Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0462

Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1–33 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/462/oj

31.5.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 146/1


REGOLAMENT (UE) Nru 462/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-21 ta’ Mejju 2013

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jesiġi li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jikkonformaw mar-regoli ta’ mġiba sabiex jittaffew il-konflitti ta’ interess li jista’ jkun hemm, jiżgura l-kwalità għolja u t-trasparenza suffiċjenti tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u tal-proċess ta’ gradazzjonijiet. B’segwitu għall-emendi introdotti mir-Regolament (UE) Nru 513/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), ingħatat is-setgħa li tirreġistra u tissorvelja l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu. Dan ir-Regolament jikkomplementa l-qafas regolatorju kurrenti għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu. Uħud mill-kwistjonijiet l-aktar importanti, bħal konflitti ta’ interess minħabba l-mudell ‘l-emittent iħallas’ u l-iżvelar fir-rigward ta’ strumenti finanzjament strutturat, ġew indirizzati u l-qafas se jeħtieġ li jkun rivedut wara li jkun ilu fis-seħħ għal perjodu raġonevoli ta’ żmien biex jiġi evalwat jekk isolvix għalkollox dawk il-kwistjonijiet. Sadanittant il-bżonn li jiġu riveduti t-trasparenza, ir-rekwiżiti ta’ proċedura u l-mument tal-pubblikazzjoni speċifikament għal klassifikazzjonijiet sovrani kien enfasizzat bil-kriżi tad-dejn sovran attwali.

(2)

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu: prospetti futuri (7), sejħet għal titjib fir-regolamentazzjoni tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu. F’laqgħa informali tal-ECOFIN fit-30 ta’ Settembru u l-1 ta’ Ottubru 2010 l-Kunsill għaraf li għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu indirizzati għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu, inkluż ir-riskju ta’ dipendenza żejda fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu u r-riskju ta’ konflitti ta’ interess li jirriżulta mill-mudell ta’ rimunerazzjoni għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu. Il-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2011 ikkonkluda li hemm bżonn li jsir progress biex titnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu.

(3)

Fil-livell internazzjonali, il-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (BIF), li tiegħu l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) huwa istituzzjoni membru, approva uffiċjalment fl-20 ta’ Ottubru 2010 prinċipji biex titnaqqas id-dipendenza tal-awtoritajiet u tal-istituzzjonijiet finanzjarji fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu (“il-prinċipji tal-BIF”). Dawk il-prinċipji tal-BIF ġew approvati uffiċjalment mis-Summit tal-G20 f’Seoul f’Novembru 2010. Għalhekk hu xieraq li l-awtoritajiet kompetenti settorjali jivvalutaw il-prattiċi tal-parteċipanti fis-suq u jinkoraġġixxu lil dawk il-parteċipanti fis-suq biex itaffu l-impatt ta’ dawn il-prattiċi. L-awtoritajiet kompetenti settorjali għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri ta’ inkoraġġiment. L-AETS, fejn ikun xieraq f’koperazzjoni mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), għandha tieħu azzjoni biex tiffaċilita l-konverġenza tal-prattiċi superviżorji skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, u fil-qafas ta’ dan ir-Regolament.

(4)

L-aġenziji li jiggradaw il-kreditugħandhom jgħarrfu lill-investituri rigward id-dejta dwar il-probabbiltà ta’ inadempjenza tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti ta’ gradazzjoni ibbażati fuq id-dejta dwar il-prestazzjoni storika, kif ippubblikata fir-repożitorju ċentrali maħluq mill-AETS.

(5)

B’konformità mal-prinċipji tal-BIF “il-banek ċentrali għandhom jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom dwar il-kreditu fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji li se jaċċettaw f’operazzjonijiet fis-suq, kemm bħala kollateral kif ukoll bħala akkwisti definittivi. Il-politiki tal-banek ċentrali għandhom jevitaw approċċi mekkaniċi li jistgħu jwasslu għal bidliet kbar u f’daqqa, li ma jkunux meħtieġa, fl-eliġibbiltà tal-istrumenti finanzjarji u fil-livell ta’ telf impost fuq il-kredituri li jistgħu jġibu għall-agħar l-effetti ta’ preċipizju”. Barra minn hekk, il-BĊE iddikjara fl-opinjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2012 li huwa impenjat li jappoġġa l-objettiv komuni li titnaqqas id-dipendenza żejda fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu. F’dak ir-rigward, il-BĊE jirrapporta regolarment dwar id-diversi miżuri meħuda mill-Eurosistema biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu. F’ konformita’ mal-Artikolu 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-BĊEgħandu jindirizza rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) u dwar il-politika monetarja kemm tas-sena ta’qabel kif ukoll tas-sena kurrenti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-Kunsill Ewropew. Il-President tal-BĊE għandu jippreżenta dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew, li jista’ jkollu dibattitu ġenerali fuqu bħala bażi, u lill-Kunsill. Barra minn hekk, il-BĊE jista’, f’dawn ir-rapporti, jiddeskrivi kif huwa jkun implimenta l-prinċipji tal-BIF u dwar il-mekkaniżmi alternattivi ta’ valutazzjoni li juża.

(6)

L-Unjoni qed taħdem sabiex tirrivedi, fl-ewwel stadju, jekk kwalunkwe referenza għall-gradazzjonijiet tal-kreditu fil-liġi tal-Unjoni jikkawżawx jew għandhomx il-potenzjal li jikkawżaw dipendenza sħiħa jew mekkanika fuq dawn il-gradazzjonijiet tal-kreditu u, fit-tieni stadju, ir-referenzi kollha għall-gradazzjonijiet tal-kreditu għal finijiet regolatorji bil-ħsieb li dawn jitħassru sal-2020, sakemm ikunu identifikati u implimentati alternattivi xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu.

(7)

Ir-rilevanza tal-prospetti ta’ gradazzjoni għall-investituri u l-emittenti u l-effetti tagħhom fuq is-swieq hija paragonabbli mar-rilevanza u l-effetti tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Għalhekk, ir-rekwiżiti kollha tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 li għandhom l-għan li jiżguraw li l-azzjonijiet ta’ gradazzjoni jkunukonflitt preċiżi, trasparenti u ħielsa mill-konflitti ta’ interess għandhom japplikaw ukoll għall-prospetti ta’ gradazzjoni. Skont il-prattika superviżorja kurrenti għadd mir-rekwiżiti ta’ dak ir-Regolament japplikaw għall-prospetti ta’ gradazzjoni. Dan ir-Regolament għandu jiċċara r-regoli u jipprovdi ċertezza legali billi jintroduċi definizzjoni ta’ prospetti ta’ gradazzjoni u jiċċara liema dispożizzjonijiet speċifiċi japplikaw għal prospetti ta’ gradazzjoni bħal dawn. Id-definizzjoni ta’ prospetti ta’ gradazzjoni għandha tinkludi wkoll opinjonijiet li jirrigwardaw id-direzzjoni l-iktar probabbli li tieħu gradazzjoni tal-kreditu f’qasir żmien, li komunement jissejħu credit watches.

(8)

Fit-terminu medju, għandhom jiġu evalwati azzjonijiet ulterjuri biex il-gradazzjonijiet tal-kreditu jitneħħew mir-regolamentazzjoni finanzjarja biex tiġi eliminata l-ponderazzjoni tar-riskju ta’ assi permezz ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu. Madankollu, għalissal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu huma parteċipanti importanti fis-swieq finanzjarji. Bħala konsegwenza, l-indipendenza u l-integrità tal-aġenziji li jiggradaw il-kredituu l-attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu tagħhom huma ta’ importanza partikolari biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tagħhom vis-à-vis il-parteċipanti tas-suq, b’mod partikolari l-investituri u utenti oħrajn tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jipprovdi li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditugħandhom ikunu reġistrati u sorveljati minħabba li s-servizzi tagħhom għandhom impatt konsiderevoli fuq l-interess pubbliku. Il-gradazzjonijiet tal-kreditu, għall-kuntrarju tar-riċerka fl-investiment, mhumiex sempliċiment opinjonijiet dwar valur jew prezz għal strument finanzjarju jew obbligu finanzjarju. L-aġenziji li jiggradaw il-kreditumhumiex sempliċiment analisti finanzjarji jew konsulenti dwar l-investiment. Il-gradazzjonijiet tal-kreditu għandhom valur regolatorju għal investituri regolati, bħalma huma istituzzjonijiet tal-kreditu, kumpaniji tal-assigurazzjoni u investituri istituzzjonali oħrajn. Għalkemm l-inċentivi biex wieħed jiddependi b’mod eċċessiv fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu qed jonqsu, il-gradazzjonijiet tal-kreditu għadhom imexxu l-għażliet ta’ investiment, partikolarment minħabba asimmetriji fl-informazzjoni u għal skopijiet ta’ effiċjenza. F’dan il-kuntest, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditugħandhom ikunu indipendenti u għandhom ikunu pperċepiti bħala tali mill-parteċipanti fis-suq, u l-metodi ta’ gradazzjoni tagħhom għandhom jkunu trasparenti u jiġu pperċepiti bħala tali.

(9)

Id-dipendenza żejda fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu għandha titnaqqas u l-effetti awtomatiċi kollha li jirriżultaw mill-gradazzjonijiet tal-kreditu għandhom jiġu eliminati gradwalment. L-istituzzjonijiet tal-kreditu u d-ditti tal-investiment għandhom jiġu inkoraġġiti jistabbilixxu proċeduri interni biex jagħmlu l-valutazzjonijiet tagħhom stess tar-riskju tal-kreditu, u għandhom jinkoraġġixxu lill-kredituri jwettqu eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta.F’dak il-qafas, dan ir-Regolament jipprevedi li l-istituzzjonijiet finanzjarji m’għandhomx jiddependu b’mod esklużiv jew b’mod mekkaniku fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu. Għalhekk, dawk l-istituzzjonijiet għandhom jevitaw li jidħlu għal kuntratti fejn jiddependu b’mod esklużiv jew mekkaniku fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu u għandhom jevitaw li jużawhomfil-kuntratti bħala l-uniku parametru biex tiġi vvalutata l-affidabbiltà kreditizja tal-investimenti jew biex tittieħed id-deċiżjoni jekk wieħed għandux jinvesti jew jiddiżinvesti.

(10)

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 diġà pprovda l-ewwel sensiela ta’ miżuri biex tiġi ttrattata l-kwistjoni tal-indipendenza u l-integrità tal-aġenziji li jiggradaw il-kredituu l-attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu tagħhom. L-għanijiet li tiġi żgurata l-indipendenza tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u li jiġi identifikat, ġestit u safejn hu possibbli, evitat kull konflitt ta’ interess li jista’ jitqajjem kienu diġà jsejsu bosta dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament. L-għażla u r-rimunerazzjoni tal-aġenzija li tiggrada l-kreditumill-entità ggradata (il-mudell ‘l-emittent iħallas’) huma sors inerenti ta’ konflitti ta’ interess. Taħt dak il-mudell, hemm inċentivi għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditubiex joħorġu gradazzjonijiet ta’ kompjaċenza fuq l-emittent sabiex jakkwistaw relazzjoni ta’ negozju fit-tul sabiex jiggarantixxu dħul ta’ flus jew jiżguraw xogħol u dħul addizzjonali. Barra minn hekk, ir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti tal-aġenziji li jiggradaw il-kredituu l-entitajiet iggradati jistgħu jikkawżaw konflitti ta’ interess, li mhumiex indirizzati suffiċjentement mir-regoli eżistenti. Bħala riżultat, gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa skont il-mudell ‘l-emittent iħallas’ jistgħu jiġu perċepiti iktar bħala gradazzjonijiet tal-kreditu adatti għall-emittent milli gradazzjonijiet tal-kreditu meħtieġa mill-investitur. Huwa essenzjali li jiġu msaħħa l-kundizzjonijiet ta’ indipendenza li japplikaw għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditusabiex jiżdied il-livell ta’ kredibbiltà tal-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa taħt il-mudell ‘l-emittent iħallas’.

(11)

Biex tiżdied il-kompetizzjoni f’suq dominat minn tliet aġenziji li jiggradaw il-kreditu, għandhom jittieħdu miżuri biex jiġi inkoraġġit l-użu ta’ aġenziji iżgħar li jiggradaw il-kreditu. Fi żminijiet riċenti, il-prattika kienet li l-emittenti jew partijiet terzi relatati jitolbu gradazzjonijiet tal-kreditu minn żewġ aġenziji jew iktar li jiggradaw il-kreditu, u għalhekk meta jintalbu żewġ gradazzjonijiet tal-kreditu jew iktar, l-emittent jew parti terza relatata għandhom jikkunsidraw jappuntaw lil tal-inqas aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu li ma jkollhiex aktar minn 10 % tas-sehem tas-suq kollu u li tista’ tiġi vvalutata mill-emittent jew mill-parti terza relatata bħala kapaċi biex tiggrada l-emissjoni jew l-entità rilevanti.

(12)

Is-suq tal-gradazzjoni tal-kreditu juri li, tradizzjonalment, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u entitajiet iggradati jidħlu għal relazzjonijiet fit-tul. Dan iżid ir-riskju tal-familjarità, għaliex l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tista’ tissimpatizza żżejjed max-xewqat tal-entità ggradata. F’dawk iċ-ċirkustanzi, l-imparzjalità tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu tista’ ssir dubjuża maż-żmien. Tabilħaqq, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu appuntati u mħallsa minn emittent korporattiv jingħataw l-inċentiv biex joħorġu gradazzjonijiet favorevoli żżejjed fuq dik l-entità ggradata jew fuq l-istrumenti tad-dejn tagħha sabiex ir-relazzjoni tan-negozju tinżamm ma’ emittent bħal dan. L-emittenti huma wkoll suġġetti għal inċentivi li jiffavorixxu relazzjonijiet fit-tul, bħall-effett lock-in li taħtu emittent jiddesisti milli jibdel l-aġenzija li tiggrada l-kreditu minħabba li dan jista’ jqajjem it-tħassib tal-investituri fir-rigward tal-affidabbiltà kreditizja tal-emittent. Din il-problema diġà kienet ġiet identifikata fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, li rrikjeda li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu japplikaw mekkaniżmu ta’ rotazzjoni li jipprovdi bidliet gradwali permezz ta’ gruppi analitiċi u ta’ kumitati tal-ggradazzjoni ta’ kreditu sabiex l-indipendenza tal-analisti tal-ggradazzjoni u l-persuni li japprovaw il-ggradazzjoni tal-kreditu ma tkunx kompromessa. Madankollu, is-suċċess ta’ dawk ir-regoli kien jiddependi ħafna minn soluzzjoni ta’ mġiba interna fl-aġenzija li tiggrada l-kreditu, jiġifieri l-indipendenza u l-professjonalità effettiva tal-impjegati tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu vis-à-vis l-interessi kummerċjali tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu nnifisha. Dawn ir-regoli ma kinux imfassla biex jagħtu garanzija b’mod suffiċjenti lejn partijiet terzi li l-konflitti ta’ interess li tqajmu mir-relazzjoni fit-tul jittaffew jew jiġu evitati. Mod kif dan jista’ jintlaħaq huwa billi jiġi limitat il-perjodu li matulu aġenzija li tiggrada l-kreditu tista’ tipprovdi kontinwament gradazzjonijiet tal-kreditu fuq l-istess emittent jew fuq l-istrumenti tad-dejn tiegħu. L-iffissar ta’ tul taż-żmien massimu tar-relazzjoni kuntrattwali bejn l-emittent li huwa ggradat jew li ħareġ l-istrumenti tad-dejn iggradati u l-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandu jneħħi l-inċentiv għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu favorevoli fir-rigward ta’ dak l-emittent. Barra minn hekk, ir-rekwiżit għar-rotazzjoni tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu bħala prattika tas-suq normali u regolari għandha wkoll ittaffi b’mod effettiv l-effett lock-in. Fl-aħħar nett, ir-rotazzjoni tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandu jkollha effetti pożittivi fuq is-suq tal-gradazzjoni tal-kreditu, għax tiffaċilita d-dħul ta’ parteċipanti ġodda fis-suq u toffri lill-aġenziji eżistenti li jiggradaw il-kreditu l-opportunità li jestendu n-negozju tagħhom lejn oqsma ġodda.

(13)

Madankollu, huwa importanti li l-implimentazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ rotazzjoni tkun imfassla b’tali mod li l-benefiċċji tal-mekkaniżmu jkunu aktar milli jagħmlu tajjeb għall-konsegwenzi negattivi possibbli tiegħu. Pereżempju, rotazzjoni frekwenti tista’ tirriżulta f’aktar kostijiet għall-emittenti u l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu billi l-ispiża assoċjata mal-gradazzjoni ta’ entità ġdida jew strument finanzjarju ġdid hi tipikament ogħla mill-ispiża tal-monitoraġġ ta’ gradazzjoni tal-kreditu li tkun diġà nħarġet. Barra dan, jeħtieġ ammont konsiderevoli ta’ ħin u riżorsi biex wieħed jistabbilixxi ruħu bħala aġenzija li tiggrada l-kreditu, sew jekk bħala parteċipant speċjalizzat u sew jekk tkopri l-kategoriji kollha ta’ assi. Barra minn hekk, rotazzjoni kontinwa tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jista’ jkollha impatt sinifikanti fuq il-kwalità u l-kontinwità tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Ugwalment importanti, mekkaniżmu ta’ rotazzjoni għandu jiġi implimentat b’biżżejjed salvagwardji biex is-suq ikun jista’ jadatta gradwalment qabel possibilment jissaħħaħ il-mekkaniżmu fil-futur. Dan jista’ jinkiseb permezz tal-limitazzjoni tal-ambitu tal-mekkaniżmu għal rititolizzazzjoni, li hija sors limitat ta’ finanzjament tal-banek, filwaqt li l-gradazzjonijiet tal-kreditu li diġà nħarġu jitħallew jibqgħu jiġu sorveljati fuq talba saħansitra wara li r-rotazzjoni ssir obbligatorja. Għalhekk, bħala regola ġenerali, ir-rotazzjoni għandha taffettwa biss rititolizzazzjonijiet ġodda b’assi sottostanti mill-istess oriġinatur. Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk hux xieraq li jinżamm mekkaniżmu ta’ rotazzjoni limitata jew jiġix applikat għal kategoriji oħra ta’ assi ukoll u, jekk iva, jekk ikunx ġustifikat li kategoriji oħrajn jingħataw trattament differenti fir-rigward pereżempju tat-tul taż-żmien massimu tar-relazzjoni kuntrattwali. F’każ li l-mekkaniżmu ta’ rotazzjoni jiġi stabbilit għal kategoriji oħra ta’ assi, il-Kummissjoni għandha tevalwa jekk hemmx bżonn li jiġi introdott obbligu għall-aġenzija li tiggrada l-kreditu li tipprovdi, fi tmiem il-perjodu massimu tat-tul ta’ żmien tar-relazzjoni kuntrattwali, informazzjoni dwar l-emittent u dwar l-istrumenti finanzjarji ggradati (fajl ta’ handover) lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu li tkun se tibda l-mandat tagħha.

