Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0160

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 160/2013 tal- 21 ta’ Frar 2013 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 162/2003, (KE) Nru 971/2008, (UE) Nru 1118/2010, (UE) Nru 169/2011 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 888/2011 fir-rigward ta’ isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni tad-diklażuril fl-għalf tal-annimali Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 49, 22.2.2013, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 02/08/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/160/oj

22.2.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 49/50


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 160/2013

tal-21 ta’ Frar 2013

li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 162/2003, (KE) Nru 971/2008, (UE) Nru 1118/2010, (UE) Nru 169/2011 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 888/2011 fir-rigward ta’ isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni tad-diklażuril fl-għalf tal-annimali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Janssen Pharmaceutica NV bagħtet applikazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 li tipproponi bidla f’isem id-detentur tal-awtorizzazzjoni fir-rigward tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 162/2003 tat-30 ta’ Jannar 2003 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni ta’ xi addittiv fl-oġġetti tal-ikel (2), (KE) Nru 971/2008 tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar użu ġdid tal-coccidiostat bħala addittiv fl-għalf (3), (UE) Nru 1118/2010 tat-2 ta’ Diċembru 2010 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tad-diklażuril bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għat-tismin (detentur tal-awtorizzazzjoni Janssen Pharmaceutica N.V.) u jemenda r-Regolament (KE) Nru 2430/1999 (4), (UE) Nru 169/2011 tat-23 ta’ Frar 2011 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tad-diklażuril bħala addittiv fl-għalf għall-farawni (detentur tal-awtorizzazzjoni Janssen Pharmaceutica N.V.) (5), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 888/2011 tal-5 ta’ Settembru 2011 li jikkonċerna l-awtorizzazzjoni tad-diklażuril bħala addittiv tal-għalf għat-tiġieġ għat-tismin (detentur tal-awtorizzazzjoni Janssen Pharmaceutica N.V.) u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2430/1999 (6).

(2)

L-applikant jiddikjara li, b’effett mis-7 ta’ Lulju 2011, Janssen Animal Health, taqsima ta’ Janssen Pharmaceutica N.V. ġiet akkwistata minn Eli Lilly and Company Ltd., li issa hija sid id-drittijiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-addittiv diklażuril. L-applikant ressaq dejta rilevanti li tappoġġa t-talba tiegħu.

(3)

Il-bidla proposta fit-termini tal-awtorizzazzjoni hija ta’ natura purament amministrattiva u ma tinvolvix valutazzjoni ġdida tal-addittiv ikkonċernat. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ġiet mgħarrfa b’din l-applikazzjoni.

(4)

Sabiex Eli Lilly and Company Ltd. tkun tista’ tisfrutta d-drittijiet tagħha tal-kummerċjalizzazzjoni, hemm bżonn li jinbidlu t-termini tal-awtorizzazzjoni.

(5)

Għalhekk ir-Regolamenti (KE) Nru 162/2003, (KE) Nru 971/2008, (UE) Nru 1118/2010, (UE) Nru 169/2011 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 888/2011 għandhom jiġu emendati skont dan.

(6)

Billi r-raġunijiet tas-sikurezza ma jeħtiġux l-applikazzjoni minnufih tal-emendi li dan ir-Regolament għamel lir-Regolamenti (KE) Nru 162/2003, (KE) Nru 971/2008, (UE) Nru 1118/2010, (UE) Nru 169/2011 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 888/2011, huwa xieraq li jiġi stabbilit perjodu tranżizzjonali li matulu jkunu jistgħu jintużaw il-ħażniet eżistenti.

(7)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 162/2003

Fil-kolonna 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 162/2003, il-kelmiet “Janssen Pharmaceutica NV” jinbidlu bil-kelmiet “Eli Lilly and Company Ltd.”.

Artikolu 2

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 971/2008

Fil-kolonna 2 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 971/2008, il-kelmiet “Janssen Pharmaceutica nv” jinbidlu bil-kelmiet “Eli Lilly and Company Ltd.”.

Artikolu 3

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1118/2010

Fil-kolonna 2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 1118/2010, il-kelmiet “Janssen Pharmaceutica NV” jinbidlu bil-kelmiet “Eli Lilly and Company Ltd.”.

Artikolu 4

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 169/2011

Fil-kolonna 2 tal-Anness tar-Regolament (UE) Nru 169/2011, il-kelmiet “Janssen Pharmaceutica N.V.” jinbidlu bil-kelmiet “Eli Lilly and Company Ltd.”.

Artikolu 5

Emenda għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 888/2011

Fil-kolonna 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 888/2011, il-kelmiet “Janssen Pharmaceutica N.V.” jinbidlu bil-kelmiet “Eli Lilly and Company Ltd.”.

Artikolu 6

Miżura tranżizzjonali

Il-ħażniet eżistenti ta’ dan l-addittiv li huma konformi mad-dispożizzjonijiet li japplikaw qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu jitqiegħdu fis-suq u jintużaw sakemm jispiċċaw kollha.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Frar 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 29.

(2)  ĠU L 26, 31.1.2003, p. 3.

(3)  ĠU L 265, 4.10.2008, p. 3.

(4)  ĠU L 317, 3.12.2010, p. 5.

(5)  ĠU L 229, 6.9.2011, p. 9.

(6)  ĠU L 49, 24.2.2011, p. 6.


Top