx hemm tibdil fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ u l-Unjoni;

    (2)

    jekk din il-bidla ġietx minn xi prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma kienx hemm raġuni jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju;

    (3)

    jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew jekk l-effetti rimedjali tad-dazju ġewx kompromessi f’termini tal-prezzijiet u/jew tal-kwantitajiet tal-prodott investigat; u

    (4)

    jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valuri normali stabbiliti preċedentement għall-prodott simili, jekk neċessarju skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku.

    2.2.   Modifika żgħira u karatteristiċi essenzjali

    (17)

    L-investigazzjoni wriet li l-prodott investigat huwa wajer magħmula minn molibdenu (bejn 99,6 % u 99,7 %) u normalment lantanum (“la”) (bejn 0,25 % u 0,35 %). Din il-liga fiha wkoll elementi kimiċi oħra u hija magħrufa bħala ‘molibdenu trattat” jew “Mola” jew “ML”. Il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat it-tnejn li huma attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM 8102 96 00. Kif spjegat hawn taħt, l-investigazzjoni ma sabet l-ebda differenza fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott investigat u l-prodott ikkonċernat, minbarra ż-żieda ta’ persentaġġ baxx ta’ lantanum ma’ molibdenu pur fl-istadju ta’ taħlit. Barra dan, il-produttur esportatur li kkoopera kkonferma li l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodott investigat hija simili għall-ispiża tal-prodott ikkonċernat. Dan jimplika li m’hemm l-ebda benefiċċju ekonomiku għall-produttur esportatur biex jipproduċi l-prodott investigat għajr l-evitar tal-miżuri fis-seħħ. Barra minn hekk, instab li l-utenti tal-prodott ikkonċernat qalbu għall-prodott investigat wara l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji, li jimplika li m’hemmx differenza bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott taħt konsiderazzjoni għall-utenti.

    (18)

    Kif imsemmi fil-premessa 15 tar-Regolament antidumping provviżorju, il-prodott ikkonċernat jintuża l-aktar bħala kisi fil-manifattura ta’ partijiet tal-karrozzi (jiġifieri gear boxes), partijiet ta’ ajruplani jew bħala kuntatti elettriċi. Id-dijametri li kienu l-aktar negozjati tal-prodott ikkonċernat huma 2,31 mm u 3,17 mm, użati għal sprejar bil-fjamma jew bl-ark.

    (19)

    Tliet partijiet argumentaw li l-prodott investigat u l-prodott ikkonċernat għandhom karatteristiċi essenzjali differenti. Fuq talba ta’ tnejn minnhom, sar smigħ ta’ konfrontazzjoni mal-GTV, JDC u Plansee, ippresedut mill-Uffiċjal tas-Seduta, f’April 2013. Kif spjegat fid-dettall hawn taħt, matul is-seduta l-attenzjoni ewlenija kienet fuq l-allegati differenzi tekniċi bejn il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat, u ġustifikazzjoni ekonomika għall-importazzjoni ta’ dan tal-aħħar fis-suq tal-Unjoni.

    (20)

    Il-kumpaniji GTV u JDC argumentaw matul is-seduta u bil-miktub li l-prodott investigat għandu karatteristiċi fiżiċi essenzjali differenti li huma differenti sew mill-prodott ikkonċernat. B’mod aktar speċifiku, huma sostnew li d-duttibbiltà, jiġifieri l-kapaċità tal-materjal li għandu biex jiġi irtirat b’mod lonġitudinali għal taqsima mnaqqsa mingħajr ksur taħt l-azzjoni ta’ forza tensili, it-titwil parametri u l-proprjetajiet ta’ kisi tal-prodott investigat jitjiebu b’mod partikolari meta mqabbla mal-prodott ikkonċernat.

    (21)

    B’appoġġ għal din it-talba, iż-żewġ partijiet ippreżentaw għadd ta’ artikoli u studji bil-għan li juru li t-taħlit ta’ molibdenu u lantanum jwassal għal prodott b’reżistenza aħjar għal falliment minħabba fraġilità u titwil aħjar mill-prodott ikkonċernat. Dawn il-partijiet sostnew ukoll li l-informazzjoni ppubblikata fuq il-websajt tal-Plansee tipprovdi xhieda li l-prodott investigat għandu l-proprjetajiet imtejba meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat.