(14)

Huwa xieraq li tiġi introdotta r-rotazzjoni fuq is-suq tal-gradazzjonijiet tal-kreditu għar-rititolizzazzjonijiet. L-ewwel nett, dak huwa l-qasam Ewropew tat-titolizzazzjoni li kellu prestazzjoni inferjuri mill-kriżi finanzjarja ‘l hawn, u huwa għalhekk dak li fih hija l-akbar il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konflitti ta’ interessi. It-tieni nett, filwaqt li r-riskju tal-kreditu fuq strumenti ta’ dejn maħruġ minn, pereżempju, entitajiet korporati jiddependi ħafna fuq il-kapaċità ta’ ħlas tad-dejn tal-emittent innifsu, ir-riskju tal-kreditu fuq ir-rititolizzazzjonijiet ġeneralment huwa uniku għal kull tranżazzjoni. Għalhekk, meta tinħoloq rititolizzazzzjoni, ir-riskju li jintilef l-għarfien meta titqabbad aġenzija ġdida li tiggrada l-kreditu m’huwiex għoli. Fi kliem ieħor, għalkemm bħalissa hemm biss numru limitat ta’ aġenziji li tiggrada l-kreditu attivi fis-suq tal-gradazzjonijiet tal-kreditu għar-rititolizzazzjonijiet, dak is-suq huwa b’mod naturali aktar miftuħ għall-kompetizzjoni, u mekkaniżmu ta’ rotazzjoni jkun inċentiv għall-ħolqien ta’ aktar dinamiċità f’dak is-suq. Fl-aħħar nett, is-suq tal-gradazzjonijiet tal-kreditu għar-rititolizzazzjonijiet huwa dominat minn ftit aġenziji kbar li jiggradaw il-kreditu, iżda hemm parteċipanti oħrajn li qed jiżviluppaw il-ħila esperta f’dan il-qasam.

(15)

Ir-rotazzjoni regolari tal-aġenziji li jiggradaw il-kredituli joħorġu gradazzjonijiet ta’ kreditu fuq ir-rititolizzazzjonijiet għandha ġġib iktar diversità fil-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja. Fehmiet, perspettivi u metodoloġiji multipli u differenti applikati mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditugħandhom jipproduċu iktar gradazzjonijiet tal-kreditu diversi u fl-aħħar mill-aħħar itejbu l-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tar-rititolizzazzjonijiet. Sabiex tali diversità jkollha rwol u biex tiġi evitata l-kompjaċenza kemm tal-oriġinaturi u kemm tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, il-perjodu massimu li matulu l-aġenzija li tiggrada l-kreditutitħalla tiggrada r-rititolizzazzjonijiet mill-istess oriġinatur irid jiġi ristrett għal livell li jiggarantixxi valutazzjonijiet aġġornati u regolari tal-affidabbiltà kreditizja. Abbażi ta’ dawk il-fatturi, ukoll tal-ħtieġa li tinżamm ċerta kontinwità fl-approċċ lejn il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-perjodu ta’ erba’ snin huwa adegwat. Fejn jiġu appuntati tal-inqas erba’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu, l-għanijiet għal mekkaniżmu ta’ rotazzjoni jkunu diġà nkisbu u għalhekk ir-rekwiżit ta’ rotazzjoni ma għandux japplika. Biex tiġi żgurata kompetizzjoni reali, għandha tkun applikabbli tali eżenzjoni biss meta tal-inqas erbgħa mill-aġenziji li jiggradaw il-kredituappuntati jiggradaw ċertu proporzjon tal-istrumenti finanzjarji pendenti tal-oriġinatur.

(16)

Huwa xieraq li mekkaniżmu ta’ rotazzjoni għal rititolizzazzjonijiet jiġi strutturat madwar l-oriġinatur. Ir-rititolizzazzjonijiet jiġu emessi minn entità ad hoc mingħajr kapaċità sinifikanti li tħallas id-dejn. Għalhekk, l-istrutturar tar-rotazzjoni madwar l-emittent tagħmel il-mekkaniżmu jkun ineffikaċi. Min-naħa l-oħra, l-istrutturar tar-rotazzjoni madwar l-isponsor ikun ifisser li l-eżenzjoni tkun tapplika kważi dejjem.

(17)

Mekkaniżmu ta’ rotazzjoni jista’ jkun għodda importanti biex jitnaqqsu l-ostakoli għal dħul fis-suq tal-gradazzjonijiet tal-kreditu għar-rititolizzazzjonijiet. Fl-istess ħin, madankollu, jista’ jagħmilha aktar diffiċli għall-parteċipanti ġodda fis-suq biex jiksbu pożizzjoni stabbli fis-suq minħabba li ma jitħallewx iżommu l-klijenti tagħhom. Għalhekk huwa xieraq li tiddaħħal eżenzjoni mill-mekkaniżmu ta’ rotazzjoni għal aġenziji żgħar li jiggradaw il-kreditu.

(18)

Sabiex tkun effikaċi, il-mekkaniżmu ta’ rotazzjoni ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu teħtieġ tiġi msaħħa b’mod kredibbli. Ir-rekwiżit ta’ rotazzjoni ma jilħaqx l-għanijiet tiegħu jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu li toħroġ mix-xena titħalla tiggrada rititolizzazzjonijiet lill-istess oriġinatur f’perjodu qasir wisq. Għalhekk, huwa importanti li jiġi provdut perjodu xieraq ta’ żmien li matulu l-aġenzija li tiggrada l-kreditu li toħroġ mix-xena ma tistax tiġi appuntata biex terġa’ tiggrada rititolizzazzjonijiet mill-istess oriġinatur. Dak il-perjodu għandu jkun twil biżżejjed biex iħalli lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu li tidħol fix-xena tipprovdi is-servizzi ta’ gradazzjoni tagħha b’mod effettiv, sabiex tiżgura li r-rititolizzazzjonijiet jiġu esposti verament għal skrutinju ġdid b’approċċ differenti u biex tiżgura li l-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenzija l-ġdida li tiggrada l-kreditu jipprovdu kontinwità suffiċjenti. Fl-istess ħin, sabiex mekkaniżmu ta’ rotazzjoni jaħdem kif suppost, it-tul tal-perjodu huwa limitat mid-disponibbiltà ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu li jkollhom biżżejjed ħila esperta fil-qasam ta-rititolizzazzjoni. Għalhekk, it-tul tal-perjodu għandu jkun proporzjonat, u għandu ġeneralment ikun ugwali għat-tul tal-kuntratt skadut tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu li toħroġ mix-xena iżda m’ għandux jaqbeż perjodu ta’ erba’ snin.

(19)

L-eżiġenza ta’ rotazzjoni regolari tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq. Ir-rekwiżit japplika biss għal aġenziji li jiggradaw il-kreditu reġistrati li huma regolati u li jipprovdu servizz li jaffettwa l-interess tal-pubbliku (gradazzjonijiet tal-kreditu li jistgħu jintużaw għal skopijiet regolatorji) taħt il-mudell ‘l-emittent iħallas’ u għal kategorija partikolari ta’ assi (rititolizzazzjonijiet). Il-privileġġ li jkollha s-servizzi tagħha rikonoxxuti bħala li jaqdu rwol importanti fir-regolamentazzjoni tas-suq tas-servizzi finanzjarji u li tkun approvata biex twettaq din il-funzjoni jirriżulta fil-ħtieġa li jkunu rrispettati ċerti obbligi biex jiggarantixxu l-indipendenza u l-perċezzjoni tal-indipendenza fiċ-ċirkustanzi kollha. Aġenzija li tiggrada l-kreditu li tinżamm milli tiggrada rititolizzazzjonijiet minn xi oriġinatur partikolari xorta titħalla tiggrada rititolizzazzjonijiet minn oriġinaturi oħrajn kif ukoll tiggrada kategoriji ta’ assi oħrajn. F’kuntest ta’ suq fejn ir-regola tar-rotazzjoni tapplika għall-parteċipanti kollha, ser ikun hemm opportunitajiet ta’ negozju minħabba li l-aġenziji kollha li jiggradaw il-kreditu jkollhom bżonn jinbidlu. Barra minn hekk, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu dejjem jistgħu joħorġu gradazzjonijiet tal-kreditu mhux solleċitati fuq rititolizzazzjonijiet mill-istess oriġinatur, waqt li jikkapitalizzaw fuq l-esperjenza tagħhom. Gradazzjonijiet tal-kreditu mhux solleċitati mhumiex marbutin mal-mudell ‘l-emittent iħallas’u għalhekk huma teoretikament affettwati inqas minn konflitti ta’ interess li jista’ jkun hemm. Għall-klijenti tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, it-tul massimu taż-żmien tar-relazzjoni kuntrattwali ma’ aġenzija li tiggrada l-kreditu u r-rekwiżit tal-impjieg ta’ iktar minn aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu jirrappreżentaw ukoll restrizzjonijiet fuq il-libertà tagħhom li jmexxu n-negozju tagħhom stess. Madankollu, dawk ir-restrizzjonijiet huma meħtieġa għal raġunijiet ta’ interess pubbliku meta wieħed iqis l-interferenza mill-mudell ‘l-emittent iħallas’ fuq l-indipendenza meħtieġa tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu biex jiżguraw gradazzjonijiet tal-kreditu indipendenti li jistgħu jintużaw minn investituri għal skopijiet regolatorji. Fl-istess ħin, dawn ir-restrizzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ u għandhom minflok jitqiesu bħala fattur li jkattar l-affidabbiltà kreditizja tar-rititolizzazzjonijiet lejn partijiet oħrajn, u fl-aħħar mill-aħħar lejn is-suq.

(20)

L-indipendenza ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu vis-à-vis entità ggradata tiġi affettwata wkoll minn konflitti ta’ interess li jista’ jkun hemm bejn kwalunkwe azzjonist sinifikanti tagħha u l-entità ggradata. Azzjonist ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu jista’ jkun membru ta’ bord amministrattiv jew superviżorju ta’ entità ggradata jew xi parti terza relatata. Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jindirizza dan it-tip ta’ sitwazzjoni biss fir-rigward tal-konflitti ta’ interess ikkawżati minn analisti ta’ gradazzjoni, persuni li japprovaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu jew impjegati oħrajn tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu. Madankollu, dak ir-Regolament huwa sieket fir-rigward ta’ konflitti potenzjali li jista’ jkun hemm ikkawżati minn azzjonisti jew membri ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu. Bil-għan li titjieb il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu vis-à-vis l-entitajiet iggradati, huwa xieraq li jiġu estiżi r-regoli eżistenti stabbiliti f’dak ir-Regolament għall-konflitti ta’ interess ikkawżati mill-impjegati tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għal dawk ikkawżati mill-azzjonisti jew membri li għandhom pożizzjoni sinifikanti fl-aġenzija li tiggrada l-kreditu. Għalhekk, l-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tastjeni milli toħroġ gradazzjonijiet tal-kreditu, jew għandha tiżvela li l-gradazzjoni tal-kreditu tista’ tiġi affettwata, fejn azzjonist jew membru li jkollhom 10 % tad-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija jkun ukoll membru tal-bord amministrattiv jew superviżorju tal-entità ggradata jew ikun investa fl-entità ggradata meta l-investiment jilħaq ċertu daqs. Barra minn hekk, il-fatt li azzjonist jew membru li jkollu ta’ lanqas 5 % tad-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jkun investa fl-entità ggradata jew ikun membru tal-bord amministattiv jew superviżorju tal-entità ggradata, għandu jiġi żvelat lill-pubbliku, tal-inqas jekk l-investiment jilħaq ċertu daqs. Barra minn hekk, fejn azzjonist jew membru jkun f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attività tan-negozju tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, dik il-persuna ma għandhiex tipprovdi servizzi ta’ konsulenza lill-entità ggradata jew parti terza relatata fir-rigward tal-istruttura korporattiva jew legali tagħha, l-assi, il-passivi jew l-attivitajiet tagħha.

(21)

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni vijabbli tar-regoli dwar l-indipendenza u l-prevenzjoni ta’ kunflitti ta’ interess stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u biex jipprevjenuhom milli jsiru ineffettivi, hemm bżonn li għadd kbir biżżejjed ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu, mhux konnessi la mal-aġenzija li tiggrada l-kreditu li toħroġ mix-xena f’każ ta’ rotazzjoni u lanqas mal-aġenzija li tiggrada l-kreditu li tipprovdi servizzi ta’ gradazzjoni tal-kreditu b’mod parallel lill-istess emittent. Huwa xieraq ir-rekwiżit tas-separazzjoni stretta tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu li toħroġ mix-xena minn dik li tidħol fix-xena f’każ ta’ rotazzjoni kif ukoll taż-żewġ aġenziji li jiggradaw il-kreditu li jipprovdu servizzi ta’ gradazzjoni b’mod parallel lill-istess emittent. L-aġenziji li jiggradaw il-kreditu kkonċernati ma għandhomx ikunu marbuta ma’ xulxin permezz tal-kontroll, billi jkunu jagħmlu parti mill-istess grupp ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu, billi jkunu azzjonisti jew membri jew ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot fi kwalunkwe waħda mill-aġenziji l-oħrajn li jiggradaw il-kreditu jew billi jkunu jistgħu jaħtru membri fuq il-bordijiet tal-amministrazzjoni jew superviżjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-aġenziji tal- l-oħrajn li jiggradaw il-kreditu.

(22)

L-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jistabbilixxu, iżommu, jinfurzaw, u jiddokumentaw struttura effikaċi ta’ kontroll intern li tirregola l-implimentazzjoni ta’ politiki u proċeduri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ konflitti ta’ interess possibbli u għall-iżgurar tal-indipendenza tal-gradazzjonijiet tal-kreditu, l-analisti tal-gradazzjoni u t-timijiet tal-gradazzjoni fir-rigward tal-azzjonisti, il-korpi amministrattivi u ta’ ġestjoni u l-attivitajiet ta’ bejgħ u kummerċjalizzazzjoni. Għandhom jiġu stabbiliti Proċeduri Operattivi Standard (SOPs) fir-rigward ta’ governanza korporattiva, kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni u l-ġestjoni ta’ konflitti ta’ interess. L-SOPs għandhom jiġu rieżaminati u mmonitorjati perjodikament biex tiġi vvalutata l-effikaċja tagħhom u biex jiġi evalwat jekk għandhomx jiġu aġġornati.

(23)

Il-perċezzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu tkun affettwata partikolarment jekk l-istess azzjonisti jew membri jkunu qed jinvestu f’aġenziji differenti li jiggradaw il-kreditu li ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu, għallinqas jekk tali investiment jilħaq ċertu daqs li jista’ jippermetti lil dawn l-azzjonisti jew membri jeżerċitaw ċerta influwenza fuq in-negozju tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu. Għalhekk, sabiex tiġi żgurata l-indipendenza (u l-perċezzjoni tal-indipendenza) tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, huwa xieraq li jkun hemm regoli iktar stretti fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn aġenziji li jiggradaw il-kreditu u l-azzjonisti jew membri tagħhom. Għal dik ir-raġuni, ebda persuna ma għandha simultanjament ikollha parteċipazzjoni ta’ 5 % jew aktar f’aktar minn aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu, sakemm l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu kkonċernati ma jkunux jappartjenu għall-istess grupp.

(24)

L-għan li tiġi żgurata indipendenza suffiċjenti tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jirrikjedi li l-investituri ma jkollhomx investimenti simultanji ta’ 5 % jew aktar f’aktar minn aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu. Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat (10) tipprovdi li dawk il-persuni li jikkontrollaw ta’ lanqas 5 % tad-drittijiet tal-vot f’kumpanija elenkata fil-Borża għandhom jiżvelawdak il-fatt fil-pubbliku, minħabba, inter alia, li l-investituri għandhom interess li jkunu jafu dwar tibdiliet fl-istruttura tal-votazzjoni ta’ tali kumpanija. Il-livell ta’ 5 % huwa meqjus għalhekk bħala sehem kbir li kapaċi jinfluwenza l-istruttura tal-votazzjoni f’kumpanija. Huwa għalhekk xieraq li jintuża l-livell ta’ 5 % għall-finijiet li jkun ristrett investiment simultanju f’aktar minn aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu. Il-miżura ma titstax titqies bħala sproporzjonata meta jitqies li l-aġenziji kollha li jiggradaw il-kreditu reġistrati fl-Unjoni huma kumpaniji li mhumiex elenkati fil-Borża u, għalhekk, mhumiex suġġetti għar-regoli proċedurali u ta’ trasparenza li japplikaw għall-kumpaniji elenkati fl-Unjoni taħt id-Direttiva 2004/109/KE. Spiss kumpaniji mhux elenkati huma mmexxija minn protokolli jew ftehim tal-azzjonisti u n-numru ta’ azzjonisti jew membri huwa normalment baxx. Għalhekk, anki pożizzjoni ta’ minoranza f’aġenzija li tiggrada l-kreditu li mhijiex elenkata tista’ tkun ta’ influwenza. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li investimenti purament ekonomiċi f’aġenziji li jiggradaw il-kreditu jibqgħu possibbli, din il-limitazzjoni ta’ investimenti simultanji f’iktar minn aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu ma għandhiex tiġi estiża għall-investimenti li jsiru permezz ta’ skemi ta’ investiment kollettivi ġestiti minn partijiet terzi indipendenti mill-investitur u mhux suġġetti għall-influwenza tal-investitur.

(25)

Id-dispożizzjonijiet f’dan ir-Regolament dwar il-konflitti ta’ interessi fir-rigward tal-istruttura tal-azzjonisti għandhomx jirriferu mhux biss għal parteċipazzjonijiet azzjonarji diretti iżda wkoll għal parteċipazzjonijiet azzjonarji indiretti billi jekk ma jkunx hekk, tkun faċli l-evażjoni minn dawk ir-regoli. L-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jagħmlu l-isforzi kollha biex ikunu jafu l-azzjonisti indiretti tagħhom biex ikunu jistgħu jevitaw kull konflitt potenzjali ta’ interess f’dan ir-rigward.

(26)

L-effikaċja tar-regoli fuq l-indipendenza u l-prevenzjoni tal-konflitt ta’ interess li jesiġu li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu ma jipprovdux servizzi ta’ gradazzjoni tal-kreditu lill-istess emittent għal perjodu twil ta’ żmien tista’ tkun imminata jekk l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jitħallew isiru azzjonisti jew membri sinifikanti ta’ aġenziji oħra li jiggradaw il-kreditu.

