EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0325

Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 325/2013 tal- 10 ta’ April 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

ĠU L 102, 11.4.2013, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/325/oj

11.4.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 325/2013

tal-10 ta’ April 2013

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/739/PESK tad-29 ta’ Novembru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 (2) sabiex jagħmel effettiva d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK tal-1 ta’ Diċembru 2011 dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (3).

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/739/PESK li ħassret u ssostitwixxiet id-Deċiżjoni 2011/782/PESK.

(3)

Id-Deċiżjoni 2012/739/PESK tinkludi projbizzjoni fuq ix-xiri, importazzjoni jew trasport ta’ armi u ta’ materjal relatat ta’ kull tip, u finanzjament jew assistenza finanzjarja għax-xiri, importazzjoni jew trasport ta’ dawn l-oġġetti.

(4)

Dik id-Deċiżjoni tipprovdi wkoll għall-possibbiltà li jkun permess ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi ffriżati fejn dawn ikunu meħtieġa sabiex jissodisfaw deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja li tkun infurzabbli fi Stat Membru, qabel jew wara d-data tan-nomina tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi konċernati.

(5)

Id-Deċiżjoni 2012/739/PESK tipprovdi wkoll għal derogi minn ċerti miżuri restrittivi għall-għan waħdieni tal-evakwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom mis-Sirja.

(6)

Fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi fis-Sirja, id-Deċiżjoni 2012/739/PESK tipprovdi wkoll għal restrizzjonijiet fuq aċċess għal ajruporti fir-rigward ta’, esklussivament, it-titjiriet kollha tal-merkanzija operati minn trasportaturi Sirjani u tat-titjiriet kollha operati mis-Syrian Arab Airlines.

(7)

Fit-28 ta’ Frar 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/109/PESK li temenda d-Deċiżjoni 2012/739/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (4).

(8)

Id-Deċiżjoni 2013/109/PESK tinkludi derogi addizzjonali relattivament għall-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna u għall-għoti ta’ assistenza teknika.

(9)

Dawk il-miżuri jaqgħu fl-ambitu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, partikolarment bil-għan li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(10)

Huwa wkoll meħtieġ ukoll li r-Regolament (UE) Nru 36/2012 jiġi aġġornat bl-aħħar informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u bl-indirizz tal-Kummissjoni Ewropea.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 36/2012 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2(3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fil-websajts elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu xierqa, jekk jiddeterminaw li:

(a)

tali tagħmir huwa maħsub għal użu umanitarju jew protettiv jew għal programmi tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u tal-Unjoni ta’ żvilupp ta’ istituzzjonijiet, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni u tan-NU ta’ maniġġar ta’ kriżijiet; jew

(b)

fir-rigward tal-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana għall-Forzi Rivoluzzjonari u tal-Oppożizzjoni, tali tagħmir mhuwiex letali u huwa maħsub għall-protezzjoni taċ-ċittadini.”.

(2)

L-Artikolu 3(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   B’deroga mill-paragrafu 1, u sakemm l-għoti jkun ġie approvat minn qabel mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, kif identifikat fil-websajts elenkati fl-Anness III, il-projbizzjonijiet imsemmija fih ma għandhomx japplikaw għal:

(a)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, finanzjament u għajnuna finanzjarja:

intiż biss bħala appoġġ għall-Forza tan-Nazzjonijiet Uniti Inkarigata mill-Osservanza tad-Diżimpenn (UNDOF),

relatat ma’ tagħmir militari mhux letali, jew tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna, maħsub għal skopijiet umanitarji jew għal użu protettiv jew għall-protezzjoni taċ-ċittadini, jew għal programmi tan-NU u l-Unjoni ta’ żvilupp ta’ istituzzjonijiet, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni u tan-NU ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, jew għall-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana għall-Forzi Rivoluzzjonari u tal-Oppożizzjoni maħsub għall-protezzjoni taċ-ċittadini,

relatat ma’ vetturi mhux għall-kumbattiment, fabbrikati jew mgħammra b’materjal li jipprovdi protezzjoni ballistika, maħsubin biss għall-użu protettiv ta’ persunal tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fis-Sirja, jew għall-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana għall-Forzi Rivoluzzjonari u tal-Oppożizzjoni maħsubin għall-protezzjoni taċ-ċittadini;

(b)

l-għoti ta’ għajnuna teknika, servizzi ta’ senserija u servizzi oħrajn għall-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana għall-Forzi Rivoluzzjonari u tal-Oppożizzjoni maħsubin għall-protezzjoni taċ-ċittadini.”.

(3)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

Huma pprojbiti:

(a)

l-għoti, direttament jew indirettament, ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni u servizzi ta’ senserija relatati ma’ assigurazzjoni u riassigurazzjoni għal kwalunkwe xiri, importazzjoni jew trasport ta’ dawn l-oġġetti jekk huma joriġinaw fis-Sirja, jew ikunu qed jiġu esportati mis-Sirja lejn kwalunkwe pajjiż ieħor;

(b)

il-parteċipazzjoni, b’mod konxju jew b’mod intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a).”.