    (22)

    Rigward il-karatteristiċi tal-prodott, sabiex jiġi evalwat jekk il-prodott investigat u l-prodott konċernat għandhomx il-karatteristiċi essenzjali differenti, il-Plansee pproponiet li tagħti mandat lil istitut indipendenti biex jipparaguna l-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat.

    (23)

    Wara s-seduta, it-talba ta’ hawn fuq ġiet ivvalutata abbażi tal-evidenza miġbura matul l-investigazzjoni, b’mod partikolari l-ordnijiet ta’ xiri li jintbagħtu minn importaturi lill-produttur esportatur, l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-produttur esportatur dwar il-proċess ta’ produzzjoni tiegħu, il-kontenut ta’ kimiki u karatteristiċi ta’ titwil u tensilità msemmija fiċ-ċertifikati ta’ kwalitajiet, il-fatturi kummerċjali maħruġa mill-produttur esportatur u n-nuqqas ta’ kull informazzjoni kummerċjali relatata ma’ karatteristika mtejba tal-prodott investigat meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat li ġie mibgħut lil kwalunkwe konsumatur. l-informazzjoni kollha kkonfermat li proprjetajiet aħjar ma kinux mitluba mill-konsumaturi u lanqas provduta mill-produttur tal-prodott investigat. Għalhekk, ġie konkluż li l-opinjoni ta’ espert mhijiex meħtieġa. B’konsegwenza, din it-talba ġiet miċħuda.

    (24)

    F’dan ir-rigward, l-investigazzjoni kkonfermat li l-kwalitajiet imtejba imsemmija hawn fuq fil-premessa 20 jiddependu fuq il-kontenut ta’ lantanu u fuq jekk il-proċess ta’ produzzjoni ottimizzata qed jintuża. Madankollu, il-produttur esportatur li kkoopera ma wriex li introduċa proċessi ta’ produzzjoni ottimiżżata għall-prodott investigat esportat lejn l-Unjoni matul il-PI. It-talba kienet għalhekk irrifjutata minħabba li bla bazi.

    (25)

    Parti waħda sostniet li l-prodott investigat tejjeb il-proprjetajiet ta’ kisi. Madankollu, il-parti ma tatx biżżejjed evidenza biex issostni din id-dikjarazzjoni. It-talba kienet għalhekk irrifjutata minħabba li bla bazi.

    (26)

    Żewġ partijiet sostnew li l-reżistenza għall-qsim tjiebet għall-prodott investigat. Dan ifisser li l-wajer qatt ma jinqasam meta jinħall ġo magna tal-isprejar. Madankollu, dawn il-partijiet intalbu jipprovdu dokumentazzjoni ta’ appoġġ iżda naqsu milli jgħamlu dan. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza ta’ sostenn, din it-talba ġiet injorata.

    (27)

    Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ġie konkluż li l-prodott investigat m’għandu ebda proprjetajiet differenti meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat.

    (28)

    Barra minn hekk, l-evidenza miġbura matul iż-żjarat ta’ verifika turi li l-utenti/importaturi ma talbux speċifikament il-prodott b’karatteristiċi fiżiċi aħjar kif deskritt hawn fuq fil- premessa 20 meta għamlu l-ordnijiet tagħhom. L-ebda wieħed minnhom ma talab għal kontenut speċifiku ta’ lantanum iżda talbu għal mill-anqas 99 % ta’ molibdenu. Klijent wieħed biss talab għal karatteristiċi fiżiċi speċifiċi għall-parametri ta’ titwil u tensilità. F’dan il-każ, il-produttur esportatur ittestja dawn il-parametri u pprovda lill-klijent b’ċertifikati ta’ kwalità. Minħabba li dawn iċ-ċertifikati ingħataw ukoll għall-prodott ikkonċernat, kien possibbli li wieħed iqabbel iż-żewġ prodotti għal dawn il-parametri. Il-paragun wera li l-ħtiġijiet għal titwil u tensility kienu identiċi għaż-żewġ prodotti.