(27)

Huwa importanti li jiġi żgurat li l-modifiki fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni ma jirriżultawx f’metodoloġiji inqas rigorużi. Għal dak il-għan, l-emittenti, l-investituri u partijiet interessati oħrajn għandu jkollhom l-opportunità li jikkummentaw dwar kwalunkwe tibdil intenzjonat fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni. Dan jgħinhom jifhmu r-raġunijiet wara l-metodoloġiji l-ġodda u t-tibdil li jkun sar. Il-kummenti provduti mill-emittenti u l-investituri dwar l-abbozz ta’ metodoloġiji jistgħu jkunu ta’ kontribut siewi għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu fid-definizzjoni tal-metodoloġiji. L-AETS għandha wkoll tkun notifikata bit-tibdiliet maħsuba. Għalkemm ir-Regolament (KE) No 1060/2009 jagħti lill-AETS is-setgħa li tivverifika li l-metodoloġiji użati mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu huma rigorużi, sistematiċi, kontinwi u soġġetti għal validazzjoni bbażata fuq l-esperjenza storika, fosthom il-back-testing, dak il-proċess tal-verifika ma għandux jagħti lill-AETS kwalunkwe poter li tiġġudika fuq l-idoneità tal-metodoloġija proposta jew tal-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa wara l-applikazzjoni tal-metodoloġiji. Fejn ikun xieraq, il-metodoloġiji tal-gradazzjoni għandhom jieħdu kont tar-riskji finanzjarji li joħorġu mir-riskji ambjentali.

(28)

Minħabba l-kumplessità ta’ strumenti ta’ finanzjament strutturat, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu mhux dejjem irnexxielhom jiżguraw kwalità għolja ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa fuq strumenti bħal dawn. Dan wassal għal telf ta’ fiduċja tas-suq f’dan it-tip ta’ gradazzjoni tal-kreditu. Sabiex terġa’ tikseb il-kunfidenza jkun xieraq li l-emittenti jew il-partijiet terzi relatati jintalbu jingaġġaw tal-inqas żewġ aġenziji differenti li jiggradaw il-kreditu biex jipprovdu gradazzjoni tal-kreditu fuq strumenti ta’ finanzjament strutturat, li jistgħu jwasslu għal valutazzjonijiet differenti u kontra xulxin. Dan jista’ wkoll inaqqas id-dipendenza żejda fuq gradazzjoni tal-kreditu waħdanija.

(29)

Il-proposta għal direttiva dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment u l-proposta għal regolament dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet tal-kreditu u d-ditti tal-investiment, li għandhom jissostitwixxu d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 rigward il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (11) u d-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital ta’ ditti tal-investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu (12), jintroduċu rekwiżit għal istituzzjonijiet tal-kreditu u ditti tal-investiment sabiex jivvalutaw ir-riskju tal-kreditu ta’ entitajiet u strumenti finanzjarji li fihom jinvestu huma stess u mhux sempliċiment jistrieħu f’dan ir-rigward fuq gradazzjonijiet tal-kreditu. Dak ir-rekwiżit għandu jiġi estiż għall-parteċipanti l-oħra fis-swieq finanzjarji regolati taħt il-liġi tal-Unjoni, inklużi l-ġestjonarji tal-investiment. Għall-parteċipanti kollha fis-swieq finanzjarji, madankollu, dak ir-rekwiżit għandu jiġi infurzat b’mod proporzjonat b’kont meħud tan-natura, il-kobor u l-kumplessità tal- parteċipant inkwistjoni. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu intitolati li jimponu jew iżommu regoli li jippermettu dipendenza iktar stretta minn dawk l-investituri fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu.

(30)

Barra minn hekk, il-kapaċità tal-investituri sabiex jagħmlu valutazzjoni infurmata tal-affidabbiltà kreditizja ta’ strumenti ta’ finanzjament strutturat jitjiebu jekk l-investituri jiġu pprovduti b’informazzjoni suffiċjenti dwar dawn l-istrumenti. Pereżempju, billi r-riskju fir-rigward ta’ strumenti ta’ finanzjament strutturat jiddependi ħafna fuq il-kwalità u l-prestazzjoni tal-assi sottostanti, l-investituri għandhom jingħataw aktar informazzjoni dwar l-assi sottostanti. Dan inaqqas id-dipendenza tal-investituri fuq il-gradazzjoni tal-kreditu. Barra minn hekk, hemm il-probabbiltà li l-iżvelar ta’ informazzjoni rilevanti dwar strumenti ta’ finanzjament strutturat isaħħaħ il-kompetizzjoni bejn l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, għax jista’ jwassal għal żieda fin-numru ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu mhux solleċitati. Il-Kummissjoni għandha sa Jannar 2016 tirrieżamina u tirraporta dwar jekk ikunx opportun li l-ambitu ta’ dak ir-rekwiżit ta’ żvelar jiġi estiż għal prodotti finanzjarji oħrajn. Pereżempju, hemm prodotti finanzjarji oħrajn, bħal bonds koperti u d-dejn garantit, fejn ir-riskju jiddependi ħafna fuq il-karatteristiċi ta’ kwalunkwe kollateral sottostanti u fejn jista’ jkun rilevanti li l-investituri jingħataw aktar informazzjoni dwar il-kollateral.

(31)

L-investituri, l-emittenti u partijiet interessati oħrajn għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni aġġornata dwar il-gradazzjoni fuq website ċentrali. Pjattaforma Ewropea tal-Gradazzjoni għandha tiġi stabbilita mill-AETS u għandha tippermetti lill-investituri biex faċilment iqabblu l-gradazzjonijiet tal-kreditu kollha li jeżistu fir-rigward ta’ entità speċifika ggradata. Huwa importanti li l-website tal-pjattaforma Ewropea tal-gradazzjoni juri l-gradazzjonijiet tal-kreditu kollha disponibbli skont l-instrument biex l-investituri jkunu jistgħu jikkunsidraw il-varjetà sħiħa ta’ opinjonijiet qabel ma jieħdu d-deċiżjoni ta’ investiment tagħhom stess. Madankollu, bil-għan li ma tiġix imminata l-kapaċità tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu li joperaw skont il-mudell ‘l-investitur iħallas’, dawn il-gradazzjonijiet tal-kreditu ma għandhomx jiġu inklużi fil-Pjattaforma Ewropea tal-Gradazzjoni. Il-pjattaforma Ewropea tal-gradazzjoni għandha tgħin aġenziji ġodda u iżgħar li jiggradaw il-kreditu biex jiksbu l-viżibbiltà. Il-Pjattaforma Ewropea tal-Gradazzjoni għandha tinkorpora r-repożitorju ċentrali tal-AETS bil-għan li toħloq pjattaforma waħda għall-gradazzjonijiet tal-kreditu kollha disponibbli u għall-informazzjoni dwar id-dejta tal-prestazzjoni storika, ippubblikata fir-repożitorju ċentrali. Il-Parlament Ewropew appoġġa l-istabbiliment ta’ pubblikazzjonijiet bħal dawn ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu tat-8 ta’ Ġunju 2011.

(32)

Il-gradazzjonijiet tal-kreditu, kemm jekk maħruġa għal skopijiet regolatorji jew le, għandhom impatt sinifikanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ investiment u fuq l-immaġni u l-attrazzjoni finanzjarja tal-emittenti. Għalhekk, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom responsabbiltà importanti lejn l-investituri u l-emittenti billi jiżguraw li dawn jikkonformaw mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 sabiex il-gradazzjonijiet tal-kreditu tagħhom ikunu indipendenti, oġġettivi u ta’ kwalità adegwata. Madankollu, l-investituri u l-emittenti mhumiex dejjem f’qagħda li jinfurzaw ir-responsabbiltà tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu lejhom. Jista’ jkun partikolarment diffiċli li tiġi stabbilita r-responsabbiltà ċivili ta’ aġenzija li jiggradaw il-kreditu fin-nuqqas ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn aġenzija li tiggrada l-kreditu u, pereżempju, investitur jew emittent iggradat fuq bażi mhux solleċitata. L-emittenti jistgħu wkoll jiffaċċjaw diffikultajiet fl-infurzar tar-responsabbiltà ċivili tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu lejhom anke meta jkollhom relazzjoni kuntrattwali mal-aġenzija li tiggrada l-kreditu kkonċernata: pereżempju, meta tingħata gradazzjoni inferjuri, deċiża abbażi ta’ ksur tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 imwettaq intenzjonalment jew b’negliġenza serja, dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni u -ispejjeż ta’ finanzjament ta’ emittent, u b’hekk jiġi kkawżat dannu lil dan l-emittent anke jekk dan ma jkunx kopert bir-responsabbiltà kuntrattwali. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm provvediment għal dritt ta’ rimedju adegwat għall-investituri li qagħdu raġonevolment fuq gradazzjoni tal-kreditu maħruġa bi ksur tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, kif ukoll għall-emittenti li jikkawżaw danni minħabba gradazzjoni tal-kreditu maħruġa bi ksur tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009. L-investitur u l-emittent għandhom ikunu kapaċi jżommu lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu responsabbli għad-danni kkawżati minn ksur ta’ dak ir-Regolament li kellu impatt fuq ir-riżultat tal-gradazzjoni. Filwaqt li l-investituri u l-emittenti li għandhom relazzjoni kuntrattwali ma’ aġenzija li tiggrada l-kreditu jistgħu jagħżlu li jibbażaw talba kontra dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu fuq ksur ta’ kuntratt, talba għad-danni għal ksur tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandha tkun disponibbli għall-investituri u l-emittenti kollha, irrispettivament minn jekk hemmx realazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet.

(33)

Għandu jkun possibbli li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jinżammu responsabbli jekk jiksru intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja kwalunkwe obbligu impost fuqhom mir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Dan l-istandard ta’ tort huwa xieraq għax l-attività tal-gradazzjoni tal-kreditu tinvolvi ċertu ammont ta’ valutazzjoni ta’ fatturi ekonomiċi kumplessi u l-applikazzjoni ta’ metodoloġiji differenti tista’ twassal għal riżultati ta’ gradazzjonijiet differenti, li l-ebda waħda minnhom ma tista’ tkun ikkunsidrata bħala skorretta. Barra minn hekk, huwa xieraq li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jiġu esposti għal responsabbiltà potenzjalment mingħajr limitu biss meta jiksru r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 intenzjonalment jew b’negliġenza serja.

(34)

L-investitur li jagħmel talba għal danni minħabba ksur tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandu jippreżenta informazzjoni preċiża u dettaljata li tindika li l-aġenzija li tiggrada l-kreditu wettqet tali ksur ta’ dak ir-Regolament. Din għandha tiġi vvalutata mill-qorti kompetenti, filwaqt li jitqies li l-investitur jew l-emittent jista’ ma jkollux aċċess għal informazzjoni li hija purament fl-isfera tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu.

(35)

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ċivili ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu, li mhumiex koperti jew definiti b’dan ir-Regolament, inklużi l-kawżalità u l-kunċett ta’ negligenża serja, kwistjonijiet bħal dawn għandhom ikunu rregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli determinata mir-regoli rilevanti tad-dritt privat internazzjonali. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jżommu sistemi ta’ responsabbiltà ċivili nazzjonali li huma aktar favorevoli għall-investituri jew għall-emittenti jew li mhumiex ibbażati fuq ksur ta’ dan ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009. Il-qorti kompetenti li tiddeċiedi dwar talba għal danni minħabba responsabbiltà ċivili magħmula minn investitur jew emittent għandha tkun determinata mir-regoli rilevanti tad-dritt privat internazzjonali.

(36)

Il-fatt li investituri istituzzjonali inklużi ġestjonarji tal-investiment huma obbligati jwettqu l-valutazzjoni tagħhom stess tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi ma għandux iwaqqaf il-qrati milli jsibu li l-ksur ta’ dan ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 minn aġenzija li tiggrada l-kreditu kkawża dannu lil investitur li għalih dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu hija responsabbli. Waqt li dan ir-Regolament se jtejjeb il-possibbiltajiet tal-investituri biex jagħmlu valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess se jkompli jkollhom iktar aċċess limitat għall-informazzjoni mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu nfushom. Barra minn hekk, partikolarment investituri iżgħar jista’ ma jkollhomx il-kapaċità għal reviżjoni ta’ gradazzjoni ta’ kreditu provduta minn aġenzija li tiggrada l-kreditu b’mod kritiku.

(37)

L-Istati Membri u l-AETS għandhom jiżguraw li kwalunkwe pieni imposti f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jiġu żvelati pubblikament biss fejn tali żvelar pubbliku jkun proporzjonat.

(38)

Sabiex ikomplu jittaffew il-konflitti ta’ interess u tiġi faċilitata l-kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-gradazzjoni tal-kreditu, huwa importanti li jiġi żgurat li t-tariffi imposti mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu lill-klijenti ma jkunux diskriminatorji. Id-differenzi fit-tariffi ċċarġjati għall-istess tip ta’ servizz għandhom ikunu ġustifikabbli biss minn differenza fil-ispiża effettiva biex ikun provdut dan is-servizz lil klijenti differenti. Barra minn hekk, it-tariffi ċċarġjati għal servizzi ta’ gradazzjoni tal-kreditu lil xi emittent speċifiku ma għandhomx jiddependu fuq ir-riżultati tax-xogħol li jkun sar jew fuq il-provvediment ta’ servizzi (anċillari) relatati. Barra minn hekk, sabiex tkun tista’ sseħħ is-superviżjoni effettiva ta’ dawk ir-regoli, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandom jiżvelaw lill-AETS it-tariffi riċevuti minn kull wieħed mill-klijenti tagħhom kif ukoll il-politika ġenerali tagħhom tal-ipprezzar.

(39)

Bħala kontribuzzjoni għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet sovrani kredibbli u aġġornati u biex jiġi faċilitat il-fehim tal-utenti, huwa importanti li dawk il-gradazzjonijiet jiġu riveduti regolarment. Huwa importanti wkoll li jiżdiedu t-trasparenza dwar ix-xogħol ta’ riċerka mwettaq, il-persunal allokat għat-tħejjija tal-gradazzjonijiet sovrani u s-suppożizzjonijiet sottostanti wara l-gradazzjonijiet tal-kreditu magħmula mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu relatati mad-dejn sovran.

(40)

Huwa essenzjali li l-investituri jkollhom informazzjoni xierqa biex jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-Istati Membri. Fil-qafas tas-sorveljanza tagħha tal-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni tiġbor u tipproċessa dejta dwar is-sitwazzjoni u l-prestazzjoni ekonomika, finanzjarja u fiskali tal-Istati Membri kollha, li il-parti l-kbira tagħha hija ppubblikata mill-Kummissjoni u li għalhekk tista’ tintuża mill-investituri biex jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja potenzjali tal-Istati Membri. Fejn ikun xieraq u disponibbli, u suġġett għar-regoli rilevanti dwar il-kunfidenzjalità applikabbli fil-qafas tas-sorveljanza tagħha tal-politiki ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tikkomplementa r-rappurtar eżistenti dwar il-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri b’ elementi jew indikaturi addizzjonali possibbli li jistgħu jgħinu lill-investituri jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-Istati Membri. Dawk l-elementi għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku, b’mod li jikkomplementaw il-pubblikazzjonijiet eżistenti u informazzjoni oħra żvelata pubblikament, bil-ħsieb li l-investituri jingħataw aktar dejta sabiex jiġu megħjuna jivvalutaw l-affidabbiltà kreditizja tal-entitajiet sovrani u l-informazzjoni dwar id-dejn tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni għandha teżamina l-possibbiltà li tiżviluppa valutazzjoni Ewropea tal-affidibbiltà kreditizja, biex tagħmilha possibbli għall-investituri li jagħmlu valutazzjoni imparzjali u oġġettiva tal-affidabbiltà kreditizja tal-Istati Membri, filwaqt li jitqies l-iżvilupp ekonomiku u soċjali speċifiku. Jekk neċessarju, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti leġislattivi xierqa.

(41)

Ir-regoli kurrenti jipprovdu għal gradazzjonijiet tal-kreditu li jridu jitħabbru lill-entità ggradata 12-il siegħa qabel il-pubblikazzjoni tagħhom. Sabiex jiġi evitat li tali notifika ssir barra l-ħinijiet tax-xogħol u sabiex l-entità ggradata jitħallielha biżżejjed ħin biex tivverifika l-korrettezza tad-dejta li fuqha msejsal-gradazzjoni tal-kreditu, l-entità ggradata għandha tiġi notifikata jum sħiħ ta’ ħidma qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew ta’ prospett ta’ gradazzjoni. Lista tal-persuni ntitolati li jirċievu tali notifika għandha tkun limitata u għandha tkun identifikata b’mod ċar mill-entità ggradata.

(42)

Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ gradazzjonijiet sovrani u sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-volatilità, huwa xieraq u proporzjonat li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu jintalbu jippubblikaw biss dawn il-gradazzjonijiet wara l-għeluq tan-negozju tal-postijiet tal-kummerċ stabbiliti fl-Unjoni u tal-anqas siegħa qabel ma jiftħu. Fuq l-istess bażi, huwa opportun u proporzjonat ukoll li fl-aħħar ta’ Diċembru, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jippubblikaw kalendarju għat-12-il xahar ta’ wara li fih jistabbilixxu d-dati għall-pubblikazzjoni ta’ gradazzjonijiet sovrani u, b’mod korrispondenti ma’ dawn, id-dati għall-pubblikazzjoni tal-prospetti relatati tal-gradazzjoni fejn ikun applikabbli. Dawn id-dati għandhom jaqgħu nhar ta’ Ġimgħa. Fil-każ biss ta’ gradazzjonijiet sovrani mhux solleċitati, in-numru ta’ pubblikazzjonijiet fil-kalendarju għandu jkun limitat għal bejn tnejn u tlieta. Fejn dan ikun neċċesarju għall-konformità mal-obbligi legali tagħhom, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jitħallew jitbiegħdu mill-kalendarju mħabbar tagħhom, filwaqt li jispjegaw fid-dettall ir-raġunijiet għal tbegħid bħal dan. Madankollu, tali devjazzjoni ma għandhiex tokkorri regolarment.

(43)

Abbażi tal-evoluzzjoni fis-suq, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jesplora kemm ikun xieraq li jkun hemm aġenzija pubblika Ewropea li tiggrada l-kreditu, iddedikata biex tivvaluta l-affidabbiltà kreditizja tad-dejn sovran tal-Istati Membri, u/jew Fondazzjoni Ewropea għall-Gradazzjoni tal-Kreditu, u modi kif dawn jiġu appoġġati. Fejn meħtieġ, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposti leġislattivi xierqa.

(44)

Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-gradazzjonijiet sovrani u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ kontaġju madwar l-Unjoni, id-dikjarazzjonijiet li jħabbru r-reviżjoni ta’ grupp ta’ pajjiżi partikolari għandhom ikunu projbiti jekk dawn ma jkunux akkumpanjati minn rapporti tal-pajjiżi individwali. Barra minn hekk, bil-ħsieb li jissaħħu l-validità u l-aċċesibbiltà tas-sorsi ta’ informazzjoni użati mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu fil-komunikazzjonijiet pubbliċi dwar bidliet potenzjali fil-gradazzjonijiet sovrani, li ma jkunux gradazzjonijiet tal-kreditu, prospetti ta’ gradazzjonijiet u stqarrijiet għall-istampa relatati, dawn il-komunikazzjonijiet għandhom dejjem ikunu bbażati fuq informazzjoni fl-isfera tal-entità ggradata, li tkun ġiet żvelata bil-kunsens tal-entità ggradata, sakemm l-informazzjoni ma tkunx disponibbli minn sorsi aċċessibbli b’mod ġenerali. Fejn il-qafas legali li jirregola l-entità ggradata jipprovdi li l-entità ggradata m’għandhiex tiżvela tali informazzjoni, pereżempju informazzjoni minn ġewwa kif definita fil-punt 1 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar insider dealing u manipulazzjoni tas-suq (abbuż tas-suq) (13), l-entità ggradata m’għandhiex tagħti l-kunsens tagħha.