(4)

L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

B’deroga mill-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fil-websajts elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li jsiru disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu bħala xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

(a)

meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Annessi II u IIa, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, kera jew garanziji ipotekarji, mediċini u trattament mediku, taxxi, ħlas ta’ assigurazzjoni, u kosti ta’ servizzi pubbliċi;

(b)

maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji professjonali raġonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż imġarrba assoċjati mal-forniment ta’ servizzi legali;

(c)

maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ onorarji jew kosti ta’ servizzi għall-kustodja jew manutenzjoni konswetudinarji ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d)

meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti relevanti tkun innotifikat ir-raġunijiet li għalihom hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni;

(e)

maħsuba sabiex jitħallsu fi jew minn kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari jew organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi immunitajiet taħt id-dritt internazzjonali, safejn dawn il-ħlasijiet jkunu maħsubin biex jintużaw għal skopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali;

(f)

meħtieġa għal skopijiet umanitarji, bħat-twassil jew l-iffaċilitar tat-twassil ta’ assistenza, inklużi provvisti mediċi, ikel, ħaddiema umanitarji u assistenza relatata, jew evakwazzjonijiet mis-Sirja;

(g)

maħsuba sabiex ikunu żgurati s-sikurezza umana u l-protezzjoni tal-ambjent.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni li tingħata taħt dan l-Artikolu fi żmien l-erba’ ġimgħat konsegwenti mill-awtorizzazzjoni.”.

(5)

L-Artikolu 18 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 18

1.   B’deroga mill-Artikolu 14, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif indikati fil-websajts elenkati fl-Anness III, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi ffriżati jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu s-suġġett ta’ deċiżjoni arbitrarja mogħtija qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmija fl-Artikolu 14 jkunu ġew elenkati fl-Anness II jew IIa, jew ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva mogħtija fl-Unjoni, jew deċiżjoni ġudizzjarja infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel jew wara dik id-data;

(b)

il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi se jintużaw esklussivament biex jiġu sodisfatti pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f’tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c)

id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta’ persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness II jew IIa;

(d)

ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jkunx imur kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.   L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu.”.

(6)

Fl-Artikolu 19(1) jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

ħlasijiet dovuti taħt deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali mogħtija fi Stat Membru jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat,”.

(7)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 21b

L-Artikolu 14(2) m’għandux jipprevjeni atti jew tranżazzjonijiet li jsiru fir-rigward tas-Syrian Arab Airlines għall-għan waħdieni tal-evakwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom mis-Sirja.”.

(8)

Jiddaħħal il-Kapitolu li ġej:

“KAPITOLU VIA

RESTRIZZJONIJIET FUQ IT-TRASPORT

Artikolu 26a

1.   Huma pprojbiti, konsistentement mal-liġi internazzjonali, l-aċċettazzjoni jew għoti ta’ aċċess għal ajruporti fl-Unjoni fir-rigward ta’ titjiriet esklussivament tal-merkanzija operati minn trasportaturi Sirjani u tat-titjiriet kollha operati mis-Syrian Arab Airlines, ħlief fejn:

(a)

l-inġenji tal-ajru jkunu impjegati f’servizzi internazzjonali tal-ajru mhux skedati u l-inżul l-art ikun għal finijiet mhux relatati ma’ traffiku jew għal finijiet relatati ma’ traffiku mhux kummerċjali; jew

(b)

l-inġenji tal-ajru jkunu impjegati f’servizzi internazzjonali tal-ajru skedati u l-inżul l-art ikun għal finijiet mhux relatati ma’ traffiku,

kif previst taħt il-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali jew il-Ftehim dwar Servizzi Internazzjonali tal-Ajru fir-rigward tat-Transitu.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal titjiriet bl-għan waħdieni tal-evakwazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom mis-Sirja.

3.   Hija pprojbita l-parteċipazzjoni, b’mod konxju jew b’mod intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.”.

(9)

L-Anness III huwa sostitwit bit-test li jidher fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ April 2013.

Għall-Kunsill

Il-President

E. GILMORE


(1)  ĠU L 330, 30.11.2012, p. 21.

(2)  ĠU L 16, 19.1.2012, p. 1.

(3)  ĠU L 319, 2.12.2011, p. 56.

(4)  ĠU L 58, 1.3.2013, p. 8.


ANNESS

“ANNESS III

Websajts għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u indirizz għan-notifiki lill-kummissjoni ewropea

A.   Awtoritajiet kompetenti għal kull Stat Membru:

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/Sanciones_%20Internacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

IS-SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/sankcie_eu-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-ISVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

www.fco.gov.uk/competentauthorities

B.   Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea jew għal komunikazzjonijiet oħrajn magħha:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIЁ”


Top