    (29)

    Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-produttur esportatur ma infurmax lis-suq jew lill-klijenti tiegħu dwar l-allegati vantaġġi tal-prodott investigat fuq il-prodott ikkonċernat u ma kkummerċjalizzax il-wajers tal-MoLa kemmxejn modifikati bħala prodott ġdid jew differenti.

    (30)

    Fuq il-bażi ta’ privattiva rreġistrata mill-kumpanija Plansee f’Jannar tal-1996, parti waħda stqarret li l-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat huma prodotti differenti. L-analiżi ta’ din id-dikjarazzjoni wriet li l-privattiva ma tikkonċernax il-prodott investigat iżda l-użu ta’ liga tal-molibdenu bħala kunduttur li jwassal il-kurrent għal lampi, tubi u komponenti simili. Barra minn hekk, id-dijametri ta’ dan it-tip ta’ prodott huma inqas mid-dijametri definiti għall-prodott investigat. Barra minn hekk, kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 24, l-allegata kwalitajiet imtejba tal-MoLa fuq il-prodott konċernat jiddependu mill-użu ta’ proċess ta’ produzzjoni ottimizzata. Il-pretensjoni hija għalhekk miċħuda.

    (31)

    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li mill-perspettiva tal-konsumatur il-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat huma simili ħafna.

    (32)

    Parti waħda sostniet li l-offerti kummerċjali ppubblikati fuq il-websajt tal-Plansee juru li huma offrew il-prodott investigat mhux biss fil-qasam tal-isprejjatura tas-sħana iżda wkoll f’diversi oqsma oħra (jiġifieri l-komponenti tal-fanali, industriji tal-qtugħ tal-wajers). Madankollu, il-kumpanija Plansee kkummentat li l-informazzjoni kummerċjali li tiġi ppubblikata fis-sit elettroniku tagħha tindika d-dijametri li għalihom għandha provvista. Barra minn hekk, l-investigazzjoni wriet li l-bejgħ ta’ Plansee għal oqsma oħra huwa limitat ħafna (jiġifieri inqas minn 2 % fil-kwantità meta mqabbel mal-bejgħ tal-prodott ikkonċernat) u li ntuża proċess ta’ produzzjoni ottimizzata. Għalhekk, din il-pretensjoni ġiet miċħuda.

    (33)

    Parti waħda sostniet li l-Plansee kienet diġa’ qed tipproduċi l-prodott investigat meta ressqet l-ilment li wassal għall-inizjazzjoni tal-investigazzjoni oriġinali u billi l-Plansee tikkunsidra li l-prodott investigat u l-prodott ikkonċernat għandhom l-istess karatteristiċi essenzjali, dawn għandhom ikunu inklużi fl-ambitu tal-investigazzjoni oriġinali. Madankollu, kif spjegat hawn fuq fil-premessa 32, l-investigazzjoni kkonfermat li dan il-wajer tal-MoLa partikolari huwa differenti mill-prodott investigat. Id-dijametri tal-prodott huma ġeneralment inqas minn 1 mm u jintuża primarjament fl-industrija tad-dawl. Barra minn hekk, kif imsemmi hawn isfel fit-Tabella 1, l-importazzjonijiet tal-prodott investigat bdew biss wara li ġew imposti l-miżuri provviżorji fuq il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat matul il-PI tal-investigazzjoni oriġinali, ma kien hemm ebda raġuni biex tinkludi dan il-prodott fl-ambitu tal-prodott. Il-pretensjoni hija għalhekk miċħuda bħala infondata.