(45)

Għall-fini tat-trasparenza, meta jippubblikaw il-gradazzjonijiet sovrani tagħhom, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jispjegaw fir-rapporti jew fl-istqarrijiet għall-istampa tagħhom l-elementi ewlenin li fuqhom ikunu msejsa dawk il-gradazzjonijiet tal-kreditu. Madankollu, it-trasparenza għall-gradazzjonijiet sovrani m’għandhiex tkun konklużiva għad-direzzjoni tal-politiki nazzjonali (ekonomiċi, fil-qasam tax-xogħol jew oħrajn). Għalhekk, filwaqt li dik il-politika għandha isservi bħala element għall-aġenzija li tiggrada l-kreditu biex tivvaluta l-affidabbiltà kreditizja ta’ entità sovrana jew tal-istrumenti finanzjari tagħha, u jistgħu jintużaw biex jiġu spjegati r-raġunijiet ewlenin għal gradazzjoni sovrana, m’għandhomx ikunu permessi rekwiżiti jew rakkomandazzjonijiet diretti jew espliċiti mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu lil entitajiet sovrani fir-rigward ta’ dawk il-politiki. L-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe rakkomandazzjonijiet politiċi diretti jew espliċiti dwar il-politiki ta’ entitajiet sovrani.

(46)

L-istandards tekniċi fis-settur tas-servizzi finanzjarji għandhom jiżguraw protezzjoni adegwata tad-depożituri, l-investituri u l-konsumaturi fl-Unjoni kollha. Bħala korp b’kompetenza speċjalizzata ħafna, ikun effiċjenti u xieraq li l-AETS tiġi fdata bl-elaborazzjoni tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni li ma jinvolvux għażliet ta’ politika, biex jitressqu quddiem il-Kummissjoni.

(47)

Il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppati mill-AETS li jirrigwardaw il-kontenut, il-frekwenza u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni pprovduti mill-emittenti fuq strumenti ta’ finanzjament strutturat, il-preżentazzjoni tal-informazzjoni, inklużi l-istruttura, il-format, il-metodu u ż-żmien tar-rappurtar, li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jiżvelaw lill-AETS b’relazzjoni mal-pjattaforma Ewropea tal-gradazzjoni u l-kontenut u l-format tar-rappurtar perjodiku fuq it-tariffi ċċarġjati mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għall-iskopijiet ta’ superviżjoni kontinwa mill-AETS. Il-Kummissjoni għandha tadotta dawk l-istandards permezz ta’ atti delegati taħt l-Artikolu 290 tat-TFUE u taħt l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

(48)

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 jippermetti li l-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa f’pajjiżi terzi jintużaw għal skopijiet regolatorji fil-każ li dawn jinħarġu minn aġenziji li jiggradaw il-kreditu ċċertifikati skont dak ir-Regolament jew li jkunu approvati minn aġenziji li jiggradaw il-kreditu stabbiliti fl-Unjoni skont l-Artikolu 4 (3) ta’ dak ir-Regolament. Iċ-ċertifikazzjoni tirrikjedi li l-Kummissjoni tkun adotatt deċiżjoni ta’ ekwivalenza fir-rigward tar-reġim regolatorju tal-pajjiż terz għal aġenziji li jiggradaw il-kreditu u l-approvazzjoni tirrikjedi li l-imġiba tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu minn pajjiż terz tissodisfa rekwiżiti li huma stretti tal-anqas daqs ir-regoli relevanti tal-Unjoni. Uħud mid-dispożizzjonijiet introdotti minn dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw għall-valutazzjoni dwar l-ekwivalenza u dwar l-approvazzjoni. Dan huwa l-każ għal dawk id-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu biss obbligi fuq l-emittenti iżda mhux fuq l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet relattivi għall-istruttura tas-suq tal-gradazzjoni tal-kreditu fi ħdan l-Unjoni aktar milli mal-istabbiliment tar-regoli ta’ mġiba għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu ma għandhomx jitqiesu f’dan il-kuntest. Sabiex il-pajjiżi terzi jingħataw biżżejjed żmien biex jirrivedu l-oqfsa regolatorji tagħhom fir-rigward tad-dispożizzjonijiet sostantivi ġodda li fadal, dawn tal-aħħar għandhom japplikaw biss għall-iskop tal-valutazzjonijiet tal-ekwivalenza u tal-approvazzjoni b’seħħ mill-1 ta’ Ġunju 2018. Huwa ta’ importanza f’dan ir-rigward li jitfakkar li reġim regolatorju ta’ pajjiż terz ma għandux għalfejn ikollu regoli identiċi bħal dawk stipulati f’dan ir-Regolament. Kif diġà previst fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, sabiex jitqies ekwivalenti għal jew strett daqs ir-reġim regolatorju tal-Unjoni, għandu jkun biżżejjed li r-reġim regolatorju tal-pajjiż terz jikseb l-istess oġġettivi u effetti fil-prattika.

(49)

Ladarba l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri t-tisħiħ tal-indipendenza tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, il-promozzjoni ta’ proċessi u metodoloġiji tal-gradazzjoni tal-kreditu b’saħħithom, il-mitigazzjoni tar-riskji assoċjati ma’ gradazzjonijiet sovrani, it-tnaqqis tar-riskju ta’ dipendenza żejda fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu minn parteċipanti tas-suq, u l-assigurazzjoni ta’ dritt għar-rimedju lill-investituri, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk jistgħu, minħabba l-istruttura pan-Ewropea u l-impatt tal-attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu li jridu jiġu moniterjati, jinkisbu aħjar f’livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(50)

Il-Kummissjoni għandha tressaq, sa tmiem l-2013, rapport rigward il-fattibbiltà ta’ netwerk ta’ aġenziji iżgħar li jiggradaw il-kreditu sabiex tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq. Dak ir-rapport għandu jevalwa l-appoġġ u l-inċentivi finanzjarji u mhux finanzjarji tal-Unjoni għall-ħolqien ta’ tali network, filwaqt li jitqies il-konflitt ta’ interessi potenzjali li jirriżulta minn tali finanzjament pubbliku.

(51)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat taħt l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dik id-data (14) u adotta opinjoni (15).

(52)

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009

Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jintroduċi approċċ regolatorju komuni sabiex itejjeb l-integrità, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, il-governanza tajba u l-indipendenza ta’ attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu, jikkontribwixxi għall-kwalità tal-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa fl-Unjoni u għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern filwaqt li jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur u għall-investitur. Jistabbilixxi kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu u regoli dwar l-organizzazzjoni u l-imġiba tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, inklużi l-azzjonisti u l-membri tagħhom, għall-promozzjoni tal-indipendenza tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, biex jiġu evitati l-konflitti ta’ interess u għat-titjib tal-protezzjoni tal-konsumatur u l-investitur.

Dan ir-Regolament jistabbilixxi wkoll obbligi għall-emittenti, oriġinaturi u sponsors stabbiliti fl-Unjoni fir-rigward tal-istrumenti ta’ finanzjament strutturat.”;

(2)

fl-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1)(m), l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 4(3), il-parti introduttorja, l-Artikolu 4(4), l-ewwel u t-tieni subparagrafi, l-Artikolu 5(1), il-parti introduttorja, l-Artikolu 14(1), u l-Anness II, il-punt 1, l-indikazzjoni “Komunità” tinbidel b’“Unjoni”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (g) jinbidel b’dan li ġej:

“(g)

‘finijiet regolatorji’ tfisser l-użu tal-gradazzjonijiet ta’ kreditu għall-fini speċifika ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni, jew mal-liġi tal-Unjoni kif implimentata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri;”;

(ii)

jidaħħlu l-punti li ġejjin:

“(pa)

‘istituzzjoni tal-kreditu’ tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE;

(pb)

‘ditta ta’ investiment’ tfisser ditta ta’ investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE;

(pc)

‘impriża tal-assigurazzjoni’ tfisser impriża tal-assigurazzjoni kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta ‘Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (*);

(pd)

‘impriża tar-riassigurazzjoni’ tfisser impriża tar-riassigurazzjoni kif definita fil-punt (4) tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/138/KE;

(pe)

‘istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali ’ tfisser istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif definita fl-Article 6(a) tad-Direttiva 2003/41/KE;

(pf)

‘kumpaniji ta’ ġestjoni’ tfisser kumpanija tal-maniġment kif definita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (**);

(pg)

‘kumpanija ta’ investiment’ tfisser kumpanija ta’ investiment awtorizzata b’konformità mad-Direttiva 2009/65/KE;

(ph)

‘maniger ta’ fond ta’ investiment alternattiv’ tfisser AIFM kif definit fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2011/61/EU (***);

(pi)

‘kontroparti ċentrali ’ tfisser CCP kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (****) li tkun awtorizzata b’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dak ir- Regolament;

(pj)

‘prospett’ tfisser prospett ippubblikat taħt id-Direttiva 2003/71/KE u r-Regolament (KE) Nru 809/2004;

(*)  ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1."

(**)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32."

(***)  ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1."

(****)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.”;"

(iii)

jiddaħlu l-punti (q) u (r) jinbidlu b’dan li ġej:

“(q)

‘leġislazzjoni settorjali’ tfisser l-atti leġislattivi tal-Unjoni msemmija fil-punti (pa) sa (pj);

(r)

‘awtoritajiet kompetenti settorjali” tfisser l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali maħtura skont il-leġislazzjoni settorjali rilevanti għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu, id-ditti tal-investiment, l-impriżi tar-riassigurazzjoni, impriżi għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (UCITS), istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjoni, kumpaniji ta’ ġestjoni, kumpaniji ta’ investiment, maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternatti, kontropartijiet ċentrali u prospetti li għandhom jiġu ppubblikati’;

(iv)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(s)

‘emittent’ tfisser emittent kif definit fil-punt (h) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/71/KE;

(t)

‘oriġinatur’ tfisser oriġinatur kif definit fil-punt (41) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE;

(u)

‘sponsor’ tfisser sponsor kif definit fil-punt (42) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE;

(v)

‘gradazzjoni sovrana’ tfisser:

(i)

gradazzjoni tal-kreditu fejn l-entità ggradata hija Stat jew awtorità reġjonali jew lokali ta’ Stat,

(ii)

gradazzjoni tal-kreditu fejn l-emittent tal-dejn jew tal-obbligu finanzjarju, titolu ta’ dejn jew strument finanzjarju ieħor huwa Stat jew awtorità reġjonali jew lokali ta’ Stat, jew entità ad hoc ta’ Stat jew ta’ awtorità reġjonali jew lokali;

(iii)

gradazzjoni tal-kreditu fejn l-emittent ikun istituzzjoni finanzjarja internazzjonali stabbilita minn żewġ Stati jew aktar li jkollha l-għan li timmobilizza l-finanzjament u topprovdi assistenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-membri ta’ dik l-istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, li jkunu qegħdin jesperjenzaw problemi finanzjarji serji jew fejn ikun hemm theddid ta’ dan;

(w)

‘prospetti ta’ gradazzjoni’ tfisser opinjoni fir-rigward tad-direzzjoni probabbli li se tieħu l-gradazzjoni tal-kreditu fi żmien qasir jew medju;

(x)

‘gradazzjoni tal-kreditu mhux solleċitata’ u ‘gradazzjoni sovrana mhux solleċitata’ tfisser rispettivament gradazzjoni tal-kreditu, jew gradazzjoni sovrana assenjata minn aġenzija tal-gradazzjoni tal-kreditu minbarra f’każijiet fejn din tkun intalbet;

(y)

‘skor kreditizju’ tfisser miżura ta’ affidabbiltà kreditizja li ġejja mis-sintesi u l-preżentazzjoni ta’ dejta abbażi ta’ sistema jew mudell ta’ statistika prestabbiliti biss, mingħajr input analitiku speċifiku għall-gradazzjoni sostanzjali u addizzjonali mill-analist tal-gradazzjoni;

(z)

‘suq regolat’ tfisser suq regolat kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE u stabbilit fl-Unjoni;

(aa)

‘rititolizzazzjoni’ tfisser rititolizzazzjoni kif definita fil-punt (40a) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/48/KE.”.

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘azzjonist’ għandu jinkludi sidien benefiċjarji, kif definit fil-punt (6) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2005 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (*****).

(*****)  ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.”."

(4)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b’li ġej:

“1.   Istituzzjonijiet tal-kreditu, ditti ta’ investiment, impriżi tal-assigurazzjoni, impriżi tar-riassigurazzjoni, istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali, kumpaniji ta’ ġestjoni, kumpaniji ta’ investiment, maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi u kontropartijiet ċentrali jistgħu jużaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu għal finijiet regolatorji biss jekk jinħarġu minn aġenziji tal-gradazzjoni tal-kreditu stabbiliti fl-Unjoni u rreġistrati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Fejn prospett ikun fih referenza tal-gradazzjoni ta’ kreditu jew għal gradazzjonijiet ta’ kreditu, l-emittent, min qed joffri, jew il-persuna li tkun qed titlob li tiġi ammessa fil-kummerċ f’suq regolat għandhom jiżguraw li l-prospett ikun jinkludi wkoll tagħrif ċar u prominenti li jkun jiddikjara jekk dawn il-gradazzjonijiet tal-kreditu humiex maħruġa jew le minn aġenzija li tiggrada l-kreditu stabbilita fl-Unjoni u rreġistrata taħt dan ir-Regolament.”;

(b)

fil-paragrafu 3, il-punt (b) jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

l-aġenzija li tiggrada l-kreditu vverifikat u hija kapaċi turi fuq bażi kontinwa lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (AETS) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (******), li t-twettiq tal-attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu mill-aġenzija li tiggrada l-kreditu minn pajjiż terz li jirriżultaw fil-ħruġ ta’ gradazzjoni tal-kreditu li għandha tiġi approvata jissodisfa r-rekwiżiti li huma tal-anqas stretti daqs ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 tal-Anness I, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6a, 6b, 8a, 8b, 8c u 11a, il-punt (ba) tal-punt 3 u l-punti 3a u 3b tat-Taqsima B tal-Anness I.

(******)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.”;"

(5)

l-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 6, il-punt (b) tat-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“(b)

l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu f’dak il-pajjiż terz huma soġġetti għal regoli vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikoli 6 sa 12 u fl-Anness I, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 6a, 6b, 8a, 8b, 8c u 11a, il-punt (ba) tal-punt 3 u l-punti 3a u 3b tat-Taqsima B tal-Anness I; u”;

(b)

il-paragrafu 8 jinbidel b’li ġej:

“8.   L-Artikoli 20, 23b u 24 għandhom japplikaw għal aġenziji li jiggradaw il-kreditu ċertifikati skont l-Artikolu 5(3) u għal gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa minnhom.”;

(6)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin fit-Titolu I:

“Artikolu 5a

Dipendenza żejda fuq gradazzjonijiet tal-kreditu minn istituzzjonijiet finanzjarji

1.   L-entitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) għandhom jagħmlu l-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu tagħhom stess u ma għandhomx jiddependu b’mod esklużiv jew mekkaniku fuq gradazzjonijiet tal-kreditu għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja ta’ entità jew strument finanzjarju.

2.   L-awtoritajiet kompetenti settorjali responsabbli tas-superviżjoni tal-entitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1), filwaqt li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, għandhom jimmonitorjaw l-adegwatezza tal-proċessi ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu tagħhom, jivvalutaw l-użu tar-referenzi kuntrattwali għall-gradazzjonijiet tal-kreditu u, fejn ikun xieraq, jinkoraġġixxu l-mitigazzjoni tal-impatt ta’ referenzi bħal dawn, bil-ħsieb li jnaqqsu d-dipendenza esklużiva u mekkanika fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu, f’ konformita’ mal-leġislazzjoni settorjali speċifika.

Artikolu 5b

Id-dipendenza fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

1.   L-Awtorità Superviżorja Ewropea (L-Awtorità Bankarja Ewropea) (ABE) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*******), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (AEAPX) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (********) u l-AETS ma għandhomx jirriferu għall-gradazzjonijiet tal-kreditu fil-linji gwida, rakkomandazzjonijiet u abbozzi ta’ standards tekniċi tagħhom, fejn referenzi bħal dawn għandhom il-potenzjal li jqanqlu dipendenza esklużiva u mekkanika fuq gradazzjonijiet tal-kreditu mill-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti settorjali, l-entitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) jew parteċipanti oħrajn fis-swieq finanzjarji. Għalhekk, sal-31 ta’ Diċembru 2013, l-ABE, l-AEAPX u l-AETS għandhom jirrivedu u jneħħu, fejn hu xieraq, dawn ir-referenzi kollha għall-gradazzjonijiet tal-kreditu fil-linji giwda u r-rakkommandazzjonijiet eżistenti.

2.   Il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (*********) ma għandux jirriferi għall-gradazzjonijiet tal-kreditu fit-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fejn referenzi bħal dawn għandhom il-potenzjal li jqanqlu dipendenza esklużiva u mekkanika fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu.

Artikolu 5c

Dipendenza żejda fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu fil-liġi tal-Unjoni

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tagħha ta’ inizjattiva, il-Kummissjoni għandha tkompli tirrieżamina jekk ir-referenzi għall-gradazzjonijiet tal-kreditu fil-liġi tal-Unjoni jikkawżawx jew għandhom il-potenzjal li jikkawżaw dipendenza esklużiva u mekkanika fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu mill-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti settorjali, l-entitajiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) jew parteċipanti oħrajn fis-swieq finanzjarji bil-ħsieb li jitħassru r-referenzi kollha għall-gradazzjonijiet tal-kreditu fil-liġi tal-Unjoni għall-finijiet regulatorji sal-1 ta’ Jannar 2020, sakemm ikunu ġew identifikati u implimentati alternattivi xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju tal-kreditu.

(*******)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12."

(********)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48."

(*********)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.”;"

(7)

l-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 jinbidel b’li ġej:

“1.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tieħu l-passi neċessarji kollha biex tiżgura li l-ħruġ ta’ gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni ma jkunx affettwat minn kwalunkwe konflitt ta’ interess eżistenti jew potenzjali jew relazzjoni ta’ negozju li tinvolvi lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu li toħroġ il-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospett ta’ gradazzjoni, l-azzjonisti, il-maniġers, l-analisti tal-gradazzjoni, l-impjegati tagħha jew lil kwalunkwe persuna naturali oħra tagħha li s-servizzi tagħha huma għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, jew kwalunkwe persuna marbuta direttament jew indirettament magħha b’kontroll.”;

(b)

fil-paragrafu 3, il-parti introduttorja tinbidel b’li ġej:

“3.   Fuq talba ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu, l-AETS tista’ teżenta aġenzija li tiggrada l-kreditu milli tikkonforma mar-rekwiżiti tal-punti 2, 5, 6 u 9 tat-Taqsima A tal-Anness I u l-Artikolu 7(4) jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun kapaċi turi li dawk ir-rekwiżiti mhumiex proporzjonati fid-dawl tan-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħha, u n-natura u l-firxa tal-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu u li:”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jistabbilixxu, iżommu, jinfurzaw, u jiddokumentaw struttura effikaċi ta’ kontroll intern li tirregola l-implimentazzjoni ta’ politiki u proċeduri għall-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ konflitti ta’ interess possibbli u biex tkun żgurata l-indipendenza tal-gradazzjonijiet tal-kreditu, l-analisti tal-gradazzjoni u t-timijiet tal-gradazzjoni fir-rigward tal-azzjonisti, il-korpi amministrattivi u ta’ ġestjoni u l-attivitajiet ta’ bejgħ u kummerċjalizzazzjoni. L-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jistabbilixxu proċeduri operattivi standard (SOPs) rigward il-governanza korporattiva, l-organizzazzjoni, u l-ġestjoni ta’ konflitti ta’ interess. Huma għandhom perjodikament jimmonitorjaw u jeżaminaw dawk l-SOPs sabiex tiġi vvalutata l-effikaċja tagħhom u sabiex jiġi vvalutat jekk dawn għandhomx jiġu aġġornati.”;

(8)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 6a

Konflitti ta’ interess li jikkonċernaw l-investimenti f’aġenziji li jiggradaw il-kreditu

1.   Azzjonist jew membru ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu li huwa d-detentur ta’ ishma ta’ mill-anqas 5 % jew tal-kapital jonkella tad-drittijiet tal-vot f’dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew f’kumpanija li għandha s-setgħa li teżerċita kontroll jew influwenza dominanti fuq dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu rreġistrata, għandu jiġi pprojbit milli:

(a)

ikollu 5 % jew aktar mill-kapital ta’ kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu;

(b)

ikollu d-dritt jew is-setgħa jeżerċita 5 % jew aktar mid-drittijiet tal-vot fi kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu;

(c)

ikollu d-dritt jew is-setgħa li jaħtar jew ineħħi membri tal-bord amministrattiv jew superviżorju ta’ kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu;

(d)

ikun membru tal-bord amministrattiv jew superviżorju ta’ kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu;

(e)

jeżerċita jew ikollu s-setgħa li jeżerċita kontroll jew influwenza dominanti fuq kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu.

Il-projbizzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu ma tapplikax għal parteċipazzjonijiet fi skemi ta’ investiment kollettiv diversifikat, inklużi fondi ġestiti bħal fondi għall-pensjoni jew assigurazzjoni tal-ħajja, sakemm il-parteċipazjonijiet f’dawn l-iskemi ma jpoġġux lill-azzjonist jew membru ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju ta’ dawk l-iskemi.

2.   Dan l-Artikolu ma japplikax għal investimenti f’aġenziji oħrajn li jiggradaw il-kreditu li jappartjenu għall-istess grupp ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu.

Artikolu 6b

It-tul ta’ żmien massimu tar-relazzjoni kuntrattwali ma’ aġenzija li tiggrada l-kreditu

1.   Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu tidħol f’kuntratt għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu fuq ir-rititolizzazzjonijiet, ma għandha toħroġ l-ebda gradazzjonijiet tal-kreditu fuq rititolizzazzjonijiet b’assi sottostanti mill-istess oriġinatur għal perjodu li jaqbeż l-erba’ snin.

2.   Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu tidħol f’kuntratt għall-gradazzjoni mill-ġdid ta’ rititolizzazzjonijiet, għandha titlob lil dak l-emittent sabiex:

(a)

jiddetermina n-numru ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu li għandhom relazzjoni kuntrattwali għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu fuq rititolizzazzjonijiet b’assi sottostanti mill-istess oriġinatur;

(b)

jikkalkula l-perċentwali tan-numru totali ta’ rititolizzazzjonijiet iggradati pendenti b’assi sottostanti mill-istess oriġinatur li għalihom kull aġenzija li tiggrada l-kreditu toħroġ gradazzjonijiet tal-kreditu.

Fejn kull waħda minn tal-inqas erba’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu tiggrad iktar minn 10 % tan-numru totali ta’ rititolizzazzjonijiet iggradati pendenti, il-limitazzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw.

L-eżenzjoni stipulata fit-tieni subparagrafu għandha tkompli tapplika tal-inqas sa meta l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tidħol f’kuntratt ġdid għall-gradazzjoni tar-rititolizzazzjonijiet b’assi sottostanti mill-istess oriġinatur. Fejn il-kriterji stipulati fit-tieni subparagrafu ma jiġux sodisfatti meta jsir kuntratt bħal dan, il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat mid-data li fiha jkun ġie konkluż il-kuntratt.

3.   Minn meta jiskadi kuntratt bħal dan skont il-paragrafu 1, aġenzija li tiggrada l-kreditu m’għandhiex tidħol f’kuntratt ġdid għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu fuq rititolizzazzjonijiet b’assi sottostanti mill-istess oriġinatur għal perjodu li jkun ugwali għat-tul ta’ żmien tal-kuntratt skadut iżda li ma jaqbiżx pejrodu ta’ erba’ snin.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għal:

(a)

aġenzija li tiggrada l-kreditu li tappartjeni għall-istess grupp ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu bħall-aġenzija li tiggrada l-kreditu msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

aġenzija li tiggrada l-kreditu li hija azzjonista jew membru ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu msemmija fil-paragrafu 1;

(c)

aġenzija li tiggrada l-kreditu fejn l-aġenzija li tiggrada l-kreditu msemmija fil-paragrafu 1 hija azzjonista jew membru.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, fejn gradazzjoni tal-kreditu ta’ rititolizzazzjoni tinħareġ qabel it-tmiem tat-tul ta’ żmien massimu tar-relazzjoni kuntrattwali kif imsemmi fil-paragrafu 1, aġenzija li tiggrada l-kreditu tista’ tkompli tissorvelja u taġġorna dawk il-gradazzjonijiet tal-kreditu, fuq talba, għat-tul ta’ żmien tar-rititolizzazzjoni.

5.   Dan l-Artikolu m’għandux japplika għal aġenziji li tiggrada l-kreditu li għandhom inqas minn 50 impjegat fil-livell tal-grupp li jkunu involuti fil-provvista ta’ attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu, jew b’fatturat annwali ġġenerat minn attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu ta’ inqas minn EUR 10 miljun fil-livell tal-grupp.

6.   Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu tidħol f’kuntratt għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu fuq rititolizzazzjonijiet qabel l-20 ta’ Ġunju 2013, il-perjodu msemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi kkalkulat minn dik id-data.”;

(9)

l-Artikolu 7(5) jinbidel b’dan li ġej:

“5.   Il-kumpens u l-evalwazzjoni tal-prestazzjoni tal-impjegati involuti fl-attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu jew tal-prospetti ta’ gradazzjoni, kif ukoll tal-persuni li japprovaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu jew il-prospetti ta’ gradazzjoni ma għandhomx ikunu jiddependu fuq l-ammont ta’ dħul li l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jkollha mill-entitajiet iggradati jew il-partijiet terzi relatati.”;

(10)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 jinbidel b’li ġej:

“2.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tadotta, timplimenta u ssaħħaħ miżuri adegwati biex tiżgura li l-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti ta’ gradazzjoni li toħroġ ikunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha disponibbli għaliha u li hija rilevanti għall-analiżi tagħha skont il-metodoloġiji tal-gradazzjoni applikabbli. Għandha tadotta l-miżuri meħtieġa kollha ħalli l-informazzjoni li tuża fl-assenjazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u tal-prospetti ta’ gradazzjoni tkun ta’ kwalità suffiċjenti u minn sorsi affidabbli. L-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha toħroġ gradazzjonijiet tal-kreditu u prospetti ta’ gradazzjoni li jistipulaw li l-gradazzjoni hija l-opinjoni tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu u hemm limitu għal kemm wieħed għandu jiddependi fuqha.

2a.   Bidliet fil-gradazzjonijiet tal-kreditu għandhom jinħarġu skont il-metodoloġiji ppubblikati tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu.”;

(b)

fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-gradazzjonijiet sovrani għandhom jiġu riveduti minn tal-anqas kull sitt xhur.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“5a.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu li jkollha l-ħsieb li tagħmel bidla materjali fi, jew li tuża metodoloġiji, mudelli jew suppożizzjonijiet ewlenin ta’ gradazzjoni, ġodda, li jista’ jkollhom impatt fuq gradazzjoni tal-kreditu, għandha tippubblika il-bidliet materjali proposti jew il-metodoloġiji ġodda ta’ gradazzjoni proposti fuq il-website tagħha u tistieden lill-azzjonisti jippreżentaw kummenti għal perjodu ta’ xahar, flimkien ma’ spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għal u l-implikazzjonijiet tal-bidliet materjali propost jew tal-metodoloġiji ġodda ta’ gradazzjoni proposti.”;

(d)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja tinbidel b’li ġej:

“6.   Fejn il-metodoloġiji, mudelli jew suppożizzjonijiet ewlenin ta’ gradazzjoni użati f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu jinbidlu skont l-Artikolu 14(3), aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha:”;

(ii)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

tinforma minnufih lill-AETS u tippubblika minnufih fuq il-website tagħha r-riżultati tal-konsultazzjoni u l-metodoloġiji ġodda bi spjegazzjoni dettaljata dwarhom kif ukoll id-data tal-applikazzjoni tagħhom;

(ab)

tippubblika minnufih fuq il-website tagħha r-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni msemmija fil-paragrafu 5a ħlief fil-każijiet fejn tintalab kunfidenzjalità minn min iwieġeb għall-konsultazzjoni;”;

(e)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu ssir konxja ta’ żbalji fil-metodoloġiji tagħha jew fl-applikazzjoni tagħhom hija għandha minnufih:

(a)

tinnotifika dawk l-iżbalji lill-AETS kif ukoll lill-entitajiet iggradati kollha affettwati, filwaqt li tispjega l-impatt fuq il-gradazzjonijiet tagħha inkluża l-ħtieġa li jiġu riveduti gradazzjonijiet maħruġa;

(b)

fejn żbalji jkollhom impatt fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu tagħha, tippubblika dawk l-iżbalji fuq il-website tagħha;

(c)

tikkoreġi dawk l-iżbalji fil-metodoloġiji; u

(d)

tapplika l-miżuri msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 6.”;

(11)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 8a

Gradazzjonijiet sovrani

1.   Il-gradazzjonijiet sovrani għandhom jinħarġu b’mod li jiżgura li l-ispeċifiċità individwali ta’ Stat Membru partikolari tkun ġiet analizzata. Dikjarazzjoni li tħabbar ir-reviżjoni ta’ grupp partikolari ta’ pajjiżi għandha tiġi pprojbita jekk din ma tkunx akkumpanjata mir-rapporti individwali tal-pajjiżi. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

2.   Komunikazzjonijiet pubbliċi għajr il-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta’ gradazzjoni jew l-istqarrijiet għall-istampa jew rapporti li jakkumpanjawhom, kif imsemmi fil-punt 5 tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, li jirrigwardaw bidliet potenzjali fi gradazzjonijiet sovrani, m’għandhomx ikunu bbażati fuq informazzjoni fl-isfera tal-entità ggradata, li tkun ġiet żvelata mingħajr il-kunsens tal-entità ggradata, ħlief jekk tkun disponibbli minn sorsi ġeneralment aċċessibbli jew ħlief jekk ma jkunx hemm raġunijiet leġittmi għall-entità ggradata biex ma tagħtix il-kunsens tagħha għall-iżvelar tal-informazzjoni.

3.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu, filwaqt li tqis it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(5), għandha tippubblika fuq il-website tagħha u tippreżenta lill-AETS fuq bażi annwali, taħt il-punt 3 tal-Parti III tat-Taqsima D tal-Anness I, kalendarju fl-aħħar ta’ Diċembru għat-tnax-il xahar segwenti, li jistabbilixxi massimu ta’ tliet dati għall-pubblikazzjoni ta’ gradazzjonijiet sovrani mhux solleċitati u prospetti relatati u li jistabbilixxi d-dati għall-pubblikazzjoni ta’ gradazzjonijiet sovrani solleċitati u prospetti relatati. Dawn id-dati għandhom jaqgħu nhar ta’ Ġimgħa.

4.   Devjazzjoni tal-pubblikazzjoni ta’ gradazzjonijiet sovrani jew ta’ prospetti ta’ gradazzjonijiet relatati mill-kalendarju għandha tkun possibbli biss fejn neċessarju għall-aġenzija li tiggrada l-kreditu biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 11(1) u għandha tkun akkumpanjata minn spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għad-devjazzjoni mill-kalendarju mħabbar.

Artikolu 8b

Informazzjoni dwar strumenti ta’ finanzjament strutturat

1.   L-emittent, l-oriġinatur u l-isponsor ta’ strument ta’ finanzjament strutturat stabbilit fl-Unjoni għandhom jippublikaw b’mod konġunt, fuq il-website mwaqqaf mill-AETS skont il-paragrafu 4, l-informazzjoni fuq il-kwalità tal-kreditu u l-prestazzjoni tal-assi sottostanti tal-istrument ta’ finanzjament strutturat, l-istruttura tat-tranżazzjoni tat-titolizzazzjoni, il-ħruġ u dħul ta’ flus u kwalunkwe valur kollaterali li jsostni espożizzjoni tat-titolizzazzjoni kif ukoll kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex isiru testijiet ta’ stress komprensivi u aġġornati fuq id-dħul u ħruġ ta’ flus u valuri kollaterali li jappoġġaw l-espożizzjonijiet sottostanti.

2.   L-obbligu taħt il-paragrafu 1 tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni ma għandux jiġi estiż fejn tali pubblikazzjoni tikser il-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni li tirregola l-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tas-sorsi ta’ informazzjoni jew l-ipproċessar tad-dejta personali.

3.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:

(a)

l-informazzjoni li l-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jippublikaw sabiex jikkonformaw mal-obbligu li jirriżulta mill-paragrafu 1 skont il-paragrafu 2;

(b)

il-frekwenza li biha l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) għandha tiġi aġġornata;

(c)

il-preżentazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) permezz ta’ mudell standardizzat apposta għall-iżvelar.

L-AETS għandha tressaq l-abbozz ta’ dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Ġunju 2014.

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   L-AETS għandha tiftaħ website għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar strumenti ta’ finanzjament strutturat msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 8c

Żewġ gradazzjonijiet tal-kreditu ta’ strumenti ta’ finanzjament strutturat

1.   Fejn emittent jew parti terza relatata tiegħu għandu l-ħsieb jissolleċita gradazzjoni tal-kreditu ta’ strument ta’ finanzjament strutturat, għandu jappunta tal-anqas żewġ aġenziji li jiggradaw il-kreditu biex jipprovdu gradazzjonijiet tal-kreditu indipendentament minn xulxin.

2.   L-emittent jew il-parti terza relatata miegħu msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu appuntati jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

huma ma jappartjenux għall-istess grupp ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu;

(b)

ma jkunux azzjonist jew membru ta’ kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu;

(c)

ma jkollhomx id-dritt jew is-setgħa li jeżerċitaw drittijiet ta’ vot fi kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu;

(d)

ma jkollhomx id-dritt jew is-setgħa li jaħtru jew ineħħu membri tal-bord amministrattiv jew superviżorju ta’ kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu;

(e)

l-ebda wieħed mil-membri tal-bord amministrattiv jew superviżorju tagħhom ikunu membri tal-bord amministrattiv jew superviżorju ta’ kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu;

(f)

l-aġenzija li tiggrada l-kreditu ma għandhiex teżerċita jew ikollha s-setgħa li teżerċita kontroll jew influwenza dominanti fuq kwalunkwe aġenzija oħra li tiggrada l-kreditu.

Artikolu 8d

L-użu ta’ aktar minn aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu

1.   Fejn emittent jew parti terza relatata jkunu biħsiebhom jappuntaw tal-anqas żewġ aġenziji li jiggradaw il-kreditu għall-gradazzjoni tal-kreditu tal-istess emissjoni jew entità, l-emittent jew parti terża relatata għandu jikkunsidra li jappunta tal-anqas aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu li ma jkollhiex iktar minn 10 % tas-sehem totali tas-suq u li tista’ tiġi vvalutata mill-emittent jew parti terża relatata li hija kapaċi tiggrada l-emissjoni jew l-entità rilevanti, bil-kundizzjoni li, abbażi tal-lista tal-AETS imsemmija fil-paragrafu 2, ikun hemm disponibbli aġenzija li tiggrada l-kreditu għall-gradazzjoni tal-emissjoni jew l-entità speċifika. Meta l-emittent jew parti terża relatata ma tappuntax tal-anqas aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu li ma jkollhiex aktar minn 10 % tas-sehem totali tas-suq, dan għandu jiġi dokumentat.

2.   Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni mill-emittent jew parti terża relatata taħt il-paragrafu 1, l-AETS għandha tippubblika darba fis-sena fuq il-website tagħha lista ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu rreġistrati, li tindika s-sehem totali tagħhom tas-suq u t-tipi ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa, li tista’ tintuża mill-emittent bħala punt ta’ tluq għall-valutazzjoni tiegħu.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, is-sehem totali tas-suq għandu jitkejjel b’referenza għall-fatturat annwali ġġenerat mill-attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu u servizzi anċillari, fil-livell tal-grupp.”;

(12)

fl-Artikolu 10, il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b’dan li ġej:

“1.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tiżvela kwalunkwe gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni, kif ukoll kwalunkwe deċiżjoni biex twaqqaf gradazzjoni tal-kreditu, fuq bażi mhux selettiva u f’waqtha. Fl-eventwalità ta’ deċiżjoni biex titwaqqaf gradazzjoni tal-kreditu, l-informazzjoni żvelata għandha tinkludi raġunijiet sħaħ għad-deċiżjoni.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika wkoll għall-gradazzjonijiet tal-kreditu li jitqassmu b’abbonament.

2.   Aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jiżguraw li l-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti ta’ gradazzjoni huma ppreżentati u pproċessati skont ir-rekwiżiti stabbiliti fit-Taqsima D tal-Anness I u m’għandhomx jippreżentaw fatturi oħra għajr dawk relatati mal-gradazzjonijiet tal-kreditu.

2a.   Sa meta jiġu żvelati lill-pubbliku l-gradazzjonijiet tal-kreditu, il-prospetti ta’ gradazzjoni u l-informazzjoni relatata magħhom, huma għandhom jitqiesu bħala informazzjoni minn ġewwa kif definita fid-Direttiva 2003/6/KE u f’konformita’ magħha.

L-Artikolu 6(3) ta’ dik id-Direttiva għandu japplika mutatis mutandis għall-aġenziji li jiggradaw il-kreditu fir-rigward tad-dmir tagħhom ta’ kunfidenzjalità, l-obbligu tagħhom li jżommu lista ta’ persuni li għandhom aċċess għall-gradazzjoni tal-kreditu, prospetti ta’ gradazzjoni jew informazzjoni relatata qabel l-iżvelar tagħhom.