    (34)

    Parti waħda sostniet li t-tnaqqis fl-espansjoni tal-firxa minn 99,95 % għal 97 % se jkopri kull tip ta’ ligi tal-molibdenu u b’konsegwenza, dawn il-prodotti ma jkunux disponibbli fuq is-suq tal-Unjoni (jiġifieri pereżempju għas-suq li qed jitfassal mill-ġdid). L-ewwel nett, din il-parti ma ppreżentat ebda evidenza li tappoġġa din l-istqarrija. It-tieni, l-investigazzjoni wriet li produttur esportatur wieħed biss kien qed jesporta l-MoLa fl-Unjoni matul il-PI u ebda ligi oħrajn li kienu jkunu koperti mid-definizzjoni tal-prodott investigat. It-tielet l-investigazzjoni wriet li s-suq fl-Unjoni għat-tfassil mill-ġdid u l-bejgħ ta’ ligi tal-molibdenu huwa limitat ħafna. Fl-aħħar nett, l-estensjoni tal-miżuri mhix ser tgħamilha impossibbli li ssir importazzjoni tal-prodott investigat. It-talba ġiet għalhekk irrifjutata.

    (35)

    Safejn huma kkonċernati d-domandi ta’ jekk il-modifika msemmija fi premessa 19 biddlitx jew le l-karatteristiċi essenzjali tal-prodott ikkonċernat, l-informazzjoni provduta mill-partijiet li kkooperaw analizzata fi premessa 24 sa premessa 34, irrivelat li l-prodott investigat għandu l-istess karatteristiċi fiżiċi bażiċi u l-istess użu bħall-prodott ikkonċernat.

    (36)

    B’konsegwenza ta’ dan, instab li ma hemm l-ebda differenzi rilevanti fil-karatteristiċi fiżiċi bejn il-prodott investigat u l-prodott ikkonċernat. Għalhekk, ġie konkluż li l-prodott investigat huwa meqjus bħala prodott simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

    (37)

    Għalhekk, għandu jiġi konkluż li l-prodott investigat għandu biss modifika żgħira meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat, importat għall-ebda ġustifikazzjoni ekonomika oħra għajr li jevadi d-dazji antidumping fis-seħħ.

    2.3.   Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

    2.3.1.   L-importazzjonijiet ta’ wajers tal-molibdenu lejn l-Unjoni

    (38)

    L-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux ikunu direttament miksuba mid-dejta tal-Eurostat, billi l-kodiċi tan-NM li taħtu huwa ddikjarat il-prodott investigat jinkludi wkoll prodotti oħra minbarra l-prodott investigat. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ statistiċi speċifiċi ta’ importazzjoni għall-prodott investigat, id-dejta tal-Eurostat ġiet aġġustata skont il-metodu ssuġġerit fit-talba. Għaldaqstant, il-volum tal-importazzjonijiet tal-prodott investigat lejn l-Unjoni ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ stima tal-konsum mill-Unjoni tal-wajers tal-molibdenu aġġustata bil-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott ikkonċernat. Dan il-metodu nstab li kien kredibbli biex tinkiseb dejta dwar il-prodott investigat.

    (39)

    Kif imsemmi fil-premessa 11, produttur esportatur wieħed biss fl-RPĊ ma kkooperax fl-investigazzjoni. Madankollu, abbażi tat-tqabbil tat-tagħrif mogħti minn dan il-produttur esportatur bid-dejta aġġustata tal-Eurostat imsemmija fil-premessa preċedenti, ġie stabbilit li din il-kumpanija tirrappreżenta l-parti l-kbira tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni tal-prodott investigat waqt il-PI u għalhekk ġiet meqjusa bħala r-rappreżentant tal-importazzjonijiet totali tal-Unjoni ta’ ċerti wajers tal-molibdenu.

    (40)

    Kif jidher fit-tabella hawn taħt, l-importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott ikkonċernat waqfu għal kollox wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi f’Ġunju 2010 u kienu immedjatament sostitwit permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott investigat.

    Tabella 1

    L-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat li joriġinaw mir-RPĊ

    Importazzjonijiet lejn l-UE

    2008

    2009

    1.1/2010 (*) - 16.6.2010

    17.6.2010 (**) - 31.12.2010

    2010

    2011

    RP (***)

    Importazzjonijiet Totali – (Tunellati bl-indiċijiet) (6)

    100

    31

    10

    17

    27

    128

    99

    Importazzjonijiet Totali (%)

    100

    100

    100

    100

    100

    100

    100

    Prodott Ikkonċernat (%)

    100

    100

    20

    0

    7

    0

    0

    Prodott Investigat (%)

    0

    0

    80

    100

    93

    100

    100

    (41)

    L-investigazzjoni kkonfermat li l-partijiet li xtraw il-prodott investigat wara l-impożizzjoni tad-dazju provviżorju kienu qed jixtru l-prodott ikkonċernat qabel l-impożizzjoni tal-miżuri. Dawn il-partijiet xtraw 99,8 % tal-kwantità totali tal-prodott investigat matul il-PR.

    (42)

    Żewġ partijiet interessati sostnew li sa mis-sena 2007, bdew proġett biex jiġi żviluppat il-prodott investigat fir-RPĊ u għalhekk l-esportazzjonijiet tal-prodotti taħt l-investigazzjoni ma kienx marbut mal-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat. Madankollu, l-investigazzjoni ma kkonfermatx il-materjalità ta’ tali proġett. B’kollox, e-Mail waħda, il-minuti ta’ konferenza telefonika waħda u l-esportazzjoni ta’ kampjun tal-prodott investigat għal analiżi ulterjuri ġew ipprovduti. Barra minn hekk, dan il-proġett ma rriżultax f’kull bejgħ tal-prodott investigat lejn l-Unjoni qabel l-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji fuq il-prodott ikkonċernat, jiġifieri f’Ottubru 2010. Madankollu, il-fatt li proġett allegatament kien mibdi fl-2007 ma biddilx il-konklużjoni li l-prodott ikkonċernat u l-prodott investigat huma simili. Il-konklużjoni li ntlaħqet fl-investigazzjoni li ma kien hemm l-ebda ġustifikazzjoni ekonomika għall-esportazzjoni tal-prodott investigat mill-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat tibqa’ valida wkoll.

    (43)

    L-investigazzjoni wriet ukoll li l-ebda bejgħ tal-prodott investigat ma sar lejn pajjiżi oћra minbarra l-Unjoni u li kwantitajiet limitati biss inbiegħu fis-suq Ċiniż matul l-PI kif jidher fit-tabella 2 hawn taħt.

    Tabella 2

    Is-suq tal-prodott investigat

     

    2008

    2009

    1.1.2010 -16.6.2010

    17.6.2010 -31.12.2010

    2010

    2011

    1.10.2011-30.9.2012

    Bejgħ Totali (indiċjat) (7)

    100

    96

    863

    1 529

    2 392

    11 168

    8 123

    Bejgħ Totali (%)

    100

    100

    100

    100

    100

    100

    100

    Bejgħ domestiku (RPĊ) (%)

    100

    100

    5

    4

    4,2

    0,4

    2

    Bejgħ fl-UE (%)

    0

    0

    95

    96

    95,8

    99,6

    98

    Bejgħ f’pajjiżi oħra (%)

    0

    0

    0

    0

    0

    0

    0

    (44)

    Fuq din il-bażi, l-allegazzjoni kienet miċħuda.

    2.3.2.   Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

    (45)

    Iż-żieda totali tal-esportazzjonijiet tal-prodott investigat lejn l-Unjoni mir-RPĊ wara l-impożizzjoni ta’ miżuri provviżorji u definittivi u t-tnaqqis b’mod parallel tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikkostitwixxew bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ u l-Unjoni.

    2.4.   In-natura tal-prattika ta’ evażjoni u l-insuffiċjenza ta’ raġuni dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika

    (46)

    L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju.

    (47)

    Kif issemma fil-premessa 45, ġie konkluż li hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ.

    (48)

    Kif issemma fil-premessi 28 u 29, ġie konkluż li la l-produttur esportatur u lanqas l-importatur ma infurmaw lis-suq jew lill-klijenti tagħhom dwar l-allegati vantaġġi tal-prodott investigat fuq il-prodott ikkonċernat, u ma poġġewx il-prodott investigat fis-suq bħala prodott ġdid jew differenti.