Il-lista ta’ persuni li lilhom jiġu kkomunikati l-gradazzjoni tal-kreditu, il-prospetti ta’ gradazzjoni u l-informazzjoni relattiva għalihom qabel ma jiġu żvelati għandha tkun limitata għal persuni identifikati minn kull entità ggradata għal dak il-għan.”;

(13)

fl-Artikolu 10(5), l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

“5.   Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu toħroġ gradazzjoni tal-kreditu mhux solleċitata, hija għandha tiddikjara b’mod prominenti fil-gradazzjoni tal-kreditu,billi tuża kodiċi tal-kulur differenti u distingwibbli b’mod ċar għall-kategorija tal-gradazzjoni, kemm jekk l-entità ggradata jew parti terza relatata ħadu sehem fil-proċess tal-gradazzjoni jew le u jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu kellhiex aċċess għall-kontijiet u għad-dokumenti tal-maniġment u dokumenti oħra interni rilevanti għall-entità ggradata jew parti terza relatata.”;

(14)

l-Artikolu 11(2) jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu reġistrata jew ċertifikata għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni f’repożitorju ċentrali stabbilit mill-AETS informazzjoni dwar id-dejta storika tal-prestazzjoni tagħha, inkluża l-frekwenza tat-tranżizzjoni tal-gradazzjonijiet u informazzjoni dwar il-gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa fil-passat u dwar it-tibdil li sarilhom. Tali aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tipprovdi informazzjoni lil dak ir-repożitorju fuq formula standard ipprovduta mill-AETS. L-AETS għandha tagħmel dik l-informazzjoni aċċessibbli għall-pubbliku u għandha tippubblika sommarju tal-informazzjoni dwar l-iżviluppi prinċipali osservati fuq bażi annwali.”;

(15)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 11a

Pjattaforma Ewropea tal-gradazzjoni

1.   Aġenzija li tiggrada l-kreditu reġistrata jew ċertifikata għandha, meta toħroġ gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni, tressaq lill-AETS informazzjoni dwar il-gradazzjoni, inklużi l-gradazzjoni u l-prospett ta’ gradazzjoni tal-istrument iggradat, informazzjoni dwar it-tip ta’ gradazzjoni, it-tip ta’ azzjoni ta’ gradazzjoni, id-data u l-ħin tal-pubblikazzjoni.

2.   L-AETS għandha tippubblika l-gradazzjonijiet tal-kreditu individwali mressqa lilha skont il-paragrafu 1 fuq website (‘pjattaforma Ewropea tal-gradazzjoni’).

Ir-repożitorju ċentrali msemmi fl-Artikolu 11(2) għandu jiġi inkorporat fil-pjattaforma Ewropea tal-gradazzjoni.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għal gradazzjonijiet tal-kreditu jew prospetti ta’ gradazzjoni li huma prodotti għall-investituri u żvelati lilhom esklussivament, għal tariffa.”;

(16)

fl-Artikolu 14(3) jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu, l-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tinnotifika lill-AETS bil-bidliet materjali maħsubin għall-metodoloġiji tal-gradazzjoni, il-mudelli jew is-suppożizzjonijiet prinċipali ta’ gradazzjonijiet jew bil-metodoloġiji l-ġodda proposti tal-gradazzjoni, il-mudelli jew is-suppożizzjonijiet prinċipali ta’ gradazzjonijiet meta l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tippubblika l-bidliet proposti jew il-metodoloġiji l-ġodda tal-gradazzjoni proposti fuq il-website tagħha f’konformità mal-Artikolu 8(5a). Wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ konsultazzjoni, l-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tinnotifika lill-AETS bi kwalunkwe bidla dovuta għall-konsultazzjoni.”;

(17)

l-Artikolu 18(2) jinbidel b’dan li ġej:

“2.   L-AETS għandha tikkomunika lill-Kummissjoni, lill-ABE, lill-AEAPX, lill-awtoritajiet kompetenti u lill-awtoritajiet kompetenti settorjali, kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 16, 17 jew 20.”;

(18)

l-Artikolu 19(1) jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-AETS għandha timponi tariffa fuq l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, skont dan ir-Regolament u r-regolament tal-Kummissjoni msemmi fil-paragrafu 2. Dik it-tariffa għandha tkopri għalkollox l-infiq neċessarji tal-AETS fir-rigward tar-reġistrazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni u s-superviżjoni tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu u r-rimborż ta’ kwalunkwe spejjeż li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fl-eżekuzzjoni ta’ kompiti taħt dan ir-Regolament, b’mod partikolari b’riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti skont l-Artikolu 30”;

(19)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 4 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja tinbidel b’li ġej:

“4.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:”;

(ii)

il-punt (e) jinbidel b’li ġej:

“(e)

il-kontenut u l-format tar-rappurtar perjodiku tad-dejta dwar il-gradazzjonijiet li jrid jintalab minn aġenziji li jiggradaw il-kreditu reġistrati u ċertifikati għall-iskop ta’ superviżjoni kontinwa mill-AETS.”;

(iii)

is-subparagrafi li ġejjin jiżdiedu wara l-punt (e):

“L-AETS għandha tressaq dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Ġunju 2014.

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“4a.   L-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika:

(a)

il-kontenut u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni, inkluża l-istruttura, il-format, il-metodu u l-ħin tar-rappurtar li l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jiżvelaw lill-AETS skont l-Artikolu 11a (1); u

(b)

il-kontenut u l-format tar-rappurtar perjodiku dwar it-tariffi ċċarġjati mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għall-fini ta’ superviżjoni kontinwa mill-AETS.

L-AETS għandha tressaq l-abbozz ta’ dawk l-istandards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Ġunju 2014.

Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4b.   L-AETS għandha tirrapporta dwar il-possibbiltà li jiġi stabbilit mapping wieħed jew aktar tal-gradazzjonijiet tal-kreditu ippreżentati f’konformità mal-Artikolu 11a(1) u tippreżenta dan ir-rapport lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Ġunju 2015. Dan ir-rapport għandu b’mod partikolari jivvaluta:

(a)

il-possibbiltà, l-ispiża u l-benefiċċju tal-istabbiliment ta’ mapping wieħed jew aktar;

(b)

kif jista’ jinħoloq mapping wieħed jew aktar mingħajr il-miżrappreżentazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu fid-dawl tal-metodoloġiji differenti tal-gradazzjoni;

(c)

kwalunkwe effetti li jista’ jkollhom il-mappings fuq l-istandards tekniċi regolatorji żviluppati s’issa fir-rigward tal-Artikolu 21(4a) u (b).

L-AETS għandha tikonsulta lill-ABE u lill-AEAPX fir-rigward tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu.”;

(c)

il-paragrafu 5 jinbidel b’li ġej:

“5.   L-AETS għandha tippubblika rapport annwali dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jkun fih, b’mod partikolari, valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Anness I mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu rreġistrati skont dan ir-Regolament u valutazzjoni tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ approvazzjoni msemmi fl-Artikolu 4(3).”;

(20)

fl-Artikolu 22a, it-titolu jinbidel b’li ġej:

“Eżami tal-konformità mar-rekwiżiti tal-metodoloġija”;

(21)

l-Artikolu 25a jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 25a

L-awtoritajiet kompetenti settorjali responsabbli għas-superviżjoni u l-infurzar tal-Artikolu 4(1) u l-Artikoli 5a, 8b, 8c u 8d.

L-awtoritajiet kompetenti settorjali għandhom ikunu responsabbli għas-superviżjoni u l-infurzar tal-Artikoli 4(1) u l-Artikoli 5a, 8b, 8c u 8d f’konformità mal-leġislazzjoni settorjali rilevanti.”;

(22)

jiddaħħal it-Titolu li ġej:

“TITOLU IIIA

RESPONSABBILTÀ ĊIVILI TAL-AĠENZIJI LI JIGGRADAW IL-KREDITU

Artikolu 35a

Responsabbiltà ċivili

1.   Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun wettqet intenzjonalment jew b’negliġenza serja kwalunkwe ksur elenkat fl-Anness III li jħalli impatt fuq xi gradazzjoni tal-kreditu, investitur jew emittent jista’ jitlob danni minn dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu gradgħal danni kkważati lilhu b’dak il-ksur.

Investitur jista’ jitlob danni taħt dan l-Artikolu meta jistabbilixxi li b’mod raġonevoli, f’konformità mal-Artikolu 5a(1) jew inkella b’kull diliġenza possibbli, qagħad fuq gradazzjoni tal-kreditu għal deċiżjoni biex jinvesti fi strument finanzjarju kopert minn dik il-gradazzjoni tal-kreditu, biex iżommu jew ineħħih.

Emittent jista’ jitlob dannu taħt dan l-Artikolu meta jistabbilixxi li hu jew l-istrumenti finanzjarji tiegħu huma koperti b’dik il-gradazzjoni tal-kreditu u l-ksur ma kienx ikkawżat minn informazzjoni qarrieqa jew mhux preċiża provduta mill-emittent lill-aġenzija li tiggrada l-kreditu, direttament jew permezz ta’ informazjzoni disponibbli lill-pubbliku.

2.   Għandha tkun ir-responsabbiltà tal-investitur jew tal-emittent li jippreżenta informazzjoni preċiża u dettaljata li tindika li l-aġenzija li tiggrada l-kreditu wettqet ksur ta’ dan ir-Regolament, u li l-ksur kellu impatt fuq il-gradazzjoni tal-kreditu maħruġa.

X’jikkostitwixxi informazzjoni preċiża u dettaljata għandu jkun ivvalutat mill-qorti nazzjonali kompetenti, filwaqt li jitqies li l-investitur jew l-emittent jista’ ma jkollux aċċess għal informazzjoni li hija purament fl-isfera tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu.

3.   Ir-responsabbiltà ċivili ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun limitata minn qabel biss fejn dik il-limitazzjoni tkun:

(a)

raġonevoli u proporzjonata; u

(b)

permessa bil-liġi nazzjonali applikabbli f’konformità mal-paragrafu 4.

Ma għandha jkollha ebda effett ġuridiku kwalunkwe limitazzjoni li ma tikkonformax mal-ewwel subparagrafu, jew kwalunkwe esklużżjoni tar-responsabbiltà ċivili.

4.   Termini bħal ‘dannu’, ‘intenzjoni’, ‘negliġenza serja’, ‘b’mod raġonevoli qagħad fuq’, ‘diliġenza xierqa’, ‘impatt’, ‘raġonevoli’ u ‘proporzjonata’ li huma msemmija f’dan l-Artikolu iżda li mhumiex definiti għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli kif determinat mir-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali privat. Kwistjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ċivili ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu li mhumiex koperti b’dan ir-Regolament għandhom ikunu rregolati mil-liġi nazzjonali applikabbli kif determinat mir-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali privat. Il-qorti li hi kompetenti li tiddeċiedi dwar talba għal dannu minħabba responsabbiltà ċivili magħmula minn investitur jew emittent għandha tkun determinata mir-regoli rilevanti tad-dritt internazzjonali privat.

5.   Dan l-Artikolu ma jeskludix talbiet ulterjuri għar-riżarċiment tad-dannu għal responsabbiltà ċivili f’konformità mal-liġi nazzjonali.

6.   Id-dritt għal rimedju stabbilit f’dan l-Artikolu ma għandux jipprevjeni lill-AETS milli teżerċita b’ mod sħiħ il-poteri tagħha kif stipulat fl-Artikolu 36a.”;

(23)

fl-Artikolu 36a(2), l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punti (a) u (b) jinbidlu b’li ġej:

“(a)

għall-ksur imsemmi fil-punti minn 1 sa 5, minn 11 sa 15, 19, 20, 23, minn 26a sa 26d, 28, 30, 32, 33, 35, 41, 43, 50, 51 u minn 55 sa 62 tat-Taqsima I tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 500 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 750 000;

(b)

għall-ksur imsemmi fil-punti 6, 7, 8, 16, 17, 18, 21, 22, 22a, 24, 25, 27, 29, 31, 34, 37 sa 40, 42, 42a, 42b, 45 sa 49a, 52, 53 u 54 ta’ Taqsima I tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 300 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 450 000;”;

(b)

il-punti (d) u (e) jinbidlu b’li ġej:

“(d)

għall-ksur imsemmi fil-punti 1, 6, 7, 8 u 9 tat-Taqsima II tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 50 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 150 000;

(e)

għall-ksur imsemmi fil-punti 2, 3a, 3b, 3c, 4, 4a and 5 tat-Taqsima II tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 25 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 75 000;”;

(c)

il-punt (h) jinbidel b’li ġej:

“(h)

għall-ksur imsemmi fil-punt 20a tat-Taqsima I tal-Anness III, fil-punti 4 sa 4c, 6, 8 u 10 tat-Taqsima III tal-Anness III, il-multi għandhom jammontaw għal mill-inqas EUR 90 000 u ma għandhomx jaqbżu EUR 200 000;”;

(24)

l-Artikolu 39 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 3 huma mħassra;

(b)

jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“4.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tingħata parir tekniku mill-AETS, terġa’ teżamina s-sitwazzjoni fis-suq tal-gradazzjoni tal-kreditu għal strumenti ta’ finanzjament strutturat, b’mod partikolari s-suq tal-gradazzjonijiet tal-kreditu għal rititolizzazzjonijiet. Wara dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha, sal-1 ta’ Lulju 2016, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposta leġislattiva jekk dan ikun xieraq, li jivvaluta, b’mod partikolari:

(a)

id-disponibbiltà ta’ għażla suffiċjenti sabiex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6b u 8c;

(b)

jekk ikunx xieraq li jitqassar jew jiġi estiż it-tul massimu ta’ żmien tar-relazzjoni kuntrattwali msemmi fl-Artikolu 6b(1) u l-perjodu minimu qabel ma l-aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun tista’ terġa’ tidħol f’kuntratt ma’ emittent jew ma’parti terza għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu rigward ir-rititolizzazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6b(3);

(c)

jekk ikunx xieraq li tiġi emendata l-eżenzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tall-Artikolu 6b(2).

5.   Il-Kummissjoni, wara li tottjeni parir tekniku mill-AETS, għandha terġa’ teżamina s-sitwazzjoni fis-suq tal-gradazzjonijiet tal-kreditu. Wara dak ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha sal-1 ta’ Jannar 2016 tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ proposta leġislattiva jekk dan ikun xieraq, li jivvaluta b’mod partikolari:

(a)

jekk hemmx bżonn li jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi msemmija fl-Artikolu 8b sabiex jiġu inklużi prodotti oħrajn ta’ kreditu finanzjarju;

(b)

jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikoli 6, 6a u 7 ikunux taffew biżżejjed il-konflitti ta’ interess;

(c)

jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ rotazzjoni msemmi fl-Artikolu 6b għandux jiġi estiż għal kategoriji ta’ assi oħrajn u jekk huwiex xieraq li jintużaw perjodi b’tulijiet differenti fost il-kategoriji tal-assi;

(d)

l-adegwatezza ta’ mudelli eżistenti u alternattivi ta’ rimunerazzjoni;

(e)

jekk hemmx bżonn li jiġu implimentati miżuri oħrajn li jippromwovu l-kompetizzjoni fis-suq tal-gradazzjonijiet tal-kreditu;

(f)

l-adegwatezza ta’ inizjattivi addizzjonali biex tiġi promossal-kompetizzjoni fis-suq tal-gradazzjonijiet tal-kreditu fl-isfond tal-evoluzzjoni tal-istruttura tas-settur;

(g)

jekk hemmx bżonn li jiġu proposti miżuri biex tiġi indirizzata d-dipendenza żejda kuntrattwali fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu;

(h)

il-livelli ta’ konċentrazzjoni tas-suq, ir-riskji li jiġu minn konċentrazzjoni qawwija, u l-impatt fuq l-istabbiltà ġenerali tas-settur finanzjarju.

6.   Il-Kummissjoni għandha, tal-inqas darba fis-sena, tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar kwalunkwe deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza ġodda msemmija fl-Artikolu 5(6) li jkunu ġew adottati matul il-perjodu ta’ rappurtar.”;

(25)

l-Artikolu 39a jinbidel b’li ġej:

“Artikolu 39a

Il-persunal u r-riżorsi tal-AETS

Sal-21 ta’ Ġunju 2014, l-AETS għandha tevalwa l-ħtiġijiet tal-persunal u tar-riżorsi li jirriżultaw mit-teħid f’idejha tal-poteri u tad-dmirijiet tagħha skont dan ir-Regolament u għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”;

(26)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 39b

Obbligi ta’ rappurtar

1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar:

(a)

il-passi meħuda fir-rigward tat-tħassir tar-referenzi għal gradazzjonijiet tal-kreditu li jikkawżaw jew għandhom il-potenzjal li jikkawżaw dipendenza esklużiva jew mekkanika fuqhom; u

(b)

għodod alternattivi sabiex jippermettu lill-investituri jagħmlu l-valutazzjonijiet tagħhom tar-riskju tal-kreditu fir-rigward tal-emittenti u tal-istrumenti finanzarji,

bil-ħsieb li jitħassru r-referenzi kollha għall-gradazzjonijiet tal-kreditu fil-liġi tal-Unjoni għall-finijiet regolatorji sal-1 ta’ Jannar 2020, sakemm ikunu ġew identifikati u implimentati alternattivi adegwati. L-AETS għandha tipprovdi parir tekniku lill-Kummissjoni fil-qafas ta’ dan il-paragrafu.

2.   Filwaqt li tqis is-sitwazzjoni tas-suq, il-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2014, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-adegwatezza tal-iżvilupp ta’ valutazzjoni Ewropea tal-affidabbiltà kreditizja għal dejn sovran.

Filwaqt li tqis il-konklużjonijiet tar-rapport imsemmi fl-ewwel subparagrafu u s-sitwazzjoni tas-suq, il-Kummisjsoni, sal-31 ta’ Diċembru 2016, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-adegwatezza u l-fattibbiltà ta’ appoġġ għal aġenzija Ewropea li tiggrada l-kreditu ddedikata għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tad-dejn sovran tal-Istati Membri u/jew fondazzjoni Ewropea tal-gradazzjoni tal-kreditu għall-gradazzjonijiet tal-kreditu l-oħra kollha.

3.   Il-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2013, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-fattibbiltà ta’ network ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu iżgħar sabiex tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq. Dak ir-rapport għandu jivvaluta l-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju għall-ħolqien ta’ network bħal dan, billi jitqiesu il-konflitti ta’ interessi potenzjali li joħroġ minn finanzjament pubbliku. Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ dak ir-rapport u wara li jingħata parir tekniku mill-AETS, il-Kummissjoni tista’ terġa’ tivvaluta u tissuġġerixxi l-emendar tal-Artikolu 8d.”;

(27)

l-Anness I huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

(28)

l-Anness III huwa emendat skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Minkejja l-ewwel paragrafu,

(1)

il-punti 7(a), 9 u 10, il-punt 11 fir-rigward tal-Artikolu 8d tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009, u l-punti 12 and 27 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw mill-1 ta’ Ġunju 2018 għall-finijiet tal-valutazzjoni msemmija:

(a)

fl-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar jekk ir-rekwiżiti tal-pajjiżi terzi humiex tal-anqas stretti daqs ir-rekwiżiti msemmija f’dak il-punt; u

(b)

fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(6) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar jekk l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu fil-pajjiżi terzi humiex soġġetti għal regoli legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għal dawk imsemmija f’dak il-punt;

(2)

il-punt 8 tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament relattivament għall-Artikolu 6a(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 għandu japplika mill-21 ta’ Ġunju 2014 fir-rigward ta’ kwalunkwe azzjonist jew membru ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu li fil-15 ta’ Novembru 2011 kien id-detentur ta’ 5 % jew aktar mill-kapital ta’ aktar minn aġenzija waħda li tiggrada l-kreditu.