    (49)

    Barra minn hekk, kemm il-prodott konċernat u l-prodott investigat jintużaw prinċipalment bħala sprej wajers fl-industrija tal-karozzi u l-utenti tal-aħħar taż-żewġ prodotti huma l-istess.

    (50)

    Parti waħda sostniet li l-prodott investigat jipprovdi titjib sinifikanti meta jintuża bħala sprej wajer. Dan it-titjib għandu impatt fuq il-produttività ta’ komponenti tat-tagħmir ta’ kisi, billi tiġi mminimizzata l-interruzzjoni tal-produzzjoni minħabba falliment ta’ wajers fraġli. Madankollu, l-investigazzjoni kkonfermat li din il-parti ma poġġietx il-prodott investigat fuq is-suq u lanqas infurmat lill-klijenti tagħha dwar l-allegati karatteristiċi tekniċi differenti jew dwar t-titjib miġjub mill-prodott investigat. Barra minn hekk, il-klijenti ma talbux b’mod speċifikament għal titjib. It-talba kienet għalhekk irrifjutata minħabba li bla bazi.

    (51)

    Parti waħda sostniet li utent wieħed bidel il-prodott investigat minħabba nuqqasijiet tekniċi tal-prodott ikkonċernat. Madankollu, din il-parti intalbet tipprovdi dokumentazzjoni ta’ appoġġ iżda naqset milli tagħmel dan. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza ta’ sostenn, din it-talba ġiet injorata.

    (52)

    Il-kumpanija GTV sostniet li l-MoLa użata għal kisi bl-isprej tipprovdi riżultati aħjar meta titqies il-micro hardness tal-kisi. Dan jippermetti li jiġi evitat it-tkagħbir permezz ta’ trasferiment ta’ materjal mill-wiċċ ta’ komponent li jħakkek fuq kontroparti. Din il-parti ppreżentat ir-riżultati tat-test minn laboratorju indipendenti li juri li l-micro hardness tista’ titjieb b’użu tal-MoLa. Madankollu, il-metodoloġija użata minn laboratorju indipendenti ma ggarantietx l-eżitu minħabba li t-test kien realizzat fuq lott wieħed biss ta’ wajer filwaqt li din il-parti sostniet li test ieħor l-analiżi għandu jkopri għadd kbir ta’ lottijiet. Barra minn hekk, il-kompożizzjoni kimika ta’ kampjun ittestjat ma ġietx analizzata li jfisser li m’hemm l-ebda garanzija li l-lott analizzat kien attwalment il-prodott investigat. It-talba kienet għalhekk irrifjutata minħabba li bla bazi.

    (53)

    L-investigazzjoni ma żvelat l-ebda kawża adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għall-importazzjonijiet tal-prodott investigat minbarra l-evitar tal-ħlas tad-dazju fis-seħħ.

    (54)

    Huwa għalhekk konkluż li, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kawża jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti fi ħdan it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ u l-Unjoni kienet minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri fis-seħħ.

    2.5.   L-imminar tal-effetti rimedjali tad-dazju f’termini ta’ prezzijiet u/jew il-kwalitajiet tal-prodott simili

    (55)

    Biex tivvaluta jekk l-importazzjonijiet tal-prodott investigat, f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet, xekklux l-effetti remedjali tal-miżuri fis-seħħ, id-dejta pprovduta minn produttur esportatur li kkoopera, kif deskritt fil-premessa 39 intużawx.

    (56)

    Iż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott investigat mir-RPĊ sa mill-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji kienet sinifikattiva f’termini ta’ kwantitajiet. Il-livell tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni mir-RPĊ fil-PR jikkorrispondi mal-livell tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ lejn l-Unjoni fl-2008, qabel l-impożizzjoni tal-miżuri.

    (57)

    Il-paragun tal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-medja differenzjata tal-prezz tal-esportazzjoni wera bejgħ bi prezz imraħħas sinifikanti. Għaldaqstant ġie konkluż li l-effetti rimedjali tal-miżuri fis-seħħ qed jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll ta’ prezz.