(3)

il-punt 15 tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-21 ta’ Ġunju 2015.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Mejju 2013.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

L. CREIGHTON


(1)  ĠU C 167, 13.6.2012, p. 2.

(2)  ĠU C 181, 21.6.2012, p. 68.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Jannar 2013 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Mejju 2013.

(4)  ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

(5)  ĠU L 145, 31.5.2011, p. 30.

(6)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(7)  ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 24.

(8)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(9)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

(10)  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.

(11)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.

(12)  ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

(13)  ĠU L 96, 12.4.2003, p. 16.

(14)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(15)  ĠU C 139, 15.5.2012, p. 6.


ANNESS I

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-Taqsima B hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 1 jinbidel b’li ġej:

“1.

Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tidentifika, telimina jew tiġġestixxi u tiżvela, b’mod ċar u prominenti, kwalunkwe konflitt ta’ interess potenzjali jew attwali li jista’ jaffettwa l-analiżi u l-ġudizzji tal-analisti tal-gradazzjoni tagħha, l-impjegati, jew kwalunkwe persuna naturali oħra li s-servizzi tagħha huma disponibbli jew taħt il-kontroll tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu u li huma direttament involuti f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu u persuni li japprovaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti ta’ gradazzjoni.”;

(b)

il-punt 3 huwa emendat kif ġej:

(i)

fl-ewwel subparagrafu, il-parti introduttorja tinbidel b’li ġej:

“3.

Aġenzija li tiggrada l-kreditu ma għandhiex toħroġ gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi li ġejjin, jew, fil-każ ta’ gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni eżistenti, għandha tiżvela minnufih fejn il-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospett ta’ gradazzjoni jiġu potenzjalment affettwati b’li ġej:”;

(ii)

il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt (a):

“(aa)

azzjonista jew membru ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu li għandu 10 % jew iktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew inkella li jkun f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, ikollu 10 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tal-entità ggradata jew ta’ parti terza relatata, jew ta’ kwalunkwe interess ieħor ta’ sjieda f’dik l-entità ggradata jew parti terza, esklużi parteċipazzjonijiet fi skemi kollettivi u diversifikati ta’ investiment u fondi ġestiti bħall-fondi għall-pensjoni jew l-assigurazzjoni tal-ħajja, li ma jpoġġuhx f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet ta’ negozju tal-iskema;”;

(iii)

il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt (b):

“(ba)

il-gradazzjoni tal-kreditu tinħareġ fir-rigward ta’ entità ggradata jew parti terza relatata li għandha 10 % jew aktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu;”;

(iv)

il-punt li ġej jiddaħħal wara l-punt (c):

“(ca)

azzjonist jew membru ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu li għandu 10 % jew aktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew inkella li jkun f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, huwa membru tal-bord amministrattiv jew superviżorju tal-entità ggradata jew parti terza relatata;”;

(v)

it-tieni subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha wkoll tivvaluta minnufih jekk hemmx raġunijiet għall-gradazzjoni mill-ġdid jew għall-irtirar tal-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospett ta’ gradazzjoni eżistenti.”;

(c)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“3a.

Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tiżvela meta l-gradazzjoni tal-kreditu eżistenti jew il-prospett ta’ gradazzjoni jkunx potenzjalment affettwat minn xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

azzjonista jew membru ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu li għandu 5 % jew iktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew inkella li jkun f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, ikollu 5 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tal-entità ggradata jew ta’ parti terza relatata, jew ta’ kwalunkwe interess titolari ieħor f’dik l-entità ggradata jew f’dik il-parti terza. Dan jeskludi parteċipazzjonijiet fi skemi kollettivi u diversifikati ta’ investiment u fondi ġestiti bħall-fondi għall-pensjoni jew l-assigurazzjoni tal-ħajja, li ma jpoġġuhx f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet ta’ negozju tal-iskema;

(b)

azzjonist jew membru ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu li għandu 5 % jew aktar mill-kapital jew mid-drittijiet tal-vot ta’ dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew inkella li jkun f’qagħda li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet tan-negozju tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, huwa membru tal-bord amministrattiv jew superviżorju tal-entità ggradata jew parti terza relatata.

3b.

Sakemm l-informazzjoni hija magħrufa jew għandha tkun magħrufa mill-aġenzija li tiggrada l-kreditu, l-obbligi fil-punt 3(aa), (ba) u (ca) u fil-punt 3-a jirrigwardaw ukoll:

(a)

azzjonisti indiretti koperti mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/109/KE; u

(b)

kumpaniji li jikkontrollaw jew jeżerċitaw influenza dominanti, direttament jew indirettament, fuq l-aġenzija u li huma koperti mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/109/KE.

3c.

Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tiżgura li t-tariffi imposti fuq il-klijenti tagħha għall-provvista ta’ servizzi ta’ gradazzjoni tal-kreditu u oħrajn anċillari mhumiex diskriminatorji u jkunu bbażati fuq spejjeż effettivi. Tariffi imposti għal servizzi ta’ gradazzjoni tal-kreditu ma għandhomx jiddependu fuq il-livell tal-gradazzjoni tal-kreditu maħruġa mill-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew fuq kwalunkwe riżultat ieħor tal-ħidma mwettqa.”;

(d)

fil-punt 4, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’li ġej:

“4.

La aġenzija li tiggrada l-kreditu u lanqas persuna li għandha, direttament jew indirettament, mill-inqas 5 % jew tal-kapital jonkella tad-drittijiet tal-vot tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew li inkella tinsab f’qagħda li teżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet ta’ negozju tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu ma għandha tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni lill-entità ggradata jew parti terza relatata fir-rigward tal-istruttura korporattiva jew legali, l-assi, il-passivi jew l-attivitajiet ta’ dik l-entità ggradata jew parti terza relatata.”;

(e)

il-punt 7 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

“(a)

għal kull gradazzjoni tal-kreditu u deċiżjoni għal prospett ta’ gradazzjoni, l-identità tal-analisti ta’ gradazzjoni u li jieħdu sehem fid-determinazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett ta’ gradazzjoni, l-identità tal-persuni li jkunu approvaw il-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospett ta’ gradazzjoni, l-informazzjoni dwar jekk il-gradazzjoni tal-kreditu kinitx solleċitata jew le, u d-data li fiha ttieħdet l-azzjoni ta’ gradazzjoni tal-kreditu;”;

(ii)

il-punt (d) jinbidel b’li ġej:

“(d)

ir-rekords li jiddokumentaw il-proċeduri u l-metodoloġiji ta’ gradazzjoni stabbiliti użati mill-aġenzija li tiggrada l-kreditu biex jiġu determinati l-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti ta’ gradazzjoni;”;

(iii)

il-punt (e) jinbidel b’li ġej:

“(e)

ir-rekords u l-fajlijiet interni, inklużi l-informazzjoni li mhijiex pubblika u l-karti ta’ ħidma, użati bħala l-bażi ta’ kwalunkwe gradazzjoni tal-kreditu u deċiżjoni għal prospett ta’ gradazzjoni meħuda;”;

(2)

it-Taqsima C hija emendata kif ġej:

(a)

fil-punt 2, il-parti introduttorja tinbidel b’li ġej:

“2.

L-ebda persuna msemmija fil-punt 1 ma għandha tieħu sehem fi jew inkella tinfluwenza d-determinazzjoni ta’ gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni ta’ kwalunkwe entità ggradata partikolari jekk dik il-persuna:”;

(b)

fil-punt 3, il-punt (b) jinbidel b’li ġej:

“(b)

ma tiżvela ebda informazzjoni dwar il-gradazzjonijiet tal-kreditu, gradazzjonijiet tal-kreditu jew prospetti ta’ gradazzjoni futuri possibbli tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, ħlief lill-entità ggradata jew il-parti terza relatata magħha;”;

(c)

il-punt 7 jinbidel b’li ġej:

“7.

Persuna msemmija fil-punt 1 ma għandhiex tieħu pożizzjoni ewlenija fil-maniġment mal-entità ggradata jew parti terza relatata magħha fi żmien sitt xhur mill-ħruġ ta’ gradazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett ta’ gradazzjoni.”;

(d)

il-punt 8 jinbidel b’li ġej:

“8.

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 7(4):

(a)

l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jiżguraw li l-analisti tal-gradazzjoni ewlenin ma għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità jew parti terza relatata magħha għal perjodu li jaqbeż l-erba’ snin;

(b)

l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu ħlief dawk appuntati minn emittent jew il-parti terza relatata miegħu u l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu kollha li joħorġu gradazzjonijiet sovrani għandhom jiżguraw li:

(i)

l-analisti tal-gradazzjoni ma għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità ggradata jew il-partijiet terzi relatati tagħha għal perjodu li jaqbeż il-ħames snin;

(ii)

il-persuni li japprovaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu ma għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità ggradata jew parti terza relatata magħha għal perjodu li jaqbeż is-seba’ snin.

Il-persuni msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ma għandhomx ikunu involuti f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu relatati mal-entità ggradata jew parti terza relatata magħha msemmija f’dawk il-punti fi żmien sentejn mit-tmiem tal-perjodi stabbiliti f’dawk il-punti.”;

(3)

it-titlu tat-Taqsima D jinbidel b’li ġej:

“Regoli dwar il-preżentazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u prospetti ta’ gradazzjoni”;

(4)

il-Parti I tat-Taqsima D hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 1 jinbidel b’li ġej:

“1.

Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tiżgura li kwalunkwe gradazzjoni tal-kreditu u prospett ta’ gradazzjoni jsemmu b’mod ċar u prominenti l-isem u l-kariga tal-analist ewlieni tal-gradazzjoni f’attività ta’ gradazzjoni tal-kreditu partikolari kif ukoll l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna primarjament responsabbli għall-approvazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett ta’ gradazzjoni.”;

(b)

il-punt 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

“(a)

is-sorsi sostanzjalment materjali kollha, inklużi l-entità ggradata jew, fejn hu xieraq, parti terza relatata, li ntużaw fit-tħejjija ta’ gradazzjoni tal-kreditu jew ta’ prospett ta’ gradazzjoni huma indikati flimkien b’indikazzjoni li turi jekk il-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospett ta’ gradazzjoni ġewx żvelati lil dik l-entità ggradata jew il-parti terza relatata magħha u emendati wara dak l-iżvelar qabel ma nħarġu;”;

(ii)

il-punti (d) u (e) jinbidlu b’li ġej:

“(d)

id-data li fiha l-gradazzjoni tal-kreditu ġiet rilaxxata għall-ewwel darba għad-distribuzzjoni u meta ġiet aġġornata l-aħħar inklużi kwalunkwe prospetti ta’ gradazzjoni hija indikata b’mod ċar u prominenti;

(e)

tingħata informazzjoni dwar jekk il-gradazzjoni tal-kreditu tikkonċernax strument finanzjarju maħruġ ġdid u jekk l-aġenzija li tiggrada l-kreditu hix qed tiggrada l-istrument finanzjarju għall-ewwel darba; u

(f)

fil-każ ta’ prospett ta’ gradazzjoni, jiġi pprovdut orizzont taż-żmien li matulu hija mistennija bidla tal-gradazzjoni tal-kreditu.

Meta jippubblikaw gradazzjonijiet tal-kreditu jew prospetti ta’ gradazzjoni tal-kreditu, l-aġenziji li jiggradaw il-kreditu għandhom jinkludu referenza għar-rati ta’ inadempjenza storiċi ppubblikati mill-AETS f’repożitorju ċentrali skont l-Artikolu 11(2), flimkien ma’ nota spjegattiva dwar it-tifsira ta’ dawk ir-rati ta’ inadempjenza.”;

(c)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“2a.

Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha takkumpanja l-iżvelar tal-metodoloġiji, mudelli u suppożizzjonijiet ewlenin ta’ gradazzjoni bi gwida li tispjega s-suppożizzjonijiet, il-parametri, il-limiti u l-inċertezzi li jikkonċernaw il-mudelli u l-metodoloġiji ta’ gradazzjoni użati fil-gradazzjonijiet tal-kreditu, inklużi simulazzjonijiet ta’ xenarji stressanti li twettaq l-aġenzija li tiggrada l-kreditu meta tistabbilixxi l-gradazzjonijiet tal-kreditu, l-informazzjoni dwar il-gradazzjoni tal-kreditu fuq l-analiżi tad-dħul u l-ħruġ ta’ flus li tkun wettqet jew li tkun qed tiddependi fuqha u, fejn hu applikabbli, indikazzjoni ta’ kwalunkwe tibdil mistenni fil-gradazzjoni tal-kreditu. Gwida bħal din għandha tkun ċara u li tiftiehem faċilment.”;

(d)

il-punt 3 jinbidel b’li ġej:

“3.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tinforma lill-entità ggradata waqt il-ħin tax-xogħol tal-entità ggradata u mill-inqas jum sħiħ ta’ ħidma qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett ta’ gradazzjoni. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi r-raġunijiet prinċipali li fuqhom wieħed ikun ibbaża l-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospett ta’ gradazzjoni sabiex tingħata opportunità lill-entità ggradata sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu għal kwalunkwe żball fattwali.”;

(e)

l-ewwel subparagrafu tal-punt 4 jinbidel b’li ġej:

“4.

Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha ssemmi b’mod ċar u prominenti meta tiżvela l-gradazzjonijiet tal-kreditu jew il-prospetti ta’ gradazzjoni kwalunkwe attributi u limitazzjonijiet tal-gradazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett ta’ gradazzjoni. B’mod partikolari, meta tiżvela kwalunkwe gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni, aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha ssemmi b’mod prominenti jekk tqisx li l-kwalità tal-informazzjoni disponibbli fuq l-entità ggradata hix sodisfaċenti u safejn tkun ivverifikat l-informazzjoni li ġiet provduta lilha mill-entità ggradata jew parti terza relatata magħha. Jekk gradazzjoni tal-kreditu jew prospett tal-klasifikazzjoni jinvolvu tip ta’ entità jew strument finanzjarju li għalih id-dejta storika tkun limitata, l-aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tikkjarifika dawn il-limitazzjonijiet f’post prominenti.”;

(f)

l-ewwel subparagrafu tal-punt 5 jinbidel b’li ġej:

“5.

Meta tħabbar gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni, aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tispjega fl-istqarrijiet għall-istampa jew fir-rapporti tagħha l-elementi ewlenin sottostanti għall-gradazzjoni tal-kreditu jew għall-prospett ta’ gradazzjoni.”;

(g)

jiżdied il-punt li ġej:

“6.

Aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tiżvela fuq il-website tagħha, u tinnotifika lill-AETS fuq bażi kontinwa, l-informazzjoni dwar l-entitajiet jew strumenti tad-dejn kollha miġjuba quddiemha għar-reviżjoni inizjali tagħhom jew għal gradazzjoni preliminari. Dan l-iżvelar għandu jsir kemm jekk l-emittenti jikkuntrattaw mal-aġenzija li tiggrada l-kreditu għal gradazzjoni aħħarija u kemm jekk le.”;

(5)

jitħassru l-punti 3 u 4 tal-Parti II tat-Taqsima D;

(6)

fit-Taqsima D, tiżdied il-Parti li ġejja:

“III.   Obbligi addizzjonali relatati mal-gradazzjonijiet sovrani

1.

Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu toħroġ gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni relatat, għandha takkumpanja l-gradazzjoni jew il-prospett ta’ gradazzjoni b’rapport ta’ riċerka dettaljat li jispjega s-suppożizzjonijiet, il-parametri, il-limiti u l-inċertezzi kollha u kwalunkwe informazzjoni oħra ikkunsidrati fid-determinazzjoni ta’ dik il-gradazzjoni jew dak il-prospett. Dak ir-rapport għandu jkun disponibbli lill-pubbliku, ċar u jiftiehem faċilment.

2.

Rapport ta’ riċerka disponibbli lill-pubbliku li jakkumpanja xi tibdil meta mqabbel mal-gradazzjoni sovrana jew mal-prospett ta’ gradazzjoni relatat preċedenti għandu jinkludi tal-anqas dan li ġej:

(a)

evalwazzjoni dettaljata tal-bidliet fis-suppożizzjoni kwantitattiva li jiġġustifikaw ir-raġunijiet għall-bidla fil-gradazzjoni u l-piż relattiv tagħhom. L-evalwazzjoni dettaljata għandha tinkludi deskizzjoni ta’ dan li ġej: id-dħul per capita, it-tkabbir tal-PGD, l-inflazzjoni, il-bilanċ fiskali, il-bilanċ estern, id-dejn estern, indikatur għall-iżvilupp ekonomiku, indikatur tal-inadempjenza u kwalunkwe fattur rilevanti ieħor ikkunsidrat. Dan għandu jkun ikkomplementat bil-piż relattiv ta’ kull fattur;

(b)

evalwazzjoni dettaljata tal-bidliet fis-suppożizzjoni kwalitattiva li jiġġustifikaw ir-raġunijiet għat-tibdil fil-gradazzjoni u l-piż relattiv tagħhom;

(c)

deskrizzjoni dettaljata tar-riskji, il-limiti u l-inċertezzi relatati mat-tibdil fil-gradazzjoni; u

(d)

sommarju tal-minuti tal-laqgħa tal-kumitat tal-gradazzjoni li ddeċieda t-tibdil fil-gradazzjoni.

3.

Mingħajr preġudizzju għall-punt 3 tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu toħroġ gradazzjonijiet sovrani jew prospetti ta’ gradazzjoni relatati, għandha tippubblikhom skont l-Artikolu -8a, wara l-għeluq tal-ħinijiet tan-negozju ta’ swieq regolati u mill-inqas siegħa qabel il-ftuħ tagħhom.

4.

Mingħajr preġudizzju għall-punt 5 tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, li f’konformità miegħu, meta titħabbar gradazzjoni tal-kreditu, aġenzija li tiggrada l-kreditu għandha tispjega fl-istqarrijiet għall-istampa jew fir-rapporti tagħha l-fatturi ewlenin li fuqhom tkun ibbażata l-gradazzjoni tal-kreditu, u għalkemm il-politiki nazzjonali jistgħu jservu bħala fattur li fuqhom tkun ibbażata gradazzjoni sovrana, ir-rakkomandazzjonijiet politiċi, preskrizzjonijiet jew linji gwida lill-entitajiet iggradati, inklużi Stati jew awtoriatjiet reġjonali jew lokali tal-Istati, m’għandhomx ikunu parti mill-gradazzjonijiet sovrani jew prospetti ta’ gradazzjoni.”;

(7)

fil-Parti I tat-Taqsima E, il-punt 3 jinbidel b’li ġej:

“3.

il-politika tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu li tirrigwarda l-pubblikazzjoni tal-gradazzjonijiet tal-kreditu u komunikazzjonijiet relatati oħrajn inklużi l-prospetti ta’ gradazzjoni;”;

(8)

fl-ewwel subparagrafu tal-punt 2 tal-Parti II tat-Taqsima E,il-punt (a) jinbidel b’li ġej:

“(a)

lista ta’ tariffi li jiġu imposti lil kull klijent għall-gradazzjonijiet individwali tal-kreditu u kwalunke servizzi anċillari;

(aa)

il-politika tagħha tal-ipprezzar, inklużi l-istrutturi tat-tariffi u l-kriterji tal-ipprezzar relatati mal-gradazzjonijiet tal-kreditu għal kategoriji ta’ assi differenti;”;

(9)

il-Parti III tat-Taqsima E hija emendata kif ġej:

(a)

il-punt 3 jinbidel b’li ġej:

“3.

statistiċi dwar l-allokazzjoni tal-persunal tagħha għal gradazzjonijiet ġodda tal-kreditu, reviżjonijiet ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu, valutazzjoni tal-metodoloġiji jew tal-mudelli u maniġment għoli, u dwar l-allokazzjoni tal-persunal għall-attivitajiet ta’ gradazzjoni fir-rigward ta’ kategoriji ta’ assi differenti (korporattivi - finanzi strutturati - sovrani);”;

(b)

il-punt 7 jinbidel b’li ġej:

“7.

informazzjoni finanzjarja dwar id-dħul tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, inkluż il-fatturat totali, diviż f’tariffi minn gradazzjonijiet tal-kreditu u servizzi anċillari b’deskrizzjoni komprensiva ta’ kull waħda, inkluż id-dħul iġġenerat minn servizzi anaċillari provduti lill-klijenti ta’ servizzi ta’ gradazzjoni u l-allokazzjoni tat-tariffi għal gradazzjonijiet tal-kreditu ta’ kategoriji differenti ta’ assi. L-informazzjoni fuq il-fatturat totali għandha tinkludi wkoll allokazzjoni ġeografika ta’ dak il-fatturat għal dħul iġġenerat fl-Unjoni u fid-dinja kollha;”.


ANNESS II

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 huwa emendat kif ġej:

(1)

it-Taqsima I hija emendata kif ġej:

(a)

il-punti 19 sa 22 jinbidlu b’li ġej:

“19.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 1 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tidentifikax, ma teliminax, jew ma tiġġestix u ma tiżvelax b’mod ċar u prominenti, kwalunkwe konflitt ta’ interess effettiv jew potenzjali li jista’ jinfluwenza l-analiżi jew il-ġudizzji tal-analisti ta’ gradazzjoni, tal-impjegati jew kwalunkwe persuna naturali oħra li s-servizzi tagħha huma għad-dispożizzjoni jew taħt il-kontroll tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu u li huma involuti direttament f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu jew persuni li japprovaw il-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti ta’ gradazzjoni.

20.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ewwel paragrafu tal-punt 3 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi toħroġ gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkustanzi stabbiliti fl-ewwel paragrafu ta’ dak il-punt jew, fil-każ ta’ gradazzjoni tal-kreditu eżistenti jew prospett ta’ gradazzjoni eżistenti, billi ma tiżvelax minnufih li l-gradazzjoni tal-kreditu jew il-prospett ta’ gradazzjoni huwa affetwat potenzjalment minn dawk iċ-ċirkustanzi.

20a.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-punt 3a tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tiżvelax li gradazzjoni tal-kreditu eżistenti jew prospett ta’ gradazzjoni eżistenti huwa potenzjalment milqut bi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi stabbiliti taħt l-ittri (a) u (b) ta’ dak il-punt.

21.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mat-tieni paragrafu tal-punt 3 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi ma tevalwax minnufih jekk hemmx raġunijiet għall-gradazzjoni mill-ġdid jew għall-irtirar ta’ gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni eżistenti.

22.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 6(2), flimkien mal-ewwel paragrafu tal-punt 4 tat-Taqsima B tal-Anness I, billi tigrada entitajiet fejn l-aġenzija li tiggrada l-kreditu nnifisha jew kwalunkwe persuna li għandha, direttament jew indirettament, mill-inqas 5 % jew tal-kapital jonkella tad-drittijiet tal-vot tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew b’xi mod ieħor tinsab f’qagħda li teżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet ta’ negozju tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu, tipprovdi servizzi ta’ konsultazzjoni jew ta’ parir lil dik l-entità ggradata jew parti terza relatata fir-rigward tal-istruttura korporattiva jew legali, l-assi, il-passivi jew l-attivitajiet ta’ dik l-entità ggradata jew parti terza relatata.”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“22a.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-paragrafu 1 tal-Artikolu 6a fejn xi wieħed mill-azzjonisti tagħha jew xi membru tagħha li jkollhom mill-inqas 5 % tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu jew f’kumpanija li jkollha s-setgħa li teżerċita kontroll jew influwenza sinifikanti fuq dik l-aġenzija li tiggrada l-kreditu, jkunu fi ksur ta’ xi waħda mill-projbizzjonijiet taħt l-ittri (a) sa (e) ta’ dak l-istess paragrafu, bl-eċċezzjoni tal-projbizzjoni taħt l-ittri (a) għal ishma fi skemi diversifikati ta’ investiment kollettiv, inklużi fondi ġestiti bħal fondi pensjonistiċi jew assigurazzjoni tal-ħajja, sakemm l-ishma fi skemi bħal dawn ma jqiegħdux lill-azzjonist jew membru ta’ aġenzija li tiggrada l-kreditu f’pożizzjoni li jeżerċita influwenza sinifikanti fuq l-attivitajiet ta’ negozju ta’ dawk l-iskemi.”;

(c)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“26a.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu li daħlet f’kuntratt għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu fuq ir-rititolizzazzjonijiet tikser l-Artikolu 6b(1) billi toħroġ gradazzjonijiet tal-kreditu fuq rititolizzazzjonijiet b’assi sottostanti mill-istess oriġinatur għal perjodu li jaqbeż l-erba’ snin.

26b.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu li daħlet f’kuntratt għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu fuq rititolizzazzjonijiet tikser l-Artikolu 6b(3) billi tidħol f’kuntratt ġdid għall-ħruġ ta’ gradazzjonijiet tal-kreditu fuq rititolizzazzjonijiet b’assi sottostanti mill-istess oriġinatur għal perjodu li jkun ugwali għat-tul ta’ żmien tal-kuntratt li skada msemmi fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 6b iżda li ma jaqbiżx l-erba’ snin.”;

(d)

il-punt 33 jinbidel b’li ġej:

“33.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 2 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punt 1 ta’ dik it-Taqsima ma tiħux sehem fi jew inkella tinfluwenza d-determinazzjoni ta’ gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni kif stabbilit fil-punt 2 ta’ dik it-Taqsima.”;

(e)

il-punt 36 jinbidel b’li ġej:

“36.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(3), flimkien mal-punt 7 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punt 1 ta’ dik it-Taqsima ma tiħux pożizzjoni ewlenija fil-maniġment tal-entità ggradata jew il-parti terza relatata magħha fi żmien sitt xhur mill-gradazzjoni tal-kreditu jew mill-prospett ta’ gradazzjoni.”;

(f)

il-punti 38, 39 u 40 jinbidlu b’li ġej:

“38.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(4), flimkien mal-punt (i) tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li, fejn tipprovdi gradazzjonijiet tal-kreditu jew gradazzjonijiet sovrani mhux solleċitati, analist tal-gradazzjoni ma jkunx involut fl-attivitajiet tal-gradazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità ggradata jew il-partijiet terzi relatati magħha għal perjodu li jaqbeż il-ħames snin.

39.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(4), flimkien mal-punt (ii) tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima C tal-Anness I billi ma taċċertax, fejn tipprovdi gradazzjonijiet tal-kreditu jew gradazzjonijiet sovrani mhux solleċitati, li persuna li tapprova l-gradazzjonijiet tal-kreditu ma tkunx involuta f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu relatati mal-istess entità ggradata jew ma’ parti terza relatata magħha għal perjodu li jaqbeż is-seba’ snin.

40.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 7(4), flimkien mat-tieni paragrafu tal-punt 8 tat-Taqsima C tal-Anness I, billi ma tiżgurax li persuna msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dak il-punt mhijiex involuta f’attivitajiet ta’ gradazzjoni tal-kreditu relatati mal-entità ggradata jew il-parti terza relatata msemmija f’dawk il-punti sa sentejn mit-tmiem tal-perjodi stabbiliti f’dawk il-punti.”;

(g)

il-punt 42 jinbidel b’li ġej:

“42.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8(2) billi ma tadottax, ma timplimentax jew ma tinfurzax miżuri adegwati biex tiżgura li l-gradazzjonijiet tal-kreditu u l-prospetti ta’ gradazzjoni li toħroġ ikunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha disponibbli għaliha u li tkun rilevanti għall-analiżi tagħha skont il-metodoloġiji applikabbli ta’ gradazzjoni.”;

(h)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“42a.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8(2) billi tuża informazzjoni li tinsab barra mill-ambitu tal-Artikolu 8(2).

42b.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8(2a) billi toħroġ bidliet fil-gradazzjonijiet tal-kreditu li ma jkunux konformi mal-metodoloġiji tal-gradazzjoni tagħha li ġew ippubblikati.”;

(i)

il-punt 46 jinbidel b’li ġej:

“46.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(5) billi ma timmoniterjax il-gradazzjonijiet tal-kreditu tagħha li ma jkunux gradazzjonijiet sovrani jew billi ma tirrivedix il-gradazzjonijiet tal-kreditu tagħha li ma jkunux gradazzjonijiet sovrani jew metodoloġiji tal-gradazzjoni fuq bażi kontinwa jew mill-inqas darba kull sena.”;

(j)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“46a.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(5) flimkien mal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(5) billi ma timmoniterjax il-gradazzjonijiet sovrani tagħha jew billi ma tirrivedix il-gradazzjonijiet sovrani fuq bażi kontinwa jew mill-inqas kull sitt xhur.”;

(k)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“49a.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (c) tal-Artikolu 8(6), flimkien mal-punt (c) tal-Artikolu 8(7), billi ma tiggradax mill-ġdid gradazzjoni tal-kreditu fejn żbalji fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni jew fl-applikazzjoni tagħhom jaffettwaw dik il-gradazzjoni tal-kreditu.”;

(l)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“55.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8a(3) billi ma tippubblikax fuq il-website tagħha, jew billi ma tippreżentax lill-AETS fuq bażi annwali, skont il-punt 3 tal-Parti III tat-Taqsima D tal-Anness I, kalendarju fl-aħħar ta’ Diċembru għat-tnax-il xahar segwenti, li jistabbilixxi massimu ta’ tliet dati li jaqgħu nhar ta’ Ġimgħa għall-pubblikazzjoni ta’ gradazzjonijiet sovrani mhux solleċitati u prospetti ta’ gradazzjoni relatati u li jistabbilixxi d-dati għall-pubblikazzjoni ta’ gradazzjonijiet sovrani solleċitati u prospetti ta’ gradazzjoni relatati.

56.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8a(4) billi tiddevja mill-kalendarju mħabbar fejn dan ma jkunx neċessarju biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 8(2), l-Artikolu 10(1) jew l-Artikolu 11(1) jew billi ma tipprovdix spjegazzjoni dettaljata tar-raġunijiet għad-devjazzjoni mill-kalendarju mħabbar.

57.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(2), flimkien mal-punt 3 tal-Parti III tat-Taqsima D tal-Anness I, billi tippubblika gradazzjoni sovrana jew prospett ta’ gradazzjoni relatata matul il-ħinijiet tan-negozju ta’ swieq regolati jew inqas minn siegħa qabel il-ftuħ tagħhom.

58.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(2), flimkien mal-punt 4 tal-Parti III tat-Taqsima D tal-Anness I, billi tinkludi rakkomandazzjonijiet politiċi, preskrizzjonijiet jew linji gwida lil entitajiet iggradati, inklużi Stati jew awtoritajiet reġjonali jew lokali ta’ Stati, bħala parti minn gradazzjoni sovrana jew prospetti ta’ gradazzjoni relatata.

59.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8a(2) billi tibbaża l-komunikazzjonijiet pubbliċi tagħha relatati ma’ bidliet fi gradazzjonijiet sovrani, u li ma jkunux gradazzjonijiet tal-kreditu, prospetti ta’ gradazzjoni jew stqarrijiet għall-istampa li jakkumpanjawhom, kif imsemmi fil-punt 5 tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, fuq informazzjoni fl-isfera tal-entità ggradata, fejn tali informazzjoni tkun ġiet żvelata mingħajr il-kunsens tal-entità ggradata, ħlief jekk tkun disponibbli minn sorsi ġeneralment aċċessibbli jew ħlief jekk ma jkunx hemm raġunijiet leġittmi għall-entità ggradata biex ma tagħtix il-kunsens tagħha għar-rilaxx tal-informazzjoni.

60.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 8a(1) billi ma toħroġx rapporti disponibbli għall-pubbliku dwar il-pajjiżi individwali meta tħabbar ir-reviżjoni ta’ grupp partikolari ta’ pajjiżi.

61.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt 1 tal-Parti III tat-Taqsima D tal-Anness I billi toħroġ gradazzjoni sovrana jew prospett ta’ gradazzjoni relatat mingħajr ma tipprovdi simultanjament rapport dettaljat ta’ riċerka li jispjega s-suppożizzjonijiet, il-parametri, il-limiti u l-inċertezzi kollha u kwalunkwe informazzjoni oħra kkunsidrata fid-determinazzjoni ta’ dik il-gradazzjoni sovrana jew prospett ta’ gradazzjoni jew billi dak ir-rapport ma tagħmlux disponibbli għall-pubbliku, ċar u li jinftiehem faċilment.

62.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt 2 tal-Parti III tat-Taqsima D tal-Anness I billi ma toħroġx rapport ta’ riċerka disponibbli għall-pubbliku li jakkumpanja bidla meta mqabbel mal-gradazzjoni sovrana jew prospett ta’ gradazzjoni relatat preċedenti jew billi ma tinkludix f’dak ir-rapport tal-anqas l-informazzjoni msemmija fil-punt 2(a) sa (d) tal-Parti III tat-Taqsima D tal-Anness I.”;

(2)

il-Parti II hija emendata kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“3a.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 14(3) billi ma tinnotifikax lill-AETS dwar it-tibdil materjali maħsub fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni, fil-mudelli jew fis-suppożizzjonijiet tal-gradazzjoni ewlenin eżistenti jew dwar il-metodoloġiji tal-gradazzjoni, mudelli jew suppożizzjonijiet tal-gradazzjoni ewlenin ġodda proposti meta tippubblika l-metodoloġiji tal-gradazzjoni, fuq il-website tagħha taħt l-Artikolu 8(5a).

3b.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(5a) billi ma tippubblikax fuq il-website tagħha l-metodoloġiji l-ġodda tal-gradazzjoni, il-mudelli jew is-suppożizzjonijiet tal-gradazzjoni ewlenin proposti jew il-bidliet materjali proposti fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni, il-mudelli jew is-suppożizzjonijiet tal-gradazzjoni ewlenin li jista’ jkollhom impatt fuq gradazzjoni tal-kreditu flimkien ma’ spjegazzjoni tar-raġunijiet għall-bidliet u l-implikazzjoni tagħhom.

3c.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (a) tal-Artikolu 8(7) billi ma tinnotifikax lill-AETS dwar l-iżbalji skoperti fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni tagħha jew fl-applikazzjoni tagħhom jew billi ma tispjegax l-impatt tagħhom fuq il-gradazzjonijiet tagħha, inkluża l-ħtieġa li jiġu rieżaminati l-gradazzjonijiet maħruġa.”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“4a.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 11a(1) billi ma tagħmilx l-informazzjoni mitluba disponibbli jew billi ma tipprovdix dik l-informazzjoni fil-format mitlub kif imsemmi f’dak il-paragrafu.”;

(c)

il-punt 7 jinbidel b’li ġej:

“7.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 23b(1) billi tonqos milli tipprovdi informazzjoni bi tweġiba għal deċiżjoni li tirrikjedi informazzjoni taħt l-Artikolu 23b(3), jew billi tipprovdi informazzjoni skorretta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba sempliċi għall-informazzjoni jew deċiżjoni.”;

(d)

il-punt 7 jinbidel b’li ġej:

“8.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (c) tal-Artikolu 23c(1) billi tonqos milli tipprovdi spjegazzjoni, jew billi tipprovdi spjegazzjoni skorretta jew qarrieqa, dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett jew l-iskop ta’ spezzjoni.”;

(3)

il-Parti III hija emendata kif ġej:

(a)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“4a.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (aa) tal-Artikolu 8(6), fejn ikollha l-ħsieb li tuża metodoloġiji ġodda, billi ma tinformax lill-AETS jew billi ma tippubblikax minnufih fuq il-website tagħha r-riżultati tal-konsultazzjoni u l-metodoloġiji l-ġodda flimkien ma’ spjegazzjoni dettaljata tagħhom u d-data ta’ applikazzjoni tagħhom.

4b.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (a) tal-Artikolu 8(7) billi ma tinnotifikax żbalji skoperti fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni tagħha jew fl-applikazzjoni tagħhom lill-entitajiet iggradati affetwati jew billi ma tispjegax l-impatt fuq il-gradazzjonijiet tagħha, inkluża l-ħtieġa li jiġu rieżaminati l-gradazzjonijiet maħruġa.

4c.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser il-punt (b) tal-Artikolu 8(7) billi ma tippubblikax fuq il-website tagħha l-iżbalji skoperti fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni tagħha jew fl-applikazzjoni tagħhom fejn dawn l-iżbalji ikollhom impatt fuq il-gradazzjonijiet tal-kreditu tal-aġenzija li tiggrada l-kreditu.”;

(b)

il-punti 6 u 7 jinbidlu b’li ġej:

“6.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(2), flimkien mal-punt 1 jew 2, l-ewwel paragrafu tal-punt 4 jew il-punti 5 jew 6, tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, jew il-Partijiet II jew III tat-Taqsima D tal-Anness I, billi ma tipprovdix l-informazzjoni kif mitlub minn dawk id-dispożizzjonijiet meta tippreżenta gradazzjoni tal-kreditu jew prospett ta’ gradazzjoni.

7.

L-aġenzija li tiggrada l-kreditu tikser l-Artikolu 10(2), flimkien mal-punt 3 tal-Parti I tat-Taqsima D tal-Anness I, billi ma tinfurmax lill-entità ggradata matul il-ħinijiet tax-xogħol tal-entità ggradata u tal-anqas jum sħiħ ta’ ħidma qabel il-pubblikazzjoni tal-gradazzjoni tal-kreditu jew tal-prospett ta’ gradazzjoni.”.


Top