    2.6.   L-evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali li kien stabbilit preċedentement għall-prodott simili

    (58)

    Il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott investigat ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-informazzjoni vverifikata mogħtija mill-produttur esportatur li kkoopera.

    (59)

    Dawn il-prezzijiet ta’ esportazzjoni nstabu li huma kemxjen anqas meta mqabbla mal-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat stabbilit qabel fl-investigazzjoni oriġinali. Żewġ partijiet interessati kkonfermaw li hemm kważi l-ebda differenza fil-prezz bejn il-prodott konċernat u l-prodott investigat.

    (60)

    Għalhekk, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, ġie kkunsidrat xieraq li jitqabbel il-valur normali stabbilit qabel fl-investigazzjoni oriġinali mal-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott investigat.

    (61)

    Kif imsemmi fil-premessa 24 u 25 tar-Regolament antidumping provviżorju, l-Istati Uniti tal-Amerika tqiesu li huma pajjiż xieraq b’ekonomija tas-suq analoga. Billi l-produttur tal-pajjiż analogu għamel biss bejgħ marġinali fis-suq domestiku tal-Istati Uniti, instab li ma jkunx raġjonevoli li tintuża d-dejta tal-bejgħ domestiku tal-Istati Uniti għall-finijiet tad-determinazzjoni jew il-konstruzzjoni ta’ valur normali. Għaldaqstant, il-valur normali għar-RPĊ kien stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-esportazzjoni mill-Istati Uniti lejn pajjiżi terzi oħra, inkluża l-Unjoni.

    (62)

    Parti waħda sostniet li l-valur normali li kien stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali għandu jiġi aġġustat minħabba li l-prezz tal-ossidu tal-molibdenu, li huwa fattur deċiżiv għall-iffissar tal-prezzijiet tal-prodott konċernat kif ukoll tal-prodott investigat, naqas drastikament fil-perjodu ta’ rappurtar ta’ din l-investigazzjoni. Kif imsemmi hawn fuq fil-premessa 61, il-valur normali waqt l-investigazzjoni oriġinali ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet għall-esportazzjoni minn produttur li jinsab fl-Istati Uniti tal-Amerika u mhux fuq il-bażi tal-ispejjeż tagħha. Għalhekk, kwalunkwe aġġustament ibbażat fuq l-ispejjeż ma jidhirx li huwa xieraq f’dan il-każ. Minħabba li l-prezz tal-materja prima ewlenija naqas b’mod sinifikanti jidher anki b’mod aktar ċar li l-elementi tal-prezzijiet għandhom jintużaw biex jistabbilixxu valur normali rilevanti f’dan il-każ.

    (63)

    L-aġġustament tal-valur normali ġie għalhekk stabbilit fuq il-bażi tal-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat. Billi l-produttur tal-Istati Uniti waqqaf l-attività tiegħu u l-ebda informazzjoni ma kienet disponibbli mill-pajjiż analogu, l-aġġustament ġie kkalkulat fuq il-bażi tal-prezzijiet irrapportati minn Plansee fl-investigazzjoni oriġinali u matul il-PR. Dan wassal biex ikun hemm aġġustament ‘l isfel ta’ madwar 20 % mal-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

    (64)

    Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkolat permezz ta’ tqabbil bejn il-valur normali tal-medja differenzjata kif stabbilit fir-Regolament oriġinali u l-prezzijiet medji differenzjati tal-prodott investigat stabbiliti matul il-PR ta’ din l-investigazzjoni espress bħala perċentwali tal-prezz nett liberu fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali.

    (65)

    It-tqabbil tal-valur normali medju peżat aġġustat u l-prezzijiet medji peżati ta’ esportazzjoni wera l-eżistenza ta’ dumping.

    3.   TALBIET GĦALL-EŻENZJONI

    (66)

    Produttur esportatur wieħed fir-RPĊ talab eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju.

    (67)

    L-investigazzjoni madankollu kkonfermat li dan il-produttur evada il-miżuri fis-seħħ. Għalhekk ġie konkluż li t-talba tiġi miċħuda.

    4.   MIŻURI

    (68)

    Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju antidumping definittiv impost fuq importazzjonijiet ta’ wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-RPĊ ġie evaż permezz ta’ importazzjonijiet ta’ ċertu wajers tal-molibdenu b’modifika żgħira li joriġinaw mir-RPĊ.

    (69)

    Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri antidumping eżistenti fuq importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jiġu estiżi għal importazzjonijiet tal-prodott investigat.

    (70)

    Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jipprevedu li kull miżura estiża għandha tkun applikata kontra l-importazzjoni rreġistrata mid-data tar-reġistrazzjoni, id-dazju antidumping għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet kollha fl-Unjoni ta’ wajer tal-molibdenu, b’97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % ta’ molibdenu, b’dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 8102 96 00 (kodiċi TARIC 8102960030) li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu.

    5.   TAGĦRIF

    (71)

    Il-partijiet interessati kollha ġew mgħarrfa bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Kienu kkunsidrati l-kummenti orali u miktuba li tressqu mill-partijiet. L-ebda wieħed mill-argumenti ppreżentati ma ta lok għal modifika tal-konklużjonijiet definittivi,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Id-dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta’ wajer tal-molibdenu, b’mill-inqas 99,95 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni trażversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, huwa b’dan estiż għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ wajer tal-molibdenu, b’mill-inqas 97 % tal-piż tiegħu jikkonsisti f’molibdenu, b’dimensjoni trażversali massima taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li attwalment jaqaw taħt il-kodiċi CN ex 8102 96 00 (kodiċi TARIC 8102960030).

    Artikolu 2

    Id-dazju għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ wajer tal-molibdenu, reġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1236/2012 u l-Artikoli 13 (3) u 14 (5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, b' 97 % mill-piż jew aktar, iżda inqas minn 99,95 %, ta’ molibdenu, b’dimensjoni trasversali massima li taqbeż 1,35 mm iżda ma taqbiżx 4,0 mm u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 8102 96 00 (kodiċi TARIC 8102960030), li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    Artikolu 3

    L-awtoritajiet tad-dwana huma b’dan ordnati li jtemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1236/2012.

    Artikolu 4

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Settembru 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    L. LINKEVIČIUS


    (1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1247/2009 tas-17 ta’ Diċembru 2009 li jimponi dazju provviżorju antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 336, 18.12.2009, p. 16).

    (3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 tal- 14 ta’ Ġunju 2010 li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU L 150, 16.6.2010, p. 17).

    (4)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 14/2012 tad- 9 ta’ Jannar 2012 li jestendi dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 511/2010 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fili tal-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fili tal-molibdenu kkonsenjati mill-Malasja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw fil-Malasja u l-Isvizzera u sew jekk le u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet konsenjati mill-Isvizzera (ĠU L 8, 12.1.2012, p. 22).

    (5)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1236/2012 tad-19 ta’ Diċembru 2012 li jniedi investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni possibbli ta’ miżuri anti-dumping imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 511/2010 fuq importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina bl-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers tal-molibdenu kemxejn modifikati, li fihom 97 % tal-piż jew aktar iżda inqas minn 99,95 % tal-molibdenu, li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 350, 20.12.2012, p. 51).

    (6)  Indiċjati fuq il-bażi ta’ volum f’kg irrapportata mill-produttur esportatur li kkoopera (jiġifieri 2008 = 100). Irreferi għall-premessa 39. Importazzjonijiet = Prodott ikkonċernat + Prodott investigat

    (*)  il-perjodu korrispondenti għall-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji

    (**)  il-perjodu korrispondenti għall-impożizzjoni tal-miżuri definittivi

    (***)  RP = perjodu ta’ rappurtar mill-1 ta’ Ottubru 2011 sat-30 ta’ Settembru 2012

    Sors:

    preżentazzjoni JDC

    (7)  Il-metodoloġija hekk kif deskritta għal Tabella 1.

    Sors:

    preżentazzjoni JDC


    Top